Wara l-Isplużjonijiet
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-EKWADOR
L-20 taʼ Novembru, 2002, kien jum mill-isbaħ fil-belt taʼ Riobamba fl-Ekwador. Sħab abjad ħafif kien jidher jittajjar f’sema kaħlani. Il-vulkani miksijin bis-silġ li jdawru l-belt kienu joffru xena mill-isbaħ għal fuq xi kartolina. Il-124,000 ruħ li jgħixu hemm, xi wħud minnhom maʼ l-2,700 metru ’l fuq fil-Muntanji Andes, kienu għaddejjin bir-rutina normali tagħhom, mingħajr ma immaġinaw kif din il-kalma kienet se tisfratta f’daqqa waħda. F’kemm ili ngħidlek, fil-kalma taʼ nofsinhar, seħħet splużjoni li ttarrxek! It-twieqi u l-art bdew jitriegħdu. Malajr malajr bdiet tifforma sħaba f’sura taʼ faqqiegħ b’theddida għall-abitanti.
Għaxar minuti wara seħħet it-tieni splużjoni, u magħha ħarġet f’daqqa pressjoni għolja li nfirxet u li kissret it-twieqi u qalgħet il-bibien minn posthom. L-ewwel sħaba kienet insinifikanti ħdejn it-tieni sħaba taʼ nar u duħħan li ħarġet tkaxkar kollox magħha. Wara dan komplew iseħħu serje taʼ splużjonijiet.
José, u martu Ana—it-tnejn li huma Xhieda taʼ Jehovah—huma koppja li għandhom fuq is-60 sena li jgħixu xi 400 metru ’l fuq minfejn seħħet l-isplużjoni. Il-qawwa taʼ l-isplużjoni tefgħethom maʼ l-art. Ana kienet wieqfa ħdejn il-bieb taʼ barra meta dan inqalaʼ minn postu u spiċċa mkaħħal mal-ħajt taʼ wara. Hekk kif il-koppja mwerwra kienet qed tiġri lejn in-naħa taʼ wara tad-dar, is-saqaf beda jaqaʼ fuqhom. Minn hawn u minn hemm irnexxielhom joħorġu fil-bitħa ż-żgħira taʼ wara, fejn ħaddnu lil xulxin u bdew jitolbu. B’ferħ, 15-il minuta wara wasal binhom bil-karozza biex jiħodhom f’post ’il bogħod mill-periklu.
Mhux kulħadd ħelisha ħafif. Wara l-isplużjoni qam ħafna paniku. Folol taʼ nies bdew jaħarbu bil-mixi. Fost l-għajjat u t-twerżiq, xi wħud żelqu u waqgħu fuq il-ħġieġ imkisser li kien imxerred fuq il-bankini. Il-karozzi, it-trakkijiet, u l-karozzi tal-linja saqu ’l barra mill-belt b’veloċità qawwija, xi wħud saħansitra saqu fid-direzzjoni żbaljata f’toroq one-way! Ħafna li ħarbu mill-iskola jew minn fuq xogħolhom ma rnexxilhomx isiru jafu x’sar mill-membri tal-familja tagħhom sa 24 siegħa wara.
Xi kkaġuna dan il-ġenn kollu? Post fejn jinħadmu l-armamenti taħt l-art f’bażi militari fil-qrib ħa n-nar u qabbad reazzjoni sħiħa taʼ murtali, granati li jintefgħu bl-idejn, u tankijiet bil-kanuni mimlijin bombi li splodew. Hekk kif komplew l-isplużjonijiet, il-vetturi tal-pulizija ħabbru permezz tal-loudspeakers li kulħadd kellu joħroġ sa ħmistax-il kilometru ’l barra mill-belt.
F’kemm ili ngħidlek, Riobamba spiċċat vojta. Eluf taʼ ċittadini lokali mlew it-triq prinċipali ’l barra mill-belt, imgeddsin fl-arja kiesħa tal-lejl—ħafna minnhom mingħajr kowtijiet jew ġkieket. Wara bosta sigħat l-isplużjonijiet bdew jonqsu. Minħabba l-kesħa qawwija, ir-residenti bdew mexjin lura lejn il-belt b’attenzjoni kbira. L-għada fil-għodu, fid-dawl tal-jum, ħafna skoprew li kienet saret ħsara kbira lit-twieqi, il-bibien, il-bjut, is-soqfa, u l-ħitan taʼ djarhom. Familja waħda sabet biċċiet taʼ ħġieġ forma taʼ stalletti f’nofs is-saqqu tal-kamra tas-sodda. Oħrajn sabu l-frak taʼ l-isplużjoni ġewwa u barra darhom.
Għall-ewwel ġew rapportati minn taʼ l-inqas 7 mejta, 538 feruti, u 18,000 dar bil-ħsara. Mid-950 Xhud taʼ Jehovah fl-inħawi, ħadd ma miet, għalkemm tnejn kellhom jiġu kkurati minħabba feriti gravi li sofrew.
Għajnuna għall-Vittmi
L-għada fil-għodu wara li seħħew l-isplużjonijiet, anzjani fil-kongregazzjonijiet lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah bdew iżuru lil ħuthom il-Kristjani biex jaraw kellhomx bżonn xi ħaġa. Iktar tard dakinhar, ministru li jivvjaġġa tax-Xhieda taʼ Jehovah iltaqaʼ maʼ l-anzjani tat-13-il kongregazzjoni lokali taʼ ġewwa u barra l-belt biex jieħdu ħsieb il-ħsara li saret. Hu ħeġġeġ lill-anzjani biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet emozzjonali u spiritwali taʼ dawk li salvaw. Kemm kien vitali li jattendu l-laqgħat Kristjani f’dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli! (Lhud 10:24, 25) Għalhekk, il-kongregazzjonijiet lokali għamlu l-laqgħat regulari tagħhom l-għada fil-għaxija wara d-diżastru.
Il-Ħamis u l-Ġimgħa sar rapport dettaljat dwar il-ħsara fid-djar tax-Xhieda u ntbagħat lill-uffiċċju tal-fergħa lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah f’Guayaquil. Ir-rapport enfasizza l-bżonn urġenti li jitwaħħlu l-mijiet taʼ twieqi mkissrin sabiex ir-residenti jkunu protetti mill-kesħa. Wara biss ftit sigħat, l-uffiċċju tal-fergħa kien diġà xtara rombli kbar tal-plastik trasparenti, rukkelli tat-tejp, u msiemer tas-siment biex jagħmlu tiswijiet temporanji.
Trakk mimli bl-affarijiet wasal is-Sibt fil-għodu fid-disgħa. Gruppi taʼ Xhieda rġiel u nisa kienu diġà bdew jaħdmu, jgħinu lil sħabhom ix-Xhieda jnaddfu l-ħġieġ imkisser f’darhom sabiex jibda jitwaħħal il-plastik. Waħda mis-Swali tas-Saltna lokali saret iċ-ċentru minfejn jitqassam ix-xogħol. Saru xi marki maʼ l-art sabiex ikunu jistgħu jkejlu l-plastik. Bil-kejl li kisbu l-membri tal-gruppi li jagħtu l-għajnuna, inqatgħu biċċiet addattati tal-plastik skond id-daqs u mbagħad ittieħdu għand il-gruppi li kienu qed jistennew biex iwaħħluhom.
José, li semmejna iktar kmieni, qal: “Meta wasalna d-dar l-għada wara nofsinhar li saret l-isplużjoni, l-aħwa kienu diġà jinsabu hemm ineħħu t-terrapien. Is-Sibt, il-ġâr tiegħi ġie għandi u qalli kemm saritli biċċa xogħol tajba meta waħħluli l-plastik mad-dar, u hu staqsieni, ‘Xi kemm infaqt?’” Kif baqaʼ skantat il-ġâr meta sar jaf li għamluli kollox bla ħlas!
Sas-Sibt fil-għaxija, xi 200 volontiera mill-kongregazzjonijiet lokali kienu għalqu t-twieqi taʼ 91 dar tax-Xhieda. Ħafna li m’humiex Xhieda bbenefikaw ukoll. Gazzetta lokali ppubblikat ritratt taʼ dar li ħadmu fuqha x-Xhieda, u nnotat li waħda biss minn dawk li joqogħdu fid-dar kienet Xhud taʼ Jehovah.
Provdut Appoġġ Emozzjonali
M’għandniex xi ngħidu, in-nies kienu mnikktin ħafna minħabba l-isplużjonijiet. Biex jipprovdu l-faraġ lix-Xhieda lokali, tħejjiet laqgħa speċjali nhar it-Tnejn, 25 taʼ Novembru, fil-5 taʼ fil-għaxija. Intbagħtu rappreżentanti mill-uffiċċju tal-fergħa lokali biex jikkonduċu din il-laqgħa. Peress li d-dawl elettriku ma kienx disponibbli, il-laqgħa ma setgħetx issir iktar tard fil-għaxija. Peress li l-ħin tal-laqgħa kien jidher li jistaʼ jkun inkonvenjenti, kien mistenni li jattendu għadd medju taʼ xi 600 ruħ. Madankollu, is-Sala taʼ l-Assemblea taʼ Riobamba mtliet b’folla taʼ 1,421 ruħ, inkluż xi wħud li ma kinux Xhieda! Skrittura prinċipali li ġiet kunsidrata fil-programm kienet Salm 4:8: “Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni.” Dawk kollha preżenti wrew l-apprezzament kbir tagħhom għal dan il-programm spiritwali kollu faraġ.
Mijiet taʼ kopji taʼ l-artiklu intitolat “Natural Disasters—Helping Your Child to Cope” (Diżastri Naturali—Għin lil Uliedek Ikampaw) li ħareġ fl-Awake! (22 taʼ Ġunju, 1996) tqassmu lill-ġenituri f’għeluq il-programm. Wieħed mill-paragrafi fl-artiklu jgħid:
“L-Aġenzija li Tieħu Ħsieb lEmerġenza Federali fl-Istati Uniti (FEMA) tinnota li eżatt wara xi diżastru, it-tfal ġeneralment jibżgħu (1) li se jispiċċaw waħedhom, (2) li se jittieħdu ’l bogħod mill-familja, (3) li l-ġrajja se terġaʼ sseħħ, u (4) li xi ħadd se jweġġaʼ jew jinqatel.” Skond dak li qal dan l-artiklu, il-ġenituri ġew inkuraġġiti biex:
1. Jipprovaw iżommu l-familja flimkien.
2. Jieħdu l-ħin biex jispjegaw is-sitwazzjoni bil-kalma.
3. Jinkuraġġixxu lit-tfal biex jitkellmu.
4. Jinkludu lit-tfal fl-attivitajiet biex jitneħħa t-terrapien.
Il-kopji żejda taʼ dan l-artiklu fl-Awake! tqassmu lill-ġirien u lill-istudenti tal-Bibbja.
Tliet ġimgħat wara l-isplużjoni, inxtara l-materjal biex isiru tiswijiet iktar permanenti, inkluż it-twaħħil taʼ twieqi ġodda, soqfa, u bjut. Wara tliet ġimgħat, dawn il-proġetti kienu tlestew, flimkien mat-tiswijiet f’żewġ Swali tas-Saltna. Kien hemm ħafna li esprimew il-gratitudni tagħhom għal dan il-provvediment kollu mħabba.
Iseħħu diversi tipi taʼ diżastri f’dan iż-żmien taʼ “l-aħħar.” (2 Timotju 3:1-5) Madankollu, l-appoġġ li x-Xhieda taʼ Jehovah jagħtu lil xulxin u lill-ġirien tagħhom jixhed kemm hi qawwija l-Kristjanità vera. José kellu raġun meta qal: “L-organizzazzjoni taʼ Jehovah ma ddumx biex tgħinna meta niġu fil-bżonn.”
[Stampi f’paġna 23]
Xi 200 volontiera offrew ruħhom biex inaddfu. Ittieħed il-qjies u nqatgħu twieqi ġodda li mbagħad twaħħlu. Il-bjut ġew mibdula