LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 7/08 pp. 12-15
  • Nomadi Asjatiċi li Bnew Imperu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nomadi Asjatiċi li Bnew Imperu
  • Stenbaħ!—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Min Kienu l-​Mongoli?
  • Lil Hinn mill-​Mongolja
  • Is-​Suċċessuri tal-​Ġenġis Kan
  • Il-​Kampanja Militari fil-​Punent
  • Attakk Ieħor fuq Żewġ Fronti
  • L-​Imperu Jinqasam u Jaqaʼ
  • Moska Sat-​850 Anniversarju Tagħha
    Stenbaħ!—1997
  • X’Inhu L-​Futur Tal-​Gwerer?
    Stenbaħ!—1999
  • Il-Glorja Minsija taʼ l-Imperu Biżantin
    Stenbaħ!—2001
  • Ħarsa Lejn id-Dinja
    Stenbaħ!—2001
Stenbaħ!—2008
g 7/08 pp. 12-15

Nomadi Asjatiċi li Bnew Imperu

Il-​biżaʼ u t-​taħwid iddominaw ir-​Russja. Bħal ġurati, qtajjaʼ taʼ gwerriera rekbin mil-​lvant għaddew b’ħeffa kbira minn fuq il-​pjanuri joqtlu, jisirqu, u jġibu fix-​xejn kwalunkwe armata li opponiethom. L-​unika parti mir-​Russja li ħelsitha kienet l-​istat taʼ Novgorod li kien maħkum minn prinċep. Minn hemmhekk wieħed konfuż li ra dan b’għajnejh iddeskrivieh fil-​kitba bħala invażjoni minn “tribujiet mhux magħrufin” li kellhom lingwa stramba.

DAWK li għamlu l-​invażjoni kienu l-​Mongoli, poplu li tnissel fil-​wita mimlija ħaxix taʼ dik li llum hi l-​Mongolja, fiċ-​ċentru u fil-​grigal taʼ l-​Asja. Ir-​rebħiet tagħhom, li saru b’ħeffa taʼ sajjetta u li bdew kmieni fis-​seklu 13 E.K., biddlu l-​istorja taʼ l-​Asja u taʼ nofs l-​Ewropa. F’25 sena biss, il-​Mongoli ħadu taħt idejhom l-​abitanti taʼ iktar territorji milli r-​Rumani kienu kkonkwistaw f’erbaʼ sekli. Fil-​quċċata tal-​qawwa tagħhom, huma ħakmu mill-​Korea sa l-​Ungerija u mis-​Siberja sa l-​Indja—wieħed mill-​akbar imperi f’dik li hi art li qatt ġie rekordjat fl-​istorja!

Minbarra li tixħet dawl fuq l-​istorja taʼ l-​Asja u l-​Ewropa, l-​istorja rekordjata taʼ l-​Imperu Mongolu, li relattivament kellu ħajja qasira, tappoġġa ħafna tagħlim Bibliku dwar in-​natura umana u l-​fatt li bniedem jaħkem fuq bniedem ieħor. Dawn il-​veritajiet jinkludu dan li ġej: Il-​glorja umana hi fiergħa u tgħaddi malajr. (Salm 62:10 [62:9, NW]; 144:4) “Bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-​ħsara.” (Koħèlet 8:9) U kif inhu simbolizzat fil-​Bibbja, saltniet politiċi u potenti aġixxew bħal bhejjem salvaġġi billi pprovaw jiddominaw b’mod aggressiv fuq ġnus oħrajn.a

Min Kienu l-​Mongoli?

Il-​Mongoli kienu nomadi tribwali u kienu tas-​sengħa bħala rikkieba taż-​żwiemel. L-​għajxien tagħhom kien jiġi milli jirgħu l-​imrieħel, jinnegozjaw, u jmorru għall-​kaċċa. Kuntrarju għall-​biċċa l-​kbira mill-​popli l-​oħrajn—li minnhom persentaġġ żgħir biss kienu mħarrġin u mgħammrin biex jiggwerraw—kważi kull raġel Mongolu b’żiemel u b’qaws kien gwerrier b’saħħtu u feroċi. U kull tribù kien leali b’mod akkanit lejn il-​mexxej tiegħu, imsejjaħ kan.

Wara 20 sena jiġġieled, kan wieħed, bl-​isem taʼ Temüjin (ċ. 1162-1227), għaqqad xi 27 tribù Mongolu fit-​tmexxija tiegħu. Iktar tard, Musulmani taʼ nisel Tork, imsejħin Tatari, iġġieldu spalla maʼ spalla mal-​Mongoli. Fil-​fatt, meta l-​gwerriera qerrieda tal-​Mongoli marru lejn il-​punent, Ewropej imwerwrin sejħu lil dawn l-​invażuri Tartari.b Fl-​1206, meta Temüjin kellu ftit iktar minn 40 sena, il-​Mongoli għamluh Ġenġis Kan—titlu li jistaʼ jfisser “ħakkiem b’saħħtu” jew “ħakkiem universali.” Hu kien magħruf ukoll bħala l-​Kan il-​Kbir.

Il-qtajjaʼ t’arċieri tal-​Ġenġis Kan, rekbin fuq iż-​żwiemel, attakkaw bil-​ħeffa u bil-​qilla, spiss fuq ħafna fronti li kienu jkopru eluf taʼ kilometri. Fl-​abbiltà militari, “hu kien ugwali għal Alessandru l-​Kbir jew Napuljun I,” tgħid l-​Encarta Encyclopedia. Juzjani, kittieb Persjan taʼ l-​istorja, li għex fi żmien il-​Ġenġis Kan, iddeskrivieh bħala li “kellu enerġija kbira u dixxerniment kbir li kien ġenju, u kellu l-​abbiltà li jifhem.” Hu ttimbrah ukoll bħala “biċċier.”

Lil Hinn mill-​Mongolja

Iċ-​Ċina tat-​tramuntana kienet okkupata mill-​Manċu, li d-​dinastija tagħhom sejħulha Jin, jew “tad-​Deheb.” Sabiex jaslu fit-​territorji tal-​Manċu, il-​Mongoli qasmu d-​deżert kiefer taʼ Gobi—li ma kienx ostaklu kbir għan-​nomadi li, kieku kien hemm bżonn, setgħu jgħixu bil-​ħalib u d-​demm taż-​żwiemel. Għalkemm il-​Ġenġis Kan firex il-​ħakma tiegħu għal ġoċ-​Ċina u l-​Manċurja, il-​ġlied dam sejjer xi 20 sena. Minn fost iċ-​Ċiniżi, hu ingaġġa studjużi, artiġjani, u negozjanti, kif ukoll inġiniera li setgħu jibnu magni, katapulti, u bombi bil-​porvli għall-​assedju.

Wara li kien ċert li kellu l-​kontroll fuq ir-​rotot taʼ negozju taʼ Triq il-​Ħarir li jagħtu għal pajjiżi iktar lejn il-​punent, il-​Ġenġis Kan ipprova jissieħeb fin-​negozju mal-​ġâr Tork tiegħu, is-​Sultan Muħammad. Is-​sultan kien jaħkem imperu vast li kien ikopri dawk li llum nafuhom bħala l-​Afganistan, it-​Taġikistan, it-​Turkmenistan, l-​Uzbekistan, u l-​biċċa l-​kbira mill-​Iran.

Fl-1218, delegazzjoni Mongola, li milli jidher kienet interessata fin-​negozju, waslet ħdejn il-​fruntiera tas-​sultan. Imma l-​gvernatur lokali qatilhom, u b’hekk qanqal serje taʼ ġrajjiet li wasslu għall-​ewwel invażjoni Mongola taʼ pajjiż Musulman. Fit-​tliet snin taʼ wara, il-​Mongoli, li jingħad li kienu iktar numerużi min-​nemel, b’mod sistematiku attakkaw, serqu, u ħarqu bliet u għelieqi u qatlu ħafna min-​nies tas-​Sultan Muħammad, minbarra dawk li kellhom is-​snajjaʼ li xtaqu l-​Mongoli.

Qawwiet militari Mongoli, li kienu stmati li jgħoddu xi 20,000, imbagħad għaddew rekbin fuq iż-​żwiemel minn ġo l-​Azerbajġan u l-​Ġeorġja u marru lejn il-​pjanuri fit-​tramuntana tal-​Kawkasja u għelbu lil kull armata li ltaqgħu magħha, inkluż qawwa militari Russa taʼ 80,000. F’rikba taʼ xi 13,000 kilometru, il-​Mongoli daru mal-​Baħar Kaspju f’dik li xi wħud iqisuha bħala waħda mill-​akbar bravuri tal-​kavallerija fl-​istorja. Is-​serje taʼ konkwisti tagħhom stabbiliet preċedent għall-​invażjoni futura taʼ l-​Ewropa tal-​Lvant minn ħakkiema Mongoli li ġew wara.

Is-​Suċċessuri tal-​Ġenġis Kan

Ögödei, it-​tielet wieħed mill-​erbaʼ wlied subien tal-​Ġenġis Kan mill-​mara prinċipali tiegħu, intgħamel il-​Kan il-​Kbir li jmiss. Ögödei wera biċ-​ċar li għandu kontroll fuq il-​pajjiżi mirbuħin, irċieva t-​tribut mingħand il-​ħakkiema vassalli, u lesta l-​konkwista tad-​dinastija taʼ Jin fit-​tramuntana taċ-​Ċina.

Sabiex iżomm kemm l-​imperu kif ukoll l-​istil taʼ ħajja stravaganti li kienu mdorrijin bih il-​Mongoli, Ögödei eventwalment iddeċieda li jerġaʼ jiggwerra—imma kontra pajjiżi li kienu għadhom ma ġewx attakkati u misruqin. Hu fetaħ attakki fuq żewġ fronti—kontra l-​pajjiżi Ewropej lejn il-​punent u kontra d-​dinastija tas-​Sung fin-​nofsinhar taċ-​Ċina. Il-​kampanja militari kontra l-​Ewropa kienet suċċess, imma l-​oħra ma kinitx. Minkejja xi rebħiet, il-​Mongoli ma rnexxilhomx jirbħu t-​territorju prinċipali tas-​Sung.

Il-​Kampanja Militari fil-​Punent

Fl-​1236, xi 150,000 gwerrier rekbin fuq iż-​żwiemel marru fil-​punent lejn l-​Ewropa. Dawn l-​ewwel immiraw lejn ir-​reġjuni tul ix-​Xmara Volga; imbagħad attakkaw bliet indipendenti Russi u l-​inħawi taʼ madwarhom, u lil Kjev għamluha rmied. Il-​Mongoli wiegħdu li jiskansaw il-​bliet jekk in-​nies jagħtuhom għaxra fil-​mija minn kollox. Imma r-​Russi ppreferew li jiġġieldu. Permezz tal-​katapulti, il-​Mongoli waddbu fuq l-​għadu ġebel, nafta taħraq, u salnitru. U meta kienu jinfdu s-​swar taʼ xi belt l-​invażuri kienu jidħlu bi ħġarhom u tant joqtlu nies li, bħalma kiteb wieħed storjografu, “Ebda għajn ma baqgħet miftuħa biex tibki lill-​mejtin.”

Qawwiet militari Mongoli ħarbtu lill-​Polonja u lill-​Ungerija, u ġew qrib il-​fruntiera taʼ dik li llum hi l-​Ġermanja. L-​Ewropa tal-​punent ħejjiet ruħha għall-​attakk, imma dan qatt ma seħħ. F’Diċembru taʼ l-​1241, il-​Kan Ögödei miet, milli jidher waqt li kien fis-​sakra. Għalhekk, il-​kmandanti Mongoli marru d-​dar malajr lejn il-​belt kapitali tagħhom, Karakorum, 6,000 kilometru ’l bogħod, biex jaħtru ħakkiem ġdid.

Güyük, bin Ögödei, sar is-​suċċessur tiegħu. Wieħed li ra b’għajnejh lil Güyük jinħatar bħala Kan kien il-​patri Taljan li għamel il-​vjaġġ taʼ 15-il xahar minn ġo territorju kontrollat mill-​Mongoli biex iwassal ittra mingħand il-​Papa Innoċenz IV. Il-​papa ried li jiġi assigurat li l-​Ewropa kienet ħielsa minn invażjonijiet ġodda u ħeġġeġ lill-​Mongoli biex jaċċettaw il-​Kristjanità. Güyük m’għamel ebda wegħda. Minflok, hu qal lill-​papa biex jiġi b’delegazzjoni taʼ slaten ħalli jagħtu ġieħ lill-​Kan!

Attakk Ieħor fuq Żewġ Fronti

Il-​Kan il-​Kbir li kien imiss kien Mongke, li nħatar fl-​1251. Hu u ħuh Kublai bdew jattakkaw lid-​dinastija tas-​Sung fin-​nofsinhar taċ-​Ċina, waqt li armata oħra marret lejn il-​punent. Din taʼ l-​aħħar għamlet ħerba minn Bagdad u ġiegħlet lil Damasku jċedi. L-​hekk imsejħin Kristjani, li kienu qed jagħmlu kruċjati kontra l-​Musulmani, tgħidx kemm ferħu b’dan, u l-​“Kristjani” li kienu jgħixu f’Bagdad serqu u qatlu lill-​ġirien Musulmani tagħhom.

F’dan il-​mument deċiżiv—meta l-​Mongoli kienu għoddhom farrku d-​dinja Musulmana—l-​istorja rripetiet ruħha. Waslet l-​aħbar li Mongke kien miet. Għal darb’oħra, dawk li kienu qed jinvadu reġgħu lura lejn darhom, u din id-​darba ħallew biss 10,000 raġel biex jiddefendu l-​fruntiera. Ftit wara, din l-​armata li ma kinitx kbira biżżejjed inġiebet fix-​xejn minn armata oħra mill-​Eġittu.

L-attakk fuq in-​nofsinhar taċ-​Ċina kontra d-​dinastija għanja tas-​Sung irnexxa. Fil-​fatt, il-​Kan Kublai pproklama lilu nnifsu fundatur taʼ dinastija Ċiniża ġdida u semmieha Juwan. Illum, il-​post tal-​belt kapitali ġdida tiegħu hu magħruf bħala Beijing. Wara li fl-​aħħar tas-​snin sebgħin tas-​seklu 13 għeleb lil dawk mid-​dinastija tas-​Sung li baqgħu jopponu, Kublai ħakem fuq iċ-​Ċina li kienet magħquda għall-​ewwel darba mindu waqgħet id-​dinastija tat-​Tang fis-​sena 907.

L-​Imperu Jinqasam u Jaqaʼ

Fil-​bidu tas-​seklu 14, l-​Imperu Mongolu setgħan beda jisfaxxa. Ir-​raġunijiet huma ħafna. L-​ewwelnett, il-​ġlied għall-​poter fost id-​dixxendenti tal-​Ġenġis Kan qasam l-​imperu f’għadd taʼ kanati. Ukoll, xi Mongoli ġew integrati f’xi ċivilizzazzjonijiet li kienu ntrebħu minnhom. Fiċ-​Ċina, il-​ġlied għall-​poter dgħajjef l-​awtorità tad-​dixxendenti taʼ Kublai. Fl-​1368 iċ-​Ċiniżi, li kienu mxebbgħin bil-​ħakma inkompetenti, bil-​korruzzjoni, u bit-​taxxi għoljin, għelbu lis-​sidien Juwaniżi tagħhom u sforzawhom biex imorru lura l-​Mongolja.

Bħal maltempata qawwija, it-​tempesta tal-​gwerer Mongoli ġiet bil-​ħeffa, baqgħet għal żmien qasir, u mbagħad għaddiet. Xorta waħda, hi ħalliet il-​marka tagħha fuq l-​istorja taʼ l-​Ewropa u l-​Asja, inkluż il-​fatt li l-​Mongolja u ċ-​Ċina ngħaqdu flimkien. Tabilħaqq, il-​Mongoljani taʼ llum ifaħħru lill-​ewwel kan kbir, il-​Ġenġis Kan, bħala missier in-​nazzjon tagħhom.

[Noti taʼ taħt]

a Innota r-​referenzi kemm għal bhejjem u kemm għal ħakma politika, jew gvern, fis-​siltiet Bibliċi li ġejjin: Danjel 7:6, 12, 17, 23; 8:20-22; Rivelazzjoni 16:10; 17:3, 9-12.

b L-Ewropej kienu jaħsbu li t-​Tatari kienu xjaten minn “Tartaru.” (2 Pietru 2:4) B’hekk, lil dawk li invadewhom sejħulhom Tartari.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 13]

Minn Rebħ Għal Kummerċ

Fil-​quċċata tas-​suċċess tagħha, id-​dinastija Juwaniża, stabbilita minn Kublai Kan, inkuraġġiet in-​negozju u l-​ivvjaġġar, u dan wassal għal dik li ssemmiet bħala “l-​akbar espansjoni taʼ kummerċ fl-​istorja Ewrasjana.” Din kienet l-​era taʼ Marco Polo, il-​vjaġġatur kbir Venezjan (1254-1324).c Meta vvjaġġaw minn fuq l-​art jew bil-​baħar, negozjanti Għarab, Persjani, Indjani, u Ewropej ħadu magħhom żwiemel, twapet, ħaġar prezzjuż, u ħwawar, u partuhom maċ-​ċeramika, m’oġġetti miksijin bil-​verniċ, u maʼ l-​għażel.

Fl-​1492, Kristofru Kolombu, b’kopja tal-​vjaġġi taʼ Marco Polo f’idejh, baħħar mill-​Ewropa lejn il-​punent, bit-​tama li jerġaʼ jistabbilixxi kuntatt mal-​Mongoli. Madankollu, hu ma kienx jaf li l-​imperu kien spiċċa iktar minn seklu qabel! Minħabba l-​waqgħa tiegħu, xi mezzi taʼ komunikazzjoni sfaxxaw u l-​Musulmani imblokkaw l-​użu tar-​rotta fuq l-​art mill-​Ewropa sal-​Lvant.

[Nota taʼ taħt]

c Għal rakkont dwar il-​vjaġġ taʼ Marco Polo lejn iċ-​Ċina, ara l-​ħarġa taʼ l-​Awake! tat-​8 taʼ Ġunju, 2004.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 14]

Magħrufin għat-​Tolleranza Reliġjuża Tagħhom

Għalkemm kienu animisti, jiġifieri, jemmnu fir-​ruħ, il-​Mongoli tal-​qedem kienu jittolleraw twemmin ieħor. Il-​ktieb The Devil’s Horsemen jispjega li meta n-​nies tal-​punent daħlu fil-​belt kapitali Mongola, Karakorum, baqgħu mgħaġġbin mhux biss bl-​għana tagħha imma wkoll bil-​libertà reliġjuża tagħha—knejjes, moskej, u tempji kienu jinstabu maġenb xulxin.

Il-​Kristjanità taʼ l-​isem waslet għand il-​Mongoli permezz tan-​Nestorjani, li kienu nfirdu minn mal-​Knisja Biżantina, jew tal-​Lvant. In-​Nestorjani kkonvertew lil ħafna minn fost it-​tribujiet Torok taʼ l-​Asja, li ggwerraw kontrihom il-​Mongoli. Xi nisa li kkonvertew saħansitra żżewġu fil-​familja rjali Mongola.

Il-​Mongoli taʼ llum għandhom varjetà taʼ twemmin reliġjuż. Bejn wieħed u ieħor dawk mill-​popolazzjoni li jgħidu li jappartjenu lir-​reliġjon animista jammontaw għal 30 fil-​mija; lill-​Buddiżmu (Tibetan) Lamajist, 23 fil-​mija; u lill-​Islam, 5 fil-​mija. Il-​bqija, fil-​biċċa l-​kbira, m’humiex reliġjużi.

[Mappa f’paġna 15]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

Safejn Waslet l-​Influwenza Mongola

L-​UNGERIJA

IR-​RUSSJA

Kjev

Ix-​Xmara Volga

IS-​SIBERJA

Il-​Baħar Kaspju

Damasku

L-​IRAN

Bagdad

L-​UZBEKISTAN

IL-​MONGOLJA

Karakorum

Id-​Deżert taʼ Gobi

IL-​KOREA

IĊ-​ĊINA

Beijing

L-​INDJA

Novgorod

[Stampa f’paġna 15]

Merħla żwiemel, il-​Mongolja

[Stampa f’paġna 15]

Il-​Ġenġis Kan

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 12]

Bildarchiv Preussischer Kulturbesitz/Art Resource, NY

[Sorsi taʼ l-​Istampa f’paġna 15]

Xena: © Bruno Morandi/age fotostock; Ġenġis Kan: © The Stapleton Collection/The Bridgeman Art Library

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja