Kif Tnaqqas il-Perikli fit-Tqala
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-MESSIKU
SKOND il-Fond tal-Ġnus Magħquda għall-Popolazzjoni (UNFPA), kull sena iktar minn nofs miljun mara jmutu minħabba problemi relatati mat-tqala. Xi ħaġ’oħra li l-Fond tal-Ġnus Magħquda għat-Tfal (UNICEF) jinnota hi, li kull sena iktar minn 60 miljun mara jbatu minn komplikazzjonijiet serji minħabba t-tqala u li kważi terz minnhom jaqbduhom infezzjonijiet jew iġarrbu ħsara li jibqgħu jbatu biha għal għomorhom. F’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, ħafna nisa jinqabdu f’ċiklu taʼ tqala wara l-oħra, u ħlas wara l-ieħor. Dan kollu ma jagħtihomx ċans jieħdu ħsieb tagħhom infushom, u b’hekk jispiċċaw mifluġin u morda. Iva, it-tqala tistaʼ tagħmel il-ħsara—saħansitra tkun taʼ periklu. Hemm xi ħaġa li mara tistaʼ tagħmel biex tnaqqas il-perikli fit-tqala?
Kura tas-Saħħa Qabel it-Tqala
Ippjanar. Għandu mnejn li raġel u mara miżżewġin ikollhom bżonn jiddiskutu kemm jixtiequ jkollhom tfal. F’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw huwa komuni li tara nisa bi tfal żgħar maʼ djulhom, ireddgħu xi tarbija, u fl-istess ħin b’oħra ġejja fid-dinja. Bi ftit ħsieb u ppjanar bil-għaqal, ikun possibbli li bejn twelid taʼ tarbija u oħra jitħalla ftit taż-żmien jgħaddi biex b’hekk il-mara tilħaq tistrieħ u tieħu saħħitha.
Dieta tajba. Skond il-Koalizzjoni għal Riżultati Pożittivi fit-Tqala, qabel ma mara toħroġ tqila din teħtieġ minn taʼ l-inqas erbaʼ xhur biex tirkupra mill-effetti taʼ sustanzi li jagħmlu l-ħsara u biex terġaʼ tieħu saħħitha permezz taʼ dieta tajba. Per eżempju, ir-riskju tal-marda spina bifida, li ġġiegħel is-sinsla tad-dahar ma tagħlaqx sew u tiżviluppa ħażin, jistaʼ jonqos ħafna jekk l-omm li tkun qed tistenna tarbija jkollha ħażna adegwata taʼ folic acid. Peress li s-sinsla tad-dahar tat-tarbija fil-ġuf tkun żviluppat u għalqet bejn l-24 u t-28 jum wara l-konċepiment—ferm qabel ma ħafna nisa jindunaw li huma tqal—xi nisa li qed jippjanaw li joħorġu tqal jieħdu l-folic acid.
Nutriment kruċjali ieħor huwa l-ħadid. Tabilħaqq, il-bżonn li mara jkollha għall-ħadid jirdoppja meta din tkun tqila. Jekk dan l-ammont ikun diġà baxx—bħalma hu l-każ f’ħafna nisa f’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw—il-mara tistaʼ taqaʼ f’anemija minħabba nuqqas taʼ ħadid. Din il-kundizzjoni tistaʼ tiggrava meta jkun hemm tqala wara l-oħra, għax imbagħad il-mara ma jkollhiex ċans li ġisimha jaħżen biżżejjed ħadid bejn twelid u ieħor.a
Età. Ir-riskju taʼ mewt fost tfajliet tqal taħt is-16-il sena huwa 60 fil-mija akbar minn taʼ dawk ’il fuq minn 20 sena. Min-naħa l-oħra, nisa ’l fuq minn 35 sena għandhom iktar ċans li jildu trabi b’ċerti difetti, bħad-Down’s syndrome. Ommijiet li għadhom żgħar ħafna jew dawk li jildu tfal meta jkunu qabżu ċerta età għandhom iktar ċans li jbatu bil-pre-eklampsja. Din il-marda żżid ir-riskju taʼ mewt kemm għat-tarbija kif ukoll għall-omm. L-effetti tagħha jinkludu pressjoni għolja wara l-20 ġimgħa tat-tqala, flimkien maʼ nefħa bl-ilma li jkun trabba u ammont miżjud taʼ proteina fl-awrina.
Infezzjonijiet. Infezzjonijiet urinarji, infezzjonijiet fl-għonq taʼ l-utru, u dawk fl-istonku u l-imsaren jistgħu jiggravaw matul it-tqala u jżidu r-riskju taʼ twelid qabel iż-żmien u pre-eklampsja. L-aħjar huwa li kwalunkwe infezzjoni tiġi kkurata qabel it-tqala.
Kura tas-Saħħa fit-Tqala
Kura qabel it-twelid. Viżti regulari għand it-tabib matul it-tqala kollha jnaqqsu r-riskju taʼ mewt fl-ommijiet. Anki f’pajjiżi fejn l-aċċess regulari għall-kliniċi u l-isptarijiet huwa limitat, jistaʼ jkun hemm disponibbli majjistri li jkollhom it-taħriġ meħtieġ.
Permezz tal-kura qabel it-twelid, in-nies mediċi mħarrġa jkunu jistgħu jindunaw b’ċerti sitwazzjonijiet li jirrikjedu kura speċjali. Dawn jinkludu tqala taʼ tewmin jew iktar, pressjoni għolja, problemi tal-qalb u tal-kliewi, u dijabete. F’ċerti pajjiżi mara tqila tistaʼ tingħata t-tilqima tat-tetnu biex jiġi evitat li t-tarbija li titwieled jaqbadha t-tetnu. Tistaʼ wkoll tiġi testjata għall-marda taʼ l-istreptokokku grupp B bejn is-26 u t-28 ġimgħa tat-tqala. Dawn il-batterji, jekk ikunu preżenti fil-musrana l-għamja, jistgħu jinfettaw lit-tarbija waqt il-ħlas.
L-omm li tkun qed tistenna tarbija għandha tkun lesta li tagħti l-informazzjoni kollha li tistaʼ lit-tobba, inkluż l-istorja medika tagħha. Hi m’għandhiex iżżomm lura milli tistaqsi l-mistoqsijiet li jkollha bżonn. Persuna għandha tfittex għajnuna medika minnufih f’każ li tara d-demm, tibda tirremetti kontinwament, ikollha infjammazzjoni f’wiċċha ħabta u sabta, uġigħ taʼ ras qawwi jew kontinwu jew uġigħ fis-swabaʼ, vista batuta jew imċajpra f’daqqa waħda, uġigħ qawwi taħt żaqqha, deni jew bard, bidla fil-frekwenza jew fl-intensità taċ-ċaqliq tat-tarbija ġewwa l-ġuf, ħruġ taʼ likwidu mill-vaġina, uġigħ meta tgħaddi l-awrina, jew nuqqas mhux normali taʼ awrina.
Alkoħol u drogi. L-użu taʼ l-alkoħol u d-drogi (inkluż it-tabakk) mill-omm iżid ir-riskju li t-tarbija tagħha titwieled ritardata mentalment, b’xi difett fiżiku, u anki bi problemi fl-imġiba. Kien hemm saħansitra trabi t’ommijiet bil-vizzju tad-drogi li meta twieldu wrew sintomi taʼ wġigħ li jħossu dawk li jkunu qed jipprovaw jaqtgħu d-drogi. Għalkemm xi nies jemmnu li tazza nbid kultant ma tagħmilx ħsara, ġeneralment l-esperti jirrikkmandaw li l-omm tastjeni għalkollox mix-xorb matul it-tqala. L-ommijiet li qed jistennew tarbija għandhom joqogħdu attenti wkoll mid-duħħan tas-sigaretti li jpejpu n-nies taʼ madwarhom.
Mediċini. L-ebda mediċina m’għandha tittieħed jekk mhux bir-riċetta speċifika taʼ tabib li jkun jaf bit-tqala u li jkun qies ir-riskji kollha involuti. Xi vitamini jistgħu jagħmlu l-ħsara wkoll. Per eżempju, ammont żejjed taʼ vitamina A jistaʼ jikkaġuna mankamenti fit-trabi.
Żjieda fil-piż. Mara tqila għandha tevita li tmur fl-estrem. Skond Krause’s Food, Nutrition and Diet Therapy, tarbija li titwieled inqas mill-piż normali għandha 40 darba iktar ċans li tmut minn tarbija li titwieled b’piż normali. Mill-banda l-oħra, li tiekol għal tnejn min-nies jirriżulta biss fi ħxuna żejda. Meta l-mara tiżdied fil-piż kif suppost—u dan jidher l-iktar mir-rabaʼ xahar tat-tqala—ikun jindika li hi qiegħda tiekol l-ammont eżatt li teħtieġ biex tlaħħaq maż-żjieda li jkun qed jitlob ġisimha.b
L-iġjene u fatturi oħra. Mara tqila tistaʼ tieħu banju u doċċa bħas-soltu, imma m’għandhiex taqbad u tuża d-doċċa jew xi apparat mediku direttament fil-parti vaġinali. Għandha tevita kuntatt maʼ xi ħadd li għandu infezzjoni minn xi virus, bħalma hi r-rubella, magħrufa wkoll bħala l-ħożba Ġermaniża. Barra minn hekk, teżisti marda fl-annimali, toxoplasmosis, li tittieħed jekk persuna tiekol laħam nofsu msajjar jew tmiss il-ħmieġ tal-qtates. Għalhekk, il-mara għandha toqgħod attenta biex tevita dawn iż-żewġ affarijiet. Proċeduri bażiċi taʼ iġjene, bħall-ħasil taʼ l-idejn u l-ħasil taʼ ikel nej, huma essenzjali. Ġeneralment, ir-relazzjonijiet sesswali ma joħolqux riskju, ħlief matul l-aħħar ġimgħat tat-tqala jew fil-każ t’emorraġija, ġbid fil-muskoli, jew korrimenti fil-passat.
Ħlas Tajjeb
Mara li tieħu ħsieb tagħha nfisha matul it-tqala għandha inqas ċans li jkollha komplikazzjonijiet wara l-ħlas. Naturalment, din tkun diġà ppjanat jekk tippreferix tixtri t-tarbija d-dar jew inkella tmur l-isptar. Tkun taf ukoll, sa ċertu punt, x’għandha tistenna u kif għandha tikkoopera mal-majjistra taʼ l-esperjenza jew it-tabib. Min-naħa tagħha, din il-persuna għandha tkun taf bil-preferenzi tal-mara bbażati fuq l-informazzjoni—f’affarijiet li jkun possibbli li tagħmel għażla fihom. Dawn jinkludu l-pożizzjoni li l-mara tippreferi waqt il-ħlas, jekk għandhiex issir qasma fil-vaġina, u l-użu taʼ l-għodda, rimedju għall-uġigħ tal-ħlas, u l-osservar tat-tarbija permezz t’apparat elettroniku. Irid ikun hemm qbil ukoll fuq kwistjonijiet oħra: F’liema sptar jew klinika se jmorru jekk jinqalgħu xi komplikazzjonijiet f’każ li jkollha t-tarbija d-dar? X’se jsir eżattament jekk l-omm titlef ħafna demm? Peress li ħafna ommijiet imutu minħabba l-emorraġija, prodotti oħra minflok id-demm iridu jkunu disponibbli fil-pront għal dawk il-pazjenti li ma jaċċettawx trasfużjonijiet. Ukoll, għandu jiġi kunsidrat xi jrid isir f’każ taʼ ċesarja.
Il-Bibbja tgħid li t-tfal huma barka mingħand Alla, “wirt.” (Salm 127:3) Iktar ma mara tkun taf dwar it-tqala tagħha, iktar se jkun taʼ ġid għaliha. Jekk il-mara tieħu ħsieb tagħha nfisha qabel u matul it-tqala, u taħseb minn qabel dwar id-diversi aspetti involuti fil-ħlas, hi tkun qed tagħmel dak kollu li tistaʼ biex tnaqqas il-perikli waqt it-tqala.
[Noti taʼ taħt]
a Il-folic acid u l-ħadid jistgħu jinstabu fil-fwied, legumi bħal piżelli u għads, ħaxix bil-weraq aħdar, lewż, u ċereali miżjuda bil-vitamini u l-minerali. Sabiex il-ġisem ikun jistaʼ jieħu l-ħadid minn dan l-ikel, ikun tajjeb li dawn l-affarijiet jittieklu flimkien m’affarijiet li fihom il-vitamina Ċ, bħal per eżempju l-frott frisk.
b Iż-żjieda rikkmandata fil-piż fil-każ taʼ mara li tibda t-tqala b’piż kif għandu jkun hija taʼ bejn 9 u 12-il kilogramm sa l-aħħar tat-tqala. Madankollu, l-adolexxenti jew in-nisa li huma daqsxejn fjakki għandhom jiżdiedu minn 12 sa 15-il kilogramm, filwaqt li dawk li għandhom piż żejjed għandhom jiżdiedu biss bejn 7 u 9 kilogrammi.
[Kaxxa f’paġna 14]
PARIRI GĦAN-NISA TQAL
● Normalment id-dieta taʼ kuljum taʼ mara tqila għandha tinkludi frott, ħaxix (speċjalment aħdar skur, oranġjo, u aħmar), legumi (bħal fażola, għads, u ċiċri), ċereali (inkluż qamħ, ħafur [oats], u xgħir—preferibbilment ċereali sħaħ jew inkella miżjudin bil-vitamini u l-minerali), ikel li ġej mill-annimali (ħut, tiġieġ, ċanga, bajd, ġobon, u ħalib, preferibbilment ħalib xkumat). Ix-xaħmijiet, iz-zokkor proċessat, u l-melħ ikun aħjar jekk jittieħdu bil-qjies. Ixrob ħafna ilma. Evita xarbiet li jkun fihom il-kafeina, kif ukoll ikel miżjud bil-preservattivi u l-addittivi (bħalma huma l-kuluri u t-togħmiet artifiċjali). Il-lamtu, it-tafal, u sustanzi oħra li ma jistgħux jittieklu jistgħu jikkaġunaw malnutrizzjoni u avvelenament.
● Oqgħod attenta minn xi periklu li jeżisti fl-ambjent, bħal per eżempju li tkun esposta għal eksrejs u kimiċi li jagħmlu lħsara. Illimita l-użu taʼ sprejs u sustanzi oħra li jintużaw fid-dar. Tħallix it-temperatura taʼ ġismek togħla żżejjed minħabba sħana kbira jew eżerċizzju esaġerat. Evita li toqgħod fuq saqajk għal ħin twil jew li titħabat iżżejjed. Oqgħod attenta kif taqfel is-seat belt.