LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 8/8 pp. 5-10
  • Kif Tipproteġi Ruħek mill-Frodi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tipproteġi Ruħek mill-Frodi
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ipproteġi l-​Informazzjoni Persunali Tiegħek
  • Uża s-​Sens Komun
  • Innegozja Biss maʼ Min Għandu Reputazzjoni Tajba
  • Niżżel Kollox bil-​Miktub
  • Jistgħu Jisirqulek l-Identità Tiegħek!
    Stenbaħ!—2001
  • Għandu Jkolli Credit Card?
    Stenbaħ!—2000
  • Il-Frodi Problema Globali
    Stenbaħ!—2004
  • Fejn Jeżistu l-Morali?
    Stenbaħ!—2004
Stenbaħ!—2004
g04 8/8 pp. 5-10

Kif Tipproteġi Ruħek mill-​Frodi

FORSI ġieli smajthom jgħidu, “Ma tistax tqarraq b’raġel onest.” Bħal ħafna għajdut ieħor, dan mhux veru. Kuljum nies onesti jisfaw vittmi taʼ frodi; l-​onestà waħedha ma tipproteġihomx. Xi wħud mill-​iktar nies intelliġenti fid-​dinja qed ifasslu u jwettqu komplotti biex jisirqu flus in-​nies. Iktar minn mitt sena ilu, wieħed kittieb qal: “Hemm ċerti imbrolji li tant huma proġettati tajjeb li trid tkun stupidu biex ma titqarraqx.”

L-ingann għandu storja twila u jmur lura sal-​ġnien taʼ l-​Għeden. (Ġenesi 3:​1-5) Komplotti antiki jvarjaw ħafna, u komplotti ġodda jiġu proġettati l-​ħin kollu. Għalhekk kif tistaʼ tiddefendi ruħek? M’għandikx għalfejn titgħallem dwar kull mod kif il-​kriminali jimbroljaw lin-​nies. Ftit prekawzjonijiet bażiċi jkunu taʼ benefiċċju biex jipproteġuk ħalli ma tisfax vittma.

Ipproteġi l-​Informazzjoni Persunali Tiegħek

Jekk xi ħadd jisraqlek iċ-​checkbook jew il-​credit cards jistaʼ jaqbad u jixtri bihom. Jekk jisraq l-​informazzjoni tal-​kont bankarju tiegħek, għandu mnejn ikun jistaʼ jordna u jikteb iċ-​ċekkijiet f’ismek. Jekk jikseb biżżejjed informazzjoni persunali, jistaʼ jisraqlek l-​identità tiegħek. Jekk jirnexxilu jagħmel dan, kriminal jistaʼ jiġbed il-​flus mill-​kont bankarju tiegħek, jixtri l-​affarijiet u jħallas bil-​credit cards tiegħek, u jissellef il-​flus mill-​bank f’ismek.a Tistaʼ saħansitra ssib ruħek arrestat fuq xi att kriminali li ma tkunx wettaqt!

Biex tipproteġi ruħek minn dan it-​tip taʼ frodi, oqgħod attent għad-​dokumenti persunali tiegħek, inkluż id-​dikjarazzjonijiet tal-​bank u ċ-​checkbooks, il-​liċenzja tas-​sewqan, il-​karta tas-​Sigurtà Soċjali jew il-​karta taʼ l-​identità tiegħek. Tagħtix informazzjoni persunali jew finanzjarja lil oħrajn jekk m’hemmx raġuni valida għala għandhom ikunu jafuha. Dan japplika b’mod speċjali għan-​numri tal-​credit cards u l-​informazzjoni tal-​kont tal-​bank. L-​unika darba li għandek tagħti n-​numru tal-​credit card tiegħek hi meta tużaha biex tixtri xi ħaġa.

Hawn tip taʼ imbroljuni li jfittxu fiż-​żibel biex isibu dan it-​tip taʼ informazzjoni. Ikun għaqli li taħraq jew tqattaʼ rqiq xi karti li jkun fihom l-​informazzjoni persunali minflok ma sempliċement tarmihom fiż-​żibel. Dan japplika wkoll għal ċekkijiet li jiġu kanċellati, dikjarazzjonijiet tal-​bank jew taʼ l-​ishma, credit cards skaduti, u liċenzji tas-​sewqan jew passaporti qodma. Ikun għaqli wkoll li tiddisponi bl-​istess mod minn applikazzjonijiet għal credit cards li jaslulek bil-​posta bla ma tkun bgħatt għalihom, peress li dawn ikun fihom informazzjoni dwarek li xi ħadd ieħor ikun jistaʼ juża bi ħsara għalik.

Uża s-​Sens Komun

Ħafna frodi huma bbażati fuq wegħdi taʼ qligħ għoli esaġerat minn investimenti. Imbrolja komuni biex issir sinjur malajr hi l-​iskema piramidali. Għalkemm hemm ħafna varjazzjonijiet taʼ din l-​iskema, l-​idea ġenerali tagħha hi li min jinvesti l-​flus isib investituri oħrajn u taʼ dan jieħu persentaġġ.b Iċ-​chain letters għandhom l-​istess sistema billi jitolbuk tibgħat xi flus lil min ikun fil-​quċċata tal-​lista. Int tiġi żgurat li meta ismek jasal fil-​quċċata tal-​lista tirċievi eluf taʼ liri.

L-iskemi piramidali dejjem ifallu għax impossibbli li tibqaʼ ssib membri ġodda. Ikkunsidra dan il-​kalkolu: Jekk ħamsa min-​nies jibdew skema piramidali u kull wieħed minnhom idaħħal ħamsa oħra, l-​għadd taʼ nies involuti jsir 25. Jekk dawn, mill-​banda l-​oħra, idaħħlu ħamsa oħra kull wieħed, dan ikun ifisser 125 oħra. Meta jasal sad-​disaʼ livell, l-​għadd taʼ nies li jkunu daħlu jkun qrib iż-​żewġ miljuni li mbagħad ikunu jridu jdaħħlu iktar minn disaʼ miljun ruħ oħra! Min jorganizza dawn l-​iskemi jaf tajjeb li f’xi punt ma jkunux jistgħu jiddaħħlu nies iktar. Meta jissuspetta li jkun intlaħaq dan il-​punt, jieħu l-​flus u jisparixxi. Int x’aktarx titlef flusek, u dawk in-​nies li tkun daħħalt issa jibdew ifittxu lilek biex jieħdu flushom lura. Ftakar li biex int tagħmel il-​flus fi skema piramidali, irid jitlifhom xi ħaddieħor.

Hemm xi ħadd li qed joffrilek mezz kif tagħmel ħafna flus jew qligħ kbir għal xi investiment? Twissija li għandek toqgħod attent għaliha hi din: Jekk qed issirlek xi offerta li tidher impossibbli, ġeneralment tkun xi imbrolja. Temminx malajr dak li jsostni min jirreklama jew min jgħid li pprova l-​offerta, billi taħseb li din xi ħaġa differenti. Żomm f’moħħok li n-​nies ma jiftħux negozju biex iqassmu l-​flus jew biex juruk is-​sigriet taʼ kif issir sinjur. Jekk xi ħadd isostni li għandu għarfien speċjali dwar kif tistaʼ tagħmel fortuna, staqsi lilek innifsek: ‘Għax ma jużahx biex isir sinjur hu? Għala qed jaħli l-​ħin jipprova jbigħu lili?’

Xi ngħidu jekk jgħidulek li rbaħt xi kompetizzjoni jew xi premju? Tantx teċċita ruħek​—tistaʼ tkun qed tiġi ingannat bħalma ġralhom ħafna. Per eżempju, mara fl-​Ingilterra rċiviet ittra mill-​Kanada u qalulha li kienet rebħet premju imma riedet tħallas 25 dollaru (sitt liri Maltin) għall-​proċedura. Wara li bagħtet il-​flus, irċiviet telefonata mill-​Kanada u qalulha li kienet rebħet it-​tielet premju f’lotterija, premju taʼ 245,000 dollaru (Lm63,000), imma riedet tħallas persentaġġ mis-​somma għall-​proċedura. Bagħtitilhom 2,450 dollaru (Lm630) u ma rċiviet xejn lura. Jekk iġagħluk tħallas il-​flus għal rigal jew premju, tkun se tiġi ingannat. Staqsi lilek innifsek, ‘X’ċans hemm li rbaħt premju f’kompetizzjoni li ma dħaltx għaliha?’

Innegozja Biss maʼ Min Għandu Reputazzjoni Tajba

Jekk taħseb li tistaʼ tinduna jekk xi ħadd ikunx onest jew le, oqgħod attent! L-​imbroljuni huma impusturi u jafu kif jirbħu l-​fiduċja t’oħrajn. Lill-​vittmi tagħhom kapaċi jġagħluhom jafdawhom. Kemm in-​negozjanti onesti u kemm dawk li m’humiex, jafu li min jixtri jrid l-​ewwel jaċċetta lil min qed ibegħlu qabel ma jaċċetta l-​prodott. M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li m’għandek tafda lil ħadd, imma biex tiddefendi ruħek mill-​frodi importanti li ma tiblax kulma jgħidulek. Minflok ma tipprova tiddeċiedi bl-​istint tiegħek jekk bniedem hux onest jew le, oqgħod attent għal żewġ indikazzjonijiet li jikkaratterizzaw ħafna frodi: L-​ewwel, tidher l-​offerta tajba wisq biex tkun vera? It-​tieni, qiegħed il-​bejjiegħ jipprova jgħaġġlek biex tixtri?

Fuq l-​Internet issib ħafna offerti li jidhru tajbin wisq biex ikunu veri. Għalkemm dan joffri ħafna servizzi u prodotti tajbin, permezz taʼ l-​Internet il-​kriminali jistgħu jimbroljaw lill-​vittmi tagħhom malajr u b’mod anonimu. Għandek indirizz elettroniku? Jekk iva, forsi qed tirċievi ħafna posta elettronika kummerċjali. Dan it-​tip taʼ messaġġi bl-​E-mail jirreklama għadd bla tmiem taʼ prodotti u servizzi li ħafna minnhom m’humiex ġenwini. Jekk tibgħat il-​flus għal xi prodott jew servizz minn dawn, probabbli ssib li ma jibagħtulek xejn lura. Jekk tirċievi xi ħaġa lura, kważi qatt ma tkun tiswa l-​flus li tkun infaqt għaliha. L-​aħjar parir hu, Tixtrix affarijiet minn fuq l-​Internet mingħand xi ħadd li jibgħatlek messaġġi kummerċjali mhux mitluba.

Dan japplika bl-​istess mod għal dawk li jċemplulek biex ibigħulek xi ħaġa. Għalkemm isiru ħafna telefonati dwar bejgħ minn fuq it-​telefon minn ditti kummerċjali ġenwini, kull sena l-​imbroljuni jinqdew bit-​telefon biex jingannaw lin-​nies u jiħdulhom miljuni taʼ liri. Impossibbli tinduna jekk il-​bejgħ huwiex ġenwin jew le billi sempliċement titkellem maʼ xi ħadd fuq it-​telefon. L-​imbroljun jistaʼ saħansitra jagħmilha taʼ rappreżentant taʼ xi bank jew taʼ xi aġenzija li tipproteġi l-​credit cards. Ikollok għalfejn tissuspetta jekk iċempillek xi ħadd li jgħidlek li hu rappreżentant taʼ bank jew taʼ kumpanija li għandek kont magħha u jitolbok informazzjoni li suppost diġà għandu. Jekk jiġri dan, itolbu jagħtik in-​numru tat-​telefon tiegħu biex terġaʼ ċċempillu wara li tkun ivverifikajt li n-​numru hu tassew dak tal-​bank jew taʼ l-​aġenzija.

Ikun għaqli li ma tagħtix in-​numru tal-​credit card tiegħek jew xi informazzjoni persunali oħra lil xi ħadd li jċempillek u li ma tkunx tafu. Jekk iċempel xi ħadd biex ibegħlek xi ħaġa li ma tkunx tridha, tistaʼ tgħidlu bl-​edukazzjoni, “Jiddispjaċini, ma ninnegozjax fuq it-​telefon maʼ nies li ma nafhomx.” Imbagħad aqtaʼ. M’għandikx għalfejn tibqaʼ titkellem kontra qalbek maʼ bniedem li ma tafux u li forsi qed jipprova jimbroljak.

Innegozja biss maʼ kumpaniji u nies li għandhom reputazzjoni tajba. Hemm ħafna kumpaniji ġenwini li tistaʼ tinnegozja magħhom b’moħħok mistrieħ minn fuq it-​telefon jew minn fuq l-​Internet. Jekk inhu possibbli, informa ruħek dwar il-​persuna, il-​kumpanija, u l-​investiment permezz taʼ xi aġenzija indipendenti. Itlob informazzjoni dwar l-​investiment, u aqraha bir-​reqqa biex tassigura ruħek li tkun ġenwina. Tħallix lil min jgħaġġlek jew jippressak biex tieħu deċiżjoni taʼ malajr.

Niżżel Kollox bil-​Miktub

Mhux l-​imbrolji kollha jibdew bħala imbrolji. Biċċa negozju ġenwina tistaʼ tmur ħażin. Meta jiġri dan, l-​organizzaturi għandhom mnejn jaqbadhom paniku u jirrikorru għal mezzi qarrieqa biex jerġgħu jdaħħlu flushom. Bla dubju ġieli smajt stejjer dwar nies f’pożizzjoni għolja li gidbu dwar id-​dħul u l-​profitti taʼ xi negozju u meta dan falla, ħarbu bil-​flus li kien fadal.

Biex tipproteġi ruħek minn frodi u nuqqas taʼ qbil, niżżel id-​dettalji kollha bil-​miktub qabel ma tagħmel xi investiment kbir. Kwalunkwe kuntratt li tiffirma għandu jkollu bil-​miktub il-​kundizzjonijiet kollha taʼ l-​investiment u l-​wegħdi li jsiru. Trid tirrikonoxxi wkoll li għalkemm investiment għandu mnejn jidher stabbli, ħadd ma jistaʼ jagħtik garanzija li kollox se jmur kif kien pjanat. (Koħèlet 9:11) Wara kollox, ma jeżisti ebda investiment mingħajr riskju. Għalhekk, meta jsir ftehim, għandu jitniżżel bil-​miktub x’se jkunu d-​doveri u r-​responsabbiltajiet speċifiċi taʼ kull persuna f’każ li n-​negozju jfalli.

Jekk tkun konxju tal-​prinċipji bażiċi li kkunsidrajna fil-​qosor u tapplikahom, hemm inqas ċans li taqaʼ vittma tal-​frodi. Proverbju Bibliku antik jagħti parir imprezzabbli. Jgħid: “Min hu nieqes minn moħħu jemmen kollox, min moħħu jilħaqlu jara sewwa qabel jemmen.” (Proverbji 14:15) L-​imbroljuni jagħżlu lil xi mazzun, bniedem li jkun lest li jiblaʼ kulma jgħidulu. Sfortunatament, hawn ħafna nies li ma jieħdu ebda prekawzjoni kontra l-​frodi.

[Noti taʼ taħt]

a Ara Stenbaħ! tat-​8 t’April, 2001, paġni 27-29.

b Skema piramidali hi deskritta bħala “programm taʼ negozju b’ħafna livelli li permezz tiegħu n-​nies iħallsu prezz tad-​dħul biex ikollhom l-​opportunità jdaħħlu nies oħrajn fl-​iskema biex dawn ikunu jistgħu jagħmlu l-​istess ħaġa.” Normalment f’dawn l-​iskemi ma jinbigħux prodotti.

[Kumment f’paġna 7]

Jekk offerta tidher tajba wisq biex tkun vera, normalment hekk tkun

[Kaxxa/Stampa f’paġna 6]

Pariri għall-​Vittmi tal-​Frodi

Hi ħaġa komuni li l-​vittmi tal-​frodi jinħakmu minn sentimenti taʼ mistħija, ħtija, konfużjoni, u rabja għalihom infushom. Twaħħalx fik innifsek. Int il-​vittma; min ingannak hu l-​ħati. Jekk għamilt żball, ammettih u mbagħad itfgħu wara spallejk. Tikkonkludix li int stupidu. Ftakar li l-​imbroljuni jirnexxilhom iqarrqu b’nies li huma intelliġenti għall-​aħħar​—kapijiet taʼ Stat, maniġers taʼ banek, nies f’pożizzjonijiet għolja, maniġers finanzjarji, avukati, u oħrajn.

Il-​vittmi tal-​frodi ma jinsterqux biss minn flushom jew ġidhom imma wkoll mill-​fiduċja fihom infushom u l-​istima tagħhom. Meta min jimbroljak ikun xi ħadd li jgħid li hu ħabib, tħoss tradiment taʼ fiduċja. Tweġġaʼ ħafna meta tiġi imbroljat. Hu normali li tħossok imnikket. Taʼ spiss jgħin jekk titkellem dwar dan maʼ xi ħadd li tistaʼ tafdah. It-​talb ukoll jistaʼ jfarrġek ħafna. (Filippin 4:​6-8) Iżda, trid tammetti li jkun aħjar li ma tibqax taħseb fit-​tul dwar dak li ġralek. Għala tibqaʼ tħossok miżerabbli? Agħmel miri pożittivi u ipprova wettaqhom.

Oqgħod attent għal min jipproponilek xi mod kif terġaʼ tikseb flusek. L-​imbroljuni ġieli jċemplu lil xi ħadd li jkun ingidem biex joffrulu l-​għajnuna ħa jerġaʼ jikseb il-​flus li tilef. L-​iskop tagħhom ikun li jerġgħu jingannawh.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 8, 9]

Sitt Imbrolji Komuni Bl-​e-mail

1. Skemi piramidali: Dawn spiss jiġu preżentati bħala opportunitajiet biex taqlaʼ ħafna flus bi ftit xogħol u b’investiment baxx. Skema minnhom toffrilek kompjuter jew xi apparat elettroniku ieħor jekk int tħallas biex tidħol fiha bħala parti minn grupp u mbagħad iddaħħal xi membri oħra. Varjazzjoni oħra hi ċ-​chain letter. Iċ-​chain letters huma kważi dejjem illegali. Ħafna minn dawk li jinvestu l-​flus fihom jitilfuhom.

2. Skemi taʼ impjieg f’darek stess: F’waħda minn dawn il-​forom taʼ imbrolji tiġi offrut l-​opportunità li tgħaqqad flimkien ġojjelli, ġugarelli, jew settijiet t’artiġjanat. Int tinvesti l-​flus fil-​materjal u l-​ħin biex tgħaqqad il-​prodott, u mbagħad issib li x-​xogħol tiegħek ma jistax jinbiegħ lil dawk li tawk ix-​xogħol għax ma jilħaqx il-​livell taʼ kwalità meħtieġ minnhom.

3. Imbrolji li jinvolvu s-​saħħa u d-​dieta: Fuq l-​Internet issib ruxxmata taʼ offerti għal affarijiet bħal pilloli li jgħinuk tonqos mingħajr eżerċizzju jew dieta, kura għall-​impotenza, u kremi biex ma jaqax ix-​xagħar. Xi drabi dawn l-​offerti jkunu akkumpanjati minn rapporti t’uħud li ħarġu sodisfatti bil-​prodott jew bis-​servizz. Frażijiet komuni li jidhru f’dawn ir-​reklami jinkludu espressjonijiet bħal “avanz xjentifiku,” “fejqan mirakoluż,” “formula sigrieta,” u “ingredjent mill-​qedem.” Il-​verità hi li l-​biċċa l-​kbira minn dawn il-​prodotti m’humiex effettivi.

4. Opportunitajiet taʼ investiment: Ħaġa komuni f’dawn l-​iskemi hi li joffru rati għoljin taʼ qligħ bi ftit jew xejn riskju. Verżjoni komuni tinvolvi investiment f’xi bank f’pajjiż barrani. L-​investituri jiġu mħajrin bl-​assiguranza li dawk li jiħdulhom ħsieb flushom għandhom konnessjonijiet finanzjarji għoljin u informazzjoni riservata.

5. Titjib taʼ kreditu: Dan it-​tip taʼ imbrolji joffri li jelimina informazzjoni li tkun kontrik mid-​dikjarazzjoni tal-​kreditu tiegħek, u b’hekk tkun tistaʼ tikkwalifika biex ikollok credit card, self għal xi karozza, jew impjieg. Jiżgurawk kemm jiżgurawk, dawk li jirreklamaw dan is-​servizz ma jistgħux jagħmlu dak li jwegħduk.

6. Pubbliċità dwar rebħ taʼ btajjel: Tirċievi E-mail li tifraħlek għax tkun irbaħt opportunità għal btala bi prezz baxx ħafna. Xi wħud minn dawn ir-​reklami jgħidulek li ntgħażilt b’mod speċjali. Żomm f’moħħok li l-​istess avviż intbagħat lil miljuni t’oħrajn u li l-​akkomodazzjoni li tirċievi tkun toffri ferm inqas milli jkun ġie reklamat.

[Sors]

Sors: Kummissjoni Federali tal-​Kummerċ fl-​Istati Uniti

[Stampa f’paġna 7]

L-​iskemi piramidali dejjem ifallu

[Stampa f’paġna 9]

Kwalunkwe kuntratt li tiffirma għandu jkollu bil-​miktub il-​kundizzjonijiet kollha taʼ l-​investiment u l-​wegħdi li jsiru

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja