“Grazzi għall-Imħabba Kbira Tagħkom għan-Nies”
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIR-RUSSJA
◼ Fil-belt taʼ Chita fil-Lvant tas-Siberja, il-membri tal-kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova użaw klassi fi skola għal-laqgħat Kristjani sakemm tlestiet is-Sala tas-Saltna l-ġdida tagħhom. Peress li x-Xhieda żammew il-klassi nadifa, għamlu xi tiswijiet, u kienu qalbhom tajba u edukati, id-diretturi taʼ l-iskola kitbu ittra taʼ ringrazzjament lill-kongregazzjoni.
Parti mill-ittra kienet tgħid: “Grazzi għall-imħabba kbira tagħkom għan-nies, li kulmin jiltaqaʼ magħkom jaraha, u għall-attivitajiet missjunarji u umanitarji tagħkom fost il-popolazzjoni ġenerali. Qatt m’aħna se ninsew dak kollu li tgħallimna minnkom matul is-snin li ħdimna flimkien, għaliex urejtuna li dawk li jemmnu f’Alla huma nies deċenti, ħabrieka, qalbhom tajba u, fuq kollox, nies li juru fidi u għandhom skop fil-ħajja.” Ix-Xhieda taʼ Ġeħova japprezzaw dawn il-kummenti.
◼ Xi 5,500 kilometru fil-punent taʼ Chita, rappreżentant tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova tar-Russja ġie mistieden għal ċerimonja speċjali organizzata mill-amministrazzjoni tad-distrett taʼ San Pietruburgu. X’kienet ir-raġuni? Kull sena wara li tinħall il-borra, ix-Xhieda lokali jgħinu biex jitnaddaf l-iskart li jakkumula fi triq twila xi 60 kilometru viċin il-fergħa. Bħala turija t’apprezzament għax-xogħol fi ħdan il-komunità, uffiċjal ippreżenta b’mod formali ċertifikat taʼ mertu lir-rappreżentant tal-fergħa. L-udjenza ċapċpet b’entużjażmu. Huwa taʼ interess li meta wieħed mill-organizzaturi tkellem fiċ-ċerimonja u ppronunzja ħażin l-isem divin, Ġeħova, diversi wħud fl-attendenza li ma kinux Xhieda mill-ewwel ikkoreġewh, u dan wera li kienu familjari kemm maʼ l-isem t’Alla kif ukoll man-nies li huma magħrufin b’dan l-isem.
Il-ministeru pubbliku tax-Xhieda taʼ Ġeħova, li jgħoddu madwar 150,000 fir-Russja, hu r-raġuni prinċipali għala kienu familjari maʼ dan l-isem. Hija l-mira tagħhom li jibqgħu juru “mħabba kbira għan-nies” billi jaqsmu l-messaġġ taʼ faraġ mill-Bibbja maʼ dawk kollha li lesti jisimgħu.—Mattew 22:39.
[Stampa f’paġna 29]
Il-fergħa tar-Russja rċiviet ċertifikat taʼ mertu