Brimba li Tagħmilha taʼ Nemla
HEMM brimba żgħira li titkaxkar ġo bejta tan-nemel u tgħix bil-moħbi fost l-għedewwa tagħha. Biex ma tinqabadx, tbiddel id-dehra u l-imġiba tagħha ħalli ma jindunawx biha. Dan hu importanti għax jekk in-nemel iħossu fastidjat jistaʼ jsir aggressiv mhux ħażin. Għall-brimba din hija daqsxejn taʼ sfida għaliex il-mod kif inhi magħmula huwa differenti min-nemla.
In-nemla għandha sitt saqajn u żewġ antenni, filwaqt li l-brimba għandha tmien saqajn u m’għandhiex antenni. Mela l-brimba kif tagħmel taʼ bir-ruħha li hi nemla? Din tiġri fil-bejta tan-nemel fuq sitt saqajn, u t-tnejn l-oħra toħroġhom ’il barra biex jidhru qishom antenni.
Barra minn hekk, il-brimba ċċaqlaq it-taparsi antenni tagħha b’mod li jidhru qishom taʼ vera. Din ixxejjirhom b’tali mod li jidhru qishom antenni tan-nemel. Sabiex tinħeba, din l-esperta saħansitra kapaċi timita l-mixja skossata u żigużajg tan-nemel!
Il-brimba tipprova tkun nemla perfetta b’kull mod possibbli, għax biex tibqaʼ ħajja trid tingħaraf bħala residenta tal-bejta tan-nemel. Ġewwa l-bejta, il-brimba ssib il-protezzjoni mill-għedewwa naturali tagħha, fosthom qerd il-brimb (spider wasp). L-għasafar taʼ l-għana, li għalihom il-brimba hija ikla taʼ prima kwalità, ukoll iħalluha bi kwietha. Anki l-brimb li jaqbad lil brimb ieħor jitqarraq mill-“antenni” tal-brimba li bihom tkun qed timita n-nemel.
Madankollu, jekk għasfur, gremxula, jew xi ħliqa oħra tattakka lill-bejta tan-nemel, il-brimba malajr terġaʼ tieħu s-sura vera tagħha u taħrab. Il-vista tal-brimb hija aħjar minn dik tan-nemel. Ukoll, il-brimb jistaʼ jaqbeż, filwaqt li n-nemel ma jistax. Dan kollu jagħmilhielu iktar faċli biex jaħrab.
Matul il-ġurnata, il-brimba tagħmel kulma tistaʼ biex in-nemel tal-bejta ma jindunax biha. Madankollu, bil-lejl tqum fuq tagħha u taqbad lin-nemel fl-istess bejta fejn tkun bdiet tgħix! Jekk il-brimba tinqabad tagħmel dan, tieħu vantaġġ mit-tmien saqajn li għandha u tiżgiċċa.
Il-brimba mara għandha mnejn tingħaqad mal-brimba raġel fil-bejta tan-nemel. Din mhux biss turi li hi leali lejn is-sieħeb tagħha iżda tieħu wkoll l-inizjattiva f’diversi affarijiet. Fil-bejta tan-nemel, din tibni kisja protettiva bil-ħjut biex tipproteġi kemm lis-sieħeb kif ukoll il-bajd tagħha.
Bla dubju hemm wisq iktar x’nitgħallmu dwar din il-brimba. Biss, dan japplika wkoll għall-biċċa l-kbira taʼ l-ispeċi t’annimali fuq l-art. Kemm se jkun sabiħ fil-futur li nitgħallmu iktar dwar il-ħlejjaq affaxxinanti t’Alla!
[Stampa f’paġna 26]
Brimba bejn żewġ nemliet
[Sors]
Bill Beatty