Il-Kuċċinilja—Insett Tassew Speċjali
MINN KITTIEBA GĦAL STENBAĦ! FIL-MESSIKU U L-PERÙ
MINFEJN inġibuh il-kulur aħmar jgħajjat li jinsab f’xi ftit mil-lipstiks u prodotti kosmetiċi oħra? Tistaʼ tiskanta meta ssir taf li l-kulur aħmar kark li jinsab f’xi kosmetiċi għall-ħmura tal-wiċċ u għal-lipstiks jiġi mill-kuċċinilja, insett li jgħix minn fuq il-pal tal-bajtar. Ejja nħarsu iktar mill-qrib lejn dan l-insett tassew speċjali.
Jagħmel il-Ġid jew il-Ħsara?
Il-kuċċinilja mara adulta hija twila bejn wieħed u ieħor terz taʼ ċentimetru, xi ftit jew wisq daqs ras taʼ sulfarina. Il-kuċċinilja raġel hu twil biss bejn wieħed u ieħor nofs id-daqs tal-mara. Imma tħallix id-daqs tal-kuċċinilji jqarraq bik! Xogħol taʼ referenza jgħid: “Huma fost l-iktar insetti qerrieda.” Madankollu, minkejja din ir-reputazzjoni, xi bdiewa fil-fatt irabbuhom. Għala? Sabiex jiksbu l-karminju, kulur ħamrani sabiħ li jinġibed mill-ġisem imnixxef u mgħaffeġ tal-kuċċinilji nisa.
Minn żmien il-poplu antik Miksteki, li kien jgħix f’dak li llum huwa l-istat taʼ Oaxaca, fil-Messiku, il-kuċċinilji ntużaw għaż-żebgħa. Il-konkwistaturi Spanjoli baqgħu mistagħġbin bil-kulur aħmar kark tal-kuċċinilja, u ħafna Ewropej malajr issodisfaw il-gosti tagħhom għall-ilwien brillanti permezz taʼ din iż-żebgħa naturali. Il-Britannja kienet tuża l-kuċċinilja għall-kulur skarlat tradizzjonali taʼ l-uniformi tal-militar. L-użu tal-kuċċinilja tant kien mifrux li mill-1650 sa l-1860, id-deheb u l-fidda biss kienu jgħadduha bħala esportazzjoni taʼ valur mill-Messiku.
Għabet u Reġgħet Tfaċċat
Min-nofs is-seklu 19, iż-żebgħa sintetika bdiet tieħu post iż-żebgħa naturali. Kien hemm ħafna fatturi li kkontribwew għal dan. John Henkel, mir-rivista FDA Consumer, jispjega: “Kuluri sintetiċi permezz tal-kimiċi kienu sempliċement eħfef biex tipproduċihom, irħas, u superjuri f’dik li hi kwalità tal-kulur.” Għalhekk, fi żmien qasir, il-kuluri sintetiċi ħadu post il-kuluri naturali fis-suq f’dak li hu ikel, mediċini, u kosmetiċi. “Però,” jgħid Henkel, “hekk kif l-użu tagħhom infirex, hekk ukoll kiber it-tħassib fuq is-sigurtà.”
Studji li saru fis-snin 70 tas-seklu għoxrin urew li ċerti kuluri sintetiċi jistgħu jikkawżaw il-kanċer. Hekk kif dawn il-perikli għas-saħħa bdew jitilgħu fil-wiċċ, iż-żebgħa naturali reġgħet bdiet titfaċċa. Per eżempju, in-nazzjon tal-Perù issa jipproduċi xi 85 fil-mija tal-provvista dinjija tal-kuċċinilja. Il-Canary Islands huma magħrufa għall-ġbir tal-kuċċinilji bħalma huma wkoll Spanja, l-Alġerija, u pajjiżi fl-Amerika Ċentrali u t’Isfel. Madankollu, peress li llum it-talba għall-karminju hija iktar milli hemm disponibbli, il-gvern tal-Messiku qed jipprova jżid il-produzzjoni tiegħu.
Kif Tintgħamel iż-Żebgħa tal-Karminju
Il-kuċċinilja tqattaʼ ħajjitha kollha fuq il-pal tal-bajtar. Din tipproteġi lilha nfisha mill-predaturi billi tnixxi sustanza qisha xemgħa bit-trab. Dan il-materjal artab jiksi lill-insett u jservi bħala dar għalih. Imma dan jgħin ukoll sabiex l-insett jinstab iktar malajr fi żmien il-ġbir.
Il-kuċċinilji nisa biss għandhom il-kulur l-aħmar, jew l-aċidu karminiku. Dawk li jkunu se jbidu jkollhom l-iktar ammont minn dan l-aċidu. Għalhekk, biex tinkiseb żebgħa taʼ l-aħjar kwalità, il-ħaddiema joqogħdu attenti b’mod speċjali li jiġbru lill-kuċċinilji tqal eżatt qabel ibidu l-bajd. Ġo l-Andes, fil-Perù, il-ġbir jinqasam fi tliet darbiet matul perijodu taʼ sebaʼ xhur. Il-kuċċinilji jiġu miknusa minn fuq il-pjanta permezz taʼ xkupilja iebsa jew inkella maqlugħin b’xafra li ma taqtax ħafna. Wara li jitnixxfu, jitnaddfu, u jiġu mitħuna, l-insetti mfarrkin jiġu proċessati f’taħlita bl-ammonja jew sodju karboniku. Biċċiet taʼ l-insetti jitneħħew permezz t’għarbiel biex b’hekk il-likwidu li jifdal ikun purifikat. Jistaʼ jiġi miżjud ukoll il-ġir biex jinħolqu kuluri differenti bil-vjola.
Minkejja li l-ħsieb li tapplika l-makeup magħmul mill-insetti ma tantx iħajrek, tistaʼ sserraħ rasek li l-‘kuluri naturali li jiġu miżjuda huma fost l-iktar li jiġu eżaminati bir-reqqa,’ jgħid Henkel. “Dawn il-kuluri ġew studjati fuq li ġew studjati, kultant ħafna drabi.” Għalhekk jekk xi darba xi ħadd jgħaddilek xi kumpliment dwar kemm tidher attraenti, parti minn dan jistaʼ jkun grazzi għall-kuċċinilja, insett tassew speċjali!
[Stampi f’paġna 23]
1. Il-kuċċinilji fuq pala tal-bajtar
2. Ritratt mill-qrib taʼ kuċċinilji nisa tqal
3. Kuċċinilji mnixxfin
4. Likwidu użat fil-kosmetiċi qed jiġi proċessat
[Sorsi]
Ritratti f’paġna 23: #1: The Living Desert, Palm Desert, CA; #3 and products: Cortesía del Centro de Investigaciones Económicas, Sociales y Tecnológicas para la Agroindustria y la Agricultura Mundial, Universidad Autónoma de Chapingo, fotografía de Macario Cruz; #4: David McLain/AURORA
[Stampa f’paġna 23]
Prodotti magħmulin bil-kulur