Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Kif Nistaʼ Nevita l-Pornografija?
“Tifel fl-iskola kellu stampa taʼ tfajla għarwiena mwaħħla mal-bieba tal-loker tiegħu. Il-loker tiegħu kien viċin dak tiegħi.” —Robert.a
“Kont qed nagħmel riċerka fuq l-Internet għal proġett li kelli l-iskola meta f’daqqa waħda tfaċċat quddiemi ‘Web site’ pornografika.”—Annette.
META l-ġenituri tiegħek kellhom l-età tiegħek, in-nies li kienu jridu jaraw il-pornografija kellhom ifittxuha huma. Minn dak li naraw illum, il-pornografija tfittxek hi. Forsi int, bħal Robert li ssemma qabel, bla ma trid għajnejk jaqgħu fuq xi stampa pornografika li jkollu xi ħadd minn sħabek taʼ l-iskola. Jew, bħal Annette tistaʼ taraha bla ma trid fuq l-Internet. Tfajla taʼ 19-il sena tgħid, “Kultant meta nkun qed infittex, jew nixtri, jew sempliċement niċċekkja l-kont tal-bank tiegħi fuq l-Internet, f’daqqa waħda titfaċċa quddiemi l-pornografija!”b
Din xi ħaġa li tiġri spiss. Fi studju li sar, 90 fil-mija miż-żgħażagħ, li l-età tagħhom tvarja minn 8 snin sa 16-il sena, qalu li meta kienu fuq l-Internet, bla ma kienu jafu kif, tfaċċat quddiemhom il-pornografija—fil-biċċa l-kbira dan kien waqt li kienu qed jagħmlu l-ħowmwerk! Il-fatt hu li, b’miljuni taʼ Web sites li fihom mijiet taʼ miljuni taʼ xeni sesswali sfaċċati, qatt ma kien daqshekk faċli li tara l-pornografija. Tistaʼ taraha saħansitra fuq it-telefon ċellulari. “Din hi xi ħaġa komuni fl-iskola tiegħi,” tgħid Denise, tfajla taʼ 16-il sena. “Nhar taʼ Tnejn il-konversazzjoni tkun, ‘Xi stampi niżżilt fuq il-mobile fi tmiem il-ġimgħa?’”
Il-fatt li tkun taf li tant nies qed jaraw il-pornografija għandu mnejn iġiegħlek taħseb, ‘Veru li din daqshekk ħażina?’ It-tweġiba hija iva, għal diversi raġunijiet. Ikkunsidra sempliċement tlieta minnhom:
◼ Il-pornografija tbaxxi kemm lil dawk li jipproduċuha kif ukoll lil dawk li jarawha.—1 Tessalonikin 4:3-5.
◼ L-interess fil-pornografija huwa imitazzjoni taʼ l-ossessjoni sesswali mhux normali li kellhom l-ispirti ħżiena taʼ żmien Noè.—Ġenesi 6:2; Ġuda 6, 7.
◼ Spiss, xi ħadd li jara l-pornografija jasal biex iwettaq dnubiet sesswali.—Ġakbu 1:14, 15.
Il-pornografija tagħmel ħsara kbira lil dawk li jaqgħu fin-nassa tagħha. Ikkunsidra sempliċement żewġ eżempji:
“L-ewwel darba li rajt il-pornografija kont għadni żgħira ħafna, u sibtha iebsa ħafna biex naqtaʼ dan il-vizzju. Għaddew ħafna snin minn dakinhar, imma dawk ix-xeni baqgħu stampati fil-fond f’moħħi. Dawn il-ħsibijiet donnhom jibqgħu dejjem maħżunin f’moħħok, u l-kuxjenza tiegħek qatt ma tħossha tassew nadifa. Il-pornografija teqridlek l-istima tiegħek innifsek u tibda tħossok maħmuġ u bla siwi. Dejjem tħoss li għandek tagħbija sigrieta xi ġġorr.”—Erica.
“Kont ili 10 snin bil-vizzju tal-pornografija, u issa ili li qtajtu 14-il sena. Iżda anki issa għad għandi battalja kuljum. Ix-xewqa, għalkemm imrażżna sew, għadha hemm. Il-kurżità wkoll għadha hemm. Ix-xeni għadhom f’moħħi. Kemm nixtieq li qatt ma bdejt dan il-vizzju tant ikrah. Għall-ewwel ma kienx jidher taʼ ħsara. Imma issa naf li hekk hu. Il-pornografija tagħmel il-ħsara, hija perversa, u tbaxxi lil kulmin ikun involut fiha. Minkejja dak li jsostnu dawk li oriġinawha, m’hemm xejn—assolutament xejn—li hu pożittiv dwar il-pornografija.”—Jeff.
Eżamina Lilek Innifsek
Kif tistaʼ tevita li titfaċċa għal għarrieda quddiemek il-pornografija? L-ewwel, analizza s-sitwazzjoni.
Kemm-il darba titfaċċa għal għarrieda quddiemek il-pornografija?
□ Qatt □ Kultant
□ Darba fil-ġimgħa □ Kuljum
Fejn jiġri l-iktar dan?
□ L-Internet □ L-iskola
□ It-televixin □ Post ieħor
Titfaċċa quddiemek għax qed tirrepeti l-istess proċedura?
Ikkunsidra l-eżempji li ġejjin:
Ġieli sħabek taʼ l-iskola jibagħtulek il-pornografija permezz taʼ xi e-mail jew messaġġ (attachment) fuq il-mobile? Il-fatt li taf dan se jgħinek tħassar dawn il-messaġġi mingħajr ma tiftaħhom.
Ġieli meta tkun fuq l-Internet daħħalt ċertu kliem biex tfittex xi ħaġa u f’daqqa waħda jitfaċċa quddiemek messaġġ li jistiednek tiftaħ xi Web site? Il-fatt li tkun taf li dan hu possibbli se jgħinek tkun iktar speċifiku fil-kliem li tuża biex tfittex.
Hawn taħt niżżel xi ċirkustanzi li setgħu wasslu biex titfaċċa
quddiemek il-pornografija.
․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․
․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․
Meta tqis dan li ddiskutejna hawn fuq, x’tistaʼ tagħmel biex tnaqqas id-drabi li titfaċċa bla ma trid quddiemek il-pornografija? (Ikteb x’taħseb hawnhekk.)
․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․
․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․
Kif tirreaġixxi int meta bla ma trid tiġi quddiemek il-pornografija?
□ Indawwar wiċċi fil-pront.
□ Il-kurżità ġġegħelni niċċassa lejha għal ftit.
□ Inkompli nħares lejha u saħansitra nfittex iktar.
Jekk ir-risposta tiegħek kienet it-tieni jew it-tielet waħda, liema mira tistaʼ tagħmel rigward dan?
․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․
․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․
Kif Taqtaʼ l-Vizzju
Xi wħud li bla ħsieb ġiet quddiemhom il-pornografija kienu kurjużi u maż-żmien qabdu l-vizzju li jarawha. Vizzju bħal dan m’huwiex faċli taqtgħu. Jeff, li ġie kwotat qabel, jgħid: “Qabel ma bdejt nistudja l-Bibbja, esperimentajt mhux ħażin b’kull tip taʼ droga komuni. Imma mill-vizzji koroh kollha li kelli, il-pornografija kienet ċertament l-iktar vizzju li sibt diffiċli biex naqtaʼ.”
Jekk qbadt il-vizzju li tara l-pornografija, tiddisprax. Jistaʼ jkollok l-għajnuna. Kif?
◼ Ifhem eżatt x’inhi l-pornografija. M’hi xejn ħlief attentat taʼ Satana biex ibaxxi xi ħaġa li Ġeħova ħalaqha biex tkun onorabbli. Il-fatt li tifhem x’inhi l-pornografija minn dan l-angolu se jgħinek biex ‘tobgħod il-ħażen.’—Salm 97:10.
◼ Aħseb fil-konsegwenzi. Il-pornografija tkisser iż-żwiġijiet. Tnaqqas ir-rispett lejn in-nisa u l-irġiel. Tbaxxi lil min joqgħod jaraha. Mhux taʼ b’xejn li l-Bibbja tgħid: “Min hu bil-għaqal jara l-għawġ u jwarrab.” (Proverbji 22:3) Niżżel hawn taħt eżempju wieħed taʼ xi gwaj li jistaʼ jiġi fuqek jekk taqbad il-vizzju tal-pornografija.
․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․
․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․
◼ Intrabat b’wegħda. “Għamilt wegħda solenni li qatt ma nħares b’xenqa lejn tfajla,” qal ir-raġel leali Ġob. (Ġob 31:1, Today’s English Version) Dawn li ġejjin huma xi wħud mill-‘wegħdi solenni’ li tistaʼ tagħmel miegħek innifsek:
□ M’iniex se nuża l-Internet meta nkun waħdi fil-kamra.
□ Meta titfaċċa quddiemi xi xena sesswali sfaċċata se nagħlaqha mill-ewwel.
□ Nitkellem maʼ ħabib matur jekk nerġaʼ naqaʼ fit-tentazzjoni.
Tistaʼ taħseb dwar xi riżoluzzjonijiet oħrajn li jistgħu jgħinuk fil-battalja tiegħek kontra lpornografija? Jekk iva, agħmel lista tagħhom hawn taħt.
․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․
․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․
․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․
◼ Itlob dwar din il-kwistjoni. Is-salmista talab lil Ġeħova: “Tħallix lil għajnejja jħarsu lejn il-frugħa.” (Salm 119:37) Veru, jistaʼ jkun diffiċli tirreżisti xi ħaġa li tant togħġob lill-ġisem midneb tagħna. Imma Alla Ġeħova jridek tirnexxi, u jistaʼ jagħtik “qawwa iktar min-normal” sabiex tagħmel dak li hu sewwa!—2 Korintin 4:7.
◼ Tkellem maʼ xi ħadd. Tħossok imbarazzat? X’aktarx li iva! Madankollu, aħseb kemm se tħossok tistrieħ meta tneħħi din it-tagħbija minn fuqek. Dik il-persuna li tiftaħ qalbek magħha tkun bħal “ħuk imwieled għal żmien l-hemm.” (Proverbji 17:17) Pass importanti biex taqtaʼ dan il-vizzju hu li ssib lil xi ħadd biex tiftaħ qalbek miegħu.
Jekk għandek il-vizzju li tara l-pornografija, ikteb hawn taħt l-isem taʼ persuna matura li tħoss li tkun komdu titkellem magħha dwar il-problema.
․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․
Kun ċert li tistaʼ tirnexxi fil-ġlieda tiegħek kontra l-pornografija. Fil-fatt, kull darba li tirrifjuta li taraha tkun wettaqt rebħa sinifikanti. Għid lil Ġeħova b’din ir-rebħa, u rringrazzjah għas-saħħa li jkun tak. Dejjem ftakar li meta tevita l-pornografija, li tikkaġuna tant inkwiet u tbatija, tkun qed tferraħ qalb Ġeħova!—Proverbji 27:11.
Iktar artikli mis-serje “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . ” jistgħu jinstabu fuq il-Web site www.watchtower.org/ype
AĦSEB DWAR DAN
◼ Il-pornografija kif tbaxxi xi ħaġa li hi onorabbli?
◼ Liema miżuri prattiċi jistgħu jipproteġuk mill-pornografija?
◼ Kif tistaʼ tgħin lil xi ħadd minn ħutek li għandu l-problema tal-pornografija?
[Noti taʼ taħt]
a L-ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.
b It-terminu pornografija jirreferi għall-materjal sesswali sfaċċat bl-iskop li jqanqal sesswalment lil kulmin jarah, jaqrah, jew jisimgħu. Tistaʼ tinkludi stampi kif ukoll xi materjal bil-miktub jew li tisimgħu.
[Stampa f’paġni 12, 13]
Ġieli sħabek taʼ l-iskola jibagħtulek il-pornografija permezz taʼ xi messaġġ (“attachment”) fuq il-“mobile”?