LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 7/08 pp. 10-11
  • L-Art Qatt Se Tkun Ġenna?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Art Qatt Se Tkun Ġenna?
  • Stenbaħ!—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Bidu Perfett
  • “Int Tkun fil-​Ġenna Miegħi”
  • Dak li Qalu Xi Studjużi tal-​Bibbja
  • X’Inhu L-Iskop T’Alla Għall-Art?
    Alla X’Jirrikjedi Minna?
  • Il-Ħajja Għandha Skop Grandjuż
    X’Inhu l-Iskop tal-Ħajja? Kif Tista’ Ssibu?
  • Int Tistaʼ Temmen f’Art Magħmula Ġenna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • X’Inhu l-Iskop t’Alla għall-Art?
    Aħbar Tajba Mingħand Alla!
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2008
g 7/08 pp. 10-11

Il-​Ħarsa tal-​Bibbja

L-​Art Qatt Se Tkun Ġenna?

FIT-​TRADIZZJONIJIET taʼ ħafna popli—fosthom l-​Eġizzjani, il-​Messikani, il-​Peruvjani, u t-​Tibetani—tistaʼ ssib leġġendi dwar era tad-​deheb li fiha l-​bniedem kien bla ħtija, kellu relazzjoni tajba m’Alla, u kien ħieles mill-​mard u l-​mewt. Dawn il-​leġġendi jirreferu wkoll għal kif il-​bniedem waqaʼ fid-​dnub.

Għalkemm dawn il-​leġġendi ġew mibdulin u kien hemm min żied magħhom, għandhom wisq affarijiet simili biex jitqiesu li ġew b’kumbinazzjoni. Dan il-​fatt wassal lil ħafna biex jikkonkludu li dawn l-​istejjer ittieħdu minn ġrajjiet storiċi. Tabilħaqq, l-​affarijiet simili f’dawn l-​istejjer jixbhu ħafna lil dak li nsibu fl-​ewwel kapitli tal-​ktieb Bibliku tal-​Ġenesi. Però, f’dawn il-​kapitli ma nsibux id-​deskrizzjoni mċajpra li s-​soltu nsibu f’leġġenda, imma dettalji speċifiċi taʼ storja eżatta.—2 Timotju 3:16.

Bidu Perfett

Il-​ktieb tal-​Ġenesi jgħidilna li meta Alla ħalaq l-​ewwel bnedmin—Adam u Eva—hu poġġiehom fi ġnien saqwi msejjaħ il-​Ġnien taʼ l-​Għeden. Huma kellhom saħħa perfetta u l-​prospett li jgħixu għal dejjem. Il-​mewt kienet il-​kastig għad-​dnub. (Ġenesi 2:8-17; Rumani 5:12) Adam u Eva kellhom ‘inisslu u joktru, u jimlew l-​art, u jaħkmuha.’ (Ġenesi 1:28) Ir-​riżultat kien se jkun ġenna taʼ l-​art globali mimlija b’nies perfetti li bil-​ferħ jissottomettu ruħhom lejn Alla, il-​Ħakkiem tagħhom.

B’sogħba, Adam u Eva m’obdewhx lil Alla u tilfu kemm l-​opportunità li jwettqu l-​iskop tal-​Ħallieq tagħhom kif ukoll il-​prospett li jgħixu għal dejjem. Minkejja dan, Alla Ġeħova se jwettaq l-​iskop tiegħu għall-​art. “Hekk jiġri minn kelmti: hija toħroġ minn fommi . . . ma terġax lura vojta,” jgħid hu, imma “ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.” (Isaija 55:11) Tabilħaqq, fil-​Bibbja jispikka l-​iskop taʼ Ġeħova li jagħmel l-​art ġenna biex jgħixu fiha l-​bnedmin li jirriflettu l-​kwalitajiet tiegħu.—Rumani 8:19-21.

“Int Tkun fil-​Ġenna Miegħi”

Malli dinbu Adam u Eva, Alla wiegħed li jipproduċi ‘nisel,’ jew wild, li fl-​aħħar mill-​aħħar kellu jeqred lis-​“serp oriġinali,” Satana x-​Xitan, u jkisser l-​għemejjel mill-​agħar tiegħu. (Ġenesi 3:15; Rivelazzjoni 12:9; 1 Ġwanni 3:8) Maż-​żmien ġie rivelat li primarjament dan in-​‘nisel’ kien Ġesù Kristu. (Galatin 3:16) Iktar minn hekk, Alla ħatru bħala Sultan tas-​Saltna, jew gvern, li mis-​sema kellha taħkem għal fuq l-​art.—Danjel 7:13, 14; Rivelazzjoni 11:15.

Kristu se jwettaq bis-​sħiħ dak li naqas li jagħmel Adam. Fil-​fatt, il-​Bibbja ssejjaħ lil Ġesù “l-​aħħar Adam.” (1 Korintin 15:45) Barra minn hekk, fit-​talba li tana bħala mudell, Ġesù rabat il-​futur taʼ l-​art mas-​Saltna t’Alla, billi qal: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.”—Mattew 6:10.

Meta Ġesù kien fuq l-​art—bħala s-​Sultan futur taʼ l-​art—kellu l-​awtorità biex jgħid lir-​raġel ħażin li nidem u li kien imdendel ħdejh: “Int tkun fil-​Ġenna miegħi.” (Luqa 23:43) Il-​Ġenna li kellu f’moħħu Ġesù kellha tkun fuq l-​art, kif kien l-​iskop oriġinali t’Alla. Il-​Bibbja tappoġġa dan il-​fatt b’mod ċar. Ikkunsidra l-​versi li ġejjin.

“Il-​ġusti jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:29) “Ikun kotran il-​qamħ fuq l-​art, jogħla sal-​qċaċet taʼ l-​għoljiet.” (Salm 72:16) “It-​tajbin jgħammru fl-​art, u n-​nies sewwa joqogħdu fiha.” (Proverbji 2:21) “[In-nies sewwa] ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara fuq il-​muntanja qaddisa kollha tiegħi, għax mimlija hi l-​art bl-​għarfien tal-​Mulej bħalma l-​baħar hu miksi bl-​ilmijiet.”—Isaija 11:9.

Fi qbil maʼ dawn l-​istqarrijiet, fil-​Priedka famuża tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù qal: “Henjin il-​ġwejdin, għax għad jirtu l-​art.” (Mattew 5:5) Iktar tard, l-​appostlu Ġwanni kiteb: “It-​tinda t’Alla hi mal-​bnedmin . . . Jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-​affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.” (Rivelazzjoni 21:3, 4) Jidher ċar li dawn il-​versi tal-​Bibbja ma jirreferux għal “ġenna” fis-​sema imma għal ġenna fiżika hawnhekk fuq l-​art.

Dak li Qalu Xi Studjużi tal-​Bibbja

Ħafna studjużi tal-​Bibbja jemmnu li fis-​Saltna taʼ Kristu, l-​art se ssir ġenna. It-​teologu Joseph A. Seiss qal: “L-​art kollha mmexxija mill-​Messija fl-​aħħar mill-​aħħar se ssir . . . dak li . . . suppost kellha tkun li kieku Adam qatt ma dineb.” Fil-​kummentarju The New Testament for English Readers, Henry Alford kiteb: “Din is-​saltna t’Alla . . . se tkompli taħdem sakemm issir saltna reali għal fuq din l-​art, u s-​sudditi tagħha se jirtu l-​art . . . , meta finalment se tkun imġedda u mbierka għal dejjem.”—Korsiv tiegħu.

Bl-istess mod, Isaac Newton, li kien xjenzat famuż u student ħerqan tal-​Bibbja, kiteb: “L-​art se tibqaʼ tkun abitata minn [bnedmin] mortali wara jum il-​ġudizzju u dan mhux biss għal 1,000 sena, imma saħansitra għal dejjem.”

Minħabba li l-​art se tkun maħkuma direttament minn Ġesù Kristu, il-​ħażen qatt ma se jerġaʼ jinbet. (Isaija 11:1-5, 9) Iva, l-​art se tkun ġenna f’kull aspett, u se ġġib tifħir għal dejjem lill-​Ħallieq tagħha.

ĠIELI ĦSIBT DWAR DAN?

◼ X’kien l-​iskop oriġinali t’Alla għall-​bnedmin u għall-​art?—Ġenesi 1:28.

◼ X’se twettaq is-​Saltna t’Alla?—Mattew 6:10.

◼ Il-​ħażen għala qatt ma se jerġaʼ jinbet?—Isaija 11:1-5, 9.

[Kumment f’paġna 11]

“Henjin il-​ġwejdin, għax għad jirtu l-​art.”—Mattew 5:5

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja