Il-Ħxuna Żejda Qed Issir Epidemija Globali?
“TAʼ SPISS il-ħxuna żejda tiġi meqjusa bħala l-effett tal-ħajja moderna f’pajjiżi sinjuri u żviluppati, imma issa din qiegħda teffettwa wkoll lil pajjiżi li qed jiżviluppaw,” jirrapporta l-ġurnal mediku Ingliż The Lancet. Din uriet li issa l-esperti tan-nutriment qegħdin iwissu dwar “epidemija globali” taʼ mard li huwa konness mal-ħxuna żejda bħalma hi d-dijabete, il-pressjoni għolja ħafna fid-demm, il-kanċer, u l-mard tal-qalb u l-arterji.
F’dawn l-aħħar tmien snin, fiċ-Ċina, in-numru taʼ rġiel li għandhom piż żejjed ittriplika ruħu filwaqt li dak tan-nisa rdoppja. Minħabba dan, ir-rata taʼ nies hemmhekk li jbatu bi pressjoni għolja fid-demm saret simili għal dik fl-Istati Uniti. Iktar minn nofs il-każijiet ġodda kollha taʼ dijabete jinstabu fl-Indja jew fiċ-Ċina. Il-livell taʼ dijabete fl-Eġittu huwa ugwali għal dak fl-Istati Uniti, u nofs in-nisa f’dak il-pajjiż għandhom piż żejjed. Fil-Messiku, f’kull livell tas-soċjetà u f’kull parti tal-pajjiż, in-numru taʼ dawk li huma ħoxnin iżżejjed żdied malajr b’konsegwenza li żdiedet id-dijabete. Anki f’pajjiżi fqar ħafna fil-parti taʼ l-Afrika ’l isfel mid-deżert tas-Saħara, il-ħxuna żejda u d-dijabete qegħdin jiżdiedu.
Għalkemm f’xi pajjiżi l-kaġun għall-ħxuna żejda jistaʼ jkun l-ikel taʼ malajr mimli xaħmijiet, wieħed mill-kaġuni ewlenin huwa li ħafna manifatturi qegħdin iżidu iktar zokkor maʼ l-ikel “biex dan ikollu togħma aħjar.” Iktar minn hekk, id-dieti Asjatiċi u Afrikani jinkludu iktar żejt taʼ l-ikel, u maʼ dan jiżdiedu l-kaloriji. Minħabba t-teknoloġija avanzata fil-fabbriki u fl-agrikultura, jinħtieġ inqas sforz biex isiru l-prodotti. In-nies iridu jaħdmu inqas u għandhom iktar ħin liberu. Issa li l-kompjuters u t-televixin saru xi ħaġa tant komuni, il-ħaddiema jagħmlu inqas eżerċizzju, u minħabba l-“E-mail m’għadx baqaʼ l-bżonn li wieħed iqum minn postu biex iwassal messaġġ u biex ikellem lill-kollegi tiegħu.”
Ladarba l-ħxuna żejda qiegħda tiżdied ukoll fost it-tfal taʼ l-iskola, speċjalment fi nħawi fejn ir-rikreazzjoni u l-attività fiżika naqsu, hemm bżonn urġenti li l-għalliema jżommu f’moħħhom li l-ikel għandu x’jaqsam maʼ kemm wieħed imur tajjeb fl-iskola. Gail Harrison, mill-Iskola Pubblika tas-Saħħa, fl-Università taʼ Kalifornja, twissi li minbarra l-isforzi u l-metodi li jinħolqu għall-prevenzjoni tal-ħxuna żejda fit-tfal fl-inħawi lokali, huwa essenzjali li ssir lista waħda għall-pajjiżi kollha madwar id-dinja li turi xi jrid isir għall-prevenzjoni. Maʼ din jiġi l-iżvilupp taʼ regoli, abbiltajiet, u servizzi. Dan kollu jgħin sabiex tissolva l-problema taʼ l-epidemija tal-ħxuna żejda u l-mard li ġġib magħha.