LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 7/15 pp. 14-15
  • X’għandek tkun taf dwar il-malarja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’għandek tkun taf dwar il-malarja
  • Stenbaħ!—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • 1 X’INHI L-​MALARJA?
  • 2 IL-​MALARJA KIF TINFIREX?
  • 3 KIF TISTAʼ TIPPROTEĠI LILEK INNIFSEK?
  • Ħarsa Lejn id-Dinja
    Stenbaħ!—2003
Stenbaħ!—2015
g 7/15 pp. 14-15

X’għandek tkun taf dwar il-​malarja

L-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa tikkalkula li fl-​2013, iżjed minn 198 miljun ruħ ġew infettati bil-​malarja u hu stmat li mietu 584,000 ruħ minħabba fiha. Kważi 4 minn kull 5 li ġew infettati kienu tfal taħt il-​ħames snin. Il-​marda thedded lil xi 100 pajjiż u territorju madwar id-​dinja, u b’hekk 3.2 biljun ruħ huma f’riskju.

1 X’INHI L-​MALARJA?

Il-​malarja hi marda li tiġi minn parassita (f’dan il-​każ annimal li jgħix minn fuq annimal ieħor). Is-​sintomi tagħha jinkludu deni, uġigħ fil-​ġisem kollu, dardir, rimettar, u tkexkix taʼ bard u għaraq taʼ spiss. Is-​sintomi kultant jerġgħu jidhru kull 48 sa 72 siegħa, jiddependi fuq it-​tip taʼ parassita li wieħed ikollu u għal kemm żmien ikollu l-​marda.

2 IL-​MALARJA KIF TINFIREX?

  1. Dijagramma taʼ kif il-parassiti tal-malarja jinfirxu mal-ġisem uman

    Il-​parassiti tal-​malarja—organiżmi żgħar imsejħin Plasmodia li jgħixu f’annimali ikbar—jidħlu fid-​demm tal-​bnedmin permezz taʼ gidma min-​nemus Anopheles nisa.

  2. Il-​parassiti jaslu fiċ-​ċelluli tal-​fwied tal-​persuna infettata, fejn il-​parassiti jimmultiplikaw.

  3. Meta tinfaqaʼ ċellula tal-​fwied, joħorġu l-​parassiti minnha, li mbagħad jinvadu ċ-​ċelluli ħomor tad-​demm tal-​persuna. Hemmhekk, il-​parassiti jkomplu jimmultiplikaw.

  4. Il-parassiti tal-malarja jinvadu ċ-ċelluli ħomor tad-demm li mbagħad jinfaqgħu

    Meta tinfaqaʼ ċellula ħamra tad-​demm, il-​parassiti joħorġu u jinvadu jerġaʼ iżjed ċelluli ħomor tad-​demm.

  5. Iċ-​ċiklu taʼ li jiġu invaduti u jinfaqgħu ċ-​ċelluli ħomor tad-​demm jibqaʼ sejjer. Il-​persuna infettata tipikament turi s-​sintomi tal-​malarja kull darba li ċ-​ċelluli ħomor jinfaqgħu.

3 KIF TISTAʼ TIPPROTEĠI LILEK INNIFSEK?

Jekk tgħix f’pajjiż fejn il-​malarja hi komuni . . .

  • Uża xibka tan-​nemus fuq is-​sodda. Għandha tkun

    • sprejjata b’insettiċida.

    • ħielsa minn toqob jew tiċrit.

    • tkun imdaħħla kompletament taħt is-​saqqu.

  • Sprejja insettiċida fid-​dar li toqtol in-​nemus li jxerred il-​malarja.

  • Jekk ikun possibbli, agħmel xbieki tan-​nemus fuq il-​bibien u t-​twieqi, u uża l-​arja kundizzjonata u l-​fannijiet, li jistgħu jżommu n-​nemus milli jinżel fuqek.

  • Ilbes ħwejjeġ ċari li jgħattu l-​ġilda kollha.

  • Kull meta jkun possibbli, evita nħawi bis-​siġar, fejn ikun hemm ħafna nemus, u nħawi b’ilma qiegħed, fejn ibejjet in-​nemus.

  • Jekk tiġi infettat, sib trattament fil-​pront.

Iċ-ċiklu tal-malarja jinvolvi n-nemus u l-bnedmin

Bniedem jistaʼ jieħu l-​parassita tal-​malarja minn nemusa infettata. Għall-​kuntrarju, nemusa li mhix infettata tistaʼ tieħu l-​parassita tal-​malarja meta tigdem bniedem infettat. Imbagħad in-​nemusa infettata tistaʼ tgħaddi l-​parassita lil bniedem ieħor

Jekk qed tippjana li żżur pajjiż fejn il-​malarja hi komuni . . .

  • Ikseb informazzjoni kurrenti qabel ma tivvjaġġa. It-​tip taʼ parassita tal-​malarja li jkun komuni f’ċerti nħawi jistaʼ jkun differenti minn dak fi nħawi oħra u dan jeffettwa liema tip taʼ mediċina jkun l-​iktar effettiv. Ukoll, ikun għaqli li titkellem mat-​tabib tiegħek dwar affarijiet li għandek tkun konxju tagħhom rigward l-​istorja tas-​saħħa personali tiegħek.

  • Waqt iż-​żjara tiegħek, segwi l-​linji gwida li huma preżentati f’dan l-​artiklu għal dawk li jgħixu f’pajjiż fejn il-​malarja hi komuni.

  • Jekk tkun infettat, fittex trattament fil-​pront. Kun af li s-​sintomi jistgħu jidhru sa bejn ġimgħa u erbaʼ ġimgħat wara li tiġi infettat.

X’TISTAʼ TAGĦMEL IKTAR

  1. Agħmel użu taʼ programmi għall-​kura tas-​saħħa tal-​gvern jew tal-​komunità.

  2. Ikseb mediċina minn sorsi awtorizzati biss. (Mediċina li tkun imitazzjoni jew taʼ kwalità baxxa tistaʼ ġġiegħel il-​marda ddum iżjed jew iżżid ir-​riskju tal-​mewt.)

  3. Neħħi minn madwar id-​dar tiegħek affarijiet li fihom jistaʼ jbid in-​nemus.

Jekk tgħix fi nħawi fejn hemm il-​malarja jew kont fihom, tinjorax is-​sintomi tal-​malarja li  ġejjin . . .

  • Temperatura għolja (deni)

  • Għaraq taʼ spiss

  • Tkexkix taʼ bard

  • Uġigħ taʼ ras

  • Uġigħ fil-​muskoli

  • Għeja

  • Dardir

  • Rimettar

  • Dijarea

Jekk il-​malarja ma tiġix trattata, anemija qawwija tistaʼ malajr thedded il-​ħajja. Fittex trattament mediku immedjatament, qabel ma jiggravaw is-​sintomi, speċjalment fit-​tfal u n-​nisa tqal.a

a Għal iżjed informazzjoni, ara l-​ħarġiet taʼ Stenbaħ! bl-​Ingliż taʼ Novembru 2011, paġni 24-​25, u taʼ Novembru 2009, paġni 26-​29.

KONT TAF?

Stopwoċċ fuq l-Afrika

Fl-Afrika biss, imut tifel jew tifla bil-malarja kull minuta.

  • It-​tfal u n-​nisa tqal huma l-​iktar fir-​riskju taʼ mard serju jekk jieħdu l-​malarja.

  • Fl-​Afrika biss, imut tifel jew tifla bil-​malarja kull minuta.

  • F’każi rari, kien hemm min ħa l-​malarja minn trasfużjoni tad-​demm.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja