Il-Ħsara li Tikkaġuna l-Pornografija
IL-MATERJAL sesswali taʼ kull tip jistaʼ jinkiseb faċilment permezz tat-televixin, il-films, il-vidjos tad-diski, u l-Internet. Huma dawn l-istampi mentali pornografiċi u sesswalizzati, li bla ma rridu, ninsabu mdawrin bihom il-ħin kollu, tassew bla ħsara, kif iriduna nemmnu ħafna wħud?a
L-Effett tal-Pornografija fuq il-Kbar
Jgħidu x’jgħidu dawk li jiddefendu l-pornografija, din għandha effett negattiv ħafna fuq il-ħarsa tan-nies lejn is-sess u l-imġiba sesswali. Riċerkaturi tal-Fondazzjoni Nazzjonali għar-Riċerka dwar il-Familji u l-Edukazzjoni kkonkludew li “min jara l-pornografija għandu ċans akbar li jiżviluppa tendenzi żbaljati fl-imġiba sesswali.” Skond ir-rapport, “il-ħrafa taʼ l-istupru (it-twemmin li n-nisa jikkaġunaw l-istupru u jieħdu gost bih, u li dawk li jistupraw huma normali) hija komuni ħafna fost l-irġiel li għandhom il-vizzju li jaraw il-pornografija.”
Xi riċerkaturi jgħidu li l-użu frekwenti tal-pornografija jistaʼ jtellef lil dak li jkun milli jgawdi u jieħu sehem fl-intimità normali taż-żwieġ. Dr. Victor Cline, speċjalista fil-kura mill-vizzju tas-sess, innota żvilupp taʼ kundizzjoni kronika f’min juża l-pornografija. Jekk ma jikkontrollawhiex, dawk li jibdew billi b’kumbinazzjoni jaraw il-pornografija jistgħu fl-aħħar jispiċċaw jibdew jaraw materjal iktar goff u mhux normali. Hu jisħaq li dan jistaʼ jwassal għal atti sesswali perversi. Ix-xjenzati li jistudjaw l-imġiba tal-bniedem jaqblu miegħu. Dr. Cline jirrapporta li “b’dan il-mod wieħed jistaʼ jibda jippreferi atti sesswali perversi u ma jkunx jistaʼ jeħles minnhom lanqas jekk iħossu ħati ferm.” Eventwalment, dak li jaraha jistaʼ jipprova jwettaq fantasiji immorali bbażati fuq il-pornografija, spiss b’riżultati diżastrużi.
Cline kkonkluda li din il-problema tistaʼ tiġi bil-mod u mingħajr ma jinduna l-individwu. Hu jgħid: “Bħall-kankru, tibqaʼ tikber u tinxtered. Kważi qatt ma tieqaf tikber, u huwa wkoll diffiċli ħafna li tikkuraha u tfejjaqha. Ħafna drabi jiġri li r-raġel li jkollu l-vizzju jiċħad il-problema u ma jkunx irid jiffaċċjaha u dan tistennieh. Spiss ir-riżultat ikun nuqqas taʼ qbil fiż-żwieġ jew bejn il-koppja, xi drabi għad-divorzju, u kultant anki jwassal għal firda f’relazzjonijiet intimi oħra.”
Il-Ħsara liż-Żgħażagħ
L-istatistiċi juru li l-iktar uħud li jaraw il-pornografija huma s-subien taʼ bejn it-12 u s-17-il sena. Fil-fatt, għal ħafna, il-pornografija hija s-sors primarju minfejn jitgħallmu dwar is-sess. Dan għandu konsegwenzi verament allarmanti. Rapport wieħed jinnota: “It-tqala fost l-adolexxenti u l-mard trasmess sesswalment bħall-AIDS ma jidhrux b’nemes fil-pornografija, u għalhekk jagħtu l-impressjoni falza li ma hemm ebda konsegwenzi għall-imġiba li tidher fil-pornografija.”
Xi riċerkaturi jgħidu wkoll li meta t-tfal jiġu esposti għall-pornografija din tistaʼ teffettwalhom l-iżvilupp naturali taʼ moħħhom. Dr. Judith Reisman, li hija l-presidentessa taʼ Istitut għall-Edukazzjoni fil-Mezzi tax-Xandir, tikkonkludi billi qalet li saru xi studji tas-sistema nervuża u taʼ kif tiġi effettwata, fil-mod kif il-moħħ iwieġeb awtomatikament għal xeni u ħsejjes pornografiċi. Dawn jindikaw li meta wieħed jara l-pornografija jkun qed iqanqal reazzjoni li tibdel il-moħħ bijoloġikament. Din ir-reazzjoni tfixkel il-proċess normali fejn wieħed jirraġuna qabel jaċċetta xi ħaġa—u dan hu taʼ ħsara għall-imħuħ [flessibbli] tal-‘plastik’ li jkollhom it-tfal għaliex jipperikola l-mod kif huma jaraw ir-realtà u għalhekk jeffettwa s-saħħa mentali u fiżika tagħhom, il-benesseri tagħhom u l-ferħ li jixtiequ.
L-Effetti fuq ir-Relazzjonijiet
Il-pornografija tifforma l-attitudnijiet u tinfluwenza l-imġiba taʼ dak li jkun. Il-messaġġi li tagħti jħajru lill-individwu primarjament għaliex huma fantasija u għalhekk jidhru ħafna iktar eċċitanti mir-realtà. (Ara l-kaxxa “Liema Messaġġ Se Taċċetta?”) Rapport wieħed jinnota li “dawk li jużaw il-pornografija jiżviluppaw stennijiet mhux realistiċi li jħassru r-relazzjonijiet.”
Il-pornografija tistaʼ tkisser il-fiduċja u l-onestà, kwalitajiet essenzjali fiż-żwieġ. Peress li ġeneralment min jaraha jagħmel dan bil-moħbi, il-pornografija spiss twassal għall-qerq u l-gideb. L-imseħbin fiż-żwieġ iħossuhom traduti. Ma jifhmux għala l-parti l-oħra ma tibqax miġbuda lejhom.
Ħsara Spiritwali
L-użu tal-pornografija jikkaġuna ħsara spiritwali kbira. Din tistaʼ ssir xkiel verament kbir għal individwu li jkun qed ifittex li jkollu relazzjoni m’Alla.b Il-Bibbja torbot il-ġibdiet sesswali mar-regħba u l-idolatrija. (Kolossin 3:5) Min ikun rgħib għal xi ħaġa tant ikun jixxennaq għaliha li ssir l-iktar ħaġa importanti f’ħajtu, waqt li jwarrab fil-ġenb l-affarijiet l-oħra kollha. Fir-realtà, dawk li għandhom il-vizzju tal-pornografija jqiegħdu x-xewqa sesswali tagħhom qabel Alla. Għal din ir-raġuni huma jagħmluha qisha l-idolu tagħhom. Alla Jehovah ikkmanda: “Ma jkollokx allat oħra għajri.”—Eżodu 20:3.
Il-pornografija teqred relazzjonijiet kollhom imħabba. L-appostlu Pietru, li hu stess kien raġel miżżewweġ, ħeġġeġ lill-Kristjani rġiel miżżewġin biex jonoraw lin-nisa tagħhom. Raġel li jonqos milli jagħmel hekk se jsib tfixkil fit-talb tiegħu ’l Alla. (1 Pietru 3:7) Ikun l-individwu qed jonora lil martu meta jara stampi mhux xierqa taʼ nisa? Kif se tħossha jekk tinduna? U x’se jaħseb l-Alla li se “jġib għall-ħaqq tiegħu l-għemejjel kollha” u li jiżen il-qlub? (Koħèlet 12:14; Proverbji 16:2) Jistaʼ min juża l-pornografija jistenna li Alla jismaʼ t-talb tiegħu?
Karatteristika li tispikka f’min juża l-pornografija hi li l-individwu jkun irid akkost taʼ kollox ipaxxi lilu nnifsu b’mod egoistiku. Għalhekk, min jara l-pornografija huwa nieqes mill-imħabba. Din iddgħajjef il-ġlieda tal-Kristjan biex jibqaʼ safi u jżomm reputazzjoni morali nadifa m’Alla. L-appostlu Pawlu kiteb: “Dan irid Alla minnkom: il-qdusija tagħkom, li titbiegħdu miż-żína, u li kull wieħed minnkom iżomm ’il ġismu fil-qdusija u l-ġieħ, u ma jħallix il-passjoni tegħlbu . . . F’din il-ħaġa ħadd ma għandu jagħmel tort jew ħsara lil ħuh.”—1 Tessalonikin 4:3-7.
Il-pornografija tisfrutta speċjalment lin-nisa u t-tfal. Din tbaxxihom u tisirqilhom id-dinjità u d-drittijiet tagħhom. Min juża l-pornografija jieħu sehem f’dan l-isfruttar u jappoġġah. Ir-riċerkaturi Steven Hill u Nina Silver jgħidu: “Raġel, jaħseb kemm jaħseb li hu . . . tajjeb, jekk juża l-pornografija, u għalhekk jappoġġaha, juri jew li fl-aħjar każ hu [insensittiv], jew li fl-agħar każ għandu mibegħda għan-nisa, u dan għall-persuna stess li hu jgħid li jħobb.”
Kif Teħles mill-Vizzju tal-Pornografija
Xi ngħidu jekk int bħalissa qed tissielet kontra l-vizzju tal-pornografija? Tistaʼ tagħmel xi ħaġa biex tinħeles minnha? Il-Bibbja tagħtik tama! Qabel ma saru jafu lil Kristu, xi wħud mill-Kristjani tal-bidu kienu żienja, adulteri, u rgħiba. Pawlu nnota, “Imma issa tnaddaftu.” Dan kif kien possibbli? Hu wieġeb: “Tqaddistu . . . fl-Ispirtu taʼ Alla tagħna.”—1 Korintin 6:9-11.
Qatt tnaqqas il-valur tal-qawwa taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla. “Alla hu fidil,” tgħid il-Bibbja, “u ma jħallikomx tiġġarrbu aktar milli tifilħu.” Tabilħaqq, hu se jagħtik il-qawwa u l-għajnuna. (1 Korintin 10:13) Talb bil-ħrara—billi b’mod persistenti tiddiskuti l-problema tiegħek m’Alla—se jipproduċi r-riżultati. Il-Kelma tiegħu tinkuraġġixxi: “Ħalli xortik [“it-tagħbija tiegħek,” Karm Żammit] f’idejn il-Mulej, u hu jgħinek u jwieżnek; hu qatt ma jħalli l-ġust jitfixkel.”—Salm 55:23 (55:22, NW).
M’għandniex xi ngħidu, int trid taġixxi fi qbil mat-talb tiegħek. Trid tiddeċiedi minn jeddek u minn qalbek li tiċħad il-pornografija. Tistaʼ ssib għajnuna prezzjuża mingħand ħabib jew membru tal-familja li tafdah, għaliex se jagħtik l-appoġġ u l-inkuraġġiment li għandek bżonn biex iżżomm mad-deċiżjoni tiegħek. (Ara l-kaxxa “Kif Tikseb l-Għajnuna.”) Se tiġi megħjun tibqaʼ determinat jekk iżżomm f’moħħok li din l-azzjoni żgur se togħġob lil Alla. (Proverbji 27:11) Barra minn hekk, il-fatt li taf li jekk tara l-pornografija se toffendi ’l Alla żgur li se jkompli wkoll jinkuraġġik biex ma tibqax taraha. (Ġenesi 6:5, 6) Mhix se tkun ġlieda faċli, iżda hija waħda li tistaʼ tirnexxi. Il-vizzju tal-pornografija jistaʼ jinqataʼ!
Il-perikli taʼ l-użu tal-pornografija huma reali. Il-pornografija hija taʼ ħsara u diżastruża. Din tikkorrompi lil dawk li jipproduċuha u lil dawk li jużawha. Tinsulta kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa, hija perikoluża għat-tfal, u hija prattika li għandha tiġi miċħuda.
[Noti taʼ taħt]
a Għal diskussjoni dettaljata dwar il-perikli tal-pornografija fuq l-Internet, jekk jogħġbok ara s-serje t’artikli intitolata “Il-Pornografija fuq l-Internet—Xi Ħsara Tistaʼ Tagħmel?” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-8 taʼ Ġunju, 2000, paġni 3-10.
b Għal diskussjoni dwar il-ħarsa tal-Bibbja lejn il-pornografija, jekk jogħġbok ara l-ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-8 taʼ Lulju, 2002, paġni 19-21.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 10]
Kif Tikseb l-Għajnuna
M’għandniex naħsbu li l-ġlieda biex dak li jkun jeħles mill-pornografija hija xi waħda faċli; din tistaʼ tkun ġlieda iebsa. Dr. Victor Cline, li kkura mijiet taʼ nies ossessjonati bis-sess, jgħid: “Il-wegħdi ma jaħdmux. L-intenzjonijiet tajbin m’huma xejn. [Min hu ossessjonat bis-sess] letteralment ma jistax jirnexxi waħdu.” Skond Cline, biex il-kura tirnexxi jkun aħjar li tinvolvi l-parti l-oħra fiż-żwieġ, jekk l-individwu jkun miżżewweġ. “Iktar taħdem malajr jekk it-tnejn li huma jkunu involuti,” jisħaq hu. “It-tnejn li huma jkunu mweġġgħin. It-tnejn li huma għandhom bżonn l-għajnuna.”
Jekk l-individwu m’huwiex miżżewweġ, spiss ħabib jew membru tal-familja li jafdah jistaʼ jkun t’għajnuna kbira. Ikun min ikun involut fil-kura, Cline għandu regola waħda li ma titbiddilx: Tkellem bl-onestà dwar il-problema u anki jekk terġaʼ taqaʼ. Hu jgħid, “Is-sigrieti ‘joqtluk.’ . . . Dawn joħolqu l-mistħija u s-sens taʼ ħtija.”
[Tabella f’paġna 9]
Liema Messaġġ Se Taċċetta?
Il-Messaġġ tal-Pornografija Il-Ħarsa tal-Bibbja
◼ Sess maʼ kulmin jiġi, ◼ “Ħalli jkun iż-żwieġ tagħkom
ikun x’ħin ikun, ikunu xi miżmum fil-ġieħ minn kulħadd u
jkunu ċ-ċirkustanzi, u bi s-sodda taż-żwieġ bla tinġis, għax
kwalunkwe mod huwa tajjeb Alla għad jagħmel ħaqq miż-żienja
u m’għandu l-ebda u mill-adulteri.”—Lhud 13:4.
konsegwenzi ħżiena.
“Min jagħmel iż-żína jkun qiegħed
jidneb kontra ġismu stess.”
—1 Korintin 6:18; ara wkoll
◼ Iż-żwieġ huwa ostaklu ◼ “Mart żgħożitek! Ifraħ biha.
għas-sodisfazzjon sesswali. . . . Issaħħrek bla heda mħabbitha.”
—Proverbji 5:18, 19; ara wkoll
Ġenesi 1:28; 2:24; 1 Korintin 7:3.
◼ In-nisa qegħdin għal ◼ “[Jien, Alla Jehovah] ħa
skop wieħed biss—biex nagħmillu għajnuna tgħodd għalih.”
jissodisfaw il-bżonnijiet —Ġenesi 2:18; ara wkoll Efesin 5:28.
sesswali taʼ l-irġiel.
◼ L-irġiel u n-nisa huma ◼ “Mewwtu ġo fikom dak kollu li hu
skjavi tax-xewqat sesswali taʼ l-art: żína, faħx, ġibdiet,
tagħhom. xewqat ħżiena, u r-regħba, li hi
idolatrija.”—Kolossin 3:5.
“Kull wieħed minnkom iżomm ’il ġismu
fil-qdusija u l-ġieħ.”
“Imxi man-nisa mdaħħlin fiż-żmien
bħallikieku ommijiet, u man-nisa
żgħażagħ bħallikieku ħutek, bis-safa
kollu.”—1 Timotju 5:1, 2; ara wkoll
l-1 Korintin 9:27.
[Stampa f’paġna 7]
Xi riċerkaturi jgħidu li meta t-tfal jaraw il-pornografija din tistaʼ teffettwalhom l-iżvilupp naturali taʼ moħħhom
[Stampa f’paġna 8]
Il-pornografija tistaʼ tkisser il-fiduċja u l-onestà fiż-żwieġ
[Stampa f’paġna 10]
It-talb bil-ħrara se jipproduċi r-riżultati