LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 1/08 pp. 9-11
  • Agħmel lill-Familja Tiegħek Post taʼ Protezzjoni

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Agħmel lill-Familja Tiegħek Post taʼ Protezzjoni
  • Stenbaħ!—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Kelma t’Alla u r-​Relazzjonijiet Fiżiċi
  • Familja Magħquda bl-​Imħabba
  • Kif Tipproteġi lil Uliedek
    Stenbaħ!—2008
  • L-imħabba u l-ġustizzja minkejja l-ħażen
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Il-​Kriżi Tinsab Madwar Id-​dinja Kollha
    Stenbaħ!—1999
  • Ħarreġ lit-Tfal Tiegħek mill-Infanzja
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2008
g 1/08 pp. 9-11

Agħmel lill-​Familja Tiegħek Post taʼ Protezzjoni

“MINGĦAJR imħabba naturali.” B’dan il-​kliem taʼ diqa, il-​Bibbja tiddeskrivi ħafna min-​nies taʼ żmienna, perijodu msejjaħ “l-​aħħar jiem.” (2 Timotju 3:1, 3, 4) Iż-​żjieda taʼ l-​abbuż fuq it-​tfal fil-​familja tagħti prova ċara kemm hi vera din il-​profezija. Fil-​fatt, il-​kelma Griega oriġinali astorgos, tradotta bil-​Malti “mingħajr imħabba naturali,” tirreferi għan-​nuqqas taʼ l-​imħabba li kellha teżisti fost il-​membri tal-​familja, speċjalment bejn il-​ġenituri u t-​tfal.a U spiss l-​abbuż fuq it-​tfal iseħħ fil-​familja.

Xi riċerkaturi jgħidu li l-​iktar individwu komuni li jwettaq abbuż sesswali hu l-​figura tal-​ġenitur maskili. Spiss anki qraba maskili oħrajn jabbużaw. Filwaqt li l-​biċċa l-​kbira mill-​vittmi huma bniet, anki ħafna subien jiġu abbużati. Uħud tas-​sess femminil li jwettqu l-​abbuż sesswali huma iktar komuni milli tistaʼ tobsor. Forsi l-​inqas forom t’abbuż li jiġu rapportati huma l-​inċest bejn l-​aħwa, fejn tifel akbar jew iktar b’saħħtu jhedded jew jisseduċi lil ħuh jew oħtu iżgħar jew iktar dgħajfa biex tieħu sehem f’atti sesswali. Bħala ġenitur, żgur li tistmerr atti bħal dawn.

Kif jistaʼ jirnexxilek tevita li jqumu dawn il-​problemi fil-​familja tiegħek? Jidher ċar li kull membru taʼ kull familja jrid jitgħallem u jgħożż xi prinċipji li jevitaw kondotta abbużiva. L-​aqwa post fejn wieħed jistaʼ jsib dan it-​tip taʼ gwida hu fil-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja.

Il-​Kelma t’Alla u r-​Relazzjonijiet Fiżiċi

Kull familja trid issegwi l-​livelli Bibliċi dwar il-​moralità sabiex tkun post taʼ protezzjoni. Il-​Bibbja ma żżommx lura milli tiddiskuti dwar is-​sess. Hi dinjituża, però ma toqgħodx iddur mal-​lewża. Din turi li Alla ddisinja l-​intimità sesswali tassew bħala barka għar-​raġel u l-​mara miżżewġin. (Proverbji 5:15-20) Madankollu, hi tikkundanna l-​kondotta sesswali barra l-​arranġament taż-​żwieġ. Per eżempju, il-​Bibbja titkellem bil-​miftuħ kontra l-​inċest. F’Levitiku kapitlu 18 insibu varjetà kbira taʼ relazzjonijiet inċestużi li huma projbiti. Innota dan il-​kliem partikulari: “Ħadd ma għandu jersaq lejn ebda qariba tiegħu biex jikxef l-​għera tagħha [biex ikollu x’jaqsam magħha sesswalment]. Jien hu l-​Mulej.”—Levitiku 18:6.

Ġeħova jsemmi l-​atti taʼ inċest fost “il-​qżiżijiet” li jiġu kastigati bil-​mewt. (Levitiku 18:26, 29) Jidher ċar li l-​Ħallieq għandu livelli tassew għoljin rigward din il-​kwistjoni. Illum, ħafna gvernijiet iqisuha b’mod simili, billi jipprojbixxu l-​abbuż sesswali fuq it-​tfal fil-​familja. Taʼ spiss, skond il-​liġi tifel li jkun suġġett għal relazzjonijiet sesswali minn xi ħadd adult ikun ġie stuprat. Għala tintuża din il-​kelma soda jekk ma kienx hemm forza fiżika?

Ħafna awtoritajiet irrikonoxxew dak li l-​Bibbja minn dejjem qalet dwar it-​tfal—li għandhom it-​tendenza li ma jirraġunawx bħalma jirraġunaw l-​adulti. Per eżempju, Proverbji 22:15 jgħid: “Il-​bluha b’għeruqha fil-​qalb taʼ kull tifel.” U l-​appostlu Pawlu ġie ispirat biex jikteb: “Meta kont tifel ċkejken, kont . . . naħseb taʼ tifel, nirraġuna taʼ tifel; imma issa li sirt raġel, neħħejt il-​karatteristiki taʼ tifel ċkejken.”—1 Korintin 13:11.

Tifel ma jistax jifhem kompletament xi jfissru l-​atti sesswali, u lanqas ma jistaʼ jimmaġina l-​konsegwenzi li jiġu hekk kif igerbu s-​snin. Għalhekk, nistgħu nifhmu sew li t-​tfal ma jistgħux japprovaw bis-​sħiħ biex jieħdu sehem f’relazzjonijiet sesswali. Fi kliem ieħor, jekk adult (jew żagħżugħ akbar sew) ikollu relazzjonijiet maʼ tifel, l-​individwu akbar ma jistax jiskuża l-​att billi jgħid li t-​tifel m’oġġezzjonax jew li t-​tifel stidinha b’idejh. L-​adult hu ħati taʼ stupru. Dan hu att kriminali, u spiss jiġi kastigat b’sentenza fil-​ħabs. Dak li jistupra huwa responsabbli taʼ l-​istupru, u mhux il-​vittma li ma riditx.

B’sogħba, iżda, il-​biċċa l-​kbira minn dawn l-​atti kriminali ma jiġux kastigati mill-​awtoritajiet illum. Per eżempju, ġie kalkulat li fl-​Awstralja 10 fil-​mija biss taʼ dawk li jwettqu l-​offiżi jiġu mħarrkin, u ftit jiġu dikjarati ħatjin. Pajjiżi oħrajn kellhom rekord simili. Filwaqt li l-​gvernijiet ftit li xejn jistgħu jipproteġu lill-​familja Kristjana, l-​applikar tal-​prinċipji Bibliċi jistaʼ jkun ferm iktar taʼ protezzjoni.

Il-Kristjani veri jirrealizzaw li l-​Alla li ġiegħel li dawn il-​prinċipji jiġu dokumentati fil-​Kelma tiegħu ma nbidilx. Hu jara kull azzjoni li nagħmlu, saħansitra dawk li huma moħbijin għall-​biċċa l-​kbira mill-​bnedmin. Il-​Bibbja tgħid: “Kollox hu għeri u mikxuf beraħ quddiem dak li rridu nagħtuh kont.”—Ebrej 4:13.

Alla jżommna responsabbli jekk niksru l-​kmandi tiegħu u nweġġgħu lill-​oħrajn. Mill-​banda l-​oħra, hu jberikna jekk inżommu mal-​kmandi tiegħu rigward il-​ħajja tal-​familja li huma taʼ benefiċċju. X’inhuma xi ftit minnhom?

Familja Magħquda bl-​Imħabba

“L-​imħabba,” tgħidilna l-​Bibbja, “hi rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kolossin 3: 14) Bħalma hi deskritta fil-​Bibbja, l-​imħabba m’hijiex sempliċement sentiment. Hi definita mill-​mod kif tqanqal—mill-​kondotta li tinkuraġġixxi u l-​azzjonijiet li tipprojbixxi. (1 Korintin 13:4-8) Fil-​familja, li nuru l-​imħabba jfisser li nittrattaw lil kull membru b’dinjità, b’rispett, u b’qalb tajba. Ifisser li ngħixu b’mod li juri li aħna fi qbil mal-​mod kif iqisha Alla. Alla jagħti lil kull wieħed irwol onorabbli u importanti.

Bħala l-​kap tal-​familja, il-​missier għandu jieħu t-​tmexxija f’li juri l-​imħabba. Hu jifhem li missier Kristjan m’għandux il-​libertà li jkun tirann, billi jabbuża mill-​qawwa tiegħu fuq martu u wliedu. Minflok, hu jħares lejn Kristu bħala eżempju rigward l-​istat taʼ kap. (Efesin 5:23, 25) Għalhekk, huwa teneru u kollu mħabba maʼ martu u paċenzjuż u ġentili maʼ wliedu. Hu lealment jipproteġihom u jagħmel ħiltu kollha biex jevita li tiġri xi ħaġa li tistaʼ tfixklilhom il-​paċi u l-​innoċenza tagħhom, jew il-​fiduċja u s-​sigurtà tagħhom.

Bl-istess mod, il-​mara u omm għandha rwol taʼ importanza vitali u dinjità. Il-​Bibbja tuża l-​istinti protettivi taʼ l-​ommijiet fost l-​annimali biex turi kemm Ġeħova u Ġesù jistgħu jkunu protettivi. (Mattew 23:37) Omm umana għandha tipproteġi lil uliedha bis-​sħiħ. Hekk kif turi mħabbitha, hi ma toqgħodx taħsibha biex tpoġġi s-​sigurtà u l-​benesseri tagħhom qabel tagħha stess. Il-​ġenituri ma jħallux l-​abbuż taʼ qawwa, theddid, jew biżaʼ jeżisti bejniethom jew maʼ wliedhom; u lanqas ma jħallu lil uliedhom jużaw tattiki bħal dawn bejniethom.

Hekk kif kull membru tal-​familja jittratta lil xulxin b’rispett u b’dinjità, se tiżdied il-​komunikazzjoni tajba. L-​awtur William Prendergast jgħid: “Il-​ġenituri kollha jrid ikollhom komunikazzjoni kuljum, kostanti, u mill-​qrib maʼ wliedhom żgħar jew adoloxxenti.” Hu jżid jgħid: “Din tidher li hi l-​aqwa soluzzjoni għall-​problema taʼ l-​abbuż sesswali.” Tabilħaqq, il-​Bibbja tagħtina l-​parir li jintuża proprju dan it-​tip taʼ komunikazzjoni kostanti u kollha mħabba. (Dewteronomju 6:6, 7) Meta tiġi applikata din id-​direzzjoni, id-​dar tkun post fejn kull membru jistaʼ jitkellem mill-​qalb, bil-​miftuħ, u fis-​sigurtà.

Huwa minnu li qed ngħixu f’dinja ħażina u mhux kull abbuż jistaʼ jiġi evitat. Minkejja dan, dar fis-​sigurtà tistaʼ tkun t’għajnuna kbira. Jekk xi membru tal-​familja jiġi mweġġaʼ barra mid-​dar, hu jew hi taf eżattament fejn tistaʼ tmur għall-​faraġ u s-​simpatija. Dar bħal din hi verament kenn, post taʼ protezzjoni f’dinja mimlija inkwiet. Jalla Alla jbierek l-​isforzi tiegħek biex tagħmel lill-​familja tiegħek post taʼ protezzjoni!

[Nota taʼ taħt]

a Din il-​kelma Griega antika kienet ġiet definita: “Bla ħniena lejn il-​familja.” B’hekk, traduzzjoni Biblika tittraduċi dan il-​vers: “Huma se . . . jonqsu li jkollhom imħabba normali għall-​familji tagħhom.”

[Kaxxa/Stampa f’paġna 10]

SUĠĠERIMENTI GĦAL DAR FIS-​SIGURTÀ

L-​Internet: Jekk uliedek għandhom aċċess għall-​Internet, huma għandhom bżonn xi istruzzjonijiet dwar kif jużawh b’tali mod li ma jkunx taʼ periklu. Jeżistu siti pornografiċi bla għadd kif ukoll chat rooms u sistemi soċjali oħrajn fejn il-​pedofili jfittxu lit-​tfal u jisseduċuhom. Ikun għaqli li l-​kompjuter jinżamm f’post fejn il-​ġenituri jistgħu faċilment jaraw kif uliedhom qed jużawh. Mingħajr is-​superviżjoni tal-​ġenituri t-​tfal qatt m’għandhom jagħtu informazzjoni persunali jew jirranġaw li jiltaqgħu personalment maʼ xi ħadd li jkunu ltaqgħu miegħu fuq l-​Internet.—Salm 26:4.

Ix-​Xorb Alkoħoliku: F’ħafna każijiet t’abbuż sesswali fuq it-​tfal sar użu mill-​alkoħol. L-​esperjenza turi li l-​adulti li jixorbu żżejjed għandhom it-​tendenza li ma jikkontrollawx lilhom infushom; u b’hekk xi wħud iċedu għal xewqat li jirnexxilhom irażżnu meta jkunu f’sensihom. Li nafu hu li dan il-​periklu jipprovdi raġuni oħra biex nagħtu kas il-​parir Bibliku ħalli nevitaw is-​sokor u x-​xorb żejjed.—Proverbji 20:1; 23:20, 31-33; 1 Pietru 4:3.

Il-​Privatezza: Waħda mara tiftakar: “Wara li mietet ommi, missieri kien l-​uniku wieħed fid-​dar li kellu l-​purtieri mat-​twieqi jew bieb għall-​kamra tiegħu. Lilna ma tana l-​ebda privatezza—lanqas fil-​kamra tal-​banju.” Dan ir-​raġel abbuża minn uliedu l-​bniet kollha. Kull membru tal-​familja għandu bżonn jifhem l-​importanza tal-​privatezza. Bħalma l-​ġenituri għandhom bżonn il-​privatezza minn uliedhom f’ċerti mumenti, l-​istess għandhom bżonn jagħtu ammont xieraq taʼ privatezza lil uliedhom hekk kif jimmaturaw. Ġenituri għaqlin jittrattaw lill-​oħrajn l-​istess bħalma jixtiequ jiġu trattati huma.—Mattew 7:12.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja