LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g05 7/8 pp. 10-11
  • Dak li “l-Uniku Alla Veru” Jwegħedna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Dak li “l-Uniku Alla Veru” Jwegħedna
  • Stenbaħ!—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Ħajja taʼ Ġesù Bħala Fidwa
  • Dehriet bil-​Quddiem taʼ Dinja Ġdida
  • Ġesù Kristu—Mibgħut Minn Alla?
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Kif id-Diżabilità Se Tintemm
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Kif Jistaʼ Ġesù Jbiddillek Ħajtek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • L-Unika Triq għall-Ħajja taʼ Dejjem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2005
g05 7/8 pp. 10-11

Dak li “l-​Uniku Alla Veru” Jwegħedna

ALLA ĠEĦOVA poġġa lill-​ewwel koppja umana f’ġenna fuq l-​art—il-​ġnien taʼ lGħeden. Hu qalilhom biex ikollhom it-​tfal u ‘jaħkmu l-​art,’ u dan kien jinvolvi li jifirxu mad-​dinja l-​Ġenna li kienet id-​dar tagħhom hekk kif il-​familja tikber. (Ġenesi 1:​26-28; 2:15) Qatt se jitwettaq l-​iskop li Alla għandu għall-​bnedmin, jiġifieri li jgawdu Ġenna taʼ l-​art?

Dażgur! Skond il-​profezija tal-​Bibbja, “[Ġeħova se] jeqred il-​mewt għal dejjem” u se ‘jixxotta d-​dmugħ minn fuq kull wiċċ.’ Meta dan iseħħ, in-​nies se “jgħidu: ‘Dan hu Alla tagħna: fih ittamajna li jsalvana; dan hu l-​Mulej li fih ittamajna: nifirħu u nithennew bis-​salvazzjoni tiegħu.’”—Isaija 25:​8, 9.

L-aħħar ktieb tal-​Bibbja jiddeskrivi l-​kundizzjonijiet taʼ l-​art wara li titneħħa din is-​sistema dinjija, jew is-​sistema taħt il-​ħakma taʼ Satana. Rigward l-​“art ġdida” magħmula minn uħud li jħobbu lil Alla, il-​Bibbja tgħid: “It-​tinda t’Alla hi mal-​bnedmin, u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-​popli tiegħu. U Alla stess ikun magħhom. U jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.”—Rivelazzjoni 21:​1-4.

X’wegħdi meraviljużi! Nistgħu aħna nemmnuhom? Ikkunsidra kif il-​mewt taʼ Ġesù bħala sagrifiċċju u l-​mirakli li wettaq jipprovdu bażi biex ikollna fiduċja li Alla se jwettaq dak kollu li Hu jwiegħed.—2 Korintin 1:20.

Il-​Ħajja taʼ Ġesù Bħala Fidwa

Meta Satana influwenza lil Adam biex ikun diżubbidjenti lejn Alla u jidneb, nisel Adam kollha wirtu d-​dnub tiegħu. “Bħalma permezz taʼ bniedem wieħed id-​dnub daħal fid-​dinja, u permezz tad-​dnub il-​mewt,” tgħid il-​Bibbja, “il-​mewt infirxet fuq il-​bnedmin kollha għax kollha dinbu.” Madankollu, ir-​rakkont Bibliku jkompli jgħid: “Bl-​ubbidjenza taʼ persuna waħda [ir-raġel perfett Ġesù] ħafna se jsiru ġusti.” (Rumani 5:​12, 19) Bħalma wera l-​ewwel artiklu f’din is-​serje, Ġesù huwa “l-​aħħar Adam,”—il-​wieħed li ‘ġie mis-​sema’—il-​wieħed li ta ħajtu bħala “fidwa għal ħafna.”—1 Korintin 15:​45, 47; Mattew 20:28.

Għalhekk, dawk kollha li jeżerċitaw fidi f’Ġesù jkollhom “il-​ħelsien [mid-dnub] bil-​fidwa” u jistgħu jgawdu ħajja taʼ dejjem. (Efesin 1:7; Ġwanni 3:36) Żgur li nistgħu nifirħu li Alla Ġeħova ħabb lid-​dinja t’umanità tant li ta lil Ibnu bħala s-​Salvatur tagħna! (Luqa 2:​10-12; Ġwanni 3:16) Jekk neżaminaw dak li Ġesù għamel fl-​ewwel seklu għall-​umanità li kienet qed tbati, se nifhmu iktar x’se jagħmel fil-​futur. U dak li Ġesù għamel huwa tassew meraviljuż!

Dehriet bil-​Quddiem taʼ Dinja Ġdida

Ġesù setaʼ jfejjaq lil dawk kollha li kienu morda u muġugħin li kienu jittieħdu għandu. Kien x’kien il-​mard li kellhom, ma kien hemm xejn li hu ma setax ifejjaq. Iktar minn hekk, hu temaʼ mirakolożament lil eluf taʼ nies bi ftit ħut u ħobż, u hu għamel dan iktar minn darba.—Mattew 14:​14-22; 15:​30-38.

Meta Ġesù reġaʼ ta d-​dawl lil wieħed raġel li twieled agħma, il-​ġirien u l-​ħbieb taʼ dan ir-​raġel irrikonoxxew li dan kien miraklu, imma l-​mexxejja reliġjużi Lhud kienu xettiċi. Għalhekk, ir-​raġel li reġaʼ ngħata d-​dawl irraġuna magħhom b’dan il-​mod: “Mill-​qedem qatt ma nstemaʼ li xi ħadd fetaħ għajnejn wieħed imwieled agħma. Kieku dan ir-​raġel ma kienx ġej minn Alla, ma kien ikun jistaʼ jagħmel xejn.”—Ġwanni 9:​32, 33.

Matul il-​ministeru taʼ Ġesù, il-​kuġin tiegħu Ġwanni l-​Għammied, li kien qiegħed il-​ħabs, bagħat messaġġiera sabiex ikunu jistgħu jikkonfermaw ir-​rapporti dwar Ġesù. “Dak il-​ħin,” tgħid il-​Bibbja, Ġesù “fejjaq lil ħafna li kienu morda jew magħdurin jew maħkumin minn spirti mill-​agħar, u lil ħafna għomja tahom il-​favur li jaraw.” Imbagħad Ġesù qal lill-​messaġġiera: “Morru u għidu lil Ġwanni dak li rajtu u smajtu: l-​għomja qed jingħataw id-​dawl, iz-​zopop qed jimxu, l-​imġiddmin qed jiġu mnaddfin u t-​torox qed jisimgħu, il-​mejtin qed jitqajmu.”—Luqa 7:​18-22.

Aħseb ftit dwar dan: Jekk fil-​passat ġrat xi ħaġa tajba, ma tagħtikx din fiduċja li tistaʼ terġaʼ tiġri? Permezz tal-​mirakli tiegħu, Ġesù wera fuq skala żgħira dak li jistaʼ jagħmel fuq skala akbar meta jkun qed jaħkem bħala s-​Sultan tas-​Saltna t’Alla. Il-​mirakli tiegħu servew bħala prova li hu kien mibgħut minn Alla u li hu kien verament Iben Alla.

Matul il-​ħakma tas-​Saltna t’Alla, se jkun hemm twettiq letterali tal-​profeziji dwar affarijiet meraviljużi. Bħalma ġie mbassar, għajnejn l-​għomja u widnejn it-​torox se jinfetħu, iz-​zopop se jaqbżu bħal għażżiela, u ħadd m’hu se jkun marid. Ukoll se jkun hemm paċi u sigurtà fid-​dinja kollha. Anki l-​annimali li issa huma perikolużi se jkunu f’paċi mal-​bnedmin.—Isaija 9:​5, 6 (9:​6, 7, NW); 11:​6-9; 33:24; 35:​5, 6; 65:​17-25.

Tixtieq int tgħix għal dejjem taħt il-​ħakma tas-​Saltna t’Alla, imdawwar b’kundizzjonijiet bħal dawn? Ġesù wera dak li għandek tagħmel meta f’talba lil missieru qal: “Il-​ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) Jalla qatt ma tħalli xejn iżommok milli tkompli tieħu l-​għarfien li jagħti l-​ħajja.

[Stampa f’paġna 10]

Dan hu dak li Alla jwiegħed għall-​art

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja