LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 9/8 pp. 12-14
  • L-Inċidenti tal-Karozzi—Ħieles Int mill-Periklu?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Inċidenti tal-Karozzi—Ħieles Int mill-Periklu?
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Is-​Sewwieq bi Ngħas
  • Taʼ l-​Esperjenza iżda Akbar fl-​Età
  • Deċiżjoni li Rridu Nieħdu
Stenbaħ!—2002
g02 9/8 pp. 12-14

L-​Inċidenti tal-​Karozzi—Ħieles Int mill-​Periklu?

“Għandi kondotta tajba tas-​sewqan, allura m’għandix għalfejn ninkwieta li se jkolli inċident bil-​karozza.” “L-​inċidenti jiġru biss lis-​sewwieqa traskurati u li jkunu għadhom żgħar.” Ħafna jaħsbu li qatt ma se jkollhom inċident tat-​traffiku. Hekk tħossok int? Meta niġu għall-​inċidenti tal-​karozzi, taħseb li int ħieles mill-​periklu?

L-​ISTATISTIĊI jissuġġerixxu li jekk tgħix f’pajjiż żviluppat, wisq probabbli se tweġġaʼ f’inċident tat-​traffiku minn taʼ l-​inqas darba f’ħajtek. Għal ħafna wħud, inċidenti bħal dawn jiswewlhom ħajjithom. Madwar id-​dinja, kull sena jseħħu iktar minn nofs miljun inċident fatali tat-​traffiku. Jistaʼ jkun li ħafna minn dawk li tilfu ħajjithom f’din l-​aħħar sena ħassew li dan qatt ma kien se jiġri lilhom. X’tistaʼ tagħmel biex tnaqqas ir-​riskju tiegħek stess? Il-​prevenzjoni hija s-​soluzzjoni. Ikkunsidra kif tistaʼ tevita inċidenti li jseħħu minħabba n-​ngħas u l-​effetti tax-​xjuħija.

Is-​Sewwieq bi Ngħas

Xi esperti jgħidu li s-​sewwieq li jkun bi ngħas jistaʼ jkun perikoluż daqs sewwieq fis-​sakra. Ir-​rapporti jindikaw li n-​ngħas huwa l-​kaġun taʼ għadd li dejjem jiżdied taʼ inċidenti. Il-​Fleet Maintenance & Safety Report dan l-​aħħar stqarr li matul sena waħda, 1 minn kull 12-il sewwieq fin-​Norveġja ġie rapportat li raqad waqt li kien qed isuq. Skond The Star taʼ Johannesburg, fl-​Afrika t’Isfel, l-​għeja waqt is-​sewqan hija l-​kaġun taʼ terz mill-​ħabtiet kollha li jseħħu f’dan il-​pajjiż. Rapporti minn pajjiżi oħrajn juru li l-​għeja qed teffettwa lis-​sewwieqa maʼ kullimkien. Għala hawn daqshekk sewwieqa li jonogħsu waqt li jkunu qed isuqu?

Il-ħajja mgħaġġla taʼ llum hija waħda mir-​raġunijiet għal din il-​problema. Dan l-​aħħar, ir-​rivista Newsweek irrapportat li jistaʼ jkun li l-​Amerikani “qed jorqdu sa siegħa u nofs inqas kull lejl minn kemm kienu jorqdu fil-​bidu tas-​seklu l-​ieħor—u l-​problema wisq probabbli se tmur għall-​agħar.” Għala? Ir-​rivista kkwotat dak li qal Terry Young, studjuż taʼ l-​irqad: “In-​nies saru jħarsu lejn l-​irqad bħala xi ħaġa li jistgħu joqogħdu mingħajrha. Min jorqod verament ftit jitqies bħala xi ħadd li jaħdem iebes ħafna u li qed javanza fis-​soċjetà.”

Jingħad li l-​persuna medja għandha bżonn minn sitt sigħat u nofs sa disaʼ sigħat irqad kull lejl. Meta jiċċaħħdu minnu, in-​nies jiżviluppaw “dejn taʼ l-​irqad.” Rapport imqassam mill-​Fondazzjoni AAA għas-​Sigurtà tat-​Traffiku jistqarr: “Anki l-​fatt li jorqdu 30 jew 40 minuta inqas kull lejl matul ġimgħa normali taʼ xogħol jistaʼ jwassal għal xi 3 sa 4 sigħat dejn taʼ l-​irqad sa tmiem il-​ġimgħa, li hu biżżejjed biex iżid b’mod sinifikanti l-​livell tan-​ngħas matul il-​ġurnata.”

Xi drabi, tistaʼ titlef raqda tajba bil-​lejl. L-​insomnja, li tieħu ħsieb xi ħadd mit-​tfal li jkun marid, jew fatturi oħra li m’għandekx kontroll fuqhom jistgħu jisirqulek l-​irqad. Il-​jum taʼ wara, int u ssuq, tistaʼ tħossok bi ngħas. X’għandek tagħmel jekk jiġri dan?

Rimedji popolari bħal li tixrob il-​kafeina, tiftaħ it-​tieqa, tomgħod iċ-​chewing gum, jew tiekol xi ħaġa mħawra jistaʼ jkun li ma jżommukx imqajjem. L-​ebda wieħed minn dawn l-​hekk imsejħa rimedji ma jsolvi direttament din il-​problema. Dak li għandek bżonn huwa li torqod. Allura, għax ma tipprovax tieħu nagħsa ħafifa? The New York Times issuġġeriet: “In-​nagħsa li terġaʼ tagħtik is-​saħħa matul il-​ġurnata tax-​xogħol m’għandhiex tkun itwal minn 30 minuta; dum iktar u l-​ġisem jintilef f’raqda fonda, li mbagħad ma tkunx tistaʼ tqum minnha.” Il-​fatt li tieħu nagħsa jistaʼ jġagħlek tasal tard fejn tkun sejjer, iżda jistaʼ jsalvalek ħajtek.

L-istil taʼ ħajtek jistaʼ jagħmlek iktar suġġett li ssir sewwieq bi ngħas. Tqattaʼ int sigħat twal fuq l-​Internet, jew tibqaʼ mqajjem sa tard bil-​lejl tara t-​televixin? Tmur int għal xi laqgħat soċjali li jibqgħu sejrin sas-​sigħat bikrin taʼ fil-​għodu? Tħallix li attivitajiet bħal dawn jisirqulek il-​ħin taʼ l-​irqad. L-​għaref Sultan Salamun darba enfasizza l-​valur li għandu saħansitra ftit irqad.—Ekkleżjażti 4:​6, NW.

Taʼ l-​Esperjenza iżda Akbar fl-​Età

Is-​sewwieqa li huma kbar fl-​età spiss huma dawk li għandhom l-​iktar esperjenza fis-​sewqan. Iktar minn hekk, huma jieħdu inqas riskji minħabba li jafu l-​limitazzjonijiet tagħhom. Madankollu, is-​sewwieqa li huma kbar fl-​età m’humiex ħelsin mill-​periklu taʼ xi ħabta. Fil-​fatt, iktar ma jikbru iktar isiru vulnerabbli għal dawn l-​inċidenti. Ir-​rivista Amerikana Car & Travel irrapportat li n-​nies li għandhom iktar minn 70 sena jammontaw għal 9 fil-​mija tal-​popolazzjoni, iżda jammontaw ukoll għal 13 fil-​mija tal-​vittmi taʼ l-​inċidenti tat-​traffiku. B’dispjaċir, l-​għadd taʼ ħabtiet li fihom ikunu involuti sewwieqa kbar fl-​età qed jiżdied.

Ara x’osservat Myrtle, li għandha 80 sena.a Bdiet issuq iktar minn 60 sena ilu u qatt ma kellha inċident bil-​karozza. Iżda bħal ħafna oħrajn, hi qed tħoss l-​effetti li ġġib magħha l-​età avanzata—effetti li minħabba fihom tistaʼ tirriskja iktar li jkollha xi inċident. Dan l-​aħħar hi qalet lil Stenbaħ!: “Meta tibda tikber, kollox fil-​ħajja [inkluż is-​sewqan] isir sfida.”

X’għamlet biex tnaqqas ir-​riskju taʼ li jkollha inċident bil-​karozza? “Matul is-​snin għamilt xi bidliet biex ipattu għall-​età tiegħi,” tgħid Myrtle. Per eżempju, naqqset l-​ammont taʼ ħin li ddum issuq, speċjalment bil-​lejl. Din il-​bidla żgħira qed tgħinha żżomm kondotta tajba mingħajr ma jkollha tieqaf issuq.

Għalkemm jistaʼ jkun diffiċli li nammettu, l-​età teffettwa ħażin lil kulħadd. (Koħèlet 12:​1-7) Iqumu problemi tas-​saħħa differenti, nibdew nirreaġixxu naqra iktar bil-​mod, u l-​vista tagħna tibda tmur lura—dan kollu jistaʼ jagħmilhielna diffiċli biex insuqu mingħajr periklu. Madankollu, l-​età avanzata waħedha ma tiskwalifikax lis-​sewwieq milli jkompli jsuq. Dak li jgħodd hu l-​mod kif is-​sewwieq jirreaġixxi fis-​sewqan. Meta nirrikonoxxu li l-​abbiltajiet fiżiċi tagħna qed jinbidlu u nirranġaw dak li jkun hemm bżonn fir-​rutina tagħna nkunu nistgħu nirreaġixxu aħjar fis-​sewqan tagħna.

Forsi int ma tindunax, iżda l-​vista tiegħek qed tinbidel. Meta tibda tikber, il-​vista tibda tonqos u r-​retina jkollha bżonn iktar dawl. Ktejjeb li jismu The Older and Wiser Driver jistqarr: “Sewwieq li għandu 60 sena għandu bżonn tliet darbiet iktar dawl minn adolexxent biex jara, u jdum id-​doppju biex jidra l-​bidla mid-​dawl għad-​dlam.” Minħabba dawn il-​bidliet f’għajnejna nistgħu nsibuha diffiċli li nsuqu bil-​lejl.

Henry għandu 72 sena u ilu b’kondotta tajba tas-​sewqan għal iktar minn 50 sena. Hekk kif bdew jgħaddu s-​snin, beda jinnota li minħabba d-​dwal tal-​karozzi kien qed isibha diffiċli jsuq bil-​lejl. Wara li għamel viżta taʼ l-​għajnejn induna li kellu bżonn jagħmel nuċċali disinjat apposta biex inaqqas l-​effett tad-​dwal tal-​karozzi bil-​lejl. “Issa m’għadniex insibha diffiċli nsuq bil-​lejl,” jgħid Henry. Għalih din il-​bidla żgħira għamlet differenza kbira fis-​sewqan tiegħu. Għal oħrajn, bħal Myrtle, is-​soluzzjoni għandha mnejn tkun li bil-​lejl ma jsuqux assolutament.

L-età tħalli effett fuq kemm jirreaġixxi malajr l-​individwu. Il-​moħħ taʼ wieħed kbir fl-​età jistaʼ jkun iktar għaref u iktar sensibbli minn dak taʼ wieħed iżgħar. Madankollu, iktar ma jikber individwu iktar se jdum biex jifhem dak li qed jiġri madwaru u jirreaġixxi. Għalhekk, is-​sewqan ikun iktar taʼ sfida, peress li t-​traffiku u l-​kundizzjonijiet tat-​toroq dejjem jinbidlu. Dawn il-​bidliet iridu jiġu kunsidrati malajr jekk għandha tittieħed azzjoni xierqa fil-​ħin.

Ir-​rivista Car and Travel tirrapporta li “l-​iktar kawża komuni għall-​ħabtiet fatali fost is-​sewwieqa kbar fl-​età hija li dawn jibqgħu għaddejjin meta jkun hemm xi apparat li jikkontrolla t-​traffiku.” Għala? L-​istess rapport ikompli jgħid: “Il-​problema . . . milli jidher hi marbuta maʼ sitwazzjonijiet meta s-​sewwieq kbir fl-​età jkun irid iqis l-​informazzjoni min-​naħa tax-​xellug u l-​lemin qabel ma joħroġ f’salib it-​toroq.”

Kif tistaʼ tpatti għal meta ddum iktar biex tirreaġixxi? Oqgħod attent meta tkun riesaq lejn salib it-​toroq. Idra iċċekkja t-​traffiku għat-​tieni darba qabel ma toħroġ. Oqgħod attent b’mod speċjali meta tkun se ddawwar. Dawrien f’salib it-​toroq jistaʼ jwassal għall-​mewt, speċjalment jekk tkun se taqsam xi triq fejn it-​traffiku jkun ġej fuqek.

Fl-Istati Uniti, 40 fil-​mija taʼ l-​inċidenti fatali f’salib it-​toroq u li fihom kienu involuti sewwieqa taʼ iktar minn 75 sena seħħew meta dawn daru lejn ix-​xellug. Il-​Fondazzjoni AAA għas-​Sigurtà tat-​Traffiku tagħmel dan is-​suġġeriment lis-​sewwieqa f’dan il-​pajjiż: “Xi drabi tistgħu tagħmlu tliet dawriet lejn il-​lemin sabiex tevitaw li tagħmlu waħda lejn ix-​xellug.” Forsi tkun tistaʼ taddatta dan il-​prinċipju skond iċ-​ċirkustanzi taʼ fejn tgħix. Meta tippjana bil-​quddiem, għandek mnejn tkun tistaʼ tevita t-​toroq li jkunu perikolużi u taʼ sfida.

Deċiżjoni li Rridu Nieħdu

X’jistaʼ jgħinek tikkunsidra l-​abbiltajiet tiegħek fis-​sewqan? Forsi tista tistaqsi lil xi ħabib li tirrispettah jew membru tal-​familja biex jiġi dawra miegħek u jikkunsidra l-​abbiltà tiegħek. Imbagħad, agħti widen sew għal dak li nnota. Tistaʼ wkoll tiddeċiedi biex tieħu ftit lezzjonijiet dwar kif issuq mingħajr periklu. Ħafna assoċjazzjonijiet tas-​sewqan joffru lezzjonijiet imħejjijin apposta għal sewwieqa li huma kbar fl-​età. Jekk tgħaddi minn xi żewġ esperjenzi li fiha teħlisha bi żbrixx minn xi inċident serju tistaʼ tiħodhom bħala twissija li s-​sewqan tiegħek m’għadux tajjeb daqskemm kien.

Fir-realtà, tistaʼ tasal fi stat meta jkun aħjar għalik jekk tieqaf issuq. Din tistaʼ tkun deċiżjoni iebsa biex tiħodha. Myrtle, li semmejna qabel, taf li xi darba se jkollha tieqaf issuq. Hekk kif dak il-​jum qed joqrob, hi diġà qed tirkeb maʼ oħrajn iktar spiss. Kif tħossha dwar il-​fatt li tħalli lil ħaddieħor isuq għaliha? “Nieħu gost nivvjaġġa mingħajr ma jkolli għalfejn ngħaddi mill-​istress tas-​sewqan,” tgħid hi.

Wara li taħseb dwar dan bis-​serjetà, jistaʼ jkun li tħossok bħalha. Ix-​xiri, il-​qadjiet, u li tmur għal xi appuntament jew laqgħa jistaʼ jkun iktar pjaċevoli fil-​kumpanija taʼ xi ħabib. Forsi sieħbek jistaʼ jsuq il-​karozza tiegħek għalik. Li tivvjaġġa b’dan il-​mod jistaʼ jkun iktar ħieles mill-​periklu u iżjed pjaċevoli milli kieku tivvjaġġa waħdek. Alternattiva prattika oħra tistaʼ tkun it-​trasport pubbliku, fejn dan ikun disponibbli. Ftakar li l-​abbiltà tiegħek fis-​sewqan ma tiddeterminax kemm tiswa int bħala persuna. Il-​kwalitajiet mill-​aqwa tiegħek jagħmluk verament importanti għall-​familja u l-​ħbieb tiegħek—u għal Alla.—Proverbji 12:2; Rumani 14:18.

Kemm jekk inti kbir jew żgħir, sewwieq taʼ l-​esperjenza jew ġdid, jistaʼ jkollok inċident bil-​karozza. Agħraf ir-​responsabbiltà serja li jġib miegħu s-​sewqan. Ħu l-​prekawzjonijiet sabiex tnaqqas ir-​riskju li tkun involut f’ħabta. Meta tagħmel dan, se tipproteġi lilek innifsek u lil oħrajn fil-​vjaġġi li ġejjin.

[Nota taʼ taħt]

a L-ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

[Stampa f’paġna 12]

Kun żgur li ġismek għandu l-​enerġija li għandu bżonn billi torqod sew bil-​lejl

[Stampa f’paġna 13]

Nagħsa ħafifa tistaʼ ġġagħlek tasal tard, iżda tistaʼ ssalvalek ħajtek

[Stampa f’paġna 13]

Is-​sewwieqa kbar fl-​età huma iktar taʼ l-​esperjenza iżda jiffaċċjaw sfidi speċjali

[Stampa f’paġna 14]

Il-​fatt li tivvjaġġa maʼ ħaddieħor huwa vantaġġuż

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja