LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 6/8 pp. 19-21
  • Għala Jittrattani Daqshekk Ħażin?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Jittrattani Daqshekk Ħażin?
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Naraw X’Inhi l-​Ħarsa t’Alla
  • Mhux Tort Tiegħek!
  • Nibdlu l-​Fehma Tagħna
  • Niffaċċjaw il-​Verità
  • X’Nistaʼ Nagħmel biex l-Għarus Ma Jibqax Jimmaltrattani?
    Stenbaħ!—2004
  • Għandna Ntemmu r-Relazzjoni?
    Stenbaħ!—2009
  • “Għidu dak li hu tajjeb biex jibni”
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Ir-4 Sigriet: Rispett
    Stenbaħ!—2010
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2004
g04 6/8 pp. 19-21

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

Għala Jittrattani Daqshekk Ħażin?

“Spiss [l-għarus tiegħi] jakkużani fuq affarijiet li veru ma jagħmlux sens. Iżda qalbi marbuta miegħu.”​—Kathrin.a

“Minn barra ma kont tara [ebda ferita], iżda minn ġewwa kont muġugħa ħafna.”​—Andrea, li ssawtet mill-​għarus tagħha.

DIN hi sitwazzjoni komuni ħafna: Tfajla toħroġ maʼ ġuvni li jidher verament ħelu u edukat. Iżda bil-​mod il-​mod jibda jinbidel. Kliem t’affezzjoni jinbidel f’sarkażmu u kritika li tkisser. Għall-​ewwel, hi tinjora dawn l-​affarijiet u tqishom bħala inkejja. Madankollu, l-​affarijiet jiggravaw u ssir drawwa li jgħajjarha, jinfexx f’rabja magħha, u jgħidilha li jiddispjaċih. Minħabba li tħossha responsabbli għall-​aġir tiegħu, it-​tfajla żżomm it-​tbatija ġo fiha, bit-​tama li l-​affarijiet jinbidlu. Iżda dan ma jseħħx. Issa l-​għarus tagħha jibda jgħajjat u jwerżaq ukoll. F’mument taʼ dagħdigħa, saħansitra jimbottaha bil-​goff! Hi tibżaʼ li darb’oħra se jsawwatha.b

Dawk iż-​żgħażagħ li jinsabu f’relazzjoni romantika li fiha jispikka l-​abbuż fiżiku u verbali jistgħu jiffaċċjaw kontinwament ruxxmata kritika, kliem li jweġġaʼ, u rabja. Qiegħda int f’sitwazzjoni simili? (Ara l-​kaxxa “Xi Sinjali taʼ Twissija.”) Jekk inhu hekk, għandu mnejn tant tkun imnikkta u imbarazzata li ma tkunx taf x’se taqbad tagħmel.

Sitwazzjonijiet bħal dawn huma komuni iktar milli taħseb. Ir-​riċerkaturi jikkalkulaw li persuna 1 minn kull 5 esperjenzat xi tip taʼ vjolenza minn xi ħadd li kienet qiegħda toħroġ miegħu. Meta l-​abbuż verbali jitqies bħala forma taʼ vjolenza, dan il-​kalkolu jiżdied għal 4 minn kull 5. Għall-​kuntrarju taʼ dak li jaħsbu xi wħud, mhux il-​vittmi kollha huma nisa. Skond studju li sar fil-​Britannja dwar il-​vjolenza fl-​għerusija, “kważi l-​istess persentaġġ taʼ nisa u rġiel” huma rapportati li kellhom imseħbin li ttrattawhom ħażin.c

Għala jkun hemm imġiba ħażina bħal din fl-​għerusija? X’għandek tagħmel jekk issib ruħek f’sitwazzjoni bħal din?

Naraw X’Inhi l-​Ħarsa t’Alla

L-​ewwel, għandek tirrealizza kemm din is-​sitwazzjoni hija serja f’għajnejn Alla. Huwa veru li bnedmin imperfetti huma inklinati li jgħidu jew jagħmlu affarijiet li jweġġgħu lil oħrajn. (Ġakbu 3:2) Huwa wkoll minnu li anki dawk il-​persuni li jħobbu u jafdaw lil xulxin, xi drabi se jkollhom xi nuqqas taʼ ftehim. Per eżempju, l-​appostli Pawlu u Barnaba kienu Kristjani maturi. Madankollu, darba minnhom huma “kellhom xi jgħidu sewwa.” (Atti 15:39) Għalhekk, jekk qed tkellem lil xi ħadd, għandek mnejn minn żmien għal żmien tesperjenza xi tensjonijiet.

Barra minn hekk, ma jkunx realistiku li tippretendi li l-​għarus tiegħek qatt m’hu se jlissen kelma taʼ kritika. Wara kollox, qegħdin taħsbu biex tiżżewġu. U jekk hemm xi mġiba jew vizzju tiegħek li qed idejqu, ma tkunx xi ħaġa xierqa li jkellmek dwar dan? Veru, il-​kritika tweġġaʼ. (Lhud 12:11) Iżda jekk hija motivata mill-​imħabba u mogħtija biha, il-​kritika ma tkunx abbużiva.​—Proverbji 27:6.

Madankollu, it-​twerżiq, is-​swat, id-​daqqiet taʼ ponn, u t-​tgħajjir huma affarijiet totalment differenti. Il-​Bibbja tikkundanna l-​‘korla, [‘ir-​rabja,’ KŻ ], il-​ħażen.’ (Kolossin 3:8) Jehovah iħossu rrabjat meta individwu juża “l-​qawwa” biex jumilja lil xi ħadd, iġagħlu jistħi, jew ikun oppressiv miegħu. (Koħèlet 4:1; 8:9) Fil-​fatt, il-​Kelma t’Alla tikkmanda lill-​irġiel miżżewġin biex “iħobbu n-​nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess . . . , qatt ħadd ma bagħad ’il ġismu stess, iżda jmantnih u jieħu ħsiebu.” (Efesin 5:​28, 29) Ġuvni li jitkellem b’mod abbużiv jew jimmaltratta lit-​tfajla li qed joħroġ magħha juri li m’huwiex tajjeb għaż-​żwieġ. Fl-​istess ħin, iqanqal ir-​rabja taʼ Jehovah innifsu!

Mhux Tort Tiegħek!

Madankollu, dawk li jabbużaw ġeneralment iwaħħlu fil-​vittmi tagħhom. Għalhekk, forsi xi drabi tħoss li jkun it-​tort tiegħek meta l-​għarus jirrabja daqshekk. Imma jistaʼ jkun li int m’għandek x’taqsam xejn mar-​rabja tiegħu. Spiss, irġiel abbużivi jkunu trabbew f’familji fejn il-​vjolenza jew il-​kliem abbużiv kien kunsidrat normali.d F’xi pajjiżi, il-​ġuvintur huma influwenzati mill-​kultura li timponi fuq l-​irġiel li jkunu dominanti. Raġel żagħżugħ jistaʼ wkoll ikollu pressjoni minn sħabu biex juri maskilità aggressiva. Minħabba li ma jkunx kunfidenti, għandu mnejn iħossu mhedded minn kważi dak kollu li int tgħid jew tagħmel.

Minkejja s-​sitwazzjoni, int m’intix responsabbli għad-​dagħdigħa taʼ persuna oħra. Il-​kliem abbużiv u l-​vjolenza qatt m’huma ġustifikati.

Nibdlu l-​Fehma Tagħna

Minkejja dan, għandu mnejn ikollok tirranġa l-​attitudni tiegħek. Kif? Ikkunsidra dan: Jekk tfajla tkun trabbiet f’atmosfera taʼ vjolenza u kliem li jweġġaʼ, aġir abbużiv jistaʼ jkun normali għaliha. Minflok ma tistmerr kondotta mhux Kristjana bħal din, forsi tittolleraha​—għandu mnejn taraha attraenti. Iva, xi vittmi tal-​maltrattament jammettu li jdejquhom irġiel li huma ħelwin iżżejjed. Xi nisa żgħażagħ oħra għandhom l-​idea żbaljata li jistgħu jbiddlu lill-​għarus tagħhom.

Jekk xi sitwazzjoni tapplika għalik, għandek bżonn li f’dan ir-​rigward ‘tinbidel skond it-​tiġdid taʼ fehemtek.’ (Rumani 12:2) Permezz tat-​talb, l-​istudju, u l-​meditazzjoni, għandek bżonn tikkunsidra serjament x’inhi l-​ħarsa taʼ Jehovah dwar kondotta abbużiva u tistmerrha. Għandek bżonn tirrealizza li ma ħaqqikx tiġi maltrattata. Il-​fatt li tikkultiva l-​modestja​—is-​sens li tagħraf il-​limitazzjonijiet tiegħek—jistaʼ jgħinek tirrealizza li ma tistax tbiddel għarus irrabjat. Hija r-​responsabbiltà tiegħu li jinbidel!​—Galatin 6:5.

F’xi każijiet xi nisa żgħażagħ jissaportu l-​maltrattament għax ikollhom nuqqas taʼ stima tagħhom infushom. Kathrin, li ssemmiet fil-​bidu, tgħid, “Ma nistax nimmaġinani ngħix mingħajru, u ma nistax nimmaġina li jkolli lil xi ħadd aħjar.” Mara żagħżugħa jisimha Helga qalet xi ħaġa simili dwar l-​għarus tagħha, “Inħallih isawwatni għax huwa aħjar milli ma niġi notata xejn affattu.”

Jinstemgħu dawn l-​opinjonijiet bħala li huma bażi tajba għal relazzjoni b’saħħitha? Wara kollox, tistaʼ tassew tħobb lil xi ħadd jekk lanqas biss tħobb lilek innifsek ? (Mattew 19:19) Aħdem biex tiżviluppa rispett bilanċjat lejk innifsek.e Il-​fatt li tissaporti l-​maltrattament mhux se jgħinek tagħmel dan. Bħalma taf mill-​esperjenza tagħha mara żagħżugħa jisimha Irena, meta tissaporti abbuż dan jistaʼ “jnaqqaslek l-​istima tiegħek innifsek.”

Niffaċċjaw il-​Verità

Jistaʼ jkun diffiċli għal xi wħud biex jammettu li qegħdin f’relazzjoni taʼ ħsara għalihom​—speċjalment jekk żviluppaw sentimenti romantiċi qawwija. Iżda tagħlaqx għajnejk għall-​verità. Qawl tal-​Bibbja jgħid: “Min hu bil-​għaqal jara l-​għawġ u jwarrab; min hu moħħu ħafif jidħol fih u jħallas għalih.” (Proverbji 22:3) Waħda mara żagħżugħa jisimha Hanna tgħid, “Meta ssir tħobb ġuvni, tkun qisek għamja, u tispiċċa tara biss il-​kwalitajiet pożittivi tiegħu.” Madankollu, jekk int qed tiġi maltrattata, huwa importanti li tarah għal dak li hu verament. U jekk l-​għarus tiegħek iġagħlek tħossok mhedda jew jurik nuqqas taʼ dinjità, hemm xi ħaġa ħażina ħafna fir-​relazzjoni. Tipprovax tiċħad is-​sentimenti tiegħek, tiskużah, jew twaħħal fik innifsek. L-​esperjenza turi li jekk dawn l-​azzjonijiet ma jitranġawx, it-​trattament abbużiv se jiżdied. Is-​sigurtà tiegħek tistaʼ tkun f’periklu kbir!

Bla dubju, ikun aħjar li ma tinvolvix ruħek maʼ xi ħadd li m’għandux rażna. (Proverbji 22:24) Għalhekk, jekk xi ħadd li ma tantx tafu sewwa jrid joħroġ miegħek, ikun tajjeb li l-​ewwel issir taf xi ħaġa dwaru. Għala ma tissuġġerix li l-​ewwel tassoċjaw flimkien fi grupp taʼ nies? Dan jistaʼ jgħinek biex issir tafu mingħajr ma tkun involuta malajr b’mod romantiku. Staqsi lilek innifsek mistoqsijiet importanti, bħal: Min huma l-​ħbieb tiegħu? X’tip taʼ mużika, films, logħob tal-​kompjuter, u sport iħobb? Tindika l-​konversazzjoni tiegħu li għandu interess għall-​affarijiet spiritwali? Tkellem maʼ nies li jafuh, bħalma huma l-​anzjani tal-​kongregazzjoni tiegħu. Se jkunu jistgħu jgħidulek jekk għandux “fama tajba” m’oħrajn minħabba l-​kondotta tiegħu matura u approvata minn Alla.​—Atti 16:2.

Iżda x’tistaʼ tagħmel jekk int involut f’relazzjoni abbużiva? Artiklu li ħiereġ fil-​futur se jwieġeb din il-​mistoqsija.

[Noti taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

b Dan l-​artiklu huwa magħmul għall-​vittmi t’abbuż verbali u fiżiku. Pariri li jistgħu jgħinu lil dawk li jimmaltrattaw ngħataw fl-​artikli “From Words That Hurt to Words That Heal” (Minn Kliem li Jweġġaʼ għal Kliem li Jdewwi), “Bullying​—What’s the Harm?” (L-Ibbuljar​—X’Hemm Ħażin Fih?), u “Kif Teħles mill-​Abbuż tal-​Bulijiet” fil-​ħarġiet taʼ l-​Awake! tat-​22 t’Ottubru, 1996, u t-​22 taʼ Marzu, 1997, u l-​ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-​8 taʼ Novembru, 2003.

c Madankollu, għas-​sempliċità, se nirreferu għall-​vittmi taʼ trattament abbużiv fil-​femminil. Il-​prinċipji li se jiġu diskussi hawnhekk japplikaw kemm għall-​irġiel u kemm għan-​nisa.

d Ara l-​artiklu “Uncovering the Roots of Abusive Speech” (Nikxfu l-​Kaġun taʼ Kliem Abbużiv), fil-​ħarġa taʼ l-​Awake! tat-​22 t’Ottubru, 1996.

e Ara kapitlu 12 tal-​ktieb Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Kaxxa f’paġna 21]

Xi Sinjali taʼ Twissija

◼ Spiss, sew meta tkunu waħedkom u sew meta tkunu m’oħrajn, jagħmel kummenti umiljanti dwarek, dwar il-​familja tiegħek, jew il-​ħbieb tiegħek

◼ Normalment hu jinjora x-​xewqat jew is-​sentimenti tiegħek

◼ Jipprova jikkontrolla kull aspett taʼ ħajtek, jinsisti dwar li jkun jaf fejn mort il-​ħin kollu u jieħu d-​deċiżjonijiet għalik

◼ Jgħajjat miegħek, jimbottak, jew jheddek

◼ Jipprova jikkonvinċik biex turi espressjonijiet mhux xierqa taʼ affezzjoni

◼ Ma tistaʼ tagħmel xejn mingħajr ma tinkwieta jekk dak li se tagħmel huwiex se jirritah b’xi mod

[Stampa f’paġna 20]

Kritika u tgħajjir kontinwu jistgħu jindikaw li r-​relazzjoni m’hix waħda b’saħħitha

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja