LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 10/8 p. 11
  • Ħarsa Lejn id-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn id-Dinja
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Wisq Ġugarelli
  • Dipressjoni fuq il-​Post tax-​Xogħol
  • Il-​Ħaxix Ħażin Aħjar mill-​Pestiċidi
  • L-​Ispiża li Dejjem Tielgħa tal-​Kriminalità
  • Inċidenti tat-​Tfal
  • Il-Vera Sigurtà—Mira Diffiċli
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • It-Tigra Siberjana—Se Tibqaʼ Teżisti?
    Stenbaħ!—2008
Stenbaħ!—2001
g01 10/8 p. 11

Ħarsa Lejn id-​Dinja

Wisq Ġugarelli

“It-​tfal qed jitilfu l-​abbiltà li jilagħbu sew minħabba li qed jingħataw wisq ġugarelli u logħob, tgħid riċerka ġdida,” tirrapporta The Sunday Times taʼ Londra. Wieħed mill-​motivi li qanqal din ir-​riċerka kien it-​tħassib fil-​Britannja li “t-​tfulija qed tiġi mibdula b’mod permanenti mill-​ġenituri li minflok ma jqattgħu ħin maʼ wliedhom qed jagħtuhom il-​ġugarelli, u jħalluhom jgħaddu l-​ħin quddiem il-​kompjuter u t-​televixin.” Wara li għamlu studju fuq 3,000 tifel u tifla taʼ bejn it-​tliet snin u l-​ħames snin, il-​Professoressa Kathy Sylva mill-​Università taʼ Oxford ikkonkludiet: “Meta jkollhom ħafna ġugarelli jidher li jkollhom xi ħaġa li qed taljenahom, u meta t-​tfal ikunu aljenati la jitgħallmu u lanqas jilagħbu sew.”

Dipressjoni fuq il-​Post tax-​Xogħol

“Fuq il-​post tax-​xogħol . . . l-​ansjetà, l-​għeja żejda u d-​dipressjoni qed jiżdiedu b’rata allarmanti,” tirrapporta The Guardian taʼ Londra. Skond l-​Organizzazzjoni Internazzjonali tax-​Xogħol tal-​ĠM, 3 minn kull 10 impjegati fir-​Renju Unit qed ikollhom problemi taʼ saħħa mentali, u 1 minn kull 10 ħaddiema fl-​Istati Uniti huwa rapportat li qed ibati minn dipressjoni klinika. Fil-​Ġermanja, kważi 7 fil-​mija taʼ dawk li jirtiraw mix-​xogħol qabel iż-​żmien jagħmlu dan minħabba d-​dipressjoni. Iktar minn nofs il-​ħaddiema fil-​Finlandja qed ibatu minn sintomi li għandhom x’jaqsmu maʼ l-​istress. Fil-​Polonja, l-​ansjetà li qed tirriżulta minħabba r-​rata għolja ħafna taʼ nies bla xogħol żdiedet b’50 fil-​mija fl-​1999, filwaqt li żdiedu wkoll is-​suwiċidji. Ir-​rapport ibassar li bil-​bidla kontinwa għal teknoloġiji ġodda u bil-​metodi ġodda taʼ tmexxija fuq il-​postijiet tax-​xogħol, id-​dipressjoni se tikber b’mod drammatiku. Ir-​rapport iwissi li “sa l-​2020, l-​istress u t-​taqlib mentali se jkunu l-​kaġun ewlieni għat-​telf taʼ ħin mix-​xogħol iktar mill-​inċidenti fit-​toroq, l-​AIDS u l-​vjolenza.”

Il-​Ħaxix Ħażin Aħjar mill-​Pestiċidi

Bdiewa mill-​Afrika tal-​Lvant qed jużaw il-​ħaxix ħażin minflok il-​pestiċidi biex itejbu l-​uċuħ tar-​rabaʼ tagħhom tal-​qamħirrum, tirrapporta r-​rivista New Scientist. Il-​bdiewa li jiżirgħu l-​qamħirrum fl-​Afrika tal-​Lvant iħabbtu wiċċhom maʼ żewġ theddidiet għall-​uċuħ tar-​rabaʼ tagħhom. Waħda minnhom hija l-​iStriga, pjanta parassita li teqred b’kemm jiswa $10 biljun [Lm4.7 biljun] qamħirrum kull sena. Ir-​riċerkatur mill-​Kenja Ziadin Khan skopra li l-​iStriga ma tikbirx jekk bejn il-​fillieri tal-​qamħirrum tinżeraʼ ħaxixa ħażina msejħa desmodium. It-​theddida l-​oħra ġejja mil-​larvi taʼ l-​insetti li jgħawru z-​zokk. Kważi kull sena, dawn l-​insetti jeqirdu terz mill-​uċuħ tal-​qamħirrum. Madankollu, Khan sab li dawn l-​insetti jippreferu jieklu ħaxix ħażin lokali msejjaħ napier grass. Billi jiżirgħu din il-​ħaxixa ħażina fl-​għelieqi tagħhom, il-​bdiewa jiġbdu l-​insetti ’l bogħod mill-​qamħirrum. Is-​sustanza li twaħħal li jipproduċi dan il-​ħaxix taqbad lil-​larva bħal f’nassa u toqtolha. “Hu aħjar mill-​pestiċidi, u ħafna irħas,” jgħid Khan. “U issa l-​bdiewa f’dawn l-​inħawi qed jipproduċu minn 60 sa 70 fil-​mija iktar.”

L-​Ispiża li Dejjem Tielgħa tal-​Kriminalità

“Il-​kriminalità fl-​Ingilterra u f’Wales qed tiswa lis-​soċjetà £60 biljun [Lm39 biljun] fis-​sena,” tirrapporta The Independent taʼ Londra. Din il-​figura, deskritta mid-​dipartiment responsabbli għall-​affarijiet interni bħala stima, tirrappreżenta 6.7 fil-​mija tal-​prodott domestiku kollu tan-​nazzjon. Il-​qtil intenzjonat u dak mhux intenzjonat huma b’mod konsiderevoli l-​iktar atti kriminali li jiswew flus. Dawn bħala medja jiswew lill-​pajjiż iktar minn £1 miljun [Lm649,350] kull wieħed, filwaqt li atti kriminali serji taʼ vjolenza oħrajn jiswew medja taʼ £19,000 [Lm12,337] kull wieħed. Il-​frodi u l-​iffalsifikar taʼ l-​affarijiet jagħmlu kważi kwart mill-​ispiża totali. Dawn il-​figuri ma jinkludux “l-​ispiża minħabba l-​biżaʼ mill-​kriminalità, l-​effett fuq il-​familji tal-​vittmi, il-​flus li jintefqu mill-​Gvern għall-​ħarsien mill-​kriminalità, . . . jew l-​ispiża tat-​talba għall-​kumpens mill-​assigurazzjoni,” ikompli jgħid il-​ġurnal.

Inċidenti tat-​Tfal

L-​inċidenti huma l-​kawża ewlenija għall-​imwiet tat-​tfal fl-​iktar pajjiżi sinjuri tad-​dinja, jgħid studju li sar f’26 pajjiż mill-​Fond tal-​Ġnus Magħquda għat-​Tfal (UNICEF). “L-​inċidenti kkaġunaw iktar minn 40 fil-​mija taʼ l-​imwiet tat-​tfal taʼ bejn is-​sena u l-​14-il sena fil-​pajjiżi li fihom sar l-​istudju,” b’total taʼ xi 20,000 diżgrazzja kull sena, tirrapporta l-​Mainichi Daily News tal-​Ġappun. Fatturi li jżidu l-​probabbiltà taʼ inċidenti li jinvolvu t-​tfal jinkludu l-​faqar, ġenituri bla sieħeb jew sieħba li jridu jrabbu lit-​tfal waħedhom, familji kbar, u ġenituri li jabbużaw mid-​droga jew l-​alkoħol. L-​UNICEF ħeġġet biex tingħata attenzjoni “għall-​mezzi li huma effettivi biex isalvaw il-​ħajja: il-​helmet, il-​limiti tal-​veloċità f’postijiet fejn joqogħdu ħafna nies, siġġijiet għas-​sigurtà tat-​tfal fil-​karozzi, ċinturini tas-​sigurtà, fliexken tal-​mediċina b’tapp li t-​tfal ma jiftħuhx malajr, apparat li jibda jaħdem waħdu meta jkun hemm xi duħħan, u livelli taʼ sigurtà fil-​postijiet fejn jilagħbu t-​tfal.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja