It-Tfittxija għas-Sigurtà fl-Ajru
FTIT ġimgħat biss qabel il-11/9, Alex ħass li kien kważi għeleb il-biżaʼ tiegħu mill-ivvjaġġar bl-ajru. Hekk kif l-ajruplan tal-passiġġieri li kien fuqu telaq minn Ateni għal Boston, il-maniġer taʼ l-affarijiet pubbliċi li għandu 42 sena beda jħoss attakk ħafif taʼ paniku—qalbu bdiet tħabbat u beda ħiereġ l-għaraq mill-pali taʼ jdejh u minn rasu.
Iżda kien jaf x’għandu jagħmel. It-terapista li kien qed jgħinu jegħleb il-biżaʼ tiegħu kien qallu biex jieħu nifsijiet qawwijin, iġib quddiem għajnejh xi xenarju sabiħ, u jżomm sew mad-dirgħajn tas-siġġu, waqt li jitlaqhom erbaʼ darbiet kull minuta. Meta ċ-ċaqliq qawwi u l-ħsejjes tal-biżaʼ kienu kważi ħallewh bla saħħa, Alex immaġina lilu nnifsu fejn għadira għall-kwiet. “Ħassejt li kont qed nagħmel progress veru,” stqarr Alex.
Miljuni taʼ passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru kienu jibżgħu jsiefru bl-ajruplan. F’dawn l-aħħar snin ħafna kienu dawk li attendew klassijiet biex jgħinuhom jegħlbu l-biżaʼ mill-ajru, spiss għaliex ikkonvinċewhom il-membri tal-familja, dawk li jħaddmuhom, u l-kumpaniji taʼ l-ajru, li lkoll kellhom l-intenzjoni li jarawhom fuq xi titjira. Għal bosta passiġġieri, il-klassijiet kienu taʼ benefiċċju; ħafna kliniċi ftaħru bir-rati taʼ suċċess li telgħu sa 90 fil-mija.
Iżda l-11/9 biddel dan kollu. Alex mill-ewwel waqaf jattendi l-klassi. U b’dispjaċir għall-imgħallem tiegħu, ħassar ukoll il-pjanijiet li kellu biex jieħu titjira ħalli jiltaqaʼ maʼ individwu prominenti li kien klijent prospettiv. “Il-biżaʼ tiegħi mill-ajru flimkien mat-terroriżmu,” qal Alex, “ma niflaħx għalihom. It-terapija ma ppreparatnix għal dan.”
Is-Sigurtà Eżaminata
Uħud beżgħanin mill-ivvjaġġar bl-ajru jsemmu wkoll il-fatt li l-mistoqsijiet taʼ rutina li jsiru lill-passiġġieri qabel ma jitilgħu fuq l-ajruplan saru lil dawk li ħatfu l-ajruplani fil-11/9, bħal: “Kien hemm xi ħadd li ma tafux u li talbek biex iġġorr xi oġġett fuq din it-titjira? Hemm xi oġġetti li se ssiefer bihom u li ma kinux taħt il-kontroll tiegħek minn meta ppakkjajthom?” Żgur li dawn l-uħud wieġbu kif iwieġbu ħafna nies: “Le!” Bl-istess mod, xi esperti tas-sigurtà jaraw il-fatt li huma rnexxielhom jitilgħu fuq l-ajruplan bħala evidenza li s-sigurtà hija laxka fl-ivvjaġġar bl-ajru. “Ħadd jew xejn ma jistaʼ jġiegħel li ssir bidla,” jgħid Jim McKenna li kien id-direttur taʼ l-Alleanza dwar is-Sigurtà fl-Avjazzjoni. “L-erbaʼ ajruplani maħtufin u meqrudin f’daqqa, b’eluf taʼ nies maqtula, jistgħu jkunu biżżejjed biex iġagħlu li ssir din il-bidla.”
Bħala konsegwenza taʼ dawk il-kraxxijiet fatali, is-sigurtà kollha taʼ l-ajruporti u l-ajruplani bdiet tiġi miflija sew. Waqt smigħ taʼ kungress, Kenneth M. Mead, l-ispettur ġenerali tad-Dipartiment Amerikan tat-Trasportazzjoni, stqarr: “Minkejja l-ħtiġijiet tas-sigurtà li kienu jeżistu u dawk li huma ġodda għad hemm nuqqasijiet allarmanti fis-sigurtà u xi . . . dgħjufijiet li jridu jitranġaw.” X’qed isir biex jimtlew dawn il-ħofor?
Iċċekkjar tal-Passiġġieri għal Theddid Probabbli għas-Sigurtà
Meta ssirilha l-mistoqsija dwar jekk tibżax tivvjaġġa bl-ajruplan, uffiċjal għoli tas-sigurtà maʼ linja taʼ l-ajru Amerikana u ewlenija twieġeb mingħajr tlaqliq: “Le, jien għandi fiduċja sħiħa [fis-sistema] CAPS.” Qed tirreferi għal sistema msejħa Computer Assisted Passenger Screening (Iċċekkjar tal-Passiġġieri bil-Kompjuter), li tirreġistra kull biljett li jinbiegħ mil-linji taʼ l-ajru li japplikaw din is-sistema. Is-sistema turi jekk il-biljett inxtarax minn uffiċċju fejn jinqatgħu l-biljetti taʼ l-ajru jew mingħand aġenzija taʼ l-ivvjaġġar jew permezz taʼ l-Internet. Din tirrekordja informazzjoni oħra bħal jekk il-passiġġier huwiex qed jivvjaġġa waħdu jew maʼ membri tal-familja jew maʼ xi ħbieb oħrajn, flimkien maʼ dettalji dwar jekk għandux ħbieb li huma kriminali magħrufa jew jekk aġixxiex ħażin mal-linji taʼ l-ajru, maʼ l-ekwipaġġ tagħhom, jew fil-propjetà tagħhom.
Kulmeta passiġġier imur f’ajruport biex isiefer, din l-informazzjoni tiġi verifikata u aġġornata bl-aħħar dettalji, inkluż il-mod kif l-individwu jwieġeb għall-mistoqsijiet taʼ l-iċċekkjar. Id-dettalji preċiżi taʼ l-informazzjoni li tinġabar u tal-mod kif isir il-proċess u tinkiseb l-informazzjoni dwar l-individwu jibqgħu wieħed mill-iktar sigrieti mgħassa sew taʼ l-industrija. Madwar id-dinja jintużaw diversi sistemi li jixbhu lil CAPS, xi wħud b’konnessjonijiet diretti maʼ aġenziji governattivi jew internazzjonali tal-pulizija, bħall-Interpol. F’ħafna ajruporti taʼ l-Ewropa, is-sistemi tal-kontroll tal-passaport jistgħu jirrekordjaw u jsegwu t-titjiriet tal-passiġġier u l-movimenti tiegħu minn pajjiż għal ieħor.
Dan il-mod kif tinkiseb l-informazzjoni dwar l-individwu jsir fuq il-fatt li individwi b’intenzjonijiet ħżiena huma iktar taʼ theddida probabbli għas-sigurtà mill-affarijiet li jġorru magħhom fuq l-ajruplan u mill-basktijiet li jiġu ċċekkjati. Għalhekk, sabiex tiżdied iktar is-sigurtà fl-ajruport, alternattivi li qed jiġu kunsidrati jew attwati huma kards tal-plastik li jkun fihom dettalji persunali (smart cards) u apparat li jidentifika l-karatteristiċi taʼ l-individwu.
Minbarra li tinkiseb l-informazzjoni dwar il-passiġġieri, it-tfittxija li ssir sabiex oġġetti u sustanzi perikolużi ma jittellgħux fuq l-ajruplan hija fattur importanti ieħor li hu involut fis-sigurtà taʼ l-ajruport. L-iċċekkjar li jsir bil-magni taʼ l-eksrej għandu l-limiti tiegħu. Il-ħaddiema tas-sigurtà fl-ajruport isibuha diffiċli li jibqgħu attenti għal ħinijiet twal meta joqogħdu jaraw l-immaġnijiet imċajprin taʼ l-eksrej tal-bagalji għaddejjin minn quddiem għajnejhom, għaliex din tistaʼ tkun esperjenza tedjanti. Fl-istess waqt, l-istrumenti li jkejlu l-qawwa manjetika jkomplu jallarmawhom għalxejn darba wara l-oħra, għax ikun hemm xi ċwievet tad-dar, xi muniti, jew il-bokkla taʼ xi ċinturin.
Liġijiet Iktar Ħorox
Biex jibbilanċjaw dawn il-limitazzjonijiet, il-gvernijiet poġġew fil-prattika liġijiet iktar ħorox għas-sigurtà fl-ajruporti. Fl-Istati Uniti, dan jeħtieġ li maʼ kull bagalja jitlaʼ l-passiġġier li jkun sidha, li jiġu eżaminati sew l-affarijiet li jittellgħu fl-ajruplan, u li l-bagalji kollha li jkunu diġà ġew iċċekkjati jerġgħu jiġu eżaminati minħabba xi esplussivi. Dan kollu jrid jiġi attwat sa l-aħħar tas-sena 2002. Il-bibien tal-kabina tal-pilota qegħdin fil-proċess li jissaħħu u jiġu siġillati. Qed isir iktar taħriġ għall-ekwipaġġ taʼ l-ajruplan għal meta tinqalaʼ xi kriżi. Marixxalli armati ġew impjegati wkoll fuq titjiriet kummerċjali.
Fil-ġimgħat u x-xhur taʼ wara l-11/9, il-passiġġieri u l-bagalji ġew iċċekkjati bl-idejn f’ħafna ajruporti madwar id-dinja. Xi drabi, kellu jsir iċċekkjar manwali sekondarju tal-passiġġieri u l-affarijiet li jġorru magħhom fuq l-ajruplan. Dawn il-prekawzjonijiet huma diġà familjari maʼ l-Ewropej li jivvjaġġaw u li rawhom fil-prattika b’mod estensiv fis-snin sebgħin, meta l-ħtif taʼ l-ajruplani kien fl-aqwa tiegħu. Issa l-passiġġieri ma jistgħux iġorru oġġetti li jaqtgħu fuq l-ajruplan. Dawk l-uħud li jkunu qatgħu l-biljetti biss jistgħu jgħaddu minfejn jiġu ċċekkjati. Ħafna huma dawk li draw il-linji twal taʼ nies jistennew biex jiġu ċċekkjati flimkien mal-preżenza taʼ suldati militari armati fit-terminal taʼ l-ajruporti.
L-Enfasi fuq il-Manutenzjoni
Immaġina din ix-xena pjuttost familjari: Wara li l-passiġġier ikun għadda minn bosta postijiet fl-ajruport fejn jiġi ċċekkjat, fl-aħħar isib ruħu fid-daħla tat-titjira tiegħu, waqt li jistenna s-sejħa taʼ l-aġent tal-linja taʼ l-ajru biex jitlaʼ fuq l-ajruplan. “Smajtu?” jgħid in-negozjant li jinsab ħdejh liebes libsa griża pulita. “Hemm problema mekkanika li se ġġagħalna nitilqu tard.” Hu jibda jaqleb għajnejh u jżid: “Nispera li ma jibagħtuniex mingħajr magna!”
Dak li ħafna mill-passiġġieri ma jindunawx bih hu l-fatt li l-aġenziji taʼ l-ajru għandhom sistemi preċiżi u eżatti biex jagħmlu l-ispezzjonijiet. Il-bżonn tat-tiswijiet jindunaw bih minn qabel permezz taʼ tip taʼ ktieb mekkaniku taʼ l-ajruplan li jiġi ċċekkjat sew. Fil-fatt, aġenziji bħal dawn jeħtieġu li l-ajruplani u l-magni tagħhom issirilhom manutenzjoni tat-tiswijiet bi skeda stretta—ħafna iktar spiss mill-karozzi normali—anki jekk l-ajruplan ikollu rekord li qatt ma ġarrab inkwiet.
Għal dan jistaʼ jixhed uffiċjal tal-manutenzjoni maʼ kumpanija taʼ l-ajru ewlenija. “F’dawn il-kważi 15-il sena li ili f’din l-industrija, qatt ma rajt, kellimt, jew osservajt lil xi ħadd li jaħdem fil-manutenzjoni u li ma jiħux is-sigurtà b’serjetà kbira,” jgħid hu. “Wara kollox, il-ħbieb u l-qraba taʼ dawn il-ħaddiema jivvjaġġaw ukoll fuq l-ajruplan li huma jaħdmu fuqu; allura ma jirriskjawx.”
Hemm responsabbiltà persunali kbira li jġorru t-tekniċi u l-ħaddiema tal-manutenzjoni. Wieħed minnhom jiftakar: “Qatt ma se ninsa l-lejl li fih tlifna DC-10 fil-Belt taʼ Sioux, fl-Iowa. Dak iż-żmien kont naħdem bħala tekniku taʼ l-ajruplani, u xogħli kien li nispezzjona u nagħmel dak li jkun hemm bżonn fid-denb taʼ l-istess tip t’ajruplan. Sa dak il-ħin, ma tantx kellna informazzjoni dwar x’kien ġara fil-fatt lill-ajruplan li ntilef. Għadni niftakar kemm qgħadt attent f’xogħli dak il-lejl, waqt li bdejt naħseb, ‘Xi ġralu dak l-ajruplan? Forsi xi ħadd ieħor qabżitlu xi ħaġa li issa nistaʼ nsib x’kienet, u b’hekk ma nħallix li terġaʼ tiġri traġedja bħal din? Kont qed nagħmel kollox eżatt kif suppost?’ Dakinhar qattajt ħin twil fid-denb taʼ l-ajruplan, inħares u naħseb.”
It-tekniċi taʼ l-ajruplani spiss jgħaddu minn ħafna taħriġ f’kull aspett taʼ xogħolhom, minn xogħlijiet taʼ rutina sa snajjaʼ fl-ispezzjoni avanzata ferm u fl-eliminar għalkollox taʼ kull tip taʼ ħsara. Il-korsijiet tat-taħriġ taʼ l-ekwipaġġ jiġu aġġornati kull sena sabiex ikopru kull tip taʼ sitwazzjoni li jistaʼ jinqalaʼ, mill-ordinarju għal dak li hu straordinarju.
Wara traġedja bl-ajruplan, l-informazzjoni li tinġabar tiġi analizzata u titqiegħed f’simulatur. Piloti esperti li jittestjaw u l-inġiniera taʼ l-ajruplani jittajru fis-simulatur biex jaraw x’soluzzjonijiet oħrajn jistgħu jsibu sabiex l-ekwipaġġi jkunu jistgħu jikkontrollaw aħjar problemi simili fil-futur. Imbagħad, programm taʼ taħriġ li jittratta dan jiġi rranġat għall-ekwipaġġi sabiex tingħata istruzzjoni speċifika. Dawn l-eżamijiet iwasslu wkoll għal bdil fl-ajruplani u f’xi partijiet minnu bit-tama li tittieħed informazzjoni utli minn dawn l-iżbalji, u b’hekk jiġu minimizzati.
Wieħed li jaħdem fil-manutenzjoni jikkonkludi: “Lilna dejjem jgħidulna li ‘s-sigurtà ma tiġix b’kumbinazzjoni—trid tiġi pjanata minn qabel.’”
Lura fl-Ajru
Wara erbaʼ xhur li fihom qatagħha li ma jivvjaġġax bl-ajru, Alex iddeċieda li kien wasal iż-żmien li jegħleb dan il-biżaʼ qawwi. Il-preżenza taʼ l-uffiċjali tal-pulizija u tal-gwardji nazzjonali fl-Ajruport Internazzjonali taʼ Logan f’Boston ma dehritx li kienet qed iddejqu. Lanqas ma rrabja minħabba l-fatt li kellu jistenna f’linji twal taʼ nies biex jiġu ċċekkjati u għax saritlu tfittxija bl-idejn fil-bagalji tiegħu.
Għal Alex dawn l-affarijiet serrħulu rasu li livvjaġġar bl-ajru sar iktar ħieles mill-periklu kif xtaq hu. Xorta għadu jxoqq xi naqra għaraq għalih u qalbu għadha tħabbat xi ftit. Madankollu, hekk kif Alex ipoġġi l-basket tiegħu ċċekkjat bl-idejn fis-sezzjoni taʼ fuq rasu, hu jgħid: “Issa nħossni ħafna aħjar.”
[Kaxxa/Stampa f’paġna 5]
Fatti dwar l-Ivvjaġġar bl-Ajru
Skond xi kalkoli li saru, il-biżaʼ mill-ivvjaġġar bl-ajru jinsab f’xi 1 minn kull 5 passiġġieri. Madankollu, dawn l-individwi mhux kollha jħossu li l-ivvjaġġar bl-ajru huwa perikoluż. Spiss, l-ansjetà tagħhom tiġi minn xi fobja oħra, bħall-biżaʼ mill-għoli jew minn postijiet iffollati.
[Tabella f’paġna 8]
X’ĊANS HEMM LI JSEĦĦ XI INĊIDENT FATALI?
Ċans li jseħħ Ċans li jseħħ tul il-ħajja
f’sena hu 1 fi: taʼ xi ħadd hu 1 fi:
Bil-karozza 6,212 81
Bi qtil 15,104 197
Bil-magni 265,000 3,500
Bi kraxx taʼ l-ajruplan 390,000 5,100
Billi tegħreq fil-banju 802,000 10,500
Permezz taʼ annimali, 4.2 miljuni 55,900
pjanti, velenużi
B’sajjetta 4.3 miljuni 56,000
[Sors]
Sors: National Safety Council
[Stampa f’paġna 6]
Żjieda fis-sigurtà taʼ l-ajruporti
[Sors]
AP Photo/Joel Page
[Stampa f’paġna 7]
Iċċekkjar tal-passiġġieri u taʼ l-informazzjoni dwarhom
[Stampa f’paġna 7]
Titjib fil-manutenzjoni
[Stampa f’paġna 8]
Il-piloti huma professjonisti mħarrġin sew