Oqgħod Attent mill-Avvelenament taċ-Ċomb!
Fi snin reċenti, xi gvernijiet ħarġu avviżi urġenti biex jinġabru lura prodotti tal-konsumatur bħalma huma l-ġugarelli u l-ġojjelli. Għala? Għax instabu livelli għoljin taʼ ċomb f’xi affarijiet minn dawn, u t-tfal żgħar għandhom it-tendenza li jdaħħluhom f’ħalqhom. L-avvelenament taċ-ċomb jistaʼ jkun perikoluż speċjalment għat-tfal taħt is-sitt snin, ladarba s-sistema ċentrali nervuża tagħhom tkun għadha qed tiżviluppa.
SKONT studju li sar mill-Iskola tas-Saħħa Pubblika Johns Hopkins Bloomberg, iċ-ċomb iwaqqaf proteina li hi importanti għall-iżvilupp tal-moħħ u s-sens tal-fehma. Xi studji juru li t-tfal jassorbu sa 50 fil-mija miċ-ċomb li jibilgħu, waqt li l-adulti normalment jassorbu minn 10 sa 15 fil-mija biss.
Riċerka reċenti wriet li saħansitra livelli iktar baxxi taʼ ċomb minn dawk stabbiliti mill-gvernijiet jistgħu jagħmlu l-ħsara. Il-problemi fit-tfal, skont il-Kunsill Nazzjonali tas-Sigurtà fl-Istati Uniti, jistgħu jinkludu “diffikultà biex jitgħallmu u biex joqogħdu attenti, problema fl-imġiba u fl-iżvilupp, smigħ difettuż, u ħsara fil-kliewi.” Nisa li jistgħu joħorġu tqal għandhom jieħdu iktar prekawzjonijiet biex jevitaw il-kuntatt maċ-ċomb minħabba li jistaʼ jagħmel ħsara lit-tarbija fil-ġuf.a
Iċ-ċomb jistaʼ jikkontamina wkoll l-ikel u x-xorb li jkun ġie preparat f’reċipjenti li jkun fihom verniċ taċ-ċomb biex jagħmilhom ileqqu, u dan jużawh bħala drawwa f’xi partijiet mill-Asja u l-Amerika Latina. Kultant, ilma għax-xorb jinżamm f’reċipjenti tal-fuħħar biex jibqaʼ kiesaħ, u xarbiet sħan jiġu servuti f’maggijiet li jkollhom dan il-verniċ. Studju fuq tfal taħt il-ħames snin fil-belt tal-Messiku wera li kważi nofs it-tfal li għandhom iktar minn sena u nofs kellhom livelli għoljin taʼ ċomb fid-demm tagħhom. Intqal li l-ikel preparat f’reċipjenti bħal dawn kien il-kawża. Iċ-ċomb jagħmel lill-affarijiet tal-fuħħar jidhru lixxi u qishom tal-ħġieġ, imma dan jistaʼ jerħi, speċjalment mid-dixxijiet li jiġu msaħħnin jew li fihom jinżamm ċertu frott jew ħaxix.
Sorsi Oħrajn tal-Avvelenament taċ-Ċomb
Għalkemm fi snin reċenti l-biċċa l-kbira mill-pajjiżi żviluppati neħħew iċ-ċomb mill-petrol tagħhom, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tgħid li hemm kważi 100 pajjiż fid-dinja li għadhom jużaw il-petrol biċ-ċomb. Iċ-ċomb ma jitfarrakx jew jinħaraq. B’hekk, il-frak irqiq li joħroġ minn vetturi jikkontamina l-ħamrija matul it-toroq ewlenin. Dak li jkun jiblaʼ t-trab taċ-ċomb man-nifs jew idaħħlu d-dar maż-żarbun.
Sors ewlieni ieħor taʼ kontaminazzjoni taċ-ċomb hu ż-żebgħa li fiha ċ-ċomb u li kienet tintuża fid-djar qabel ma saru l-liġijiet biex jirregolawha. Fl-Istati Uniti biss, madwar 38 miljun dar—40 fil-mija mid-djar kollha—fihom żebgħa li fiha ċ-ċomb. Żebgħa li qed titqaxxar jew it-trab taċ-ċomb li jiġi minn rinnovazzjonijiet jistaʼ b’mod partikulari jkun taʼ periklu.
Ħafna bini u djar qodma għandhom katusi taċ-ċomb jew katusi tar-ram issaldjati biċ-ċomb għall-ilma. Il-Klinika Mayo, ċentru mediku distint fl-Istati Uniti, tirrikkmanda li dak li jkun għandu jħalli l-ilma kiesaħ minn katusi bħal dawn għaddej għal 30 sa 60 sekonda qabel ma jixorbu. Ilma sħun minn dawn il-katusi m’għandux jintuża għax-xorb jew għat-tisjir—speċjalment biex jiġi preparat l-ikel għat-trabi.
Il-livelli taċ-ċomb fid-demm jonqsu sew meta jitneħħa s-sors li jkun fih iċ-ċomb. Persuni li huma konċernati dwar iċ-ċomb fid-demm tagħhom għandhom mnejn ikunu jixtiequ jagħmlu test tad-demm. Dak li jkun għandu jfittex kura tas-saħħa jekk jinstabu livelli li jagħmlu l-ħsara.
Il-Bżonn li l-Pubbliku Jsir Konxju
L-avvelenament taċ-ċomb jistaʼ jiġi minn akkumulazzjoni taʼ ċomb fil-ġisem fuq perijodu taʼ żmien. Imma jekk xi ħadd jiblaʼ ammont suffiċjenti f’daqqa jistaʼ jmut. Iċ-Ċentri għall-Kontroll tal-Mard fl-Istati Uniti jirrapportaw li fl-2006, tifel taʼ erbaʼ snin miet minħabba li belaʼ biċċa ġojjell tal-metall li kien fiha livelli għoljin taċ-ċomb.
Biex tenfasizza l-bżonn li l-pubbliku jsir konxju, enċiklopedija medika tgħid li, fil-preżent, ħamsa fil-mija mit-tfal li għadhom ma jmorrux l-iskola fl-Istati Uniti għandhom livelli għoljin taċ-ċomb fid-demm tagħhom. Jekk dan hu minnu f’pajjiż fejn l-użu taċ-ċomb hu regolat, x’jistaʼ jingħad għal pajjiżi fejn regolamenti bħal dawn ma jeżistux? Tabilħaqq, kulħadd għandu joqgħod attent!
[Nota taʼ taħt]
a L-adulti wkoll jistgħu jiġu vvelenati miċ-ċomb, u dan iwassal għal diżordni fin-nervituri, uġigħ fil-muskoli u fil-ġogi, jew problemi bil-memorja u l-konċentrazzjoni.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 13]
XI SINTOMI TAL-AVVELENAMENT TAĊ-ĊOMB FIT-TFAL
Uġigħ fiż-żaqq, aggressività, anemija, problemi fl-attenzjoni, kostipazzjoni, għeja kbira, uġigħ taʼ ras, irritabilità, nuqqas taʼ abbiltajiet fl-iżvilupp, nuqqas taʼ aptit u enerġija, żvilupp iktar bil-mod.—MEDLINE PLUS MEDICAL ENCYCLOPEDIA.