Il-Mużajċi—Tpinġija bil-Ġebel
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-ITALJA
IL-MUŻAJK ġie msejjaħ “forma stramba taʼ l-arti,” teknika tat-tiżjin “li tispikka,” u wieħed “mill-iktar forom taʼ l-arti dekorattiva li baqgħet teżisti mill-antik.” L-artist Taljan tas-seklu ħmistax Domenico Ghirlandajo sejħilha “tassew mod kif tpinġi għall-eternità.” Taħseb x’taħseb dwar il-mużajċi, dawn għandhom storja verament affaxxinanti.
Il-mużajk jistaʼ jiġi spjegat bħala l-arti taʼ li ssebbaħ l-uċuħ—bħall-art, il-ħajt, jew il-ħnejjiet tas-saqaf—b’disinji magħmulin minn biċċiet żgħar imwaħħlin flimkien taʼ ġebel, ħġieġ, jew madum. Mill-antik, il-mużajċi ntużaw biex iżejnu l-art u l-ħitan. Il-mużajċi żejnu wkoll il-banjijiet, il-pixxini, u l-funtani—postijiet fejn kieku l-umdità kienet tikkaġuna ħsara lill-forom delikati oħra taʼ l-arti.
Il-mużajċi jistgħu jvarjaw ħafna fid-dehra tagħhom, bil-varjetà li tibda minn artijiet sempliċi b’kulur wieħed għal disinji bojod u suwed u minn disinji komplikati bil-fjuri b’ħafna kuluri għal stampi dettaljati li huma diffiċli ferm biex tagħmilhom.
Kif Ġie Vvintat u Żviluppat
Ma nafux eżatt min ivvinta l-mużajk. L-Eġizzjani u s-Sumeri tal-qedem żejnu l-bini tagħhom b’uċuħ disinjati kollhom kuluri. Madankollu, l-arti tidher li spiċċat mingħajr ma kompliet tiġi żviluppata. Jingħad li l-mużajk oriġina mill-Asja Minuri, Kartaġni, Kreta, il-Greċja, Sqallija, Spanja, kif ukoll is-Sirja, u kittieb wieħed ħareġ bit-teorija li t-teknika ġiet “ivvintata, minsija, u mbagħad reġgħet ġiet ivvintata għal diversi drabi u f’diversi postijiet fl-inħawi tal-Mediterran.”
Il-mużajċi li kienu jsiru fil-bidu, li xi wħud minnhom imorru lura sad-disaʼ seklu Q.E.K., kienu jsiru minn ċagħaq lixx irranġat f’disinji sempliċi. Il-ġebel kien ikun skond il-kuluri li ssib fil-post. Il-ġebel ġeneralment kien ikun daqs 10 sa 20 millimetru fid-dawra, imma f’xi partijiet dettaljati kien jintuża ċagħaq żgħir taʼ xi 5 millimetri biss. Sar-rabaʼ seklu Q.E.K., l-artiġjani bdew jaqtgħu ċ-ċagħaq f’biċċiet iżgħar, u għalhekk il-mużajċi setgħu jkunu iktar preċiżi. Ftit ftit, il-kaxxi żgħar tal-ġebel, jew bil-Latin it-tesserae, bdew jintużaw iktar miċ-ċagħaq. Kellhom iktar kuluri disponibbli bit-tesserae u dawn setgħu jitpoġġew iktar faċilment u jiġu addattati għad-disinn li jkun qed isir. Bihom setgħu jipproduċu wċuħ lixxi, li setgħu jiġu llostrati biex il-kuluri jkunu jleqqu iktar. Sat-tieni seklu E.K., bdew jintużaw iktar biċċiet żgħar taʼ ħġieġ kulurit, li sebbħu iktar l-għażla tal-kuluri taʼ min jagħmel il-mużajk.
Fil-perijodu Ellenistiku (ċ. 300 Q.E.K. sa ċ. 30 Q.E.K.) saru mużajċi partikolarment dettaljati u mill-isbaħ. “Billi użaw l-iktar għażla varjata taʼ kuluri u billi ċekknu d-daqs tat-tesserae għal millimetru kwadru . . . , ix-xogħol prodott minn dawk il-Griegi li jagħmlu l-mużajċi beda jikkompeti mat-tpinġija taʼ fuq il-ħajt,” jgħid il-ktieb Glossario tecnico-storico del mosaico (Glossarju Tekniku-Storiku tal-Mużajk). Il-kuluri kienu jinkisbu bis-sengħa kollha permezz taʼ illużjonijiet sottili bid-dawl, id-dell, il-profondità, il-ħxuna, u l-perspettiva.
Ix-xogħlijiet Griegi kienu karatterizzati minn stampa ċentrali b’ħafna dettalji, jew emblema—li spiss kienet tkun xi riproduzzjoni eċċellenti taʼ xi tpinġija famuża—imdawra b’disinji elaborati. Xi stampi ċentrali tant kien ikollhom tesserae żgħar u mwaħħlin sew li kienu jidhru qishom saru bil-pinzell minflok b’biċċiet individwali tal-ġebel.
Il-Mużajċi Rumani
Minħabba l-ammont kbir taʼ mużajċi li hemm fl-Italja u fil-provinċji taʼ l-Imperu Ruman, il-mużajk spiss jiġi kunsidrat bħala li hu arti Rumana. “Instabu mijiet t’eluf t’uċuħ bħal dawn fil-binjiet taʼ żmien ir-Rumani mit-tramuntana tal-Britannja sal-Libja, mill-kosta taʼ l-Atlantiku sad-deżert Sirjan,” jgħid sors wieħed. “Kultant huma kunsidrati bħala l-marka li tidentifika l-preżenza Rumana fl-inħawi, u din it-teknika mhux tas-soltu hija marbuta ħafna mal-firxa tal-kultura Rumana.”
Madankollu, il-mużajċi kuluriti tal-pittura ma kinux addattati għall-bżonnijiet taʼ l-imperu fil-bidu tiegħu. Minħabba li l-bliet bdew jikbru malajr matul l-ewwel seklu E.K., kien hemm żjieda fid-domanda għax-xogħol bil-mużajk li jsir malajr u bl-irħis. Dan ta spinta biex jiġu prodotti l-mużajċi li jsiru biss bit-tesserae sewda u bajda. Kien hemm żjieda kbira fil-produzzjoni, u skond l-Enciclopedia dell’arte antica (L-Enċiklopedija taʼ l-Arti Antika), “ma kienx hemm dar għanja waħda fil-bliet taʼ l-imperu li ma kienx ikollha m[użajk].”
Tistaʼ ssib replika eżatta taʼ ċerti disinji f’diversi nħawi ’l bogħod minn xulxin. Dan jissuġġerixxi li gruppi t’artiġjani—jew forsi kotba li kellhom disinji tal-mużajk—ivvjaġġaw minn binja għall-oħra. Min xtaq li jagħmlulu xi emblema setaʼ jorndaha minn qabel, u wara li ssir, tiġi trasportata fil-post tal-bini fuq tray taʼ l-irħam jew tat-terrakotta, u mbagħad titwaħħal. Ix-xogħol li jibqaʼ kien isir kollu fil-post.
Ix-xogħol ried jiġi ppjanat minn qabel bir-reqqa sabiex id-disinji u l-borduri jitqiegħdu f’posthom. Kienu joqogħdu attenti ħafna għall-bażi u l-wiċċ biex ikunu ċerti li jkun lixx u dritt. Imbagħad saff irqiq taʼ ġir (li jissejjaħ il-bażi) kien jixxerred fuq biċċa żgħira biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jaħdmu fuqha qabel ma tinxef—forsi iżgħar minn metru kwadru. Għandhom mnejn kienu jpinġu skeċċ fil-wiċċ biex jiggwidahom. It-tesserae kienu jinqatgħu skond id-daqs, u l-artiġjan jibda jqegħedhom f’posthom.
Kienu jagħfsu t-tesserae waħda waħda fil-ġir, li kien joħroġ minn bejn il-biċċiet. Meta titgħatta l-biċċa kollha, terġaʼ titqiegħed bażi għall-biċċa li jmiss, u mbagħad oħra, u jibqgħu sejrin hekk. L-artiġjani esperti kienu jagħmlu l-partijiet li jkunu l-iktar komplikati, u mbagħad iħallu lill-assistenti tagħhom jimlew fejn ikun iktar sempliċi.
Il-Mużajċi u l-Kristjaneżmu
Fir-rabaʼ seklu E.K., il-mużajċi bdew jintużaw fil-knejjes tal-Kristjaneżmu. Peress li spiss kienu jagħtu stampa taʼ ġrajjiet Bibliċi, dawn il-mużajċi kienu jintużaw biex jgħallmu lill-aduraturi. Id-dawl tax-xemaʼ li kien jirrifletti fuq it-tesserae tal-ħġieġ kulur il-fidda u d-deheb li kien joħolq atmosfera spiritwali. Storia dell’arte italiana (L-Istorja taʼ l-Arti Taljana) jgħid: “L-arti tal-mużajk kienet taqbel perfettament maʼ l-ideoloġija taʼ dak iż-żmien, li kienet influwenzata ħafna . . . min-Neoplatoniżmu. Fl-arti tal-mużajk kien isir proċess li fih il-materjal ma jibqax imdallam u jsir purament spiritwali, imdawwal, u fformat.”a X’differenza meta tqabblu mas-sempliċità tal-qima li għallem il-fundatur tal-Kristjanità—Ġesù Kristu!—Ġwanni 4:21-24.
Il-knejjes Biżantini fihom xi eżempji li jispikkaw taʼ xogħlijiet mużajċi. F’xi djar tal-qima, it-tesserae jgħattu kważi kull roqgħa tal-ħitan u s-soqfa. F’Ravenna, l-Italja, tistaʼ tara dawk li jissejħu l-“kapulavuri tal-mużajk Kristjan,” dominat minn sfond lewn id-deheb u jagħtu stampa taʼ dawl divin u dak li hu misterjuż u li ma jistax jinkiseb.
Il-mużajk baqaʼ jintuża ħafna fil-knejjes taʼ l-Ewropa tal-Lvant fil-Medju Evu u kien jintuża b’sengħa kbira fid-dinja Islamika. Fl-Italja taʼ żmien ir-Rinaxximent, il-ħwienet konnessi mal-katidrali, bħal San Mark ġo Venezja u San Pietru f’Ruma, saru ċentri fejn isir il-mużajk. Madwar is-sena 1775, l-artiġjani f’Ruma tgħallmu kif jaqtgħu l-ħjut tal-ħġieġ jaħraq taʼ kull kulur immaġinabbli f’tesserae żgħar, u għalhekk sar possibbli li jerġgħu jipproduċu l-pitturi f’mużajċi żgħar.
Metodi Moderni u Kif Jintużaw
Dawk li jagħmlu l-mużajk illum jużaw dak li jissejjaħ il-metodu indirett. Dan jikkonsisti f’li jwaħħlu t-tesserae wiċċhom ’l isfel bil-kolla fuq skeċċ sħiħ waqt li jkunu għadhom fil-ħanut u jħallu l-biċċa taʼ wara mikxufa. Imbagħad il-mużajk jinġarr biċċa biċċa lejn fejn ikun se jitwaħħal, fejn it-tesserae jitwaħħlu minn wara fil-bażi. Meta l-ġir jinxef, il-kolla u l-karta jitneħħew bl-ilma, u b’hekk jesponu l-istampa. Dan il-metodu jiffranka l-ħin u x-xogħol, imma l-wiċċ skur m’huwiex sabiħ daqs il-mużajċi jleqqu tal-Medju Evu.
Xorta waħda, għadd kbir taʼ swali, djar taʼ l-opera, knejjes u binjiet oħra tas-seklu 19 huma mżejna b’dan il-metodu. Barra minn hekk, il-metodu ntuża ħafna fil-mużewijiet, fl-istazzjonijiet tat-trejn taʼ taħt l-art, fiċ-ċentri tal-ħwienet, fil-ġonna u l-postijiet tad-divertiment, ibda mill-belt tal-Messiku sa Moska u minn Iżrael sal-Ġappun. Għalkemm ċatti iżda b’ħafna wċuħ, il-mużajċi kienu wkoll ideali biex iżejnu faċċati sħaħ taʼ bini modern.
Giorgio Vasari, pittur tas-seklu sittax u storjografu taʼ l-arti mill-Italja, kiteb: “Il-mużajk hu l-iktar tip taʼ pittura li jistaʼ jdum jeżisti. Pitturi oħrajn jiċċaraw maż-żmien, imma l-mużajk jibqaʼ jisbieħ tul iż-żmien.” Iva, is-sengħa li ntużat biex saru ħafna mużajċi tattira l-attenzjoni tagħna. Il-Mużajċi huma tabilħaqq tpinġija affaxxinanti bil-ġebel!
[Nota taʼ taħt]
a Il-filosofiji mhux skritturali Neoplatoniċi jenfasizzaw, fost affarijiet oħra, it-twemmin fl-immortalità tar-ruħ.
[Stampa f’paġna 16]
Mappa taʼ Ġerusalemm (is-sitt seklu E.K.)
[Sors]
Garo Nalbandian
[Stampa f’paġna 16]
Alessandru l-Kbir (it-tieni seklu Q.E.K.)
[Sors]
Erich Lessing/Art Resource, NY
[Stampi f’paġna 16, 17]
Il-Koppla tal-Blata f’Ġerusalemm (inbniet fis-685-691 E.K.)
[Stampa f’paġna 17]
“Dionysos,” Antjokja (madwar is-sena 325 E.K.)
[Sors]
Museum of Art, Rhode Island School of Design, by exchange with the Worcester Art Museum, photography by Del Bogart
[Stampa f’paġna 18]
It-tesserae, il-ħġieġ kulurit, u ċ-ċagħaq għadhom jintużaw fil-mużajċi moderni
[Stampa f’paġna 18]
Mużajk li jintwera fil-Lynn Heritage State Park, Massachusetts
[Sors]
Kindra Clineff/Index Stock Photography
[Stampi f’paġna 18]
Mużajċi minn Antoni Gaudí f’Barċellona (1852-1926)
[Sors]
Foto: Por cortesía de la Fundació Caixa Catalunya