L-Isports tat-Tfal—L-Epidemija Ġdida taʼ Vjolenza
◼ Grupp taʼ studenti tas-sekondarja jiltaqgħu għal logħba futbol. Il-logħba tispiċċa bi frattarija sħiħa, b’iktar minn 100 persuna—ġenituri, kowċis, u plejers—jgħajtu u jagħtu bil-ponn wara rebħa fil-ħin supplimentari.
◼ Grupp taʼ subien u bniet bejn id-9 u t-12-il sena qegħdin jilagħbu logħba futbol. Meta wieħed minnhom jitlef ballun, il-kowċ tiegħu jiksirlu idejh it-tnejn billi jitfgħu maʼ l-art.
◼ Il-kowċ taʼ tim f’kampjonat tal-baseball tat-tfal ineħħi plejer mil-logħba. Missier dan it-tifel jhedded li joqtol lill-kowċ u jintbagħat 45 ġurnata l-ħabs.
◼ Waqt li xi tfal qed jittrennjaw għal logħba ice hockey, żewġ missirijiet jibdew jargumentaw fuq iż-żamma tar-regoli tal-logħba. Wieħed mill-missirijiet jibda jagħti lill-ieħor sakemm joqtlu quddiem it-tlett itfal tal-vittma.
RAPPORTI li jkexkxu bħal dawn saru komuni b’mod allarmanti. Fil-grawnds, fil-courts tal-basketball, fir-rinkijiet tas-silġ, u l-bandli, tidher li qed tinfirex epidemija ġdida taʼ vjolenza. Hija l-vjolenza li juru l-ġenituri u l-kowċis li jippreferu jiġġieldu milli jitilfu. Jeffrey Leslie, president tal-Jupiter-Tequesta (Florida) Athletic Association, jgħid: “Rajt ġenituri jgħajtu mat-tfal tagħhom, jisforzawhom iżżejjed biex jilagħbu bl-aħjar mod; tfal jiġġieldu fil-logħob, imħeġġin mill-ġenituri tagħhom; tfal jibku f’nofs il-grawnd minħabba li l-ġenituri tagħhom ġagħluhom . . . jistħu.” Hu jkompli: “M’hemm xejn aħjar mill-isports taż-żgħażagħ biex iġiegħel lill-ġenituri jaġixxu bl-agħar mod.” Biex jipproteġu lit-tfal minn vjolenza bħal din, xi komunitajiet kellhom jieħdu l-azzjoni drastika li ma jħallux lil ċerti ġenituri jattendu l-avvenimenti sportivi tat-tfal tagħhom.
X’irriżulta minn din l-epidemija taʼ rabja? Fred Engh, fundatur u president tan-National Alliance for Youth Sports fi Florida, jgħid: “Din l-imġiba taʼ mistħija minn għadd li dejjem jiżdied taʼ nies adulti qed tħammeġ l-isports, tħassar il-gost, u tgħaddi messaġġ ikrah lil miljuni taʼ tfal.”
Irbaħ Akkost taʼ Kollox
Fl-għerq taʼ din il-problema jidher li hemm xewqa min-naħa taʼ xi ġenituri li jaraw lil uliedhom jibbrillaw iktar minn tfal oħra u jirbħulhom akkost taʼ kollox. Rappreżentanta mill-Institute for the Prevention of Child Abuse fil-Kanada tgħid: “Meta li tirbaħ ikun kollox, meta l-poter ikun kollox, jinħoloq ambjent li fih min hu vulnerabbli jbati. F’dan l-isports, it-tfal huma l-uħud vulnerabbli.” Uffiċjal mill-Ontario (Canada) Physical and Health Education Association jinnota li t-tfal li jgħaddu minn pressjonijiet bħal dawn “jistgħu jiżviluppaw problemi psikoloġiċi minn età żgħira. U meta jikbru, jistaʼ jkun diffiċli ħafna għalihom biex jaċċettaw telfa.”
Mela mhux ħaġa taʼ l-iskantament li r-rabja tal-ġenituri u tal-kowċis li jkunu entużjasti żżejjed tittieħed mill-atleti żgħar infishom. Waqt logħba tal-volleyball tal-bniet, il-plejers għamlu sebaʼ attakki fuq ir-referìs. Tifla li tkeċċiet minn logħba tennis irreaġixxiet billi għamlet att vandalu fuq il-karozza taʼ uffiċjal. Wara li għamel foul, lottatur minn skola sekondarja ta daqqa taʼ ras lir-referì fuq rasu tant li tilfu minn sensih. “Darba l-isports taż-żgħażagħ kien l-uniku rifuġju għal spirtu sportiv tajjeb,” jgħid Darrell Burnett, psikologu kliniku tat-tfal u psikologu taʼ l-isports taż-żgħażagħ. “Imma m’għadux hekk. M’għadux sempliċement logħba.”
X’Jistgħu Jagħmlu l-Ġenituri
Il-ġenituri jagħmlu tajjeb li jiftakru li l-gost u l-eżerċizzju huma r-raġunijiet għala t-tfal iħobbu l-attivitajiet sportivi. Li tbiddel l-isports tat-tfal f’attività mimlija stress u li ġġagħalhom jisfaw vittmi t’abbuż verbali hija xi ħaġa bla mħabba u li titfaʼ lil dak li jkun lura. Il-Bibbja tgħid: “La tqanqlux lil uliedkom għall-għadab.”—Efesin 6:4, KŻ.
X’jistaʼ jgħin lil ġenitur iżomm il-bilanċ tiegħu jew tagħha? L-ewwelnett, jistaʼ jkun t’għajnuna jekk tipprova żżomm f’moħħok kif kont int meta kont għadek żgħir. Kont int kapaċi jkollok livell kważi professjonali? Huwa raġunevoli li tistenna li ibnek jew bintek jirnexxilhom jilħqu dan il-livell? Wara kollox it-tfal huma delikati. (Ġenesi 33:13) Barra minn hekk, ipprova ħares dejjem b’mod raġunevoli lejn ir-rebħ u t-telf. Il-Bibbja ssejjaħ ir-rivalità mhix imrażżna bħala “frugħa u ġiri wara r-riħ.”—Koħèlet 4:4.
Taʼ interess, wieħed li kien jilgħab fil-kampjonat Amerikan tal-baseball jinkuraġġixxi lill-ġenituri biex iżommu kemm ir-rebħa kif ukoll it-telfa f’perspettiva, billi la jirrabjaw meta t-tifel jew t-tifla ma jilagħbux tajjeb u lanqas ikunu eċċitati żżejjed meta dawn jirbħu. Minflok ma jiċċentraw kollox fuq ir-rebħa, il-ġenituri jridu jiffokaw fuq il-gost li qed jieħdu t-tfal u dwar kemm huwa taʼ ġid biex jibqgħu f’saħħithom.
Xi ġenituri għalhekk waslu għall-konklużjoni li l-isports organizzat għandu ħabta jkebbes spirtu taʼ kompetizzjoni li xejn m’hu tajjeb. Madankollu, dan ma jfissirx li t-tfal tagħhom ma jistgħux jieħdu pjaċir jilagħbu maʼ tfal oħrajn. Per eżempju, ħafna ġenituri Kristjani sabu li t-tfal tagħhom jieħdu pjaċir jilagħbu maʼ oħrajn taʼ l-istess twemmin f’xi bitħa jew f’xi ġnien pubbliku. B’dan il-mod, il-ġenituri jistaʼ jkollhom iktar kontroll fuq l-assoċjazzjoni taʼ wliedhom. Ħarġiet tal-familja jistgħu jipprovdu iktar opportunitajiet għal rikreazzjoni tajba. Ovvjament, logħba f’xi bitħa m’hix se tkun eċċitanti daqskemm meta tirbaħ f’xi tim. Però, tinsa qatt li “t-taħriġ tal-ġisem ftit jiswa, waqt li t-tjieba [“id-devozzjoni lejn Alla,” NW] tiswa għal kollox.” (1 Timotju 4:8) Meta żżomm din il-ħarsa bilanċjata dwar l-isports, int tistaʼ tevita li uliedek jisfaw vittmi taʼ l-epidemija ġdida taʼ vjolenza.
[Stampi f’paġna 15]
L-isports għandu jkun taʼ gost, mhux xi ħaġa li toħloq konflitt