Ħarsa Lejn Id-Dinja
Annimali Domestiċi Mbaċċin
“Il-ħxuna żejda hija l-problema primarja li qed teffettwa lill-klieb u l-qtates,” tgħid The Globe and Mail tal-Kanada. “Il-kaġun huwa simili kemm fil-bnedmin kif ukoll fl-annimali: drawwiet ħżiena taʼ l-ikel u nuqqas taʼ eżerċizzju.” Berney Pukay, mill-kunsill taʼ l-Assoċjazzjoni tal-Mediċina Veterinarja tal-Kanada, jitfaʼ l-ħtija fuq l-istil taʼ ħajja taʼ dawk li għandhom annimal domestiku: “Aħna ma nagħmlux biżżejjed eżerċizzju għax ikollna ħafna x’nagħmlu. Il-kelb ma jagħmilx biżżejjed eżerċizzju minħabba li sidu għandu ħafna x’jagħmel. Aħna neħtieġu ikel li jserraħna [psikoloġikament] u allura nagħtuh lill-annimali wkoll.” Il-Globe twissi li “annimali domestiċi bi ħxuna żejda għandhom riskju akbar taʼ dijabete, mard tal-qalb, pressjoni għolja u artrite. . . . Dawn imutu qabel annimali b’saħħithom.” Ġeneralment, kura veterinarja għall-annimali domestiċi li huma ħoxnin iżżejjed tinkludi dieta limitata u, għall-klieb, li jagħmlu iktar eżerċizzju.
Dik it-Tbissima Tant Importanti
“Sempliċi tbissima hija l-aħjar mod biex tirbaħ il-ħbieb u tinfluwenza lin-nies,” tirrapporta The Times taʼ Londra. Stħarriġ nazzjonali li sar għar-Royal Mail wera li t-tbissima hija l-ewwel ħaġa li ħafna nies jinnotaw dwar xi ħadd. Kważi n-nofs taʼ dawk li ġew intervistati qalu li qatt ma kienu se jinnegozjaw maʼ xi ħadd li kien jidher żorr. Taʼ min jinnota li l-maniġers nisa x’aktarx li jagħtu pożizzjoni iktar għolja lil dawk il-ħaddiema li jitbissmu. Brian Bates, il-ko-awtur taʼ The Human Face jgħid: “Din ir-riċerka turi kemm hu importanti t-tbissim fis-soċjetà. Taʼ spiss, nippreferu iktar li nafdaw u naqsmu x-xewqat u l-flus tagħna maʼ xi ħadd li jħobb jitbissem.” Hu jkompli jgħid li t-tbissim iżid fil-ġisem il-produzzjoni taʼ l-endorfini li jnaqqsu l-uġigħ, u dawk l-uħud li jitbissmu b’mod spontanju “jkollhom iktar suċċess fil-ħajja persunali u fil-karriera tagħhom.”
Iktar Tfal Imwielda Barra miż-Żwieġ
Il-gazzetta Ġermaniża Westdeutsche Allgemeine Zeitung tirrapporta li skond l-Eurostat, li hija agenzija Ewropea taʼ l-istatistika, fil-preżent tarbija minn kull erbgħa titwieled barra miż-żwieġ fl-Unjoni Ewropea. Fl-1980 ir-rata kienet inqas minn wieħed f’għaxra. L-inqas każijiet li hemm taʼ tfal li jitwieldu barra miż-żwieġ—b’4 fil-mija—huma fil-Greċja. L-Isvezja hija eżempju kuntrarju taʼ dan, fejn iktar minn nofs it-twelid tat-trabi huma barra miż-żwieġ. L-Irlanda esperjenzat l-akbar tibdil. In-numru taʼ tfal imweldin barra miż-żwieġ hemmhekk, telaʼ minn 5 fil-mija fl-1980 għal 31.8 fil-mija fis-sena 2000. Ir-rapport jgħid li din iż-żjieda sinifikanti “turi li fost l-Ewropej kien hemm bidla kbira fl-attitudni lejn iż-żwieġ u l-familja.”
In-Nisa Żgħażagħ u l-Osteoporożi
Il-gazzetta Ġappuniża Asahi Shimbun twissi li numru li dejjem jiżdied taʼ nisa żgħażagħ qed iżidu r-riskju taʼ osteoporożi iktar ’il quddiem fil-ħajja minħabba dieti eċċessivi. Bl-osteoporożi, marda li tolqot lin-nisa akbar fl-età, l-għadam tant jiddgħajjef li jistaʼ jinkiser faċilment. Il-formazzjoni taʼ l-għadam fin-nisa għandu x’jaqsam ħafna maʼ l-ormoni tan-nisa. Mill-bidu tal-menstruwazzjoni, is-saħħa taʼ l-għadam tibda żżid rapidament u tilħaq il-quċċata tagħha madwar l-età taʼ 20 sena, u mbagħad tibda tonqos madwar l-età taʼ 40 sena. “Iktar ma jkun sod l-għadam, anki jekk wara jiddgħajjef, iktar se jdum biex jasal sal-punt li jinkiser faċilment,” tispjega Ikuko Ezawa taʼ l-Università Ġappuniża tan-Nisa. Għalhekk iżżid: “Huwa importanti ħafna li ssaħħaħ l-għadam kemm tistaʼ sakemm ikollok 20 sena.” Madankollu, nisa żgħar ma tantx jagħtu importanza lill-osteoporożi. “Ġeneralment, ma jiħdux nutriment biżżejjed,” tgħid Ezawa. “B’mod partikulari, in-nuqqas taʼ kalċju u t’eżerċizzju jagħmlu effett dirett fuq l-għadam.”
Tgħix Waħdek
Ċensiment li sar reċenti wera li ġo Franza persuna minn kull tmienja tgħix waħedha. Dan in-numru huwa d-doppju taʼ li kien 30 sena ilu, jirrapporta l-ġurnal Franċiż Le Monde. L-istatistiċi jinkludu żgħażagħ li għad m’għandhomx sieħeb jew sieħba u jinkludu wkoll lill-uħud imdaħħlin fiż-żmien. Hemm iktar nisa milli rġiel li jgħixu waħedhom u l-artiklu jinnota li “iktar ma mara jkollha stat soċjali għoli, iktar hemm ċans li din tgħix waħedha.” Iċ-ċensiment juri wkoll li mill-1990 ’l hawn, kien hemm żjieda taʼ 22 fil-mija fin-numru taʼ familji b’ġenitur wieħed u 16 fil-mija żjieda fin-numru taʼ koppji mingħajr tfal. L-artiklu jikkonkludi li “bħala total issa hemm iktar koppji bla tfal u uħud li jgħixu waħedhom milli hemm uħud li għandhom it-tfal.”
Żgħażagħ Attivi Sesswalment
Rapport li sar mill-Istitut taʼ l-Affarijiet li Għandhom x’Jaqsmu mal-Familja fil-Britannja juri li ż-żgħażagħ li għandhom il-ġenituri separati jew dawk li għandhom ġenituri li jgħixu flimkien u mhux miżżewġin, għandhom ċans doppju li jkunu attivi sesswalment, tgħid The Guardian taʼ Londra. Kwart miż-żgħażagħ attivi sesswalment li għandhom 13-il sena kellhom x’jaqsmu sesswalment maʼ minn taʼ l-anqas erbaʼ persuni differenti, u wieħed minn kull ħamsa kien fis-sakra meta tilfu l-verġinità tagħhom. Ir-rapport jenfasizza l-bżonn li “jsir ħafna enfasi dwar iż-żwieġ bħala li huwa l-mod ideali taʼ familja biex trabbi lit-tfal.” Il-problemi jqumu meta ‘ma jkunx hemm relazzjoni tajba bejn il-ġenituri u ż-żgħażagħ, ikun hemm nuqqas taʼ kuntatt, u nuqqas taʼ superviżjoni.’ Ir-rapport jikkonkludi: “Sakemm il-ġenituri taż-żgħażagħ ma jibdewx jieħdu iktar responsabbiltà għall-imġiba tat-tfal tagħhom, in-numru taʼ żgħażagħ taħt l-età li jkunu attivi sesswalment mhux se jonqos, u n-numru taʼ żgħażagħ li joħorġu tqal u l-mard trasmess sesswalment se jibqgħu jiżdiedu.”
Siġar Qattiela?
Fi Franza tinsab għaddejja polemika li se tiddetermina x-xorti taʼ xi 400,000 siġra li qegħdin maʼ ġenb it-triq fil-kampanja. Iktar uħud qed iwaħħlu fis-siġar li hemm maʼ ġenb it-triq għall-inċidenti fatali tat-traffiku. Mis-7,643 imwiet li seħħew fit-triq fis-sena 2000, 799 minnhom ġraw għax baqgħu deħlin f’xi siġra, tirrapporta r-rivista Franċiża L’Express. Madankollu, xi wħud isostnu li l-veru kaġun taʼ dawn l-imwiet m’huwiex is-siġar, imma l-alkoħol u s-sewqan eċċessiv. Minkejja dan, huwa ppjanat li se jitqaċċtu bejn 10,000 u 20,000 siġra li qegħdin inqas minn żewġ metri mit-tarf tat-triq. Billi rrefera għal editorjal f’The Wall Street Journal li tkellem fuq din il-kwistjoni, l-artiklu fir-rivista Franċiża osserva li s-siġar donnhom li kkommettew ‘id-delitt serju li ma ċċaqalqux minn posthom meta s-sewwieqa fis-sakra baqgħu deħlin fihom.’
Id-Dieta fost iż-Żgħażagħ
Stħarriġ li sar reċenti fuq 1,739 tfajla Kanadiża taʼ bejn it-12 u t-18-il sena wera li 27 fil-mija minnhom juru sintomi taʼ diżordni fl-ikel, tgħid il-gazzetta l-Globe and Mail. Parteċipanti li joqogħdu f’belt, viċin taʼ belt, u fil-kampanja, imlew kwestjonarju li kien jittratta dwar l-attitudnijiet taʼ l-ikel u d-dwejjaq li jħossu dwar il-figura tagħhom. L-informazzjoni tirrivela li xi wħud, saħansitra fl-età żgħira taʼ 12-il sena, kienu jieklu ħafna imma mbagħad itellgħu (jirremettu apposta) jew kienu jieħdu pilloli tad-dieta, purganti, u djuretiċi biex jitilfu l-piż. Skond Dr. Jennifer Jones, xjenzata tar-riċerka tan-Network tas-Saħħa fl-Università taʼ Toronto, it-tfajliet b’mod partikulari “għandhom bżonn jiżviluppaw attitudnijiet [bilanċjati] lejn l-ikel u l-eżerċizzju. Għandhom bżonn jitgħallmu dwar ġisimhom u li l-figuri li qed jaraw fuq il-kartelluni, ir-rivisti u l-vidjos tar-rock m’humiex normali.” Il-Globe żżid li “ħafna tfajliet adolexxenti ma jafux li hija ħaġa normali li takkumula x-xaħam waqt il-pubertà, u li dan huwa importanti għal żvilupp normali.”
Pilloli fil-Klassi
Iktar u iktar tfal qed jieħdu l-pilloli biex ikampaw mal-muntanja taʼ pressjoni li jkollhom fl-iskola, tirrapporta l-gazzetta Ġermaniża Südwest Presse. Jintqal li f’waħda minn kull 5 skejjel tal-primarja, it-tfal jieħdu l-kalmanti jew id-drogi biex jgħinuhom imorru aħjar fl-iskola. Fl-iskola sekondarja, student minn kull tlieta jagħmel hekk ukoll. Madankollu, Albin Dannhäuser, president taʼ l-Assoċjazzjoni taʼ l-Għalliema fil-Bavarja, isostni li meta jieħdu mediċina biex ikampaw maʼ l-istress jew biex iġibu marki ogħla, it-tfal ma jkunux għamlu għażla tajba, għax dawn ma jgħinuhomx biex isolvu l-problemi tagħhom. Hu jwissi lill-ġenituri biex ma jistennewx iżżejjed mit-tfal tagħhom imma biex “ikunu konċernati dwar is-saħħa fiżika u mentali tagħhom u kif ukoll dwar l-iżvilupp taʼ personalità stabbli.”
X’Tikkaġuna n-Nuqqas taʼ Tama
“Għala xi nies imutu filwaqt li oħrajn, li jkunu daqstant morda, jibqgħu jgħixu?” jistaqsi Dr. Stephen L. Stern mid-dipartiment tal-psikjatrija fiċ-Ċentru Xjentifiku tas-Saħħa taʼ l-Università taʼ Texas f’San Antonio. “Tweġiba waħda għal din il-mistoqsija tistaʼ tkun il-preżenza jew in-nuqqas taʼ tama.” Studju li sar fuq 800 persuna Amerikana mdaħħla fiż-żmien wera li n-nuqqas taʼ tama taʼ spiss jirriżulta f’mewt iktar bikrija. Madankollu, ir-riċerkaturi juru li taʼ spiss in-nuqqas taʼ tama jvarja fost l-individwi, u li dan jiddependi fuq fatturi bħalma huma esperjenzi fit-tfulija, id-dipressjoni, l-isfond kulturali, u s-sigurtà ekonomika.