Il-Linji tal-Ferrovija taʼ l-Indja Ġgant Mifrux fuq Nazzjon
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-INDJA
Iktar minn 4,000 sena ilu, kien hemm xi bennejja jagħmlu l-brikks fit-tramuntana taʼ l-Indja. Madankollu, qatt ma kienu jobsru li dawk il-brikks kienu se jispiċċaw f’sistema ġganteska u komplessa taʼ linji tal-ferrovija fis-sottokontinent Indjan.
L-INDIAN RAILWAYS (Il-Linji tal-Ferrovija taʼ l-Indja) hija sistema ġganteska! Il-ferroviji tagħha huma l-mezz ewlieni taʼ trasport fl-Indja, pajjiż b’iktar minn biljun ruħ. Biex tkompli żżid maʼ l-ivvjaġġar normali taʼ kuljum tal-popolazzjoni in ġenerali, il-kultura tradizzjonali taʼ l-Indja tirrikjedi li l-miljuni li joqogħdu ’l bogħod minn qrabathom ikollhom jivvjaġġaw taʼ spiss għal okkażjonijiet tal-familja, bħalma huma t-twelid, il-mewt, il-festi, iż-żwieġ, jew il-mard.
Bejn wieħed u ieħor, iktar minn 8,350 ferrovija kuljum jagħmlu rotta taʼ kważi 80,000 kilometru u jġorru iktar minn tnax-il miljun u nofs passiġġier. Ferroviji tal-merkanzija jgħabbu iktar minn miljun tunnellata. Flimkien, dawn jivvjaġġaw id-distanza taʼ bejn l-art u l-qamar għal tliet darbiet u nofs kuljum!
Ġib quddiem għajnejk 6,867 stazzjon, 7,500 lokomottiva, iktar minn 280,000 vagun għall-passiġġieri u għall-merkanzija, u rotta twila taʼ 107,969 kilometru inklużi l-binarji, u malajr tifhem għalfejn I-Indian Railways għandha bżonn tħaddem madwar 1.6 miljun ruħ, l-akbar korp taʼ impjegati fi kwalunkwe kumpanija fid-dinja. Iva, ġgant veru!
Kif Twieled il-Ġgant?
X’wassal biex jinbnew il-linji tal-ferrovija fl-Indja? Meta nbeda dan il-proġett vast ? U xi ngħidu għal dawk il-brikks li għandhom 4,000 sena? Ara l-kaxxa fil-paġna li jmiss.
F’nofs is-seklu 19, l-Indja kienet tipproduċi kwantità kbira taʼ qoton mhux maħdum, li kien jinġarr bit-triq lejn il-portijiet sabiex jiġi esportat. Madankollu, l-Indja ma kinitx il-waħda prinċipali li tforni l-qoton lill-imtieħen tat-tessuti tal-Britannja; dawn, l-iktar li kienu jġibu qoton kien min-naħa t’isfel taʼ l-Istati Uniti. Però, in-nuqqas taʼ ħsad tal-qoton Amerikan fl-1846, segwit mill-Gwerra Ċivili mill-1861 sa l-1865, ġab miegħu bżonn urġenti għal provvisti minn xi mkien ieħor. L-Indja kienet is-soluzzjoni. Imma sabiex l-imtieħen taʼ Lancashire fl-Ingilterra jibqgħu jaħdmu, it-trasport ried isir iktar bil-ħeffa. Għalhekk, ġew stabbiliti l-East India Railway Company (1845) u l-Great Indian Peninsula Railway (1849). Ġew iffirmati wkoll kuntratti maʼ l-English East India Company, l-akbar negozjanti fis-sottokontinent Indjan. Ix-xogħol sar b’ħeffa kbira, u d-data tas-16 t’April, 1853, rat l-ewwel ferrovija fl-Indja tivvjaġġa distanza taʼ 34 kilometru mill-istazzjon tal-ferrovija magħruf bħala Bori Bunder f’Bombay (illum magħruf bħala Mumbai), sal-belt taʼ Thāne.
Biex minn Bombay tasal sal-qalba tal-pajjiż fejn jiġi prodott il-qoton kien hemm bżonn li taqsam minn ġol-muntanji Ghats tal-Punent, katina taʼ muntanji kollha ħotob u ħofor. Inġiniera u ħaddiema Britanniċi, flimkien maʼ eluf taʼ ħaddiema Indjani—kultant 30,000 f’daqqa—tħabtu fit-tul mingħajr l-għajnuna tat-teknoloġija moderna. Billi użaw toroq imserrpin fit-tlajjaʼ għall-ewwel darba fid-dinja, huma poġġew linja li fiha kien hemm tlugħ taʼ 555 metru f’24 kilometru biss. Huma ħaffru 25 mina b’tul totali taʼ 3,658 metru. Meta waslu fil-biċċa art għolja taʼ Deccan, il-linji setgħu mbagħad jitkomplew. Ix-xogħol kompla għaddej bil-ħeffa mal-pajjiż kollu, imħeġġeġ mhux biss min-negozju imma wkoll mill-bżonn biex truppi u ħaddiema jmorru minn post għall-ieħor malajr hekk kif l-Ingliżi żiedu l-interessi kummerċjali u politiċi tagħhom fis-sottokontinent.
Għal dawk il-ftit li kienu jaffordjawh, l-ivvjaġġar tal-Prima Klassi fis-seklu 19 għamilha possibbli li jissaportu s-sħana u t-trab. Vagun privat kellu sodda komda, tojlit u banju, servjenti biex jipprovdu ikel u xorb minn ħin il-kolazzjon sa l-ikla taʼ fil-għaxija, fann b’kontenitur tas-silġ taħtu għall-arja friska, barbier, u letteratura mis-serje tal-Wheeler Railway Library li kienet tinkludi l-aħħar novelli taʼ Rudyard Kipling, awtur imwieled l-Indja. Louis Rousselet, li kien jivvjaġġa fis-snin sittin tas-seklu 19, qal li hu setaʼ “jivvjaġġa din id-distanza enormi kollha bi ftit li xejn strapazz.”
Il-Ġgant Ikompli Jikber
Sa l-1900, is-sistema tal-linji tal-ferrovija fl-Indja saret il-ħames l-akbar waħda fid-dinja. Lokomottivi—magni li jaħdmu bl-istim, bid-diesel, u bl-elettriku—u inġenji oħra tal-ferrovija bħalma huma l-vaguni tal-passiġġieri, li qabel kollha kienu jiġu importati, issa bdew jiġu prodotti lokalment. Ftit mill-magni kienu ġganti tassew—lokomottivi li jiżnu iktar minn 230 tunnellata, magni taʼ l-elettriku b’potenza taʼ 6,000 żiemel (horsepower), u magna diesel li tiżen 123 tunnellata b’potenza taʼ 3,100 żiemel. Fl-1862 ġiet introdotta l-ewwel ferrovija b’żewġ sulari fid-dinja. L-Indja tiftaħar li għandha l-itwal pjattaforma tal-ferrovija fid-dinja li hi twila 833 metru, ġo Kharagpur fil-Bengal tal-Punent, u l-itwal pjattaformi mgħottijin f’Sealdah ġewwa Calcutta, li huma twal 305 metri kull waħda.
L-ewwel ferroviji kienu jiġru fuq linji wesgħin. Iktar tard, biex jiffrankaw il-flus, introduċew linji li kellhom wisaʼ taʼ metru biss bejniethom, kif ukoll linji idjaq għall-għoljiet. Fl-1992, inbeda l-Project Unigauge, u sa llum kważi 7,800 kilometru taʼ linji dojoq jew tal-metru nbidlu maʼ linji wesgħin.
Il-ferroviji taʼ barra l-belt taʼ Mumbai, li jġorru miljuni taʼ nies deħlin u ħerġin mill-belt, dejjem jidhru li huma ppakkjati bin-nies iktar milli jesgħu. Il-ferroviji taʼ taħt l-art taʼ Calcutta kuljum jifilħu jġorru 1.7 miljun passiġġier. Chennai (qabel magħrufa bħala Madras) għandha l-ewwel sistema taʼ linji tal-ferroviji fl-Indja mibnija fuq pilastri. Dan l-aħħar inbeda wkoll l-ibbukkjar permezz taʼ l-internet kif ukoll permezz taʼ kjoskijiet elettroniċi li jagħtu l-informazzjoni. Din is-sistema taʼ linji tal-ferrovija hija verament ġgant bieżel ferm li kulma jmur qiegħed jimxi ’l quddiem.
“Il-Ferroviji Nani” Ferriħija
Biex jaħarbu mis-sħana, il-kolonisti Ingliżi kienu jħobbu jmorru fuq il-muntanji. Bil-ħsieb li jaslu hemmhekk iktar malajr, inbnew linji tal-ferrovija fuq il-muntanji bil-“ferroviji nani” tagħhom. B’hekk, il-vjaġġi bdew jieħdu inqas ħin—meta tqis li qabel kienu jmorru riekba fuq iż-żwiemel jew inkella jinġarru fuq xi palankin. Per eżempju, il-“ferrovija nana” fin-nofsinhar taʼ l-Indja, tieħu l-passiġġieri tagħha ġo l-Għoljiet taʼ Nilgiri, jew il-Blue Mountains. Bejn wieħed u ieħor tagħmel 10.4 kilometri fis-siegħa u probabbilment hija l-iktar ferrovija li timxi bil-mod fl-Indja. Imma xi vjaġġ impressjonanti hu dan minn qalb il-muntanji fejn ikabbru t-te u l-kafè sa Coonoor, għoli taʼ 1,712-il metru! Din il-linja, li togħla metru kull tnax-il metru, inbniet lejn l-aħħar tas-seklu 19 u għandha 208 liwjiet u 13-il mina. Din taħdem bis-sistema Abt, sistema taʼ linji tal-ferrovija bl-ingranaġġ. Biċċiet tal-ħadid qishom snien iservu taʼ sellum biex il-magna, li tinsab fuq in-naħa taʼ wara, tingrana magħhom, u b’hekk timbotta l-ferrovija ’l fuq. Din il-linja, li tuża din it-teknoloġija taʼ l-ingranaġġ, hija fost l-eqdem u l-iktar wieqfa tad-dinja.
Id-Darjeeling Himalayan Railway titlaʼ fuq linji li huma biss 61 ċentimetru ’l bogħod minn xulxin, bi tlugħ taʼ metru għal kull tnejn u għoxrin metru u nofs, sa Ghoom, l-iktar stazzjon li qiegħed fl-għoli fl-Indja, 2,258 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Il-linja għandha tliet linji mserrpin u sitt linji forma taʼ żigżag. L-iktar sezzjoni famuża, il-linja mserrpa taʼ Batasia, tħajjar lill-passiġġieri biex jaqbżu minn ġol-ferrovija, jitilgħu maʼ l-għoljiet kollha ħaxix, u jerġgħu jirkbu fil-ferrovija wara li tlesti mid-dawra. L-iktar parti eċċitanti tal-vjaġġ hija l-veduta taʼ Kanchenjunga, it-tielet l-ogħla muntanja fid-dinja. Fl-1999, il-futur taʼ din il-linja tal-ferrovija tqiegħed iktar fis-sod meta ngħatat l-istat taʼ Wirt Dinji (World Heritage) mill-UNESCO.
Biex tasal sa Simla, li kienet il-kapitali sajfija, taħt il-ħakma Ingliża, li hi għolja 2,200 metru, il-ferrovija tgħaddi minn 102 mini, taqsam 869 pont, u ddur 919-il liwja f’medda taʼ 95 kilometru biss! Wieħed jistaʼ jara xenarju mill-isbaħ mit-twieqi kbar u mis-saqaf tal-fibreglass trasparenti. Iva, il-“ferroviji nani” huma verament taʼ gost. Madankollu, peress li l-prezzijiet inżammu baxxi mhux ħażin, il-linji tal-ferrovija tal-muntanja sfortunatament qegħdin imorru minn taħt. Uħud entużjasti jittamaw li tinsab soluzzjoni biex dawn il-ferroviji ferrieħa jiġu salvati.
Il-Vjaġġ it-Twil
Intqal li l-wasla tal-ferrovija fl-Indja mmarkat “it-tmiem taʼ era waħda u l-bidu taʼ oħra” u li “l-ferrovija għaqqdet lill-Indja flimkien, xi ħaġa li l-ebda skema taʼ xi integrazzjoni oħra ma rnexxielha tagħmel qabel.” Kemm hu veru dan! Jekk trid tistaʼ tirkeb il-ferrovija minn Jammu, fil-bażi tal-muntanji Himalayas, u titlaq lejn Kanyakumari, l-iktar post imbiegħed fin-nofsinhar taʼ l-Indja, fejn jiltaqgħu l-Baħar Għarbi, l-Oċean Indjan, u l-Bajja taʼ Bengal. Se tkun ivvjaġġajt 3,751 kilometru minn ġo 12-il stat differenti u tkun qattajt madwar 66 siegħa fuq il-ferrovija. Anki jekk tikri kabina għall-irqad, tistaʼ tkun infaqt inqas minn $15 (Lm7.00) għall-biljett tiegħek. Se jkollok l-opportunità li ssir taf nies dħulin li jħobbu jitkellmu u li ġejjin minn kulturi differenti u tara ħafna xenarji taʼ dan il-pajjiż li jsaħħrek. Irriserva post issa—u l-vjaġġ it-tajjeb!
[Kaxxa f’paġna 14]
Dawk il-Brikks l-Antiki
Matul il-ħakma Ingliża (1757-1947), il-linji tal-ferrovija fis-sottokontinent Indjan kienu ideali biex it-truppi jivvjaġġaw minn post għall-ieħor għal distanzi twal. Tliet snin wara l-inawgurazzjoni taʼ l-ewwel ferrovija fl-Indja, kien hemm inġinieri li bdew iqiegħdu l-linji bejn Karachi u Lahore, fejn illum hemm il-Pakistan. Ma kienx hemm żrar għas-saborra—is-sodda taʼ żrar bejn il-linji tal-ferrovija—biex fuqha jitpoġġew it-traversi tat-triq tal-ferrovija. Imma qrib il-villaġġ taʼ Harappa, il-ħaddiema sabu brikks li kienu ġew moħmijin fil-kalkara. L-inġinieri John u William Brunton ħassew li dawn setgħu jkunu sostitut xieraq u ekonomiku. Waqt li l-ħaddiema kienu qed jaqilgħu l-ammonti kbar ferm taʼ brikks mill-art, instabu statwetti tat-tafal u siġilli b’lingwa mhix magħrufa, imma dan ma tellifx ix-xogħol importanti ferm tal-bini tal-linja tal-ferrovija. Mija u sittin kilometru taʼ linji tal-ferrovija kienu mibnijin bil-brikks taʼ Harappa. Ħamsa u sittin sena wara, l-arkeoloġi b’mod sistematiku skavaw is-sît taʼ Harappa u sabu l-fdalijiet taċ-ċiviltà taʼ l-għaġeb tal-Wied Indu. Din iċ-ċiviltà tmur lura iktar minn 4,000 sena u hi kontemporanja mal-Mesopotamja antika!
[Kaxxa f’paġna 16]
IL-LINJA TAL-FERROVIJA TAʼ KONKAN—Meravilja Moderna
Konkan, biċċa art li l-iktar parti wiesgħa tagħha hija madwar 75 kilometru, qiegħda fuq ix-xatt tal-punent taʼ l-Indja, bejn il-Baħar Għarbi u l-muntanji taʼ Sahyadri. Billi jibda minn Mumbai, iċ-ċentru kummerċjali taʼ l-Indja, u jmur lejn in-nofsinhar sal-port maġġuri taʼ Mangalore, Konkan għandu ħafna x’joffri f’dak li hu negozju. Għal sekli sħaħ il-portijiet fix-xtut ħadu ħsieb dan in-negozju, kemm ġo l-Indja kif ukoll maʼ pajjiżi oħra. Imma l-ivvjaġġar bil-baħar kien perikoluż—speċjalment waqt l-istaġun tal-monsun, meta x-xmajjar ma kinux ikunu navigabbli—u t-toroq u l-linji tal-ferrovija kienu jidħlu ’l ġewwa wisq mix-xatt biex ikunu jistgħu jiġu evitati ħafna ostakli naturali. In-nies tal-post xtaqu ħafna li jkollhom aċċess dirett fuq l-art mal-kosta biex jittrasportaw il-merkanzija malajr lejn is-swieq il-kbar, speċjalment affarijiet li jiskadu. X’kienet is-soluzzjoni?
Il-Linja tal-Ferrovija taʼ Konkan kienet l-akbar proġett taʼ linji tas-sottokontinent fis-seklu 20. X’kien involut? Bini taʼ rotta taʼ 760 kilometru b’sisien għoljin sa 25 metru u qtugħ taʼ 28 metru fond. Bini taʼ iktar minn 2,000 pont, inkluż il-vjadott għoli 64 metru taʼ Panval Nadi, l-ogħla pont fl-Asja, li qiegħed fuq wied wiesaʼ 500 metru, u l-pont twil naqra iktar minn 2 kilometri fuq ix-Xmara Sharavati. Infid fil-muntanji bit-tħaffir taʼ 92 mina, 6 minnhom twal iktar minn 3.2 kilometri, biex il-linja tkun dritta kemm jistaʼ jkun. Fil-fatt, waħda minn dawn hija l-itwal mina fl-Indja sa llum, il-mina taʼ Karbude li hija twila 6.5 kilometri.
Il-problemi kienu enormi—xita li ġġorr kollox magħha, mases taʼ tajn u ġebel li jinqatgħu u jiżżerżqu ’l isfel mill-muntanji, kif ukoll it-tħaffir taʼ blat iebes, u iktar diffiċli, ħamrija litomarġika ratba, deskritta bħala li qisha toothpaste. Dawn l-ostakli naturali kollha kellhom jingħelbu permezz tas-sengħa fl-inġinerija u t-teknoloġija. Sistemi differenti taʼ ventilazzjoni fil-mini, kif ukoll fatturi oħra taʼ sigurtà, kienu proġetti enormi fihom infushom. L-art riedet tiġi akkwistata mingħand iktar minn 42,000 sid differenti, biċċa xogħol legali kolossali.
Madankollu, fis-26 taʼ Jannar, 1998, wara sebaʼ snin taʼ bini—rekord għal proġett enormi bħal dan—ixxejret il-bandiera biex titlaq l-ewwel ferrovija fuq il-Linja taʼ Konkan. Il-vjaġġ minn Mumbai sa Mangalore kien 1,127 kilometru iqsar mir-rotta kollha tidwir taʼ qabel, u l-ħin taʼ l-ivvjaġġar naqas b’26 siegħa. Għan-nies li jivvjaġġaw bil-ferrovija, din il-Linja taʼ Konkan offritilhom veduti ġodda taʼ xenarju mill-isbaħ, lit-turisti postijiet ġodda u eċċitanti biex jesploraw, u lil miljuni taʼ nies ekonomija aħjar.
[Map]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
MUMBAI
Mangalore
[Stampa]
Il-vjadott taʼ Panval Nadi, l-ogħla pont fl-Asja
[Sors]
Dipankar Banerjee/STSimages.com
[Kaxxa/Stampa f’paġna 16]
IL-FAIRY QUEEN
L-eqdem lokomottiva taʼ l-istim fid-dinja li kienet taħdem hija l-Fairy Queen. Mibnija ġo Leeds, l-Ingilterra, fl-1855, mid-ditta taʼ l-inġinerija taʼ Kitson, Thompson u Hewitson, din ġibdet ferroviji tal-posta mill-istazzjon taʼ Howrah, ħdejn Calcutta, sa Raniganj ġewwa Bengal. Meta waqqfuha minn xogħolha fl-1909, inżammet fil-Mużew Nazzjonali tal-Linji tal-Ferrovija, ġo New Delhi, tpaxxi lil uħud entużjasti tal-ferroviji. Għaċ-ċelebrazzjoni taʼ l-għeluq il-50 sena taʼ indipendenza taʼ l-Indja, din ix-xwejħa leali nqalgħet mill-irtir tagħha. Mill-1997, il-Fairy Queen Express ilha għaddejja ċċeklem, iġġorr it-turisti tul il-143 kilometru minn Delhi sa Alwar, ġo Rajasthan.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 17]
IL-LUSSU U L-VELOĊITÀ—Qegħdin fl-Indja Wkoll!
LUSSU L-Indja għandha passat antik u ħafna drabi rikk ukoll. Vjaġġi esklużivi bil-ferrovija joffru titwila f’dak il-passat bil-kumdità kollha, għalkemm bi prezz għoli. Il-Palace on Wheels, miġbuda minn lokomottiva taʼ l-istim, ġiet inawgurata fl-1982. Vaguni rranġati b’lussu, li qabel kienu jintużaw minn xi prinċep imsejjaħ maħaraġa jew minn xi viċirè, għadhom jikkonservaw l-atmosfera tal-wirt irjali tagħhom. Bl-estern tagħhom lewn il-perla bajda, b’kisja minn ġewwa bl-injam tat-tikk, b’linef tal-kristall, u bi drapp lussuż kollu disinni mqabbżin, verament ikun hemm atmosfera taʼ splendur. Kumpartimenti għall-irqad bħal dawk taʼ palazz, kmamar tal-pranzu, salott u librerija, tisjir internazzjonali eċċellenti, u servizz bis-servjenti lebsin uniformi jġagħlu l-passiġġieri jħossuhom vera mfissdin.
Fl-1995, minħabba li nbidlu l-linji għal dawk wesgħin, inbniet Palace oħra u l-vaguni l-antiki ma baqgħux jintużaw. Ferrovija lussuża ġdida li jisimha The Royal Orient għadha għaddejja fuq il-linja tal-metru antika fl-istati tal-punent taʼ Gujarat u Rajasthan. Il-ferroviji jivvjaġġaw l-iktar bil-lejl, u l-passiġġieri jqattgħu l-ġranet tagħhom iduru f’postijiet taʼ interess. Dawk li jkunu qed jivvjaġġaw jgħaddu minn ġod-deżert kbir bl-isem taʼ Thar, bil-fortizzi, ċittadelli, u tempji antiki tiegħu. Wieħed jistaʼ jirkeb l-iġmla fuq l-għoljiet tar-ramel jew rikba fuq l-iljunfant sal-famuża Fortizza t’Amber. Fil-qrib hemm Jaipur, il-Belt ir-Roża, sinjura fl-istorja u magħrufa għall-ħaġar u għall-affarijiet maħdumin bl-idejn. Inklużi fil-mawra hemm santwarji taʼ l-għasafar, riserva tat-tigri, u d-dar taʼ l-uniċi ljuni Asjatiċi li għadhom jgħixu fl-ambjent naturali tagħhom. Titlifx il-palazz taʼ Udaipur mibni fuq lag u, m’għandniex xi ngħidu, it-Taj Mahal! Dan kollu u iktar jikkontribwixxu għall-avventuri eċċitanti fuq il-ferrovija.
VELOĊITÀ Il-ferroviji taʼ l-Indja ma jistgħux jikkompetu mal-ferroviji taʼ veloċità enormi taʼ Franza u l-Ġappun. Però vvjaġġar fit-tul, komdu, u malajr, huwa possibbli fuq il-106 pari taʼ ferroviji b’veloċità qawwija taʼ l-Indian Railways fil-bliet. Il-ferroviji Rajdhani u Shatabdi, li jiġru kważi 160 kilometru fis-siegħa, jikkompetu maʼ l-ivvjaġġar bl-ajru f’dik li hi kumdità u faċilitajiet. Vaguni bl-arja kundizzjonata għandhom seats li jinżlu lura jew kabini komdi għall-irqad. Ikliet u snacks, friex għas-sodda, ilma tajjeb għax-xorb, u assistenza medika huma inklużi fil-prezz tal-biljett fuq dawn il-ferroviji prestiġjużi.
[Mappa]
(Ghall-formazzjoni shiha tat-test, ara pubblikazzjoni)
Jaipur
Udaipur
[Stampi]
Hawa Mahal, Jaipur
It-Taj Mahal, Agra
The Royal Orient
Ġewwa l-“Palace on Wheels”
[Sors]
Hira Punjabi/STSimages.com
[Mappa/Stampi f’paġna 13]
(Ghall-formazzjoni shiha tat-test, ara pubblikazzjoni)
NEW DELHI
[Stampi]
Ftit mil-linji maġġuri tal-ferrovija
Stim, Zawar
Stim, Darjeeling Himalayan Railway (DHR)
Elettrika, Agra
Elettrika, Mumbai
Diesel, Hyderabad
Diesel, Simla
[Sors]
Mappa: © www.MapsofIndia.com
[Mappa/Stampa f’paġna 15]
(Ghall-formazzjoni shiha tat-test, ara pubblikazzjoni)
MUMBAI
[Stampa]
L-Istazzjon taʼ Churchgate, Mumbai
[Sors]
Sandeep Ruparel/STSimages.com
[Mappa/Stampa f’paġna 15]
(Ghall-formazzjoni shiha tat-test, ara pubblikazzjoni)
L-Għoljiet taʼ Nilgiri
[Stampa]
Il-magna taʼ l-istim timbotta lill-“ferrovija nana” taʼ Nilgiri ’l fuq lejn l-għolja l-wieqfa
[Mappa/Stampi f’paġna 18]
(Ghall-formazzjoni shiha tat-test, ara pubblikazzjoni)
Darjeeling
[Stampi]
Il-linja mserrpa taʼ Batasia, fejn il-linja tal-ferrovija tgħaddi minn fuqha nfisha
Veduta tal-Muntanja Kanchenjunga mil-linja mserrpa taʼ Batasia
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 14]
Ferroviji f’paġna 2, 13, 15 fin-nofs, 16-18: Riproduzzjoni bil-permess taʼ Richard Wallace