Il-Ħarsa tal-Bibbja
Il-Pornografija—Hija Biss Passatemp li Ma Jagħmilx Ħsara?
META xi arkeoloġi taʼ żmien ir-renju tar-Reġina Vittorja bdew iħaffru b’mod sistematiku fil-fdalijiet antiki taʼ Pompej, baqgħu xxokkjati b’dak li sabu. Imxerrda bl-addoċċ qalb l-affreski u t-tpinġijiet mill-isbaħ kien hemm ħafna pitturi u skulturi li juru atti sesswali sfaċċati. Maħsudin min-natura degradanti tagħhom, l-awtoritajiet ħbewhom ġo mużewijiet sigrieti. Biex jikklassifikaw dawn ix-xogħlijiet sfaċċati, huma fformaw it-terminu “pornografija”—miż-żewġ kelmiet Griegi pornē u graphos, li jfissru “kitba dwar il-prostituti.” Illum il-pornografija qed tiġi definita bħala “r-rappreżentazzjoni taʼ mġiba erotika f’kotba, stampi, statwi, films, eċċ., magħmula bil-ħsieb li tqanqal eċċitament sesswali.”
Illum, il-pornografija hija mifruxa maʼ kullimkien u tidher li hi aċċetta fil-biċċa l-kbira tas-soċjetà moderna. Fejn qabel kont issibha biss f’ċerti teatri taċ-ċinema taʼ reputazzjoni ħażina u f’distretti tad-dwal ħomor taʼ fama ħażina, issa hi aċċettata ħafna maʼ kullimkien. Huwa stmat li fl-Istati Uniti biss, il-pornografija tiġġenera iktar minn għaxar biljun dollaru (Lm4.5 biljuni)!
Xi wħud li huma favur il-pornografija jirriklamawha bħala mod li bih jistgħu jagħtu l-ħajja lil żwieġ mejjet. Kittieba tgħid: “Din tistimula ħajja attiva mimlija fantasija. Toffri istruzzjoni għall-pjaċir sesswali.” Oħrajn isostnu li din tinkuraġġixxi lin-nies biex ikunu moħħhom miftuħ dwar is-sess. “Il-pornografija tagħmel ġid lin-nisa,” tgħid il-kittieba Wendy McElroy.
Imma mhux kulħadd jaqbel maʼ dan. Spiss il-pornografija ġiet assoċjata m’ammont kbir taʼ riżultati u attitudnijiet taʼ ħsara. Xi wħud jissuġġerixxu li l-pornografija hija marbuta maʼ l-istupru kif ukoll maʼ forom oħra taʼ vjolenza fuq in-nisa u t-tfal. Ted Bundy, qattiel infami li qatel sensiela taʼ nies, jammetti li kellu “aptit qawwi għall-pornografija vjolenti.” Hu jgħid: “Din il-kundizzjoni ma tidhirx mill-ewwel mill-individwu u lanqas tiġi identifikata bħala problema serja. . . . Imma dan l-interess . . . isir miġbud lejn inklinazzjonijiet taʼ natura sesswali li tinvolvi l-vjolenza. Ma nistax nenfasizza biżżejjed kif dan jiżviluppa bil-mod il-mod. Ma jseħħx fi żmien qasir.”
Meta tqis id-dibattitu li ma jieqaf qatt u l-għadd taʼ materjal pornografiku li hawn illum, tistaʼ tistaqsi, ‘Il-Bibbja toffri xi tip taʼ gwida dwar dan is-suġġett?’
Il-Bibbja Hija Ċara dwar is-Sess
Fil-Bibbja, is-sess jiġi trattat b’sinċerità u mingħajr mistħija. (Dewteronomju 24:5; 1 Korintin 7:3, 4) Mart żgħożitek “ifraħ biha,” jagħti lparir Salamun. “Jimliek dejjem bl-għaxqa ż-żegħil tagħha.” (Proverbji 5: 18, 19) Jingħataw pariri u gwida ċara rigward relazzjonijiet sesswali, inkluż il-limiti safejn dawn għandhom jitgawdew. Sess barra mill-arranġament taż-żwieġ huwa projbit. Hekk ukoll huma l-forom kollha taʼ prattiċi sesswali mhux normali u perversi.—Levitiku 18:22, 23; 1 Korintin 6:9; Galatin 5:19.
Anki f’dawn il-limiti, ir-rażan u r-rispett huma mistennija. “Ħalli jkun iż-żwieġ tagħkom miżmum fil-ġieħ minn kulħadd,” kiteb l-appostlu Pawlu, “u s-sodda taż-żwieġ bla tinġis.” (Lhud 13:4) Dan il-parir huwa f’kuntrast qawwi maʼ l-intenzjoni u l-messaġġ tal-pornografija.
Il-Pornografija Ċċajpar is-Sess
Minflok ma tippreżenta r-relazzjonijiet sesswali bħala espressjoni taʼ mħabba intima u mill-isbaħ bejn raġel u mara fi żwieġ onorabbli, il-pornografija tbaxxi u ċċajpar l-att sesswali. Sess każwali u pervers huwa preżentat bħala li huwa eċċitanti u mixtieq. L-enfasi tkun fuq li wieħed jissodisfa lilu nnifsu u ftit li xejn jimpurtah mill-persuna l-oħra.
Nisa, irġiel, u tfal jiġu preżentati bħala oġġetti li jeżistu biss għal sodisfazzjon sesswali. “Is-sbuħija titkejjel skond il-ġisem taʼ dak li jkun, toħloq stennijiet mhux realistiċi,” jgħid rapport wieħed. “Li tiddeskrivi lin-nisa bħala anonimi, dejjem jixxennqu u jistennew, oġġetti bla skop biex jilagħbu bihom l-irġiel, jinżgħu u jikxfu ġisimhom għall-qligħ taʼ flus u bħala divertiment ma jistax jiġi tradott f’messaġġ li jistaʼ jkun f’armonija maʼ l-ugwaljanza, id-dinjità u l-umanità,” jikkonkludi rapport ieħor.
Għall-kuntrarju, l-imħabba “ma tagħmilx dak li m’hux xieraq,” kiteb l-appostlu Pawlu. “Ma tfittixx dak li hu tagħha.” (1 Korintin 13:5) Il-Bibbja tħeġġeġ lill-irġiel biex “iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess” u biex ‘jagħtuhom il-ġieħ li ħaqqhom,’ mhux biex iqisu lin-nisa bħala sempliċi oġġetti biex jissodisfawhom sesswalment. (Efesin 5:28; 1 Pietru 3:7) Qiegħed xi ħadd, kemm maskil kif ukoll femminil, li regolarment jara xeni sesswalment sfaċċati taʼ nies oħra, tassew iġib ruħu kif jixraq? U qiegħed dan ix-xi ħadd juri unur u rispett? Minflok l-imħabba, il-pornografija trawwem xenqa egoista u li tpaxxi lilek innifsek.
Hemm ukoll fattur ieħor. Malajr, bħal kull ħaġa oħra li mhix xierqa u li tistimulak, dak li jqanqlek fil-bidu jsir rutina u ma jibqax jistimulak. “Maż-żmien,” jgħid wieħed kittieb, “[dawk li jużaw il-pornografija] ikunu jridu materjal iktar espliċitu u pervers . . . Jistgħu jġagħlu lis-sieħeb jew sieħba tagħhom biex jagħmlu attivitajiet sesswali perversi . . . , billi jnaqqsu l-kapaċità tagħhom [stess] li jesprimu affezzjoni vera.” Jistaʼ dan jitqies bħala passatemp li ma jagħmilx ħsara? Imma hemm raġuni importanti oħra għala għandna nevitaw il-pornografija.
Il-Bibbja u x-Xenqa
Filwaqt li ħafna llum iħossu li m’hemm xejn ħażin u taʼ periklu f’li jqanqlu fantasiji sesswali, il-Bibbja ma taqbilx. Din tispjega b’mod ċar li hemm konnessjoni bejn dak li ndaħħlu f’moħħna u l-mod kif naġixxu. “Kull bniedem imġarrab jinġibed u jitħajjar mill-passjoni tiegħu stess,” jindika d-dixxiplu Kristjan Ġakbu. “Mbagħad il-passjoni, meta tnissel, tiled id-dnub.” (Ġakbu 1:14, 15) Ġesù qal: “Kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.”—Mattew 5:28.
Bħalma juru Ġakbu u Ġesù, il-bnedmin jaġixxu skond ix-xewqat ġewwinija tagħhom. Dawn ix-xewqat, meta jiġu mitmugħa u msaħħin, jistgħu maż-żmien isiru ossessjonijiet qawwijin. L-ossessjonijiet huma diffiċli ħafna biex tirreżistihom u maż-żmien jistgħu jġagħlu lil dak li jkun jieħu azzjoni. B’hekk, dak li ndaħħlu f’moħħna jistaʼ jkollu effett qawwi fuq dak li nispiċċaw biex nagħmlu.
Il-fantasiji sesswali jistgħu jeffettwaw direttament il-qima tagħna lejn Alla. Huwa għalhekk li Pawlu kiteb: “Mewwtu ġo fikom . . . żína, faħx, ġibdiet, xewqat ħżiena, u r-regħba [xenqa], li hi idolatrija.”—Kolossin 3:5.
Hawnhekk Pawlu jorbot il-ġibdiet max-xenqa, li hija xewqa eċċessiva għal xi ħaġa li wieħed ma jkollux.a Ix-xenqa hija forma taʼ idolatrija. Għala? Għaliex min jixxennaq ipoġġi l-ħaġa mixtieqa qabel kollox, inkluż qabel Alla. Il-pornografija tistimula x-xenqa għal xi ħaġa li dak li jkun m’għandux. “Tkun trid il-ħajja sesswali taʼ xi ħadd ieħor. . . . Ma jistaʼ jkollok xejn f’moħħok ħlief l-aptit għal dak li m’għandekx. . . . Dak li nixxennqu għalih, inqimuh,” jgħid kittieb reliġjuż.
Il-Pornografija Tikkorrompi
“F’kull ma hu safi, f’kull ma jiġbed l-imħabba, f’kull ma jistħoqqlu l-ġieħ, f’kull ma hu virtù . . . ; f’dan kollu aħsbu,” tħeġġeġ il-Bibbja. (Filippin 4:8) Xi ħadd li jpaxxi lil għajnejh u jitmaʼ lil moħħu bil-pornografija, ikun qed jirrifjuta t-twiddiba taʼ Pawlu. Il-pornografija m’hijiex modesta minħabba l-fatt li bla mistħija tesponi l-iktar atti intimi u privati għall-pubbliku. Hi taʼ min jobgħodha għaliex iċċekken lin-nies u tneżżagħhom mill-kwalitajiet sbieħ tagħhom. Ma fihiex imħabba għaliex ma tippromwovix it-tenerezza u l-mogħdrija. Ma tippromwovix ħlief xenqa egoistika.
Billi tippreżenta l-atti immorali u żienja bl-iktar mod liberu, il-pornografija ddgħajjef u ġġib fix-xejn l-isforzi taʼ Kristjan biex ‘jobgħod il-ħażin.’ (Għamos 5:15, Saydon) Din tenfasizza l-prattika tad-dnub u hija totalment kontra l-inkuraġġiment li Pawlu ta lill-Efesin biex ‘iż-żína u kull xorta taʼ faħx jew regħba, ebda waħda minnhom ma għandha biss tissemma fosthom, kif jixraq lill-qaddisin. U anqas kliem baxx . . . kollha ħwejjeġ li ma jixirqux.’—Efesin 5:3, 4.
Żgur li l-pornografija tagħmel il-ħsara. Hija korrotta u tieħu vantaġġ minnek. Tistaʼ tkisser ir-relazzjonijiet, u tbiddel l-espressjoni naturali taʼ l-intimità sesswali maʼ li wieħed joqgħod inemmes biex jikseb sodisfazzjon sesswali. Tħassar il-moħħ u l-ispiritwalità tan-nemmies. Tippromwovi attitudnijiet egoistiċi u regħba, u tgħallem lin-nies iħarsu lejn oħrajn bħala li huma tajbin biss biex jissodisfawlhom ix-xenqa tagħhom. Iddgħajjef l-isforzi taʼ dak li jkun biex jagħmel il-ġid u jkollu kuxjenza nadifa. U l-iktar gravi, tistaʼ tfixkel jew saħansitra teqred ir-relazzjoni spiritwali m’Alla. (Efesin 4:17-19) Verament, il-pornografija hija pesta li trid tiġi evitata.—Proverbji 4:14, 15.
[Nota taʼ taħt]
a Hawnhekk Pawlu mhux qed jitkellem dwar l-aptit sesswali normali—ix-xewqa li jkollok l-intimità sesswali normali mal-parti l-oħra fiż-żwieġ.
[Stampa f’paġna 20]
Il-pornografija ċċajpar il-ħarsa taʼ dak li jkun lejn is-sess oppost