LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 1/08 pp. 4-8
  • Kif Tipproteġi lil Uliedek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tipproteġi lil Uliedek
  • Stenbaħ!—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Qed Tkun Int is-​Sors Primarju taʼ Protezzjoni?
  • Agħti lil Uliedek Informazzjoni dwar is-​Sess
  • Għallem lil Uliedek Xi Punti Bażiċi dwar Kif Jipproteġu Lilhom Infushom
  • Il-Ġenituri Kif Jistgħu Jgħallmu lil Uliedhom Dwar is-Sess?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • L-imħabba u l-ġustizzja minkejja l-ħażen
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Ħarreġ lit-Tfal Tiegħek mill-Infanzja
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Ġenituri, Ipproteġu l-Wirt Prezzjuż Tagħkom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2008
g 1/08 pp. 4-8

Kif Tipproteġi lil Uliedek

ĦADD minna ma jixtieq joqgħod jaħseb għal tul taʼ ħin dwar is-​suġġett taʼ l-​abbuż sesswali fuq it-​tfal. Il-​ġenituri jitkexkxu meta jaħsbu dwar dan! Madankollu, abbuż bħal dan huwa realtà tal-​biżaʼ u xejn pjaċevoli fid-​dinja taʼ llum, u l-​effetti li jħalli fuq it-​tfal jistgħu jkunu taʼ ħsara kbira. Huwa taʼ siwi li nikkunsidraw il-​kwistjoni? Tajjeb, int x’lest li tagħti sabiex uliedek ikunu fis-​sigurtà? Żgur li m’hijiex xi ħaġa kbira li titgħallem dwar ir-​realtajiet xejn pjaċevoli taʼ l-​abbuż sabiex iżżommhom fis-​sigurtà. Għarfien bħal dan jistaʼ tassew jagħmel differenza kbira.

Tħallix il-​pjaga taʼ l-​abbuż iżżommok lura milli tagħmel il-​qalb biex tittratta maʼ din il-​kwistjoni. Anki jekk ma tħossokx kapaċi, int għandek qawwa li wliedek m’għandhomx—abbiltajiet li wliedek jieħdu s-​snin, saħansitra għaxriet taʼ snin biex jiksbuhom. Matul is-​snin int akkumulajt għarfien, esperjenza, u għerf. Huwa fundamentali li ttejjeb dawn l-​abbiltajiet u tużahom biex tipproteġi lil uliedek. Se niddiskutu tliet passi bażiċi li kull ġenitur jistaʼ jieħu. Dawn huma: (1) Kun is-​sors primarju taʼ protezzjoni kontra l-​abbuż għal uliedek, (2) agħti lil uliedek biżżejjed informazzjoni dwar is-​sess, u (3) għallem lil uliedek xi punti bażiċi dwar kif jipproteġu lilhom infushom.

Qed Tkun Int is-​Sors Primarju taʼ Protezzjoni?

Huma l-​ġenituri li għandhom ir-​responsabbiltà primarja biex jipproteġu lil uliedhom kontra l-​abbuż, u mhux it-​tfal. Għalhekk, il-​ġenituri għandhom jiġu mgħallmin dwar l-​abbuż fuq it-​tfal qabel l-​ulied. Jekk int ġenitur, hemm bżonn tkun taf xi affarijiet dwar l-​abbuż fuq it-​tfal. Għandek bżonn tkun taf x’tip taʼ nies jabbużaw mit-​tfal u kif jipprovaw jagħmlu dan. Spiss, il-​ġenituri jaħsbu li dawk li jabbużaw ikunu stranġieri li jistaħbew fid-​dlam, waqt li jfittxu modi kif jisirqu u jistupraw lit-​tfal. Veru li jeżistu nies krudili bħal dawn. L-​aħbarijiet fuq il-​mezzi tax-​xandir spiss isemmuhom. Madankollu, huma relattivament rari. F’madwar 90 fil-​mija mill-​każijiet t’abbuż sesswali fuq it-​tfal, dak li jwettaq l-​att ikun xi ħadd li t-​tfal ikunu diġà jafuh u jafdawh.

Naturalment, ma tiħux pjaċir taħseb li xi ġâr dħuli, xi għalliem, xi ħaddiem fil-​kura tas-​saħħa, xi kowċ, jew xi qarib jistaʼ jixxennaq għal uliedek. Fir-​realtà, il-​biċċa l-​kbira min-​nies m’humiex hekk. M’għandekx għalfejn tibda tissuspetta f’kulmin għandek madwarek. Xorta waħda, int tistaʼ tipproteġi lil uliedek billi titgħallem dwar it-​tattiki li juża wieħed li jabbuża mit-​tfal.—Ara l-​kaxxa f’paġna 6.

Il-fatt li tkun taf tattiki bħal dawn jistaʼ jagħmel lilek, bħala ġenitur, iktar preparat biex taġixxi bħala s-​sors primarju taʼ protezzjoni għal uliedek. Per eżempju, jekk xi ħadd li jidher iktar interessat fit-​tfal milli fl-​adulti jagħżel lil xi ħadd minn uliedek u jagħtih attenzjoni u rigali speċjali jew joffri li joqgħod magħhom bla ħlas jew joħroġ waħdu magħhom, kieku x’tagħmel? Tikkonkludi li l-​individwu hu wieħed li jabbuża? Le. Tgħaġġilx biex tasal għal konklużjoni bħal din. Imġiba bħal din tistaʼ tkun innoċenti għalkollox. Minkejja dan, jistaʼ jġiegħlek toqgħod għassa. Il-​Bibbja tgħid: “Min hu nieqes minn moħħu jemmen kollox, min moħħu jilħaqlu jara sewwa qabel jemmen.”—Proverbji 14:15.

Ftakar li kull offerta li tidher ideali tistaʼ ma tkunx ġenwina. Eżamina bir-​reqqa lil kulmin joffri li jqattaʼ ftit ħin waħdu maʼ xi ħadd minn uliedek. Għid lil dan l-​individwu li se tittawwal lil uliedek minn ħin għall-​ieħor. Melissa u Brad, il-​ġenituri żgħar taʼ tliet subien, joqogħdu attenti meta jkunu se jħallu lil xi ħadd minn uliedhom waħdu maʼ xi adult. Meta wieħed mis-​subien kien ikollu l-​lezzjonijiet tal-​mużika fid-​dar, Melissa kienet tgħid lill-​għalliem: “Sakemm tkun hawnhekk jien se noqgħod dieħla u ħierġa mill-​kamra.” Għassa bħal din tistaʼ tinstemaʼ esaġerata, imma dawn il-​ġenituri jippreferu joqogħdu għassa issa milli jbatu l-​konsegwenzi mhux pjaċevoli wara.

Involvi ruħek b’mod attiv fl-​attivitajiet, fil-​ħbiberiji, u fix-​xogħol taʼ l-​iskola taʼ wliedek. Kun af id-​dettalji kollha dwar xi ħruġ li jkun ġie pjanat li jsir. Wieħed professjonista dwar is-​saħħa mentali li qattaʼ 33 sena jaħdem fuq każijiet t’abbuż sesswali jgħid li hu ra każijiet bla għadd li setgħu jiġu evitati b’daqsxejn t’attenzjoni min-​naħa tal-​ġenituri. Hu jikkwota dak li wieħed ħabsi li wettaq abbuż sesswali qal: “Prattikament il-​ġenituri jagħtuna lil uliedhom. . . . Lili tassew għamluhieli faċli.” Ftakar li l-​biċċa l-​kbira minn dawk li jabbużaw jippreferu jagħżlu tfal li jkunu faċli li jagħmluhom vittmi tagħhom. Il-​ġenituri li jinvolvu ruħhom b’mod attiv fil-​ħajja taʼ wliedhom ikunu qed jagħmlu lil uliedhom mira diffiċli.

Mod ieħor kif taġixxi bħala s-​sors primarju taʼ protezzjoni għal uliedek hu li tkun semmiegħ tajjeb. It-​tfal rari jgħidu li ġew abbużati; jistħu wisq u jinkwetaw dwar kif jistaʼ jirreaġixxi ħaddieħor. Għalhekk, ismaʼ b’attenzjoni anki għall-​iċken ħjiel.a Jekk xi ħadd minn uliedek jgħid xi ħaġa li tinkwetak, bil-​kalma kollha uża mistoqsijiet biex tħeġġu jitkellem.b Jekk jgħid li ma jridx li ċertu individwu jerġaʼ jieħu ħsiebu, staqsih għaliex. Jekk jgħid li xi adult jilgħab logħob stramb miegħu, staqsih: “Liema tip taʼ logħob? X’joqgħod jagħmel?” Jekk jilmenta li xi ħadd ikun għarrxu, staqsih, “Fejn għarrxek?” Tkunx ħafif biex tnaqqas mill-​importanza tat-​tweġibiet taʼ wliedek. Dawk li jabbużaw jgħidu lit-​tfal li ħadd m’hu se jemminhom; b’dispjaċir spiss hekk jiġri. U meta t-​tfal jiġu abbużati, pass kbir biex jirkupraw mill-​effetti taʼ l-​abbuż hu li ġenituri jemmnuhom u jappoġġawhom.

Agħti lil Uliedek Informazzjoni dwar is-​Sess

Xogħol taʼ referenza dwar is-​suġġett taʼ l-​abbuż fuq it-​tfal jikkwota ħabsi li kien wettaq abbuż meta qal: “Agħtini tifel li ma jaf xejn dwar is-​sess, u tkun tajtni l-​vittma li jmiss tiegħi.” Dan il-​kliem li jkexkxek huwa taʼ tfakkira utli għall-​ġenituri. Dawk li jabbużaw isibuha iktar faċli li jqarrqu bi tfal li ma jafu xejn dwar is-​sess. Il-​Bibbja tgħid li l-​għarfien u l-​għerf jistgħu jeħilsuna “minn nies taʼ kliem il-​għawġ.” (Proverbji 2:10-12) Mhux hekk tixtieq għal uliedek? Imbagħad bħala t-​tieni pass bażiku biex tipproteġih, iżżommx lura milli tgħallmu dwar dan is-​suġġett importanti.

Iżda, kif tistaʼ tagħmel dan? Ħafna ġenituri jsibu li s-​suġġett tas-​sess hu daqsxejn imbarazzanti biex jiddiskutuh maʼ wliedhom. Għandu mnejn li wliedek isibu li s-​suġġett hu saħansitra iktar imbarazzanti, u x’aktarx li mhux se jkunu huma li jibdew il-​konversazzjoni miegħek. Għalhekk, ħu l-​inizjattiva. Melissa tgħid: “Aħna bdejna minn kmieni, billi ngħidulhom il-​partijiet tal-​ġisem b’isimhom. Konna nużaw l-​ismijiet proprji, mhux ismijiet li jużaw għat-​trabi, biex nuruhom li m’hemm xejn tad-​daħq jew tal-​mistħija dwar kwalunkwe parti taʼ ġisimhom.” Imbagħad, jiġi naturali li tgħallimhom dwar l-​abbuż. Ħafna ġenituri sempliċement jgħidu lil uliedhom li l-​partijiet taʼ ġisimhom li jitgħattew bil-​malja taʼ l-​għawm huma privati u speċjali.

Heather, li ssemmiet fl-​artiklu taʼ qabel, tgħid: “Jien u Scott għedna lit-​tifel li l-​organu sesswali tiegħu hu privat, persunali, u mhux xi ġugarell. Ħadd m’għandu jilgħab bih—la l-​mamà, la l-​papà, u lanqas saħansitra tabib. Meta niħduh għand it-​tabib, jien nispjegalu li t-​tabib se jagħmel ċert li kollox sejjer tajjeb, u għalhekk forsi jmisslu hemm.” Minn żmien għal żmien, kemm il-​missier u kemm l-​omm iridu jieħdu sehem f’dawn il-​konversazzjonijiet informali, u jassiguraw lit-​tifel li hu dejjem jistaʼ jmur għandhom u jgħidilhom jekk xi ħadd imissu b’mod mhux xieraq jew iġiegħlu jħossu mhux komdu. L-​esperti fit-​trobbija tat-​tfal u l-​prevenzjoni kontra l-​abbuż huma tal-​parir li l-​ġenituri kollha jkollhom konversazzjonijiet bħal dawn maʼ wliedhom.

Ħafna sabu li l-​ktieb Tgħallem mill-​Għalliem il-​Kbirc hu tassew t’għajnuna biex jgħallmu dwar dan is-​suġġett. Kapitlu 32, “Kif Ġesù Ġie Protett,” għandu messaġġ dirett imma taʼ faraġ għat-​tfal dwar il-​perikli taʼ l-​abbuż u l-​importanza li jipproteġu lilhom infushom. “Il-​ktieb ipprovdielna mezz ideali biex insaħħu dak li konna għedna lil uliedna personalment,” tgħid Melissa.

Fid-dinja taʼ llum it-​tfal għandhom bżonn ikunu jafu li hemm xi nies li jkunu jridu jmissu t-​tfal jew iġiegħlu lit-​tfal imissuhom b’modi mhux xierqa. Dawn it-​twissijiet m’għandhomx ibeżżgħu lit-​tfal jew iġegħluhom ma jafdawx lill-​adulti kollha. “Din hi sempliċement informazzjoni sabiex jipproteġu lilhom infushom,” tgħid Heather. “U hi waħda mill-​ħafna informazzjonijiet oħrajn, li l-​biċċa l-​kbira minnhom m’għandhomx x’jaqsmu maʼ l-​abbuż. It-​tifel tiegħi ma beżax minn din l-​informazzjoni.”

L-edukazzjoni taʼ wliedek għandha tinkludi ħarsa bilanċjata lejn l-​ubbidjenza. Huwa importanti u diffiċli li tgħallem tifel biex jobdi. (Kolossin 3:20) Madankollu, dawn il-​lezzjonijiet jistgħu jmorru fl-​estrem. Jekk tifel jiġi mgħallem li għandu dejjem jobdi lil kwalunkwe adult, minkejja ċ-​ċirkustanzi, ikun hemm iktar riskju li jiġi abbużat. Dawk li jabbużaw malajr jindunaw meta t-​tfal ikunu lesti li jobdu kollox. Ġenituri għaqlin jgħallmu lil uliedhom li l-​ubbidjenza hija relattiva. Għall-​Kristjani, dan jistaʼ ma jkunx daqshekk komplikat. Dan sempliċement ifisser li tgħidilhom: “Jekk xi ħadd jgħidlek biex tagħmel xi ħaġa li Alla Ġeħova jgħid li hi ħażina, m’għandekx tagħmilha. Anki l-​mamà u l-​papà qatt m’għandhom jgħidulek biex tagħmel xi ħaġa li Ġeħova jgħid li hi ħażina. U dejjem tistaʼ tgħid lill-​mamà jew lill-​papà jekk xi ħadd jipprova jġiegħlek tagħmel xi ħaġa ħażina.”

Fl-aħħar, għallem lit-​tifel li ħadd m’għandu jgħidlu biex iżomm sigriet minnkom. Għidulu li jekk xi ħadd jgħidlu biex iżomm xi sigriet minnkom, hu dejjem għandu jiġi u jgħidilkom. Jgħidulu x’jgħidulu—anki jekk dak li jkun abbuża minnu jkun heddu bil-​biżaʼ jew hu stess ikun għamel xi ħaġa ħażina—dejjem hu tajjeb li jiġi għand il-​mamà jew il-​papà u jgħidilhom x’ġara. Istruzzjoni bħal din m’għandhiex għalfejn tbeżżaʼ lit-​tifel. Tistgħu tassigurawh li l-​biċċa l-​kbira min-​nies qatt m’huma se jagħmlu dawn l-​affarijiet—imissuh fejn mhux suppost, jgħidulu biex ma jobdix lil Alla, jew jgħidulu biex iżomm sigriet. L-​istess bħalma jkun hemm postijiet minfejn taħrab f’każ taʼ nar, din hi informazzjoni għal li jistaʼ jinqalaʼ u li x’aktarx qatt ma se jkun hemm bżonnha.

Għallem lil Uliedek Xi Punti Bażiċi dwar Kif Jipproteġu Lilhom Infushom

It-​tielet pass li se niddiskutu f’dan l-​artiklu hu li tgħallem lil uliedek xi azzjonijiet sempliċi li għandhom jieħdu f’każ li xi ħadd jipprova jipprofitta ruħu minnhom meta int ma tkunx hemm. Metodu minnhom li taʼ spiss jiġi suġġerit hu bħal logħba. Il-​ġenituri jistaqsu “X’tagħmel li kieku . . . ?” u t-​tifel iwieġeb. Int tistaʼ tgħid, “Kieku x’tagħmel jekk inkunu qed nixtru flimkien u nitilfu lil xulxin? Kif issibni?” It-​tweġiba tat-​tifel forsi ma tkunx eżatt kif tixtieq int, imma tistaʼ tiggwidah permezz taʼ iktar mistoqsijiet, bħal “Tistaʼ taħseb dwar xi ħaġa li tkun iktar taʼ sigurtà?”

Tistaʼ tuża mistoqsijiet simili biex tistaqsi lit-​tifel xi tkun l-​aħjar reazzjoni jekk xi ħadd jipprova jmissu b’mod mhux xieraq. Jekk it-​tifel faċilment jitfixkel b’mistoqsijiet bħal dawn, tistaʼ tipprova tgħidlu storja dwar tfal oħrajn. Per eżempju: “Tifla żgħira qiegħda maʼ qarib li tħobb, imma mbagħad jipprova jmissha fejn mhux suppost. X’taħseb li għandha tagħmel biex tibqaʼ fis-​sigurtà?”

X’għandek tgħallmu jagħmel lit-​tifel tiegħek f’sitwazzjonijiet bħal din li semmejna? Innota x’qal awtur wieħed: “Meta tkun sod u tgħid ‘Le!’ jew ‘Tagħmilx hekk!’ jew ‘Ħallini!’ tassew jirnexxilek tbeżżaʼ lil dak li qed jipprova jisseduċi biex jieqaf u jbiddel l-​għażla tiegħu jew tagħha tal-​vittma.” Għin lit-​tifel jirreċta xeni qosra sabiex iħossu kunfidenti f’li jirrifjuta b’vuċi għolja, jaħrab malajr, u jiġi jgħidlek b’dak kollu li jkun ġara. Tifel li jidher li jkun fehem it-​taħriġ bir-​reqqa jistaʼ faċilment jinsieh fi ftit ġimgħat jew xhur. Għalhekk, irripeti dan it-​taħriġ regolarment.

Dawk kollha li jieħdu ħsieb it-​tifel, inkluż l-​irġiel—kemm jekk il-​missier, il-​missier tar-​rispett, jew xi qraba rġiel oħrajn—għandhom jieħdu sehem f’dawn id-​diskussjonijiet. Għala? Għax dawk kollha involuti f’dan it-​taħriġ huma, fil-​fatt, qed iwiegħdu lit-​tifel li qatt m’huma se jagħmlu atti t’abbuż bħal dawn. B’sogħba, ħafna abbużi sesswali fil-​fatt iseħħu fil-​familja. L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti kif tistaʼ tagħmel lill-​familja tiegħek post taʼ protezzjoni f’dinja abbużiva.

[Noti taʼ taħt]

a L-esperti jgħidu li ħafna mit-​tfal li jkunu ġew abbużati, mingħajr ma jitkellmu, jagħtu indikazzjonijiet li hemm xi ħaġa ħażina. Per eżempju, jekk tifel għal għarrieda jerġaʼ jibda jaġixxi bħalma kien jaġixxi meta kien iżgħar, bħal per eżempju, jagħmel taħtu fis-​sodda, ma jkunx irid jitlaq lill-​ġenituri, jew jibżaʼ joqgħod waħdu, hu għandu mnejn ikun qed jagħti indikazzjoni li hemm xi ħaġa serja li qed iddejqu. Sintomi bħal dawn mhux bilfors ifissru li t-​tifel ikun ġie abbużat. Bil-​kalma kollha ġiegħlu jitkellem bil-​miftuħ biex tifhem il-​kaġun tad-​dwejjaq tiegħu ħalli tkun tistaʼ tagħtih il-​faraġ, l-​assigurazzjoni, u l-​protezzjoni tiegħek.

b Biex ikun iktar faċli, qed nirreferu għal dak li jabbuża u għall-​vittma fil-​maskil. Iżda, l-​istess prinċipji japplikaw hu x’inhu s-​sess taʼ l-​individwu.

c Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Kumment f’paġna 5]

Kun is-​sors primarju taʼ protezzjoni għal uliedek

[Kumment f’paġna 7]

Agħti lil uliedek informazzjoni dwar is-​sess

[Kumment f’paġna 8]

Għallem lil uliedek xi punti bażiċi dwar kif jipproteġu lilhom infushom

[Kaxxa f’paġna 4]

L-​ABBUŻ SESSWALI—PROBLEMA GLOBALI

Fl-​2006, is-​segretarju ġenerali tal-​Ġnus Magħquda wassal rapport dinji lill-​Assemblea Ġenerali tal-​ĠM dwar il-​vjolenza kontra t-​tfal, liema rapport kien miġbur minn espert indipendenti għall-​ĠM. Skond ir-​rapport, matul sena reċenti, bejn wieħed u ieħor 150 miljun tifla u 73 miljun tifel taħt it-​18-il sena esperjenzaw “sess sforzat jew forom oħrajn taʼ vjolenza sesswali.” Dawn in-​numri jġibulek għajnejk wara widnejk, imma r-​rapport jgħid: “Ċertament li n-​numru attwali huwa ferm ogħla.” Stħarriġ li sar bir-​reqqa minn 21 pajjiż indika li f’xi pajjiżi madwar 36 fil-​mija min-​nisa u 29 fil-​mija mill-​irġiel kienu ġew suġġetti għal xi forma taʼ moħqrija sesswali fittfulija. Il-​maġġorparti taʼ dawk li wettqu l-​att kienu qraba!

[Kaxxa f’paġna 6]

METODU TIPIKU TAʼ SEDUZZJONI

Wieħed li jabbuża x’aktarx li jħaddem moħħu u ma jużax il-​forza fuq il-​vittmi tiegħu. Pjuttost, hu forsi jippreferi jisseduċi lit-​tfal bil-​mod il-​mod. Hu jibda billi jagħżel vittma, taʼ spiss tifel, jew tifla, li jkun jidher vulnerabbli u li jafda, u b’hekk relattivament faċli biex jikkontrollah. Imbagħad hu jagħżel lil dak it-​tifel biex jagħtih attenzjoni speċjali. Hu għandu mnejn jipprova wkoll jirbaħ il-​fiduċja tal-​ġenituri tiegħu. Dawk li jabbużaw spiss ikunu esperti f’li jagħmlu taʼ bir-​ruħhom li jinteressahom sinċerament mit-​tifel u mill-​familja.

Maż-​żmien, dak li jabbuża jibda jipprepara lit-​tifel għall-​abbuż. Hu bil-​mod il-​mod jibda jkollu kuntatt fiżiku mat-​tifel permezz taʼ wiri t’affezzjoni li tidher innoċenti, logħob taʼ l-​idejn, u tagħrix. Għandu mnejn jagħti rigali kbar u jibda jifred lit-​tifel mill-​ħbieb, minn ħutu, u mill-​ġenituri, sabiex iqattaʼ ħin waħdu miegħu. F’xi mument jew ieħor, hu forsi jgħid lit-​tifel biex iżomm xi sigriet żgħir mill-​ġenituri—forsi xi rigal jew pjanijiet għal xi ħarġa li jkunu se jagħmlu fil-​futur. Tattiki bħal dawn iwittu t-​triq għas-​seduzzjoni. Meta dak li jabbuża jkun rebaħ il-​fiduċja tat-​tifel u l-​fiduċja tal-​ġenituri, hu jkun lest biex jabbużah.

Għal darb’oħra, x’aktarx li hu jagħmel kollox b’mod sottili minflok b’mod vjolenti jew bil-​forza. Għandu mnejn jipprofitta ruħu mill-​kurżità naturali tat-​tifel dwar is-​sess, billi joffri li jagħmilha taʼ l-​“għalliem,” jew forsi jissuġġerixxi li jilagħbu “logħba speċjali” flimkien li huma biss ikunu jafu biha. Jistaʼ juri l-​pornografija lit-​tifel sabiex din l-​imġiba jagħmilha tidher normali.

Jekk jirnexxilu jabbuża mit-​tifel, imbagħad ikun ansjuż sakemm jaċċerta ruħu li t-​tifel ma jgħid lil ħadd dwar x’ġara. Hu għandu mnejn juża diversi tattiki, inkluż theddid, rikatt, u ħtija, jew forsi juża wħud minnhom flimkien. Per eżempju, hu jistaʼ jgħid: “It-​tort tiegħek. Int m’għedtlix biex nieqaf.” Jistaʼ jżid jgħid: “Jekk tgħid lill-​ġenituri tiegħek, huma jċemplu lill-​pulizija u jibagħtuni l-​ħabs għal għomri.” Jew forsi jgħid: “Dan hu s-​sigriet tagħna. Jekk titkellem, ħadd m’hu se jemmnek. Jekk xi darba l-​ġenituri tiegħek isiru jafu, nagħmlilhom il-​ħsara.” Individwi bħal dawn m’għandhom ebda limitu għat-​tattiki qarriqin u malizzjużi li jistgħu jużaw.

[Stampa f’paġna 5]

Involvi ruħek fl-​attivitajiet taʼ wliedek

[Stampa f’paġna 7]

Iżżommx lura milli tgħallem lil uliedek dwar is-​sess

[Stampa f’paġna 8]

Għallem lil uliedek ikunu sodi u determinati jekk huma qatt jiffaċċjaw lil xi ħadd li jabbuża minnhom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja