LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 10/08 pp. 22-25
  • It-Trobbija taʼ l-Adoloxxenti—L-Irwol taʼ l-Għerf

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • It-Trobbija taʼ l-Adoloxxenti—L-Irwol taʼ l-Għerf
  • Stenbaħ!—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Komunikazzjoni Tajba Hi Vitali
  • Kemm Libertà?
  • Nitgħallmu Minn Eżempju Bibliku
  • Ibatu l-​Konsegwenzi
  • “Persuna li Qed Tinbidel u Tiżviluppa”
  • Għin lill-Adolexxent Tiegħek Biex Jiffjorixxi
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Ġenituri—Ħarrġu lil Uliedkom bl-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Appendiċi—Il-Ġenituri Jistaqsu . . .
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
  • Komunikazzjoni maʼ l-Adoloxxenti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2008
g 10/08 pp. 22-25

It-​Trobbija taʼ l-​Adoloxxenti​—L-​Irwol taʼ l-​Għerf

“Aħna nagħmlu kulma nistgħu biex niggwidaw lit-​tifel u t-​tifla tagħna, imma donnu li dejjem inċanfruhom għal xi ħaġa. Xi drabi aħna nitħassbu dwar jekk aħniex nibnulhom jew inkissrulhom il-​fiduċja fihom infushom. Huwa taʼ sfida li ssib il-​bilanċ bejn li tiddixxiplina ftit jew iż-​żejjed.” —George u Lauren, l-​Awstralja.

M’HUWIEX faċli li trabbi adoloxxenti. Minbarra li jkollhom ikampaw maʼ l-​isfidi ġodda li jġibu wliedhom, il-​ġenituri għandhom mnejn ikunu mdejqin jew ansjużi dwar il-​fatt li wliedhom qegħdin jikbru. “Huwa taʼ dwejjaq il-​ħsieb li naf li xi darba t-​tfal tagħna se jkunu telqu mid-​dar,” jammetti missier jismu Frank fl-​Awstralja. “M’huwiex faċli taċċetta li m’għadekx iktar int li tikkontrollalhom ħajjithom.”

Lia, li ġiet kwotata qabel f’din is-​serje, taqbel maʼ dan. “Huwa diffiċli li nittratta lil ibni bħala adult żgħir, minħabba li għadni narah bħala t-​tifel iż-​żgħir tiegħi,” tgħid hi. “Qisu kien il-​bieraħ li rajtu sejjer għall-​ewwel jum tiegħu taʼ l-​iskola!”

Għalkemm diffiċli biex taċċettaha, l-​adoloxxenti m’għadhomx iktar tfal żgħar. Huma ‘adulti li qed jiġu mħarrġin’ u l-​ġenituri huma l-​għalliema tagħhom u dawk li jappoġġawhom. Madankollu, bħalma George u Lauren semmew hawn fuq, il-​ġenituri għandhom l-​abbiltà kemm li jibnu u kemm li jkissru l-​kunfidenza taʼ wliedhom fihom infushom. Il-​ġenituri kif jistgħu jsibu l-​bilanċ xieraq? Il-​Bibbja fiha pariri t’għajnuna. (Isaija 48:17, 18) Ejja nikkunsidraw xi eżempji.

Komunikazzjoni Tajba Hi Vitali

Il-​Bibbja tgħid lill-​Kristjani biex ikunu ‘ħfief biex jisimgħu’ u ‘tqal biex jitkellmu.’ (Ġakbu 1:19) Waqt li dan il-​parir hu tajjeb meta dak li jkun jittratta mat-​tfal taʼ kull età, li tismaʼ—jew tagħti widen—hu importanti partikolarment maʼ l-​adoloxxenti. U dan għandu mnejn jirrikjedi sforz kbir.

“Jien kelli nkabbar is-​sengħa tal-​komunikazzjoni tiegħi meta s-​subien tiegħi saru adoloxxenti,” jgħid Peter, missier fil-​Britannja. “Meta s-​subien kienu iżgħar, jien u marti konna ngħidulhom x’għandhom jagħmlu, u kienu jobdu. Imma issa li huma akbar, irridu nirraġunaw magħhom, niddiskutu sew il-​problemi, u nħalluhom jużaw l-​abbiltajiet tagħhom tal-​ħsieb biex isolvu xi kwistjonijiet. F’kelma waħda, aħna rridu nilħqu l-​qalb.”—2 Timotju 3:14.

Huwa vitali li nagħtu widen speċjalment meta jkun hemm nuqqas taʼ qbil. (Proverbji 17:27) Danielle, fil-​Britannja, sabet li dan kien minnu fil-​każ tagħha. Hi tirrakkonta: “Jien kelli problema maʼ waħda mill-​bniet tiegħi dwar il-​mod kif kienet tirrispondi meta kont nistaqsiha biex tagħmel xi ħaġa. Imma hi qaltli li jien dejjem kont ngħajjat magħha u nordnalha x’għandha tagħmel. Aħna solvejna dan in-​nuqqas taʼ qbil billi poġġejna bil-​qiegħda u tajna widen sew lil xulxin. Hi ddeskriviet il-​mod kif kont nitkellem magħha u spjegat kif dan kien iġegħelha tħossha, u jien spjegajtilha kif kont qed inħossni.”

Danielle rrealizzat li meta ‘kienet ħafifa biex tismaʼ’ ġiet megħjuna tagħraf ir-​raġuni vera għala bintha kienet tirrispondiha. “Issa nipprova nkun paċenzjuża maʼ binti,” tgħid hi, “u nipprova nkellimha biss meta ma nkunx irrabjata.” Hi żiedet, “Ir-​relazzjoni tagħna qed titjieb.”

Proverbji 18:13 jgħid: “Meta xi ħadd iwieġeb qabel ma jismaʼ l-​kwistjoni, dan ikun bluha min-​naħa tiegħu u umiljazzjoni.” Greg, missier fl-​Awstralja, sab li dan kien minnu. “Kultant iqum nuqqas taʼ qbil mat-​tfal tagħna meta jien u marti nkunu ħfief biex niddixxiplinawhom minflok l-​ewwel nisimgħuhom u nagħrfu kif iħossuhom uliedna,” jgħid hu. “Anki meta ma naqblu xejn maʼ l-​attitudnijiet tagħhom, sibna li hu verament importanti li nħalluhom jesprimu s-​sentimenti tagħhom qabel ma nikkoreġuhom jew nagħtuhom xi parir meħtieġ.”

Kemm Libertà?

Forsi l-​iktar kaġun komuni taʼ nuqqas taʼ qbil bejn il-​ġenituri u l-​adoloxxenti hu konness mal-​kwistjoni taʼ l-​indipendenza. Kemm għandna tingħata libertà lil adoloxxenti? “Kultant inħoss li binti mis-​sabaʼ tieħu l-​id,” jgħid wieħed missier.

Ovvjament, jekk tagħti liż-​żgħażagħ libertà bla limitu se taħsad riżultati ħżiena. Tabilħaqq, il-​Bibbja twissi li “tifel mitluq għal riħu jkun taʼ mistħija għal ommu.” (Proverbji 29:15) Żgħażagħ taʼ kull età għandhom bżonn gwida eżatta, u l-​ġenituri għandhom juru mħabba imma jkunu konsistenti meta jaraw li r-​regoli tal-​familja jkunu miżmumin. (Efesin 6:4) Fl-​istess ħin, iż-​żgħażagħ għandhom bżonn jingħataw ammont taʼ indipendenza ħalli jkunu mħejjijin aħjar biex jieħdu deċiżjonijiet għaqlin iktar tard fil-​ħajja.

Per eżempju, aħseb dwar kif tgħallimt timxi. Għall-​ewwel, bħala tarbija, kellhom iġorruk. Maż-​żmien, bdejt timxi għar-​rkopptejk, u mbagħad tgħallimt timxi sew. M’għandniex xi ngħidu, jistaʼ jkun perikoluż għal tifel żgħir li jibda jimxi waħdu. Għalhekk, il-​ġenituri tiegħek żammew għajnejhom fuqek u jistaʼ jkun ukoll li għamlu xi protezzjoni biex ma jħallukx tmur fejn hu perikoluż, bħat-​taraġ. Xorta waħda, huma ħallewk timxi waħdek ħalli maż-​żmien—wara ammont taʼ waqgħat li ma stajtx tevitahom—int stajt titgħallem timxi faċilment.

Huwa involut proċess simili biex tikseb l-​indipendenza. Għall-​ewwel, fil-​fatt il-​ġenituri jġorru lit-​tfal żgħar tagħhom. Dan jagħmluh billi jieħdu d-​deċiżjonijiet għalihom. Iktar tard, hekk kif uliedhom juru ċerta maturità, il-​ġenituri jħalluhom jimxu għar-​rkopptejhom, biex ngħidu hekk. Huma jħalluhom jagħmlu ċerti għażliet għalihom infushom. Sadanittant, iżommu l-​protezzjoni, u din tipproteġi liż-​żgħażagħ mill-​ħsara. Hekk kif uliedhom jimmaturaw, il-​ġenituri jippermettulhom “jimxu” waħedhom. Imbagħad, meta jsiru adulti, ikunu jistgħu ‘jġorru t-​tagħbija tagħhom’ għalkollox.—Galatin 6:5.

Nitgħallmu Minn Eżempju Bibliku

Jidher ċar li meta Ġesù kellu tnax-il sena ngħata ċerta indipendenza mill-​ġenituri tiegħu, iżda hu m’abbużax mill-​fiduċja li wrew fih. Minflok, hu “baqaʼ sottomess” lejn il-​ġenituri tiegħu hekk kif “baqaʼ javanza fl-​għerf u fl-​iżvilupp fiżiku u approvat minn Alla u mill-​bnedmin.”—Luqa 2:51, 52.

Bħala ġenitur int tistaʼ titgħallem minn dan l-​eżempju u tagħti liż-​żgħażagħ tiegħek iktar libertà hekk kif juru li huma kapaċi jużawha sew. Innota x’jgħidu xi ġenituri dwar l-​esperjenzi tagħhom f’dan ir-​rigward.

“Kont nindaħal wisq fl-​attivitajiet taʼ wliedi. Iktar tard għallimthom u ħallejthom jieħdu deċiżjonijiet skond dak li kienu tgħallmu. Wara dan innotajt li bdew jikkunsidraw id-​deċiżjonijiet tagħhom iktar bir-​reqqa.”—Soo Hyun, il-​Korea.

“Jien u żewġi dejjem nibżgħu xi ftit, imma ma ħallejniex dan iżomm lil uliedna milli jeżerċitaw b’mod responsabbli l-​libertà li jkunu ħadmu għaliha.”—Daria, il-​Brażil.

“Sibt li hu importanti li nfaħħar lit-​tifel adoloxxenti tiegħi għall-​mod tajjeb kif juża l-​indipendenza li nagħtih. Jien ukoll ngħix mar-​regoli li nagħmel lilu. Per eżempju, ngħidlu fejn jien sejra u x’qed nagħmel. Jekk inkun se ndum, navżah.”—Anna, l-​Italja.

“F’darna, aħna nenfasizzaw li l-​indipendenza m’hijiex xi ħaġa li wliedna huma intitolati għaliha imma hija xi ħaġa li jridu juru li tistħoqqilhom.”—Peter, il-​Britannja.

Ibatu l-​Konsegwenzi

Il-​Bibbja tgħid: “Tajjeb għal raġel b’saħħtu li jġorr il-​madmad f’żgħożitu.” (Lamentazzjonijiet 3:27) Wieħed mill-​aqwa modi kif żagħżugħ jistaʼ jġorr it-​tagħbija tar-​responsabbiltà hu li jitgħallem mill-​esperjenza l-​verità taʼ l-​istqarrija: “Dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad.”—Galatin 6:7.

X’aktarx li b’intenzjonijiet tajbin, xi ġenituri jipproteġu lil uliedhom mill-​konsegwenzi t’azzjonijiet mhux għaqlin. Per eżempju, immaġina li tifel jidħol fid-​dejn minħabba li jonfoq il-​flus bl-​addoċċ. X’lezzjoni se jieħu jekk missieru u ommu sempliċement iħallsulu d-​dejn? Mill-​banda l-​oħra, x’lezzjoni se jieħu t-​tifel jekk il-​ġenituri tiegħu jgħinuh jippjana kif jistaʼ jħallas id-​dejn hu stess?

Il-ġenituri ma jkunux qed jgħinu lil uliedhom meta jonqsu li jħalluhom jitgħallmu mill-​konsegwenzi taʼ meta jaġixxu b’mod irresponsabbli. Minflok ma jippreparahom għal meta jsiru adulti, dan se jgħallimhom biss li dejjem se jkun hemm xi ħadd li jagħmlilhom tajjeb, jirranġa, u jgħatti l-​iżbalji tagħhom. Ikun ħafna aħjar li tagħti lill-​adoloxxenti l-​opportunità li jaħsdu dak li jiżirgħu u jitgħallmu jsolvu l-​problemi tagħhom. Dan hu aspett importanti kif ikollhom “is-​sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.”—Ebrej 5:14.

“Persuna li Qed Tinbidel u Tiżviluppa”

Żgur li l-​ġenituri taʼ l-​adoloxxenti jiffaċċjaw biċċa xogħol iebsa. Kultant, huma x’aktarx li se jibku minħabba l-​frustrazzjoni hekk kif jistinkaw biex irabbu lil uliedhom “fid-​dixxiplina u l-​gwida mentali taʼ Ġeħova.”—Efesin 6:4.

Fl-aħħar mill-​aħħar, ġenitur effettiv hu wieħed li jaf jgħallem u jnaqqax valuri xierqa u mhux wieħed li jaf jikkontrolla. (Dewteronomju 6:6-9) Taħseb li dan huwa iktar faċli biex tgħidu milli tagħmlu? Dażgur. “Aħna qed nittrattaw maʼ persuna li qed tinbidel u tiżviluppa,” jgħid Greg, li ġie msemmi qabel. “Dan ifisser li rridu kontinwament insiru nafu lil dik il-​persuna l-​ġdida u nadattaw għaliha.”

Stinka biex tapplika l-​prinċipji tal-​Bibbja diskussi f’dan l-​artiklu. Kun raġunevoli f’dak li tistenna minn uliedek. Imma qatt tabbanduna postok bħala l-​eżempju primarju f’ħajjithom. Il-​Bibbja tgħid: “Ħarreġ tifel skond it-​triq xierqa għalih; lanqas meta jixjieħ ma jwarrab minnha.”—Proverbji 22:6.

[Kumment f’paġna 23]

Il-​fatt li wieħed jikseb l-​indipendenza huwa bħal li jitgħallem jimxi—proċess li jsir bil-​mod il-​mod

[Kumment f’paġna 24]

Meta Ġesù kellu tnax-il sena ngħata ċerta indipendenza

[Kaxxa f’paġna 23]

“Turi li Int Għadek fl-​Awtorità”

Il-​fatt li l-​adoloxxenti tiegħek forsi jiddejjaq minħabba r-​restrizzjonijiet tiegħek ma jfissirx li għandek iċċedi l-​awtorità tiegħek. Ftakar li l-​adoloxxenti m’għandhomx esperjenza fil-​ħajja u għad għandhom bżonn min jiggwidahom.—Proverbji 22:15.

Fil-​ktieb tiegħu New Parent Power! John Rosemond jikteb: “Huwa faċli għall-​ġenituri li jibżgħu mit-​taqlib emozzjonali taʼ wliedhom u jibdew jagħtuhom iktar responsabbiltà milli jifilħu għaliha sabiex jevitaw il-​ġlied. Imma l-​ġenituri għandhom jagħmlu eżatt l-​oppost. Dan hu l-​waqt li turi li int għadek fl-​awtorità minflok ma tħalli lil uliedek jinjorawha. Għalkemm żgur li se jirrifjutaw il-​ħsieb, huwa l-​waqt ukoll li t-​tfal ikunu jafu li l-​ġenituri tagħhom huma lesti biex jiggwidawhom fit-​triq it-​tajba.”

[Kaxxa f’paġna 25]

Tagħtihom Iktar Libertà

Spiss l-​adoloxxenti jridu iktar libertà milli suppost ikollhom. Fl-​istess ħin, xi ġenituri għandhom it-​tendenza li jagħtuhom inqas libertà milli jistgħu. Xi mkien bejn iż-​żewġ estremi hemm il-​bilanċ. Kif tistaʼ ssibu? Biex tibda, tistaʼ tikkunsidra l-​lista t’hawn taħt. Uliedek f’liema aspetti qed juru mġiba responsabbli?

□ L-​għażla tal-​ħbieb

□ L-​għażla taʼ l-​ilbies

□ It-​tqassim tal-​flus

□ Iż-​żamma tal-​ħin fil-​għaxijiet

□ It-​tlestija taʼ xogħolhom

□ It-​tlestija tax-​xogħol taʼ l-​iskola

□ L-​apoloġiji għall-​iżbalji

□ Affarijiet oħrajn ․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․․

Jekk l-​adoloxxenti tiegħek diġà qed juri maturità f’xi aspetti msemmijin hawn fuq, għala ma taħsibx f’xi modi kif tistaʼ żżid il-​fiduċja tiegħek fih?

[Stampa f’paġna 23]

Ħallihom jesprimu s-​sentimenti tagħhom qabel ma tikkoreġihom jew tagħtihom xi parir meħtieġ

[Stampa f’paġna 24, 25]

Il-​ġenituri għandhom bżonn jgħallmu lil uliedhom ikunu responsabbli

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja