Moska Sat-850 Anniversarju Tagħha
Belt Li Rnexxielha Tibqaʼ Teżisti
“EJJA s’għandi, ħija, ġewwa Moska.” Din l-istedina minn Yuri Dolgoruky lill-prinċep sieħbu fl-1147 tidher li hi l-ewwel darba li Moska ssemmiet fil-kitbiet storiċi. Id-data—850 sena ilu—ġiet aċċettata bħala s-sena li fiha twaqqfet Moska, il-belt kapitali tar-Russja, avolja l-evidenza arkeoloġika turi li kien jeżisti villaġġ żgħir fuq il-post ħafna qabel.
B’antiċipazzjoni għat-850 anniversarju taʼ Moska, mijiet taʼ faċilitajiet tal-belt ġew irrinnovati u rrestawrati—stejdjums, teatri, knejjes, stazzjonijiet tal-ferrovija, ġonna, u bini pubbliku. Xi trasformazzjoni meraviljuża! “Blokkijiet sħaħ taʼ bini,” innotat waħda Moskovita, “tant inbidlu li ma jintgħarfux.”
Matul żjara ġewwa Moska f’Ġunju li għadda, rajna gruppi taʼ nies jaħdmu fuq proġetti taʼ restawr madwar iċ-ċentru tal-belt, ħdejn il-Pjazza l-Ħamra. Ix-xogħol kien bla waqfien, 24 siegħa kuljum. U kullimkien, kien hemm tfakkiriet dwar it-850 anniversarju—fl-armaturi tal-ħwienet, fl-underground, maʼ l-arbli, mal-merkanzija għall-bejgħ—saħansitra spettaklu li attendejna taċ-ċirku taʼ Moska inkluda referenza għalih.
Sa Settembru, meta eluf taʼ viżitaturi minn madwar id-dinja kienu preżenti għall-iffesteġġjar speċjali taʼ dik it-850 sena, it-titjib fid-dehra taʼ Moska kien spettakolari. Iva, minkejja l-perijodi terribbli taʼ għawġ matul l-istorja tagħha, Moska rnexxielha tibqaʼ teżisti u tiffjorixxi.
Studjuż tal-Bibbja evidentement kellu f’moħħu perijodu bħal dan fl-istorja taʼ Moska, meta, matul il-parti bikrija tas-seklu li għadda, ikkummenta dwar il-“gwerra” li hija assoċjata maʼ “Ħarmagedon” fil-Bibbja. (Apokalissi 16:14, 16) Hu nnota li xi wħud kienu allegaw li l-post taʼ Ħarmagedon kien Moska, għalkemm hu nnifsu ma qabilx maʼ dik l-opinjoni.a
Xi wħud għala sostnew dan? Sewwa, ikkunsidra l-istorja affaxxinanti u taʼ spiss traġika taʼ Moska.
Jirnexxilha Tibqaʼ Teżisti Fis-Snin Bikrin
Moska tinsab f’post strateġiku fejn jiltaqgħu xmajjar ewlenin (l-Oka, il-Volga, id-Don, u d-Dnieper) kif ukoll rotot importanti fuq l-art. Il-Prinċep Dolgoruky “poġġa l-pedamenti tal-belt taʼ Moska,” tirrapporta kronaka taʼ l-1156, li evidentement riedet tfisser li hu bena l-ewwel fortizzi taʼ swar magħmulin mit-terrapien b’ħajt taʼ l-injam mibni fuqhom. Dan il-Kremlin, jew ċittadella, kien jinstab fuq biċċa art trijangulari bejn ix-Xmara Moskva u n-Neglinnaya, xmara sekondarja.
Traġikament, 21 sena biss wara, il-prinċep taʼ Ryazan li kienet fil-qrib “telaʼ kontra Moska u ħaraq il-belt kollha kemm hi.” Moska reġgħet inbniet, imma f’Diċembru taʼ l-1237, il-Mongoli taħt Batu Khan, li nannuh kien il-famuż Genghis Khan, ħa l-kontroll taʼ Moska u reġaʼ ħaraqha għal kollox. Il-Mongoli wkoll serqu kollox mill-belt fl-1293.
Issibha xi ħaġa rimarkevoli li Moska rnexxielha tibqaʼ teżisti wara kull wieħed minn dawn l-assalti ħorox? Il-belt feġġet ukoll bħala ċ-ċentru reliġjuż tar-Russja fl-1326, meta Ivan Kalita, il-prinċep taʼ Moska, ipperswada l-kap tal-Knisja Ortodossa Russa biex jgħix f’Moska.
Eventwalment, sa żmien il-ħakma taʼ Ivan il-Kbir (mill-1462 sa l-1505), Moska kienet kisbet l-indipendenza mill-Mongoli. Fl-1453, il-belt taʼ Kostantinopli (issa Istanbul) waqgħet taħt it-Torok Ottomani, u dan ħalla l-ħakkiema tar-Russja bħala l-uniċi monarki Ortodossi li baqaʼ fid-dinja. Bħala riżultat, Moska bdiet tiġi identifikata bħala t-“Tielet Ruma” u l-ħakkiema Russi ġew imsejħin kżarijiet, jew ċesrijiet.
Lejn tmiem il-ħakma taʼ Ivan il-Kbir—meta Kristofru Kolombu kien qed jagħmel vjaġġi lejn l-Amerka—il-Kremlin ġie mkabbar, u nbnew ħitan u torrijiet tal-briks li għadhom jeżistu sal-lum kważi bla ma nbidlu xejn. Il-ħitan huma itwal sew minn żewġ kilometri, sa 6 metri fondi, u 18-il metru għoljin, u jiċċirkondaw l-inħawi tal-Kremlin, madwar 252 tomna.
Għandu mnejn jissorprendik, li sa nofs is-seklu 16, intqal li Moska kienet akbar minn Londra. Imbagħad, fil-21 taʼ Ġunju, 1547, faqqaʼ diżastru meta l-belt sofriet nar qerriedi, li ħalla prattikament il-popolazzjoni kollha mingħajr dar. Għal darb’oħra, in-nies taʼ ħila taʼ Moska reġgħu bnewha. F’dan iż-żmien feġġ ukoll il-Katidral taʼ San Bażilju, li ġie mibni biex jiċċelebraw ir-rebħiet militari fuq it-Tartari, jew il-Mongoli, f’Kazan. Saħansitra llum, dan il-kapolavur arkitettoniku fil-Pjazza l-Ħamra (li tlesta sa l-1561) huwa simbolu taʼ Moska rrikonoxxut maʼ kullimkien.
Xi għaxar snin wara, fl-1571, il-Mongoli tal-Krimea daħlu u ħadu l-kontroll taʼ Moska, billi għamlu ħerba li ma titwemminx. Ħarqu prattikament kollox barra l-Kremlin. Ir-rekords jirrivelaw li mill-200,000 abitant tal-belt, 30,000 biss salvaw. “Ix-Xmara Moska tant kienet maħnuqa bl-iġsma li d-direzzjoni tagħha ġiet mibdula, u l-ilma kien aħmar nar għal mili sħaħ matul ix-xmara,” jirrapportaw l-edituri tal-kotba Time-Life f’Rise of Russia.
Għal darb’oħra, Moska kellha tiġi rrestawrata. U hekk ġara! Maż-żmien, il-belt infirxet ’il barra mill-Kremlin, b’sensiela taʼ ħitan li jiċċirkondaw sezzjonijiet imsejħin Kitai Gorod, il-Belt il-Bajda, u l-Belt taʼ l-Injam. Moska llum għad għandha l-istess għamla fit-tond, b’toroq ċirkolari minflok ħitan li jiċċirkondaw lill-Kremlin.
Matul dan iż-żmien, in-nies taʼ Moska kienu mnikktin ferm bil-ħakma tirannika taʼ Ivan it-Terribbli, li nannuh kien Ivan il-Kbir. Imbagħad, fl-1598, Fyodor, iben u suċċessur taʼ Ivan it-Terribbli, miet mingħajr eredi. Dak ta bidu għal “Żmien taʼ Inkwiet,” li r-Rise of Russia jsejjaħlu “l-iktar perijodu kaotiku u mħawwad fl-istorja kollha tar-Russja.” Dan dam madwar 15-il sena.
Tissaporti Kriżi Unika
Ftit wara li Boris Godunov, ħaten Fyodor, ħa t-tron, Moska sofriet minn nixfa u ġuħ terribbli. Matul perijodu taʼ sebaʼ xhur fl-1602, ġie rrapportat li mietu 50,000. B’kollox, iktar minn 120,000 mietu fil-belt bejn l-1601 u l-1603.
Preċiż wara dak l-hemm kbir, raġel li ppretenda li kien il-Prinċep Dmitry, iben Ivan it-Terribbli, invada r-Russja bil-għajnuna taʼ suldati Pollakki. Attwalment, l-evidenza tindika li l-veru Dmitry kien ġie maqtul fl-1591. Meta miet Godunov għal għarrieda fl-1605, ’l hekk imsejjaħ Dmitry l-Falz daħal Moska u ġie inkurunat kżar. Wara biss 13-il xahar taʼ ħakma, ġie mogħti l-esekuzzjoni minn dawk taʼ kontrieh.
Pretendenti oħrajn għat-tron segwew, inkluż it-tieni Dmitry l-Falz, li kien ukoll megħjun mill-Polonja. L-intriċċi, il-gwerra ċivili, u l-qtil saru komuni. Ir-Re Sigismund III Vasa, tal-Polonja, invada r-Russja fl-1609, u maż-żmien, ġie ffirmat trattat li rrikonoxxa lil ibnu Władysław IV Vasa bħala l-kżar tar-Russja. Meta l-Pollakki rnexxielhom jidħlu f’Moska fl-1610, il-belt ġiet taħt il-kontroll tagħhom. Imma r-Russi malajr inġemgħu kontra l-Pollakki u keċċewhom minn Moska sa tmiem is-sena 1612.
Dawn iż-żminijiet terribbli taʼ inkwiet bidlu lil Moska ‘f’xagħri mimli xewk u ħaxix ħażin għal mili sħaħ fejn qabel kien hemm it-toroq.’ Il-ħajt tal-Belt taʼ l-Injam kien ġie maħruq għalkollox, u l-bini tal-Kremlin kien fi stat ħażin. Wieħed mibgħut Svediż li kien fuq żjara kkonkluda: “Dak kien it-tmiem diżastruż u terribbli tal-belt famuża taʼ Moska.” Madankollu, kien żbaljat.
Kżar Russu mill-familja Romanov ġie elett fl-1613, u din id-dinastija ġdida taʼ kżarijiet Romanov damet għal iktar minn 300 sena. Għalkemm skond xi rapporti, Michael, il-kżar il-ġdid żagħżugħ, “ma kellu mkien fejn joqgħod” minħabba l-ħerba kbira li saret, Moska reġgħet ġiet mibnija u reġgħet saret belt ewlenija tad-dinja.
Fl-1712, il-kżar Pietru l-Kbir, li nannuh kien Michael, ittrasferixxa l-kapitali tar-Russja minn Moska għal St. Petersburg, li hu kien bena ħdejn il-Baħar Baltiku. Imma Moska baqgħet il-“qalb” maħbuba tar-Russja. Fil-fatt, l-imperatur Franċiż Napuljun Bonaparti, li kien qed ifittex xi konkwista, ġie rrapportat li qal: ‘Jekk nieħu l-kontroll taʼ Petersburg, naqbad lir-Russja minn rasha, u jekk nieħu l-kontroll taʼ Moska, neqridilha qalbha.’
Napuljun ħadha lil Moska, imma bħalma tindika l-istorja, kienet il-qalb tiegħu li nqasmet, mhux taʼ Moska. Dak li ġara f’Moska kien tant orribbli li dan hu li evidentement ikkaġuna lil xi wħud jidentifikaw lill-belt maʼ Armageddon.
Moska Tirkupra Mir-Rovina
Fir-rebbiegħa taʼ l-1812, Napuljun invada lir-Russja b’forza militari li kienet tilħaq madwar 600,000. Billi adottaw proċedura li jħallu “art ħerba,” ir-Russi rtiraw u ma ħallew xejn għall-għedewwa. Eventwalment, huma ddeċidew li lill-Franċiżi jħallulhom Moska abbandunata!
Ħafna awtoritajiet jgħidu li l-Moskoviti nfushom taw in-nar lill-belt pjuttost milli jħallu lill-Franċiżi jiħduha. “Riħ b’forza taʼ riefnu biddel in-nar f’infern attwali,” jirrapporta rakkont taʼ l-istorja Russa. Il-Franċiżi tħallew mingħajr ikel jew għalf, bħalma jispjega dan ir-rakkont: “Lanqas xkora waħda taʼ dqiq jew daqs karettun tiben ma tħallew min-nies Russi lill-armata Franċiża.” Mingħajr ebda alternattiva, il-Franċiżi ħallew lil Moska inqas minn sitt ġimgħat wara li daħlu fiha u prattikament tilfu l-armata kollha tagħhom meta rtiraw.
Il-kuraġġ tal-Moskoviti kien salva lill-belt famuża tagħhom, u b’riżoluzzjoni determinata huma qajmuha mir-rovina. Aleksandr Pushkin, taʼ spiss meqjus bħala l-akbar poeta Russu, kellu 13-il sena meta Napuljun invada lil Moska, il-belt maħbuba taʼ Pushkin. Dwar Moska hu kiteb: “Min jaf kemm ħsibijiet dwew f’moħħ kull Russu taʼ qalb leali maʼ dik il-kelma! X’eku profond instemaʼ!”
Sopravivenza u Prosperità
Ħafna nies illum jiftakru, kemm mill-memorja u kemm mill-films, iż-żminijiet ibsin ferm li għaddiet minnhom Moska matul ir-rivoluzzjoni Russa li bdiet fl-1917. Madankollu, il-belt mhux biss salvat—din ipprosperat. Ġie mibni underground, bħall-Moscow-Volga Canal biex iforni l-ilma lill-belt. Kważi ma kien baqaʼ ħadd illitterat, u lejn l-aħħar parti tas-snin tletin, Moska kellha iżjed minn elf librerija.
Fl-1937 wieħed li qabel kien sindku taʼ Manchester, fl-Ingilterra, kiteb fil-ktieb Moscow in the Making: “Li kieku ma jkunx hemm xi gwerra kbira, . . . Jien nemmen li fit-tmiem tal-pjan t’għaxar snin Moska tkun kważi waslet biex tkun, fejn jirrigwardja saħħa, konvenjenzi, u kumditajiet tal-ħajja għaċ-ċittadini kollha, l-aqwa belt kbira ppjanata li qatt rat id-dinja.”
Imma f’Ġunju taʼ l-1941, il-Ġermanja tat bidu għal attakk mhux ipprovokat fuq ir-Russja, alleata li magħha kienet iffirmat trattat kontra l-aggressjoni inqas minn sentejn qabel. Sa Ottubru, is-suldati Ġermaniżi kienu waslu sa madwar 40 kilometru ’l bogħod mill-Kremlin. Il-waqgħa taʼ Moska dehret inevitabbli. Kważi nofs l-4.5 miljun abitant taʼ Moska kienu ġew evakwati. Xi 500 fabbrika kienu ġabru l-makkinarju tagħhom u bagħtuhom lejn postijiet ġodda fil-Lvant tar-Russja. Madankollu, Moska rrifjutat li ċċedi. Il-belt litteralment ħaffret trinċieri, għamlet barrikati, u ġagħlet lill-Ġermaniżi jirtiraw.
Moska sofriet terribbilment, bħalma ġralhom bliet oħrajn Russi. “Moska tant għaddiet minn affarijiet f’seklu wieħed,” kiteb reporter Amerikan li għex hemm fis-snin 30 u 40, “li jien niskanta kif salvat.” Verament, huwa rimarkevoli li Moska rnexxielha tibqaʼ teżisti biex saret waħda mill-iktar bliet kbar u importanti tad-dinja moderna.
Illum, Moska għandha popolazzjoni taʼ iktar minn disaʼ miljun ruħ u medda taʼ madwar 1,000 kilometru kwadru, li jagħmluha akbar u iktar iffollata mill-Belt taʼ New York. Serje taʼ toroq ċirkolari jiċċirkondaw lill-Kremlin, fejn it-Triq Ċirkolari taʼ Moska li hija twila kważi 100 kilometru tifforma bejn wieħed u ieħor il-konfini taʼ barra taʼ Moska. Vjali wesgħin jestendu ’l barra, bħal mgħażel taʼ rota, miċ-ċentru tal-belt.
Il-biċċa l-kbira tal-Moskoviti, madankollu, jivvjaġġaw mill-underground meraviljuż tal-belt, li espanda biex jinkludi disaʼ rotot u madwar 150 stazzjon, li joperaw għall-partijiet kollha tal-belt. L-istazzjonijiet taʼ l-underground taʼ Moska huma msejħin “l-iktar elaborati fid-dinja,” mill-World Book Encyclopedia. Xi stazzjonijiet jidhru qishom palazzi, imżejnin b’gandlieri, statwi, ħġieġ ikkulurit, u partita rħam. Fil-fatt, l-ewwel 14-il stazzjon li nbnew kellhom iktar minn 70,000 metru kwadru taʼ rħam, bil-wisq iktar mill-palazzi kollha mibnijin mir-Romanovs matul perijodu taʼ 300 sena!
Il-Belt Tingħata Xejra Ġdida
Matul l-aħħar żjara tagħna s-sajf li għadda, dħalna fl-underground biex naraw wieħed mill-akbar proġetti taʼ restawr—l-Istejdjum enormi Lenin li jesaʼ 103,000 u li nbena fin-Nofsinhar taʼ Moska fis-snin 50. Meta wasalna kienu qed jagħmlu seats ġodda, u mmaġinajna s-saqaf li jistaʼ jinfetaħ u li permezz tiegħu jkun possibbli li jsiru avvenimenti matul is-sena kollha.
Il-faċċata taʼ GUM, l-istabbiliment famuż tan-negozju, fuq in-naħa l-oħra tal-Pjazza l-Ħamra faċċata tal-Kremlin, kellha dehra ġdida u sabiħa. Fuq naħa oħra tal-Kremlin, minn fejn kienet tgħaddi n-Neglinnaya qabel ma ġiet mibdula r-rotta tagħha taħt l-art matul is-seklu li għadda, il-pajsaġġ issa jinkludi xmara żgħira li hija imitazzjoni tax-xmara taʼ qabel. Eżatt fuq in-naħa l-oħra taʼ din ix-xmara żgħira, kien qed jinbena ċentru ġgantesk taʼ ħafna sulari taʼ ħwienet taħt l-art, li jinkludi restoranti u faċilitajiet oħrajn. Waħda kittieba minn Moska sejħitlu “l-akbar ċentru tal-ħwienet fl-Ewropa,” imma żiedet, “almenu hekk jaħsbu fl-Uffiċċju tas-Sindku.”
F’post ieħor mhux ’il bogħod mill-Kremlin, kont tistaʼ tara krejnijiet maʼ kullimkien, u x-xogħol tal-bini kien konsiderevoli. Instabu teżori arkeoloġiċi f’inħawi fejn saru xi skavi, li kienu jinkludu, f’post wieħed, moħba taħt l-art li kien fiha iktar minn 95,000 munita Russa u Ewropea tal-Punent li jġibu d-data mis-seklu 15 sas-seklu 17.
Il-knejjes kienu qed jiġu rrestawrati u xi ftit reġgħu nbnew. Il-Katidral tal-Madonna taʼ Kazan, fil-Pjazza l-Ħamra, li kien ġie meqrud fl-1936 u li floku saret latrina pubblika, kien diġà lest. Il-Katidral ġgantesk taʼ Kristu s-Salvatur, mibni biex tiġi ċċelebrata r-rebħa fuq Napuljun, kien ġie meqrud b’isplużjoni fl-1931 matul il-kampanja Komunista kontra r-reliġjon. Matul iż-żjara tagħna kien kważi lest fil-post fejn kien qabel, li għal snin sħaħ kien il-lok taʼ swimming pool enormi fil-miftuħ u bl-ilma msaħħan.
Kien affaxxinanti li toqgħod iddur u tara x-xogħol tal-bini, speċjalment hekk kif immaġinajna d-dehra ġdida li se jkollha Moska sa l-aħħar tas-sena. Madankollu, dak li ġagħalna ninġibdu lejn Moska kien in-nies tagħha. “Il-viżitatur jibqaʼ mbellah bil-ħbiberija li kapaċi juru l-Moskoviti,” darba nnota wieħed korrispondent fuq Moska. Dan rajnieh b’għajnejna, speċjalment hekk kif konna niffollaw madwar mejda żgħira tal-kċina, waqt li nieħdu gost bl-imħabba mill-qalb u bl-ospitalità taʼ familja Russa.
B’ferħ, aħna wkoll sibna li ħafna Moskoviti tgħallmu t-tifsira vera taʼ Armageddon, battalja fejn il-Ħallieq tagħna se jnaddaf l-art kollha kemm hi. Dan se jġib żmien meta dawk kollha li verament iħobbuh jistgħu jgħixu flimkien, mhux bi preġudizzju u suspett, imma b’fehma u b’fiduċja, bħala wlied Alla, li jħobbu lil xulxin u jaqdu lil Alla f’unità. (Ġwann 13:34, 35; 1 Ġwann 2:17; Apokalissi 21:3, 4)—Ikkontribwit.
[Nota ta, taht]
a Commentary on the Holy Bible, taʼ Adam Clarke, Edizzjoni taʼ l-I Volum, paġna 1349.
[Stampa fʼpaġna 13]
Il-Katidral taʼ San Bażilju u l-ħitan tal-Kremlin, simboli taʼ Moska rrikonoxxuti maʼ kullimkien
[Stampa fʼpaġna 15]
Kullimkien, hemm tfakkiriet tat-850 anniversarju
[Stampa fʼpaġna 16]
GUM, l-istabbiliment famuż tan-negozju, bid-dehra l-ġdida tiegħu
[Stampa fʼpaġna 16, 17]
Ħafna stazzjonijiet taʼ l-underground jidhru qishom palazzi
[Sors]
Tass/Sovfoto
[Stampa fʼpaġna 16, 17]
Jirrestawraw l-Istejdjum Lenin
[Stampa fʼpaġna 17]
Pajsaġġ ġdid ’il barra mill-Kremlin
[Stampi f,paġna 18]
Kull fejn tħares kont tara krejnijiet, u x-xogħol tal-bini kien konsiderevoli