Fejn Jeżistu l-Morali?
AĦNA ngħixu f’dinja fejn il-morali qed jinbidlu. Prattiċi qarrieqa li fl-imgħoddi kienu jiġu kundannati, illum spiss jiġu injorati. Il-mezzi tax-xandir taʼ sikwit jagħtu importanza kbira lill-ħallelin u limbroljuni, u dawn jiġu trattati bħala eroj. B’riżultat taʼ dan, ħafna nies jixbhu din id-deskrizzjoni li nsibu fil-Bibbja: “Jekk tiltaqaʼ maʼ ħalliel, tissieħeb miegħu.”—Salm 50:18.
Madankollu, l-imbroljuni m’humiex taʼ min jammirahom. Wieħed kittieb qal: “Karatteristika unika taʼ l-impusturi hi l-abbiltà naturali li jimmanipulaw lin-nies taʼ madwarhom. Din l-abbiltà taʼ spiss jiskopruha minn meta jkunu għadhom żgħar ħafna. Barra minn hekk, hemm il-fatt li dan l-immanipular ma jġagħalhomx iħossu xi ħtija jew rimors. Għall-kuntrarju, iħossuhom sodisfatti għall-aħħar; iħossu ċertu ferħ li jinkuraġġihom biex ikomplu jimmanipulaw ħa jiksbu dak li jridu, u ma jimpurtahomx mill-konsegwenzi li jġarrab min jaqaʼ vittma tagħhom.”
M’għandniex xi ngħidu, il-pubbliku jissimpatizza maʼ l-armla li tiġi ingannata u xi ħadd jisirqilha dak li tkun faddlet bl-għaraq taʼ ġbinha, imma ftit huma dawk li jiddispjaċihom meta xi ħadd ibagħbas fil-flus taʼ xi negozju kbir jew jieħu flus b’ingann minn xi kumpanija taʼ l-assigurazzjoni. Ħafna nies jirraġunaw li l-kumpaniji kummerċjali ma jħossuhx is-serq; xorta jibqgħu sinjuri. Imma dan lingann m’huwiex biss il-problema tal-kumpaniji nfushom; huma jġagħlu lill-konsumatur iħallas għat-telf li jġarrbu. Per eżempju, fl-Istati Uniti, il-familja medja tħallas iktar minn 1,000 dollaru (Lm257) fis-sena iżjed f’assigurazzjoni biex tpatti għat-telf li jiġi kawżat mill-frodi.
Ukoll, ħafna nies jieħdu vantaġġ minn opportunitajiet biex jixtru bi rħis imitazzjonijiet taʼ prodotti tad-ditta, bħalma huma ħwejjeġ, arloġġi, fwejjaħ, kosmetiċi, u basktijiet. Forsi jirrealizzaw li l-prodotti foloz iġagħlu lill-kumpaniji jitilfu mijiet taʼ miljuni taʼ liri kull sena, imma huma jaħsbu li lilhom dan ma jeffettwahomx. Iżda, fl-aħħar mill-aħħar, il-konsumaturi jridu jħallsu iktar għal prodotti u servizzi ġenwini. Iktar minn hekk, meta tixtri prodotti mhux ġenwini tkun qed titfaʼ l-flus fil-bwiet tal-kriminali.
Wieħed kittieb li fix-xogħol tiegħu jiġġieled kontra l-frodi qal: “Jien konvint li r-raġuni prinċipali għala għandna daqstant frodi llum hi għax ngħixu f’soċjetà bla prinċipji għall-aħħar. Kien hemm telfien kbir taʼ prinċipji li wassal għal kultura taʼ ingann. . . . Ngħixu f’soċjetà li ma tgħallimx il-prinċipji fid-dar. Ngħixu f’soċjetà li ma tgħallimx il-prinċipji fl-iskola, għax kieku l-għalliema jiġu akkużati li qed jgħallmu l-morali.”
F’kuntrast, ix-Xhieda taʼ Jehovah tassew jgħallmu u jipprovaw jgħixu fi qbil mal-livelli morali tal-Kelma t’Alla. Huma jiġu gwidati minn prinċipji bħal dawn li ġejjin:
● “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.”—Mattew 22:39.
● “La timbroljax.”—Mark 10:19, Karm Żammit.
● “Iqis il-ħalliel li ma jisraqx aktar; imma jaħdem bl-onestà b’idejh biex ikun jistaʼ jgħin lil min ikun fil-bżonn.”—Efesin 4:28.
● “Irridu ngħixu onestament f’kollox.”—Lhud 13:18, KŻ.
Għalkemm ix-Xhieda m’għandhomx attitudni taʼ kburija u ma jqisux lilhom infushom aħjar minn ħaddieħor, huma jemmnu li jekk kulħadd japplika dawn il-prinċipji, id-dinja tkun post ħafna aħjar fejn tistaʼ tgħix. Jemmnu wkoll fil-wegħda t’Alla li xi darba hekk se tkun.—2 Pietru 3:13.
[Kumment f’paġna 11]
Kieku kulħadd jgħix fi qbil mal-livelli morali tal-Kelma t’Alla, id-dinja tkun post ħafna aħjar fejn tistaʼ tgħix
[Stampa f’paġna 10]
Il-Kristjani veri josservaw il-prinċipji tal-Bibbja, bħal “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”