LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 10/10 pp. 12-14
  • Għala Għandi Nieħu Ħsieb Saħħti?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Għandi Nieħu Ħsieb Saħħti?
  • Stenbaħ!—2010
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ikel Bnin—Dehra Aħjar!
  • Żid l-​Eżerċizzju Ħalli Tħossok Aħjar!
  • Wara Raqda Tajba Tagħmel Xogħol Aħjar!
  • Għala Għandi Nieħu Ħsieb Saħħti?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
  • Kif Nistaʼ Norqod Iktar?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Niffissa Jien fuq id-Dehra Tiegħi?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • It-3 Suġġeriment—Żomm Ruħek Attiv
    Stenbaħ!—2011
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2010
g 10/10 pp. 12-14

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu

Għala Għandi Nieħu Ħsieb Saħħti?

Agħmel ✔ maġenb kull mira li tixtieq tilħaq.

◯ Innaqqas il-​piż

◯ Intejjeb id-​dehra tal-​ġilda tiegħi

◯ Ikolli iżjed enerġija

◯ Inkun iktar attent/a

◯ Innaqqas l-​ansjetà

◯ Nikkontrolla t-​tempra

◯ Inħossni iktar kunfidenti

FIL-​ĦAJJA hemm xi affarijiet li int bħala persuna żagħżugħa m’għandekx għażla fihom. Biex insemmu biss ftit, dawn jistgħu jkunu l-​ġenituri tiegħek, ħutek, u fejn toqgħod. Madankollu, saħħtek hija xi ħaġa differenti. Jekk intix f’kundizzjoni tajba taʼ saħħa jew le jistaʼ jiddependi kemm minn fatturi ereditarji kif ukoll mill-​istil taʼ ħajja li tagħżel li tgħix.a

Forsi għandek mnejn tgħid, ‘Imma jien għadni żgħir wisq biex ninkwieta dwar saħħti!’ Hekk taħseb? Agħti daqqa t’għajn lejn il-​lista taʼ miri hawn fuq. Kemm-​il waħda immarkajt? Trid u ma tridx, ikollok tammetti li saħħa tajba hija importanti ħafna biex tilħaq kull waħda minn dawn il-​miri.

M’għandniex xi ngħidu, forsi anki int tħossok bħal Amber,b li għandha 17-​il sena. Hi tgħid, “Ma jistax ikun li dejjem inżomm maʼ dieta taʼ ikel magħmul minn qamħ sħiħ (whole wheat), u b’kontenut baxx taʼ xaħmijiet u zokkor!” Jekk tħossok hekk, tinkwetax—m’għandekx għalfejn tiffissa fuq l-​eżerċizzju u l-​figura, taqtaʼ l-​ħelu għalkollox, jew tiġri distanzi twal ħafna kull ġimgħa. Fir-​realtà, kulma jeħtieġ hu ftit bidliet sempliċi biex tibda tidher aħjar, tħossok tajjeb, u ġismek jaħdem bl-​aqwa mod. Ejja naraw kif xi wħud tamparek għamlu dan.

Ikel Bnin—Dehra Aħjar!

Il-​Bibbja tagħti l-​parir biex inkunu moderati fid-​drawwiet tagħna. Proverbji 23:20 jgħid: “[Tkunux] wikkiela żaqqeqin.” (Karm Żammit) Dan il-​parir mhuwiex dejjem faċli li nsegwuh.

● “Bħal ħafna adoloxxenti, jien dejjem bil-​ġuħ. Ommi u missieri jgħiduli li l-​istonku tiegħi qisu bir bla qiegħ!”—Andrew, 15-​il sena.

● “Peress li ma nistax nara l-​ħsara li qed jagħmilli ċertu ikel, ma nħossx li hu daqshekk ħażin.”—Danielle, 19-​il sena.

Taħseb li għandek bżonn iktar kontroll fuqek innifsek biex iżżomm dieta tajba? Ara x’sabu tajjeb għalihom xi wħud tamparek.

Kul kemm suppost. “Kont noqgħod ngħodd il-​kaloriji, iżda issa sempliċement nieqaf niekol meta nħoss li nkun xbajt,” tgħid Julia, li għandha 19-​il sena.

Evita ikel mhux sustanzjuż. “Peress li qtajt il-​luminati nqast 5 kilogrammi f’xahar wieħed biss!” jgħid Peter, li għandu 21 sena.

Biddel id-​drawwiet ħżiena tal-​ikel. “Niekol biss l-​ikel li jkolli fil-​platt u nipprova ma nerġax nieħu,” tgħid Erin, li għandha 19-​il sena.

Is-​Sigriet għas-​Suċċess: Kul l-​ikliet kollha li suppost tiekol! Jekk ma tagħmilx hekk, tħossok mejjet bil-​ġuħ u jkollok it-​tendenza li tiffanga.

Żid l-​Eżerċizzju Ħalli Tħossok Aħjar!

Il-​Bibbja tgħid: “It-​taħriġ tal-​ġisem hu taʼ benefiċċju.” (1 Timotju 4:8) Madankollu, ħafna żgħażagħ donnhom bla ħeġġa biex jagħmlu l-​eżerċizzju.

● “Għalkemm kienet waħda mill-​eħfef lezzjonijiet, lanqas temmen kemm tfal kienu jiskartaw il-​lezzjoni tal-​edukazzjoni fiżika meta kont immur l-​iskola sekondarja!”—Richard, 21 sena.

● “Xi wħud jaħsbu, ‘Għala għandi noqgħod niġri barra fix-​xemx tisreġ sakemm nispiċċa għajjien u għarqan xraba, meta nistaʼ noqgħod nilgħab xi logħba fuq il-​kompjuter u nagħmilha taʼ xi ħadd li qed jagħmel din l-​attività?’”—Ruth, 22 sena.

Il-​ħsieb biss li tagħmel l-​eżerċizzju jgħejjik? Jekk iva, dawn huma tliet benefiċċji li jiġu meta jkollok rutina tajba taʼ eżerċizzju.

Benefiċċju #1. L-​eżerċizzju jsaħħaħlek is-​sistema tal-​immunità. “Missieri dejjem kien jgħid, ‘Jekk ma tistax issib ħin għall-​eżerċizzju, jaqbillek issib ħin biex timrad,’” tgħid Rachel, li għandha 19-​il sena.

Benefiċċju #2. L-​eżerċizzju jipproduċi kimiki fil-​moħħ li jikkalmawk. “Il-​ġiri hu mod tajjeb kif inneħħi l-​istress meta jkolli ħafna ħsibijiet fuq moħħi,” tgħid Emily, li għandha 16-​il sena. “Fiżikament inħossni rifreskata u emozzjonalment inħossni li nkun neħħejt toqol kbir.”

Benefiċċju #3. L-​eżerċizzju jistaʼ jagħmillek ħajtek iktar pjaċevoli. “L-​għaxqa tiegħi hi li nkun barra għall-​arja,” tgħid Ruth, li għandha 22 sena, “għalhekk, l-​eżerċizzju tiegħi jinkludi xi mixja fil-​kampanja, l-​għum, is-​snowboarding, u r-​rota.”

Is-​Sigriet għas-​Suċċess: Iddedika minn tal-​inqas 20 minuta tliet darbiet f’ġimgħa għal attività fiżika li biha taħli ħafna enerġija u li tieħu pjaċir tagħmel.

Wara Raqda Tajba Tagħmel Xogħol Aħjar!

Il-​Bibbja tgħid: “Aħjar id mimlija bil-​mistrieħ milli tnejn mimlijin bix-​xogħol iebes u l-​ġiri wara r-​riħ.” (Ekkleżjasti 4:6) Jekk ma torqodx biżżejjed ma tagħmilx xogħol tajjeb!

● “Jekk ma norqodx biżżejjed ma nikkonċentrax. Insibha diffiċli biex niffoka fuq xi ħaġa!”—Rachel, 19-​il sena.

● “Għall-​ħabta tas–2:00 taʼ waranofsinhar tant nibda nħossni għajjiena li nibda nongħos f’nofs konversazzjoni!”—Kristine, 19-​il sena.

Għandek bżonn torqod iktar? Innota x’għamlu xi wħud tamparek.

Evita li torqod tard. “Qed nagħmel sforz biex nidħol fis-​sodda f’ħin raġunevoli,” tgħid Catherine, li għandha 18-​il sena.

Iddumx tpaċpaċ sa tard bil-​lejl. “Xi ħbieb kultant iċempluli jew jibgħatuli xi messaġġ tard bil-​lejl,” jgħid Richard, li għandu 21 sena, “iżda dan l-​aħħar tgħallimt naqtgħalhom fil-​qasir u mmur norqod.”

Kun konsistenti. “Dan l-​aħħar,” tgħid Jennifer, li għandha 20 sena, “qed nipprova nkun konsistenti kemm fil-​ħin li mmur norqod u kemm fil-​ħin li nqum filgħodu.”

Is-​Sigriet għas-​Suċċess: Stinka biex torqod bejn tmienja u għaxar sigħat kull lejl.

Liema minn dawn it-​tliet aspetti li ddiskutejna f’dan l-​artiklu jeħtieġu l-​attenzjoni fil-​ħajja tiegħek?

◯ dieta ◯ eżerċizzju ◯ irqad

Hawn taħt ikteb mira li tistaʼ tagħmel biex tgħinek titjieb f’dan l-​aspett.

․․․․․

Jekk tieħu ftit passi sempliċi biex tieħu ħsieb tiegħek innifsek se jiswielek taʼ ġid. Ftakar, saħħa tajba se tgħinek tidher, tħossok, u taħdem aħjar. U kuntrarju għal ċerti affarijiet fil-​ħajja, il-​kundizzjoni fiżika tiegħek hi xi ħaġa li għandek ċertu ammont taʼ kontroll fuqha. “Fl-​aħħar mill-​aħħar,” tgħid Erin, li għandha 19-​il sena, “saħħtek tiddependi minn persuna waħda biss—int stess.”

Iktar artikli mis-​serje “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu” jistgħu jinstabu fuq is-​sit elettroniku www.watchtower.org/ype

[Noti taʼ taħt]

a Aħna nirrikonoxxu li ħafna nies ibatu minn problemi taʼ saħħa jew diżabilitajiet li m’għandhomx kontroll fuqhom. Dan l-​artiklu jistaʼ jgħin, sa fejn hu possibbli, lil uħud bħal dawn ikollhom saħħa aħjar.

b Xi ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

AĦSEB DWAR DAN

● Il-​fatt li tieħu ħsieb saħħtek kif jgħinek tkun iktar kunfidenti?

● Kif tistaʼ turi r-​raġunevolezza rigward saħħtek?—Filippin 4:5.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 13]

DAK LI JGĦIDU DAWK TAMPAREK

“Bħalma karozza tiddependi minn sidha biex tinżamm f’kundizzjoni tajba, hekk ukoll il-​ġisem tal-​bniedem. Din hi raġuni waħda għala nħobb nagħmel l-​eżerċizzju.”

“Meta jkollok lil xi ħadd maʼ min tagħmel l-​eżerċizzju, ikollok inċentiv għax ma tkunx tixtieq tiddiżappunta lill-​persuna l-​oħra.”

“Inħossni tajba meta nagħmel l-​eżerċizzju. U meta nibda nidher aħjar minħabba l-​eżerċizzju, tassew inħossni kunfidenti!”

[Stampi]

Ethan

Briana

Emily

[Kaxxa f’paġna 14]

“BIDDILT L-​ISTIL TAʼ ĦAJJA”

“Sakemm kelli sitt snin, kont kemxejn mibruma. Imbagħad, bil-​mod il-​mod, filli kont innaqqar xi ħaġa kultant u filli bdejt innaqqar il-​ħin kollu! U qatt ma kont nieħu gost nżomm ruħi attiva. Fi ftit żmien, meta kont għadni adoloxxenti, spiċċajt niżen iktar milli suppost. Din kienet xi ħaġa li qatt ma ridtha tiġri. Veru kont imdejqa bil-​mod kif kont nidher u nħossni! Minn żmien għal żmien, kont nipprova nnaqqas il-​piż billi nagħmel xi dieta speċjali, iżda dejjem kont nerġaʼ lura għal li kont. Għalhekk, meta kelli 15-​il sena ddeċidejt li kelli bżonn nagħmel xi bidliet f’ħajti. Ridt innaqqas il-​piż bl-​aħjar mod—mod li stajt inżomm għal ħajti kollha. Xtrajt ktieb dwar in-​nutrizzjoni bażika u l-​prinċipji tal-​eżerċizzju, u dak li qrajt applikajtu f’ħajti. Kont determinata li ma naqtax qalbi, anki jekk inwaqqaf id-​dieta u l-​eżerċizzju tiegħi għal ftit żmien, jew niskuraġġixxi ruħi. U taf xiex? Irnexxieli! Fi żmien sena nqast 25 kilo. Żammejt dan il-​piż għal sentejn. Qatt ma kont naħseb li dan kien possibbli! Naħseb li r-​raġuni għala rnexxieli kienet li ma kontx sempliċement fuq dieta—għamilt bidla fl-​istil taʼ ħajja tiegħi. Ladarba fhimt u aċċettajt il-​fatt li dan kien se jeffettwali kull aspett taʼ ħajti, ridt u kont lesta li nagħmel il-​bidliet meħtieġa.”—Catherine, 18-​il sena.

[Stampa f’paġna 14]

Saħħtek hi bħal karozza—jekk ma tiħux ħsiebha sew ikollok il-​ħsara

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja