LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 4/8 pp. 26-27
  • Attent għal dawk in-Niggieża Qattiela!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Attent għal dawk in-Niggieża Qattiela!
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Hemm Xi Prekawzjonijiet?
  • Hemm Xi Ħaġa Kontra l-​Velenu?
  • Koppja Mhux tas-Soltu
    Stenbaħ!—2005
  • Is-swabaʼ impressjonanti tal-qarnita
    Ġie Disinjat?
Stenbaħ!—2003
g03 4/8 pp. 26-27

Attent għal dawk in-​Niggieża Qattiela!

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-​AWSTRALJA

KIENET għodwa sajfija u sabiħa fin-​naħa taʼ fuq taʼ Queensland, l-​Awstralja​—ġurnata perfetta biex tgħum fl-​ilma rifreskanti u taħrab mis-​sħana. Imma dik l-​għodwa, l-​istazzjon lokali tar-​radju taʼ Townsville l-​ħin kollu beda jxandar twissijiet li fl-​ilmijiet intlemaħ bram perikoluż imsejjaħ box jellyfish u għalhekk kulmin kien se jmur jgħum dakinhar ried joqgħod b’sebaʼ għajnejn.

Koppja żagħżugħa ma semgħetx dawn it-​twissijiet. Huma kienu qegħdin bil-​qiegħda viċin ix-​xatt taʼ l-​oċean Paċifiku fl-​ilma li kien għoli sa l-​irkoppa meta l-​mara​—bi tmien xhur u nofs tqala​—f’daqqa waħda bdiet twerżaq. Qamet tiġri bil-​wieqfa u bdiet tipprova taqlaʼ qabda swabaʼ minn maʼ koxxtejha u minn maʼ żaqqha. Wara li għenha titlaʼ mill-​baħar bi sforz kbir, żewġha​—li kien qed ibati mit-​tingiż ukoll​—kollu mferfex mar jiġri kemm jiflaħ għall-​għajnuna. Sakemm ġie lura xi ftit minuti wara, martu ma kinitx tidher li qed tieħu nifs u wiċċha, idejha, u saqajha kienu suwed. B’ferħ, permezz taʼ l-​għajnuna li ngħatat fuq il-​post biex terġaʼ tibda tieħu n-​nifs, u l-​wasla fil-​pront taʼ l-​ambulanza, il-​mara żagħżugħa għexet. It-​tarbija tagħha, li twieldet xi ftit ġimgħat wara, għexet ukoll.

Mijiet t’għawwiema jitniggżu kull sena mill-​box jellyfish. Xi wħud mietu wara minuta biss li ntmessu mis-​swabaʼ taʼ dan il-​bram. Mela mhux taʼ b’xejn li meta jintlemaħ dan il-​bram, f’ħakka t’għajn jitbattlu xtut sħaħ mill-​għawwiema tas-​sajf! Ix-​xniexel taʼ swabaʼ twal​—ġieli minn 40-60 waħda fi bram kbir​—jistgħu jkunu taʼ periklu.

Hemm Xi Prekawzjonijiet?

Xi nies jevitaw għalkollox li jgħumu fl-​oċean meta jkun hemm dan il-​bram fil-​viċinanzi. Imma għal dawk li xorta jażżardaw jgħumu f’dawn ix-​xhur sħan, libsa sħiħa bħal taʼ bugħaddas tistaʼ tkun l-​aħjar mod kif tevita din l-​esperjenza taʼ wġigħ.

F’ħafna mix-​xtut fl-​Awstralja regolarment ikun hemm min joqgħod għassa, u kulmeta jintlemħu l-​box jellyfish, il-​biċċa l-​kbira minnhom jinqabdu bix-​xbieki. Ukoll, jibdew jixxandru ħafna twissijiet minn fuq l-​istazzjonijiet tar-​radju lokali. Minkejja dawn il-​prekawzjonijiet, dejjem ikun hemm il-​periklu meta dan il-​bram ikun idur fil-​viċinanzi. Milli jidher, dan ibid f’daħliet li jimtlew bl-​ilma li jidħol mal-​marea u fix-​xmajjar. Meta jsir adult, dan jidher li jippreferi x-​xtut tal-​baħar.

Fortunatament, it-​tingiża mill-​box jellyfish normalment ma tkunx fatali. Jiddependi ħafna minn kemm ikun hemm kuntatt mas-​swabaʼ, kemm joħroġ velenu, kemm ikollha żmien il-​brama, kif ukoll is-​saħħa u l-​età tal-​vittma li titniggeż. Madankollu, jekk ma tingħatax kura immedjata, wara minuta li jkun hemm kuntatt mas-​swabaʼ tal-​brama, il-​vittma tistaʼ tmut b’attakk tal-​qalb. Dan jiġri minħabba li s-​swabaʼ għandhom ħjut taʼ ċelluli niggieża li jiġu sparati meta jiġu f’kuntatt maʼ ħlejjaq oħra. Ovvjament, dan huwa l-​mod kif dan il-​bram jikseb l-​ikel tiegħu, bħall-​gambli.

Din il-​brama jistaʼ jkollha sa tmien għajnejn, li anki meta jkunu jħarsu ’l ġewwa ġol-​ġisem trasparenti tagħha, dawn xorta jkunu kapaċi jaraw xi xkiel bħalma jistaʼ jkun il-​bniedem jew anki xi predatur. Dan ma jfissirx li dan il-​bram jattakka lill-​bniedem minn jeddu. Lanqas xejn, għax il-​box jellyfish toqgħod iddur madwar l-​ostaklu li ssib quddiemha jekk ikollha ċans biżżejjed. Dan tistaʼ tagħmlu billi tuża l-​ġisem tagħha forma taʼ kaxxa biex tiġbed l-​ilma ’l ġewwa u mbagħad titfgħu ’l barra.

Il-problema tinqalaʼ meta n-​nies ħafna drabi jmorru jiġru fil-​baħar jew jaqbżu ġo l-​ilma u ma jagħtux ċans lill-​brama tevita li taħbat magħhom. U meta s-​swabaʼ tal-​brama jmissu mal-​ġilda tal-​bniedem, dawn jirreaġixxu mill-​ewwel billi jaqbdu mal-​ġilda u jitfgħu l-​velenu tagħhom. L-​uġigħ li tħoss il-​vittma huwa kbir ħafna. Il-​velenu jiġi injettat minn ħafna ċelluli li kull waħda minnhom tissejjaħ nematoċiste u dan jiġi assorbit malajr. Jekk il-​vittma tiġri jew tibda ċċaqlaq ħafna idejha u saqajha bil-​paniku, il-​velenu jiġi assorbit iktar malajr. Problema maġġuri oħra hija li għalkemm is-​swabaʼ jinqatgħu minn mal-​brama, dawn jeħlu mal-​laħam tal-​vittma, u jekk il-​vittma tipprova taqlagħhom joħroġ iktar velenu.

Hemm Xi Ħaġa Kontra l-​Velenu?

Iva hemm, u meta ġie applikat mill-​ewwel l-​antidotu t-​tajjeb dan salva ħafna ħajjiet. Għal ħafna snin b’mod żbaljat kien maħsub li l-​aħjar kura taʼ emerġenza biex il-​velenu ma joħroġx daqshekk malajr kienet li jintefgħu spirti metilizzati fuq is-​swabaʼ li jkunu mwaħħla mal-​vittma. Però, dan l-​aħħar, ir-​riċerki wrew li l-​ispirti metilizzati fil-​fatt jgħinu l-​velenu biex joħroġ iktar malajr.

Issa huwa maħsub li l-​ħall​—likwidu rħis u li huwa pjuttost komuni​—huwa l-​aħjar likwidu biex ixxarrab is-​swabaʼ tal-​brama bih. Il-​ħall imewwet kompletament in-​nematoċiste u jżommhom milli joħorġu l-​velenu. Għalhekk, illum il-​ġurnata, il-​biċċa l-​kbira mill-​kunsilli lokali taʼ fejn hemm il-​periklu taʼ dan il-​bram, ipoġġu bottijiet li tagħfashom biex joħroġ il-​ħall f’postijiet fejn jidhru​—flimkien maʼ tabelli kbar li javżaw dwar dawn in-​niggieża tal-​baħar.

Mela filwaqt li l-​għawm fil-​baħar tropikali sħun taʼ l-​Awstralja jistaʼ jkun rifreskanti, u anki jagħti s-​saħħa, waqt l-​istaġun tal-​box jellyfish, ħalli kulmin jgħum joqgħod b’sebaʼ għajnejn!

[Kaxxa/Stampa f’paġna 27]

PREKAWZJONIJIET SEMPLIĊI BIEX JIPPROTEĠUK MIN-​NIGGIEŻA

• Għum biss f’bajjiet li jkollhom l-​għassa

• Ilbes libsa sħiħa bħal taʼ bugħaddas fl-​istaġun tal-​box jellyfish

• Ara li jkollok tagħmir taʼ l-​ewwel għajnuna fil-​viċin, inkluż il-​ħall

• Jekk titniggeż, tipprovax taqlaʼ s-​swabaʼ tal-​brama

• Jekk tieqaf il-​qalb jew jieqaf in-​nifs tal-​vittma, agħti r-​respirazzjoni artifiċjali jew agħmlilha l-​messaġġi tal-​qalb mill-​ewwel

[Stampa f’paġna 26]

Ħarsa mill-​viċin lejn is-​swabaʼ tal-​box jellyfish

[Sors]

Courtesy of Surf Life Saving Queensland

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja