LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 4/09 pp. 21-23
  • Dawk tas-Saħara li Jfittxu l-Melħ

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Dawk tas-Saħara li Jfittxu l-Melħ
  • Stenbaħ!—2009
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għoljiet Magħmulin mill-​Bniedem u Vaski b’Kuluri Ċari
  • Proċess Mhux tas-​Soltu Biex Jinħareġ il-​Melħ
  • Melħ Bħala Flus
  • Il-Melħ Prodott Prezzjuż
    Stenbaħ!—2002
  • Melħ mill-Baħar bl-Għajnuna tax-Xemx u r-Riħ
    Stenbaħ!—2003
  • Ballun tal-Melħ
    Stenbaħ!—2005
Stenbaħ!—2009
g 4/09 pp. 21-23

Dawk tas-​Saħara li Jfittxu l-​Melħ

HEKK kif insuqu l-​vettura tagħna li tingrana fuq erbaʼ roti naraw xi arbli maġenb it-​triq. Dawn l-​arbli jimmarkaw it-​triq meta l-​maltempati tar-​ramel ma jħalluhiex tibqaʼ tidher ċara. Tabilħaqq, dawn il-​maltempati huma komuni fid-​Deżert tas-​Saħara.

It-triq li għaddejjin niġru minnha ssegwi rotta tal-​qedem li minnha kienu jgħaddu l-​iġmla u li torbot il-​belt t’Agadez, fit-​tramuntana tan-​Niger, mal-​fruntiera taʼ l-​Alġerija u maʼ postijiet iktar imbegħdin. Id-​destinazzjoni tagħna hi r-​raħal ċkejken taʼ Teguidda-n-Tessoumt—post imbiegħed 200 kilometru fil-​majjistral t’Agadez. Hemmhekk, xi 50 familja jsegwu metodi biex joħorġu l-​melħ prezzjuż mit-​tafal tas-​Saħara li ilhom jintużaw minn żmien żemżem.

Għoljiet Magħmulin mill-​Bniedem u Vaski b’Kuluri Ċari

Quddiemna naraw għoljiet żgħar fil-​pjanura tad-​deżert li jimmarkaw id-​destinazzjoni tagħna. Il-​gwida tagħna jipparkja l-​vettura tagħna ħdejn għolja taʼ xi 10 metri u jistidinna biex noħorġu u nitilgħu fil-​quċċata ħalli naraw il-​veduta tar-​raħal. Hekk kif nitilgħu bil-​mod maʼ l-​għolja, hu jispjega li din l-​għolja u l-​oħrajn bħalha għamilhom il-​bniedem mill-​fdal taʼ ħafna snin taʼ ġbir tal-​melħ fl-​inħawi.

Mill-quċċata, il-​veduta ssaħħrek. Kważi kollox fil-​villaġġ taħtna għandu l-​kulur tat-​tafal moħmi—l-​art, il-​ħitan, is-​soqfa. L-​uniku kulur ieħor hu l-​aħdar tal-​weraq taż-​żewġ siġriet li jidhru qishom gwardji, peress li qegħdin waħda f’kull tarf tar-​raħal. Fil-​fatt, iċ-​ċnut u d-​djar huma magħmulin mit-​tafal. Il-​bini taʼ kulur wieħed jagħmel kuntrast maʼ l-​ilwien ċari taʼ mijiet taʼ vaski tal-​melħ li hemm fil-​qrib. Il-​post hu mimli attività—l-​irġiel, in-​nisa, u t-​tfal ilkoll jinsabu beżlin f’xogħolhom.

Proċess Mhux tas-​Soltu Biex Jinħareġ il-​Melħ

Hekk kif ninżlu mill-​għolja fejn qed naraw il-​veduta, il-​gwida tagħna jispjega l-​proċess tal-​qedem kif jinħareġ il-​melħ li għadhom jużaw in-​nies tar-​raħal. “Fil-​fatt hemm biss żewġ tipi taʼ vaski,” jgħid hu. “Il-​vaski l-​kbar, li għandhom dijametru taʼ xi żewġ metri, jintużaw biex jitferraʼ l-​ilma bil-​melħ fihom. Iż-​żgħar huma vaski taʼ l-​evaporazzjoni. L-​ilma mill-​20 nixxiegħa taʼ l-​inħawi huwa kemxejn mielaħ minnu nnifsu. Però, is-​sors primarju tal-​melħ fil-​fatt huwa l-​art, u mhux l-​ilma, u dan hu għala dan il-​post fejn isir il-​melħ hu differenti.” Eżattament, kif jinħareġ il-​melħ mill-​art?

Naraw raġel jitfaʼ t-​trab f’vaska kbira mimlija ilma min-​nixxiegħa. Hu jgħaffeġ it-​taħlita b’saqajh, bħallikieku qed jagħsar l-​għeneb għall-​inbid. Meta jkun sodisfatt b’xogħlu, hu jħalli t-​taħlita mielħa toqgħod għal diversi sigħat. Madwaru hemm vaski kbar mimlijin bl-​istess taħlita kollha tajn. Il-​kontenut taʼ kull vaska jagħti f’lewn kannella differenti għaliex il-​vaski jibdlu l-​kulur meta t-​tajn joqgħod.

Fil-qrib, raġel ieħor jaqbad l-​ilma mielaħ minn vaska billi juża kalabaxx—għodda magħmula mill-​qoxra tal-​qargħa—u jitfaʼ t-​taħlita f’vaski iżgħar. Ġeneralment, l-​irġiel jagħmlu dan il-​proċess. L-​irġiel huma responsabbli wkoll biex jieħdu ħsieb il-​vaski. Xi wħud minn dawn il-​vaski huma ħofor naturali fl-​art, imma oħrajn ġew imħaffrin fil-​blat. Fejn ma jistgħux iħaffru, l-​irġiel jiġimgħu t-​tafal f’forma taʼ ċirku fuq il-​blat. Huma jifformaw iċ-​ċirku tat-​tafal b’idejhom u mbagħad iħabbtu fuq id-​dawra b’lasta sakemm jibbies. Dawn il-​vaski jridu jissewwew jew jerġgħu jinbnew kull sena.

X’sehem għandhom in-​nisa? Huma jġorru t-​toqol, billi jkunu ċerti li dejjem ikun hemm provvista tajba taʼ trab mielaħ ħalli jiġi proċessat. Huma jneħħu wkoll il-​kristalli tal-​melħ fejn tkun qed issir l-​evaporazzjoni. Imbagħad, inaddfu sew il-​vaski ħalli jkunu lesti għall-​ġabra li jmiss.

Sadanittant, it-​tfal jiġġerrew ’l hemm ’l hawn qalb il-​vaski ż-​żgħar. Xogħolhom hu li joqogħdu attenti għall-​proċess tat-​tnixxif. Hekk kif l-​ilma jevapora mill-​vaski, jifformaw il-​kristalli fil-​wiċċ. Jekk din il-​qoxra mielħa ma tiġix iċċekkjata, timblokka l-​evaporazzjoni. Allura, it-​tfal iroxxu l-​ilma fil-​wiċċ biex ineħħu l-​qoxra u jġiegħlu l-​kristalli jegħrqu lejn il-​qiegħ tal-​vaska. L-​evaporazzjoni tkompli sakemm fl-​aħħar jibqaʼ biss il-​melħ prezzjuż.

Il-vaski għala għandhom varjetà daqshekk kbira taʼ kuluri sbieħ? Il-​gwida tagħna jispjega: “Bażikament hemm tliet tipi taʼ tafal, jew tajn, li jinsabu f’dawn l-​inħawi, u kull tip iżid il-​lewn tiegħu fl-​ilma. Iktar minn hekk, il-​lewn ivarja skond kemm tkun mielħa t-​taħlita. Ukoll, f’xi vaski tikber l-​alka u tagħti l-​kulur lill-​ilma.” Aħna ninnotaw ukoll li l-​vaski jibdlu l-​kulur hekk kif ir-​raġġi jaħarqu tax-​xemx jibdlu l-​angolu taʼ riflessjoni tagħhom.

Melħ Bħala Flus

Lura fir-​raħal, in-​nisa jifformaw il-​melħ niedi u nej f’ħobżiet jew bziezen u mbagħad inixxfuhom fix-​xemx tikwi. Huma ma jirfinawx il-​melħ, allura l-​ħobżiet jibqgħu jagħtu fil-​kannella. Aħna ninnotaw li n-​nisa jifformaw il-​ħobżiet fi tliet forom—ovali, tondi, u trijangulari. Waħda min-​nisa tispjega li l-​ħobżiet ovali u tondi jinbiegħu, waqt li dawk trijangulari jinżammu biex jingħataw bħala rigali.

Min jixtri l-​melħ? In-​nomadi u l-​merkanti tal-​melħ. Huma jivvjaġġaw minn Teguidda-n-Tessoumt, u jinnegozjaw ikel u provvisti oħrajn mal-​melħ. Ħafna mill-​melħ jinbiegħ fis-​swieq taʼ bliet akbar li jinsabu mal-​fruntiera tad-​deżert. Il-​melħ nej minn dan ir-​raħal x’aktarx li mhux se jintuża mill-​bnedmin. Minflok, se jkun suppliment fid-​dieta taʼ l-​annimali domestiċi.

Aħna u sejrin lura lejn il-​vettura tagħna, naraw raġel qed jaqlaʼ t-​tafal li baqaʼ minn vaska li qed tiġi żvojtata. Hu jġorr dak li jiġbor lejn il-​post fejn qed isir ir-​rimi u jżid il-​kontribut żgħir tiegħu maʼ l-​għoljiet magħmulin mill-​bniedem. Hekk kif insuqu ’l hemm, aħna nirriflettu dwar kif dawn l-​għoljiet jixhdu għall-​ġenerazzjonijiet taʼ wħud li jfittxu l-​melħ li għexu, ħadmu, u mietu f’Teguidda-n-Tessoumt.—Kontribwit.

[Kumment f’paġna 22]

“Is-​sors primarju tal-​melħ fil-​fatt huwa l-​art, u mhux l-​ilma, u dan hu għala dan il-​post fejn isir il-​melħ hu differenti”

[Mappa f’paġna 21]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara l-​pubblikazzjoni)

SAĦARA

NIGER

Agadez

Teguidda-n-Tessoumt

[Sors]

Based on NASA/Visible Earth imagery

[Stampa f’paġna 23]

Joħorġu l-​melħ prezzjuż mit-​tafal tas-​Saħara

[Sors]

© Victor Englebert

[Stampa f’paġna 23]

Il-​vaski taʼ l-​evaporazzjoni jkollhom ħafna lwien

[Sors]

© Ioseba Egibar/age fotostock

[Stampa f’paġna 23]

Il-​ħobżiet tal-​melħ jinxfu fix-​xemx tikwi

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja