Għala Hija l-Pornografija Daqshekk Mifruxa?
IL-MATERJAL erotiku mħejji biex iqanqal emozzjonijiet sesswali ilu jeżisti għal eluf taʼ snin. Iżda fil-maġġor parti taʼ l-istorja tagħha, il-pornografija kienet diffiċli biex issir u għalhekk kienet disponibbli primarjament għall-klassi taʼ l-għonja u l-ħakkiema. L-istampar fi kwantità kbira u l-invenzjoni tal-fotografija u l-films biddlu dan kollu. Il-pornografija saret irħisa u disponibbli għal dawk li m’humiex daqshekk tal-flus.
L-iżvilupp tal-vidjokasett rikorder kabbar din id-drawwa. Kuntrarju għar-rukkell taċ-ċinema jew ir-ritratti antiki, kien faċli li taħżen, tikkopja, u tqassam il-vidjos. Dawn setgħu jittieħdu wkoll biex dak li jkun jarahom fil-privatezza taʼ daru. Dan l-aħħar, iż-żjieda fis-sistemi tat-televixin bil-cable u taʼ l-Internet għamlet il-pornografija disponibbli saħansitra iktar malajr. Dak li jibżaʼ li l-ġar se jarah fis-sezzjoni tal-vidjos taʼ l-adulti għand tal-ħanut, issa jistaʼ “jibqaʼ d-dar u jordnahom billi jagħfas buttuna fis-sistema tat-televixin bil-cable jew bis-satellita,” jgħid Dennis McAlpine, analista tal-mezzi tax-xandir. Il-fatt li dawn il-programmi jistgħu jinkisbu faċilment, skond McAlpine, ikkontribwixxa biex il-pornografija “tiġi aċċettata minn ħafna iktar nies.”
Il-Pornografija Ssir Aċċettata minn Ħafna
Ħafna jħossuhom imħawdin dwar il-pornografija għaliex issa saret aċċettata minn ħafna. “Diġà għandha effett qawwi fuq il-kultura tagħna iktar mill-opera, il-balè, it-teatru, il-mużika u l-arti kollha kemm huma flimkien,” tgħid il-kittieba Germaine Greer. L-attitudnijiet moderni lejn il-pornografija jistaʼ jkun li huma riflessi fil-moda taʼ l-ilbies tal-prostituti li jilbsu ħafna nies famużi, il-vidjos tal-mużika li dejjem juru ħafna xeni sesswali, u r-reklamar li jagħmel referenza għall-pornografija. McAlpine jikkonkludi: “Is-soċjetà qed taċċetta dak li qed jingħatalha bl-imgħarfa. . . . Dan qed jgħin biex tinħoloq l-idea li dan kollu huwa aċċettabbli.” Bħala riżultat, “in-nies donnhom li m’għadhomx jinħasdu,” tilmenta l-awtriċi Andrea Dworkin. “Donnu lanqas jimpurtahom.”
X’Hemm Wara l-Pornografija
B’kummenti simili għal taʼ Dworkin, l-aġent irtirat taʼ l-FBI, Roger Young, isemmi li ħafna nies “lanqas biss jaraw il-konsegwenzi kollha u l-problemi li tikkaġuna.” Xi wħud jiġu żvijati minn dawk li jiddefendu l-pornografija, għaliex dawn jisħqu li m’hemm ebda prova li xeni pornografiċi għandhom effett negattiv fuq in-nies. “Wara kollox, il-pornografija hija biss fantasija,” jikteb l-awtur F. M. Christensen, “fatt li min jopponiha jsibu diffiċli biex jifhmu.” Imma jekk il-fantasija ma tinfluwenzax lil dak li jkun, allura fuqiex hija bbażata l-industrija tar-reklamar? Il-korporazzjonijiet għala jonfqu miljuni taʼ dollari biex jipproduċu r-reklami, il-vidjos, u r-reklami stampati jekk dawn m’għandhomx effett li jdum fuq in-nies?
Il-fatt hu li bħal kull reklam li jirnexxi, l-iskop prinċipali tal-pornografija hu li joħloq xewqat li qabel ma kinux jeżistu. “Il-pornografija ssir biss minħabba l-profitti, u xejn iktar,” jiktbu r-riċerkaturi Steven Hill u Nina Silver. “U f’dan in-negozju li ma jistax jiġi kontrollat, kollox huwa kunsidrat bħala li jistaʼ jintuża għall-profitt, speċjalment ġisem in-nisa u r-relazzjonijiet sesswali bejn il-bnedmin.” Greer tqabbel il-pornografija maʼ l-ikel taʼ malajr li ssir tiddependi minnu, nieqes min-nutriment u mħallat b’affarijiet u kimiċi li jżidu t-togħma. Hi tgħid: “Is-sess kummerċjali taʼ malajr m’huwiex sess ġenwin. . . . Ir-reklami taʼ l-ikel iħajruk tixtri ikel mhux tajjeb għalik u r-reklamar tas-sess iħajrek għal sess mhux tajjeb għalik.”
Xi tobba jgħidu li l-pornografija tistaʼ tqabbdek vizzju li hu ħafna iktar diffiċli biex tegħlbu mill-vizzju tad-droga. It-trattament għal dawk li jkollhom il-vizzju tad-droga jibda b’kura flimkien maʼ perijodu t’astinenza biex id-droga toħroġ mill-ġisem. Iżda Dr. Mary Anne Layden, taʼ l-Università taʼ Pennsylvania, tispjega li l-vizzju tal-pornografija “jipproduċi stampa mentali li tibqaʼ b’mod permanenti f’moħħ min jaraha u ssir parti mill-moħħ.” Huwa għalhekk li xi individwi jistgħu jibqgħu jiftakru ċar u tond xi stampi pornografiċi saħansitra ħafna snin wara. Hi tikkonkludi: “Din hi l-ewwel droga li m’għandekx ċans toħroġha mis-sistema tiegħek.” Iżda jfisser dan li impossibbli teħles mis-setgħa tal-pornografija? U xi ħsara speċifika tikkaġuna l-pornografija?
[Kaxxa f’paġna 5]
Fatti dwar il-Pornografija fuq l-Internet
◼ Madwar 75 fil-mija tal-pornografija fuq l-Internet tiġi mill-Istati Uniti. Kważi 15 fil-mija tiġi mill-Ewropa.
◼ Huwa stmat li kull ġimgħa 70 miljun ruħ iżuru l-Web sites pornografiċi. Xi 20 miljun minnhom huma mill-Kanada u mill-Istati Uniti.
◼ Studju li sar wera li dan l-aħħar fi żmien xahar wieħed, il-Ġermanja kellha l-akbar udjenza għall-pornografija fuq l-Internet mill-Ewropa kollha, segwita mill-Gran Britannja, Franza, l-Italja, u Spanja.
◼ Fil-Ġermanja, dawk li jaraw il-pornografija fuq l-Internet iqattgħu bħala medja mas-70 minuta kull xahar jaraw s-sites pornografiċi.
◼ Fost l-Ewropej li jaraw il-pornografija fuq l-Internet, dawk li għandhom ’il fuq minn 50 sena jqattgħu l-iktar ħin imqabbdin maʼ Web sites tal-kbar.
◼ Skond sors wieħed, 70 fil-mija minn dawk li jaraw il-pornografija fuq l-Internet jagħmlu dan matul il-jum.
◼ Huwa stmat minn xi wħud li 100,000 site taʼ l-Internet jinkludu materjal dwar il-pornografija bit-tfal.
◼ Xi 80 fil-mija tal-pornografija kummerċjali bit-tfal fuq l-Internet jiġi mill-Ġappun.
[Stampi f’paġna 4]
Il-pornografija saret iktar faċli biex taraha