LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • es17 pp. 118-128
  • Diċembru

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Diċembru
  • Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2017
  • Sottitli
  • Il-​Ġimgħa, 1 taʼ Diċembru
  • Is-​Sibt, 2 taʼ Diċembru
  • Il-​Ħadd, 3 taʼ Diċembru
  • It-​Tnejn, 4 taʼ Diċembru
  • It-​Tlieta, 5 taʼ Diċembru
  • L-​Erbgħa, 6 taʼ Diċembru
  • Il-​Ħamis, 7 taʼ Diċembru
  • Il-​Ġimgħa, 8 taʼ Diċembru
  • Is-​Sibt, 9 taʼ Diċembru
  • Il-​Ħadd, 10 taʼ Diċembru
  • It-​Tnejn, 11 taʼ Diċembru
  • It-​Tlieta, 12 taʼ Diċembru
  • L-​Erbgħa, 13 taʼ Diċembru
  • Il-​Ħamis, 14 taʼ Diċembru
  • Il-​Ġimgħa, 15 taʼ Diċembru
  • Is-​Sibt, 16 taʼ Diċembru
  • Il-​Ħadd, 17 taʼ Diċembru
  • It-​Tnejn, 18 taʼ Diċembru
  • It-​Tlieta, 19 taʼ Diċembru
  • L-​Erbgħa, 20 taʼ Diċembru
  • Il-​Ħamis, 21 taʼ Diċembru
  • Il-​Ġimgħa, 22 taʼ Diċembru
  • Is-​Sibt, 23 taʼ Diċembru
  • Il-​Ħadd, 24 taʼ Diċembru
  • It-​Tnejn, 25 taʼ Diċembru
  • It-​Tlieta, 26 taʼ Diċembru
  • L-​Erbgħa, 27 taʼ Diċembru
  • Il-​Ħamis, 28 taʼ Diċembru
  • Il-​Ġimgħa, 29 taʼ Diċembru
  • Is-​Sibt, 30 taʼ Diċembru
  • Il-​Ħadd, 31 taʼ Diċembru
Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2017
es17 pp. 118-128

Diċembru

Il-​Ġimgħa, 1 taʼ Diċembru

“L-​intimità [jew il-​ħbiberija mill-​qrib] maʼ Ġeħova hi taʼ dawk li jibżgħu minnu.”—Salm 25:14.

Fil-​Bibbja, Abraham jissejjaħ il-​ħabib t’Alla tliet darbiet. (2 Kron. 20:7; Is. 41:8; Ġak. 2:23) Hu l-​uniku individwu li b’mod dirett jissejjaħ il-​ħabib t’Alla fil-​Bibbja. Ifisser dan li Abraham hu l-​uniku bniedem li qatt sar il-​ħabib taʼ Ġeħova? Le. Il-​Bibbja turina li lkoll kemm aħna jistaʼ jkollna dan il-​privileġġ. Il-​Kelma t’Alla hi mimlija b’rakkonti taʼ ħafna rġiel u nisa leali li beżgħu minn Ġeħova, poġġew il-​fidi fih, u saru ħbieb tal-​qalb tiegħu. Dawn huma parti mis-​‘sħaba kbira taʼ xhieda’ li semma Pawlu. Dawn l-​individwi differenti kollha kienu l-​ħbieb t’Alla. (Ebr. 12:1) Huma gawdew il-​privileġġ sabiħ taʼ li jkunu l-​ħbieb t’Alla. Jalla nkomplu nimitaw dawn l-​eżempji li jispikkaw tal-​fidi. (Ebr. 6:11, 12) Jekk nagħmlu dan, nistgħu nħarsu ’l quddiem għall-​premju taʼ li nkunu l-​ħbieb taʼ Ġeħova għal dejjem! w16.02 2:1, 2, 19

Is-​Sibt, 2 taʼ Diċembru

“Jien ma nżiltx mis-​sema biex nagħmel ir-​rieda tiegħi imma r-​rieda taʼ dak li bagħatni.”—Ġw. 6:38.

Immaġina li ħabib jagħtik karozza bħala rigal u jgħidlek: “Jien se nżomm iċ-​ċwievet. U jien se nsuq il-​karozza mhux int.” Kieku kif tħossok? Kif kont tħossok dwar il-​ħabib li tak il-​karozza? Meta xi ħadd jiddedika ħajtu lil Ġeħova, ikun qed jgħid lil Alla: “Qed nagħtik ħajti. Jien tiegħek.” Ġeħova bi dritt jistenna li dan l-​individwu jżomm kelmtu. Imma xi ngħidu jekk l-​individwu jibda jkun diżubbidjenti lejn Ġeħova billi bil-​moħbi joħroġ maʼ xi ħadd li ma jaqdix lil Alla? Jew xi ngħidu jekk jaċċetta xogħol li jillimita l-​ammont taʼ ħin li jistaʼ jqattaʼ fil-​ministeru jew li jġiegħlu jitlef il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni taʼ spiss? Jekk jiġri hekk, dan l-​individwu ma jkunx qed iżomm il-​wegħda li għamel maʼ Ġeħova. Ikun bħallikieku qed iżomm iċ-​ċwievet tal-​karozza. Meta niddedikaw ħajjitna lil Ġeħova, inkunu qed ngħidulu, “Ħajti tiegħek, mhix tiegħi.” Allura dejjem se nagħmlu dak li jrid Ġeħova, anki meta ma jkunx dak li aħna persunalment nixtiequ nagħmlu. Ejja nimitaw lil Ġesù bħalma naraw fl-​iskrittura tal-​lum. w16.03 1:16, 17

Il-​Ħadd, 3 taʼ Diċembru

“M’iniex se nitilqek.”—2 Slat. 2:2.

Xi 3,000 sena ilu, il-​profeta Elija stieden lil Eliżew, li kien għadu żgħir, biex jgħinu f’xogħlu. Eliżew mill-​ewwel aċċetta u b’fedeltà għamel xogħol għall-​profeta li bniedem kburi kieku ma kienx ikun lest li jagħmlu. (2 Slat. 3:11) Elija ħarreġ lil Eliżew għal madwar sitt snin. Imbagħad, meta xogħol Elija f’Iżrael kien kważi wasal fi tmiemu, il-​profeta qal lil Eliżew li setaʼ jieqaf jaqdih. Kien determinat li jibqaʼ kemm jistaʼ jkun mal-​wieħed li kien ħarrġu. Jekk inti qed titħarreġ, kif tistaʼ timita lil Eliżew? Aċċetta inkarigi mill-​ewwel, anke jekk ikunu inkarigi li mhux kulħadd jieħu pjaċir jagħmilhom. Tinsiex li dak li qed iħarrġek hu l-​ħabib tiegħek. Għidlu li tapprezza dak li qed jagħmel għalik u urih li trid tkompli titgħallem minnu. Iktar importanti minn hekk, kun leali meta tieħu ħsieb l-​inkarigu tiegħek. Għala? Għax meta turi li int leali u taʼ min joqgħod fuqek, l-​anzjani jistgħu jkunu ċerti li Ġeħova jrid li jkollok iktar responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni.—Salm 101:6; 2 Tim. 2:2. w15 4/15 2:13, 14

It-​Tnejn, 4 taʼ Diċembru

“Għalkemm dak li ħalef jistaʼ jkun taʼ ħsara għalih, xorta ma jbiddlux.”—Salm 15:4.

Sawl ried lil Ġonatan jilħaq sultan warajh minflok David. (1 Sam. 20:31) Imma Ġonatan kien iħobbu lil Ġeħova u kien leali lejh. Allura flok kien egoist, Ġonatan sar il-​ħabib taʼ David u baqaʼ jżomm il-​wegħda tiegħu jew kelmtu. Minħabba li aħna leali lejn Alla, aħna nżommu l-​wegħdi tagħna. Pereżempju, jekk nagħmlu arranġament taʼ negozju, aħna nagħmlu dak li nkunu qbilna dwaru, anki jekk saħansitra jsir diffiċli. U jekk għandna problemi fiż-​żwieġ tagħna, aħna nuru l-​imħabba li għandna għal Ġeħova billi nibqgħu leali lejn ir-​raġel jew il-​mara tagħna. (Mal. 2:13-​16) Allura, ejja nibqgħu leali lejn ħutna rġiel u nisa meta jiddiżappuntawna. Imbagħad se nferrħu l-​qalb taʼ Ġeħova. (Prov. 27:11) Nistgħu nkunu ċerti li hu dejjem se jagħmel l-​aħjar għalina u jieħu ħsiebna. w16.02 3:16, 17

It-​Tlieta, 5 taʼ Diċembru

“Henjin dawk kollha li jibqgħu jistennewh.”—Is. 30:18.

Ġeħova jaf x’tiflaħ u x’ma tiflaħx tissaporti kull persuna. (Salm 103:14) Għaldaqstant, hu jagħtina s-​saħħa li għandna bżonn biex nissaportu l-​provi. Veru, kultant għandu mnejn inħossu li ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk. Iżda Ġeħova jwiegħed li se ‘jiftħilna t-​triq’ jekk prova ssir diffiċli wisq għalina biex nissaportuha. (1 Kor. 10:13) Aħna nafu li Ġeħova jaf sew x’inhuma l-​limitazzjonijiet tagħna u nafu li mhux se jitlob minna iktar milli nifilħu. Dan hu sors taʼ faraġ għalina. Jekk nitolbu għall-​għajnuna taʼ Ġeħova u hu ma jwiġibniex mill-​ewwel, ikun tajjeb li nkunu paċenzjużi. Ftakar li Ġeħova hu ħerqan li jgħinna, imma hu jistenna bil-​paċenzja kollha l-​aħjar ħin biex jagħtina dak li għandna bżonn. Il-​Bibbja tgħidilna: “Ġeħova se jibqaʼ jistenna biex jurikom qalb tajba, u għaldaqstant se jqum biex jurikom ħniena. Għax Ġeħova hu Alla taʼ ġudizzju.” w15 4/15 4:8, 9

L-​Erbgħa, 6 taʼ Diċembru

“Għax hekk ukoll qabel kienu jiżżejnu n-​nisa qaddisa li kienu jittamaw f’Alla, billi jissottomettu ruħhom lejn żwieġhom.”—1 Pt. 3:5.

Membri taʼ familja, matul sessjonijiet tal-​Qima bħala familja, jistgħu jipprattikaw x’se jgħidu fil-​ministeru, u dan se jgħin lilhom kollha biex ikunu ppreparati aħjar. U meta jisimgħu lil xulxin jitkellmu dwar il-​verità u jaraw li l-​familja kollha tħobb lil Ġeħova u trid togħġbu, huma jersqu saħansitra eqreb taʼ xulxin. Raġel u mara miżżewġin kif jistgħu jikkooperaw flimkien? (Mt. 19:6) Meta t-​tnejn li huma jkunu jħobbu lil Ġeħova u jaqduh flimkien, se jkunu ferħanin u magħqudin fiż-​żwieġ tagħhom. Barra minn hekk, għandhom juru affezzjoni lejn xulxin, bħalma għamlu Abraham u Sara, Iżakk u Rebekka, u anki Elkana u Ħanna. (Ġen. 26:8; 1 Sam. 1:5, 8) Meta koppja miżżewġa tagħmel dan, tkun magħquda u tersaq eqreb lejn Ġeħova.—Ekk. 4:12. w16.03 3:12, 13

Il-​Ħamis, 7 taʼ Diċembru

Iqfulu lil Satana, sodi fil-​fidi.—1 Pt. 5:9.

Satana qed jiġġieled kontra l-​midlukin li għadhom fuq l-​art u n-​“nagħaġ oħrajn.” (Ġw. 10:16) Fil-​ftit żmien li baqagħlu, ix-​Xitan irid jeqred il-​fidi taʼ kemm jistaʼ jkun qaddejja taʼ Ġeħova. (Riv. 12:9, 12) Imma aħna nistgħu nirbħu l-​ġlieda kontra Satana. Il-​Bibbja tgħid: “Opponu lix-​Xitan, u hu jaħrab minnkom.” (Ġak. 4:7) Ħafna nies jiħduha biċ-​ċajt l-​idea li jeżisti Satana. Għalihom, Satana u d-​demonji huma karattri li jinsabu biss f’kotba, f’films tal-​biżaʼ, u f’logħob tal-​kompjuter. Nies bħal dawn iħossu li jekk int intelliġenti, ma temminx li jeżistu spirti mill-​agħar. Taħseb li Satana se jħabbel rasu jekk in-​nies ma jemmnux bih u bid-​demonji tiegħu? Le. Huwa eħfef għal Satana li jqarraq b’dawn li jiddubitaw bl-​eżistenza tiegħu. (2 Kor. 4:4) Anzi, Satana jippromwovi ideat bħal dawn ħalli jkun jistaʼ jqarraq bin-​nies. w15 5/15 2:1, 2

Il-​Ġimgħa, 8 taʼ Diċembru

Mosè qies it-​tmaqdir tal-​Kristu bħala rikkezzi akbar mit-​teżori taʼ l-​Eġittu; għax ħares fiss lejn il-​ħlas tal-​premju.—Ebr. 11:26.

Il-​ġenituri taʼ Mosè għallmuh li Ġeħova kien wiegħed li jeħles lill-​Ebrej mill-​jasar u jagħtihom l-​Art Imwiegħda. (Ġen. 13:14, 15; Eżo. 2:5-​10) Hu żgur ħaseb fil-​fond dwar il-​wegħda taʼ Ġeħova li jeħles lill-​Ebrej mill-​jasar. Bħal qaddejja oħra taʼ Ġeħova, Mosè wkoll kien jaf li Ġeħova kien se jeħles lill-​bnedmin kollha mill-​mewt. (Ġob 14:14, 15; Ebr. 11:17-​19) Għalhekk, Mosè fehem kemm Ġeħova jħobb lin-​nies. Dan qanqal lil Mosè biex iħobb lil Ġeħova saħansitra iktar u jkollu fidi iktar soda fih, u għenu jibqaʼ jaqdi lil Ġeħova tul ħajtu. (Dt. 6:4, 5) Anke meta l-​Fargħun ried joqtlu, Mosè ma beżax. Kien jaf li Ġeħova kien se jippremjah fil-​futur.—Eżo. 10:28, 29. w15 5/15 3:11-13

Is-​Sibt, 9 taʼ Diċembru

“M’għandhomx inbid.”—Ġw. 2:3.

Ġesù għamel l-​ewwel miraklu tiegħu waqt tieġ fil-​belt taʼ Kana. Ma nafux ir-​raġuni għala, imma ma kienx hemm biżżejjed inbid għall-​mistidnin kollha li marru. Dan setaʼ kien imbarazzanti ħafna għall-​koppja li kienu għadhom kif iżżewġu, għax kien dmirhom li jkunu ġenerużi. Omm Ġesù, Marija, kienet waħda mill-​mistidnin. Staqsiet hi lil Ġesù biex jgħin għax emmnet li kellu l-​qawwa li jagħmel dan? Jistaʼ jkun għax wara kollox, Marija żgur li mmeditat fuq il-​profeziji kollha dwar binha, u kienet taf li kien se jissejjaħ “Bin l-​Iktar Għoli.” (Lq. 1:30-​32; 2:52) Imma dak li nafu fiż-​żgur hu li kemm Marija u kemm Ġesù riedu jgħinu lill-​koppja. Għalhekk, Ġesù għamel miraklu u biddel xi 380 litru ilma fi ‘nbid mill-​aħjar.’ (Ġw. 2:6-​11) Ġesù bilfors kellu jagħmel dan il-​miraklu? Le. Għamlu għax kien jimpurtah min-​nies, u għax kien qed jimita lil Missieru, li hu ġeneruż. w15 6/15 1:3

Il-​Ħadd, 10 taʼ Diċembru

“Mulej, f’dan iż-​żmien se terġaʼ tistabbilixxi s-​saltna taʼ Israel?”—Atti 1:6.

Qabel ma Ġesù mar lura s-​sema, l-​appostli tiegħu staqsewh il-​mistoqsija t’hawn fuq. Ġesù wiġibhom li kien għadu mhux iż-​żmien għalihom li jkunu jafu meta s-​Saltna t’Alla kienet se tibda tmexxi. Hu qal lid-​dixxipli tiegħu biex jiffokaw fuq ix-​xogħol importanti tal-​ippritkar. (Atti 1:7, 8) Imma għallimhom ukoll biex jitolbu ħalli tiġi s-​Saltna t’Alla u biex iħarsu ’l quddiem għal dak iż-​żmien. Għalhekk għadna nitolbu biex tiġi s-​Saltna. Meta kien wasal iż-​żmien għal Ġesù biex jibda jmexxi fis-​sema, Ġeħova għen lill-​poplu tiegħu jifhem f’liema sena kien se jseħħ dan. Fl-​1876, Charles Taze Russell kiteb l-​artiklu “Żminijiet il-​Ġentili: Meta jintemmu?” Hu spjega li s-​“seba’ żminijiet” tal-​profezija taʼ Danjel huma l-​istess bħaż-​“żminijiet stabbiliti tal-​ġnus” tal-​profezija taʼ Ġesù. L-​artiklu spjega li dawk iż-​żminijiet kellhom jispiċċaw fl-​1914.—Dan. 4:16; Lq. 21:24. w15 6/15 4:11, 12

It-​Tnejn, 11 taʼ Diċembru

“Ġesù qabiżlu d-​dmugħ.”—Ġw. 11:35.

Ġesù tassew kien jiġi effettwat min-​niket taʼ ħaddieħor. Pereżempju, meta miet il-​ħabib tiegħu Lazzru, Ġesù “karab” u “tnikket” għax ra n-​niket tal-​familja u l-​ħbieb taʼ Lazzru. (Ġw. 11:33-​36) Għalkemm kien jaf li kien se jirxoxta lil Lazzru, Ġesù beka. Ma ddejjaqx juri lil ħaddieħor kif kien qed iħossu. Ġesù tant kien iħobb lil Lazzru u l-​familja tiegħu li uża l-​qawwa t’Alla biex jirxoxta lil Lazzru! (Ġw. 11:43, 44) Il-​Bibbja tgħid li Ġesù hu eżatt bħal Missieru, Ġeħova. (Ebr. 1:3) Għalhekk, il-​mirakli taʼ Ġesù juru biċ-​ċar li anke Ġeħova jrid ineħħi l-​mard, l-​uġigħ, u l-​mewt. Dalwaqt, Ġeħova u Ġesù se jqajmu mill-​mewt lil ħafna iktar nies. Ġesù qal li “ġejja s-​siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-​oqbra tat-​tifkira” se jiġu rxoxtati.—Ġw. 5:28, 29. w15 6/15 2:13, 14

It-​Tlieta, 12 taʼ Diċembru

“Ħa jfaħħru lil ismek.”—Salm 99:3.

Filwaqt li ħafna nies reliġjużi b’mod żbaljat jaħsbu li se jfaħħru lil Alla fis-​sema wara li jmutu, in-​nies taʼ Ġeħova jafu kemm hu importanti li jfaħħruh issa stess.Meta nfaħħru lil Ġeħova, inkunu qed nimitaw l-​eżempju tal-​qaddejja leali t’Alla li jissemmew f’​Salm 99:1-​3, 5-​7. Irġiel leali bħal Mosè, Aron, u Samwel appoġġaw għalkollox l-​arranġament t’Alla għall-​qima vera fl-​imgħoddi. Illum il-​ġurnata, qabel ma l-​midlukin fuq l-​art jibdew jaqdu maʼ Ġesù bħala qassisin fis-​sema, huma b’lealtà jaqdu lil Ġeħova fil-​parti tat-​tempju spiritwali fuq l-​art. Miljuni taʼ “nagħaġ oħrajn” b’lealtà jgħinuhom. (Ġw. 10:16) Iż-​żewġ gruppi jqimu lil Ġeħova f’unità. Però, għandna nsaqsu lilna nfusna mistoqsija persunali, ‘Jien qed nappoġġa għalkollox l-​arranġament t’Alla għall-​qima vera?’ w15 7/15 1:4, 5

L-​Erbgħa, 13 taʼ Diċembru

“Ibqaʼ stennieha.”—Ħab. 2:3.

Il-​qaddejja taʼ Ġeħova minn dejjem stennew bil-​paċenzja biex jitwettqu l-​profeziji. Isaija pprofetizza li Ġeħova kien se jġib l-​eżiljati Lhud lura Ġuda, u qal: “Henjin dawk kollha li jibqgħu jistennewh.” (Is. 30:18) Mikea wkoll stenna biex il-​wegħdi taʼ Ġeħova jitwettqu, u qal: “Jien lil Ġeħova nibqaʼ nfittex. Jien se nistenna b’attitudni xierqa lill-​Alla tas-​salvazzjoni tiegħi.” (Mik. 7:7) U għal mijiet taʼ snin, il-​qaddejja t’Alla kienu ċerti li l-​Messija, jew il-​Kristu, imwiegħed kien se jiġi. (Lq. 3:15; 1 Pt. 1:10-​12) Illum il-​ġurnata, aħna wkoll qed nistennew biex jitwettqu profeziji dwar is-​Saltna taʼ Ġeħova. Ġesù, bħala s-​Sultan taʼ din is-​Saltna, dalwaqt se jeħles lill-​qaddejja t’Alla minn din id-​dinja perikoluża. Se jeqred lin-​nies mill-​agħar u jġib fix-​xejn it-​tbatija kollha. (1 Ġw. 5:19) Allura, aħna rridu nibqgħu nistennew li l-​jum taʼ Ġeħova se jiġi ħabta u sabta u rridu nagħmlu kulma nistgħu biex inkunu lesti għalih. w15 8/15 2:1, 2

Il-​Ħamis, 14 taʼ Diċembru

“Iż-​żelu għal darek jikolni.”—Ġw. 2:17.

Ġeħova qal lill-​Iżraelin biex jibnu tabernaklu. (Eżo. 25:8) Imbagħad, tahom istruzzjonijiet biex jibnu tempju. (1 Slat. 8:27, 29) Wara li n-​nies t’Alla rritornaw mill-​eżilju f’Babilonja, b’mod regulari ltaqgħu f’sinagogi. (Mk. 6:2; Ġw. 18:20; Atti 15:21) U l-​ewwel Kristjani kienu jiltaqgħu fi djar. (Atti 12:12; 1 Kor. 16:19) Illum, in-​nies taʼ Ġeħova madwar id-​dinja kollha jiltaqgħu f’għaxriet t’eluf taʼ Swali tas-​Saltna, fejn jitgħallmu dwar Ġeħova u jqimuh. Ġesù kellu rispett profond għat-​tempju taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm. L-​imħabba taʼ Ġesù għat-​tempju fakkret lid-​dixxipli tiegħu dwar kliem is-​salmista li nsibu fl-​iskrittura tal-​jum. (Salm 69:9) Sala tas-​Saltna mhix “id-​dar taʼ Ġeħova” bħalma kien it-​tempju f’Ġerusalemm. (2 Kron. 5:13; 33:4) Imma xorta għandna nirrispettaw ħafna l-​postijiet taʼ qima tagħna. w15 7/15 4:1, 2

Il-​Ġimgħa, 15 taʼ Diċembru

“Ilbsu l-​imħabba.”—Kol. 3:14.

Se nkunu kapaċi nħobbu u naħfru lil xulxin waqt ir-​Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu? Jekk nitgħallmu naħfru lil xulxin u jkollna relazzjoni tajba m’oħrajn issa, se jkun eħfef għalina li nagħmlu dan fid-​dinja l-​ġdida. (Kol. 3:12, 13) Fid-​dinja l-​ġdida jaf mhux dejjem se nieħdu dak li rridu, jew forsi jkollna nistennew qabel ma niħduh. Se jkollna bżonn inkunu grati u kuntenti nkunu f’liema sitwazzjoni nkunu. Infatti, se jkollna bżonn l-​istess kwalitajiet li Ġeħova qed jgħallimna biex nuru issa. Għalhekk, billi nitgħallmu nuru dawn il-​kwalitajiet minn issa, se nuru li d-​dinja l-​ġdida hi reali għalina u li qed nippreparaw għall-​ħajja taʼ dejjem. (Ebr. 2:5; 11:1) Ukoll, se nuru li verament irridu ngħixu f’dinja fejn kulħadd jobdi lil Ġeħova. w15 8/15 3:11, 12

Is-​Sibt, 16 taʼ Diċembru

Ibqgħu mexjin f’unjoni maʼ Ġesù.—Kol. 2:6.

Meta tħares lejn il-​frott misjur fis-​suq, int tinnota li mhux kull frotta hi eżattament bħal frotta oħra. Però, il-​frott kollu għandu ċerti affarijiet komuni li juru li hu misjur. L-​istess hu minnu fejn jidħlu l-​Kristjani maturi. Mhumiex eżattament l-​istess. Jiġu minn pajjiżi u sfondi differenti. Għandhom etajiet u gosti differenti. Iżda l-​Kristjani maturi kollha għandhom ċerti kwalitajiet komuni li juru li huma maturi. X’inhuma ftit minn dawn il-​kwalitajiet? Kristjan matur jimita lil Ġesù u ‘jimxi mill-​qrib wara l-​passi tiegħu.’ (1 Pt. 2:21) Ġesù qal li hu importanti ħafna li dak li jkun iħobb lil Ġeħova b’qalbu kollha, b’ruħu kollha, u b’moħħu kollu u jħobb lill-​proxxmu bħalu nnifsu. (Mt. 22:37-​39) Kristjan matur jistinka biex jobdi dan il-​kmand. Il-​mod kif jgħix ħajtu juri li r-​relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova u l-​imħabba profonda li għandu għal ħaddieħor huma l-​iktar affarijiet importanti għalih. w15 9/15 1:3-5

Il-​Ħadd, 17 taʼ Diċembru

“Billi nuru l-​verità, quddiem Alla aħna nsiru eżempju tajjeb għall-​kuxjenza taʼ kull bniedem.”—2 Kor. 4:2.

Kuxjenza mħarrġa mhux biss twissina biex ma nagħmlux affarijiet ħżiena, imma wkoll timmotivana biex nagħmlu affarijiet tajbin. Waħda minn dawn l-​affarijiet hi li nippritkaw minn dar għal dar u lil dawk li niltaqgħu magħhom b’mod informali. Hekk għamel Pawlu. Hu kiteb: “Il-​bżonn iġegħelni. Tassew, gwaj għalija jekk ma nxandarx l-​aħbar tajba!” (1 Kor. 9:16) Hekk kif nimitaw lil Pawlu, se jkollna kuxjenza tajba minħabba li nkunu nafu li qed nagħmlu l-​ħaġa t-​tajba. U meta nippritkaw l-​aħbar tajba lil oħrajn, aħna nkunu eżempju tajjeb għalihom ħalli huma jkunu jistgħu jagħrfu l-​verità. Iva, il-​kuxjenza tagħna tistaʼ tgħinna. Meta b’mod regulari nistudjaw il-​Kelma t’Alla, nimmeditaw fuqha, u napplikaw dak li nitgħallmu, inkunu qed inħarrġu l-​kuxjenza tagħna. Imbagħad dan ir-​rigal mill-​isbaħ se jsir gwida li nistgħu noqogħdu fuqha fil-​ħajja Kristjana tagħna! w15 9/15 2:16, 18

It-​Tnejn, 18 taʼ Diċembru

“Ġeħova jwiddeb lil min iħobb.”—Prov. 3:12.

Ġużeppi, Mosè, u David għaddew minn żminijiet diffiċli ħafna. Matul il-​provi, Ġeħova kien magħhom. U l-​affarijiet li tgħallmu matul dawn il-​provi għenuhom meta Ġeħova tahom responsabbiltajiet akbar. Meta naqraw fil-​Bibbja kif Ġeħova jappoġġa u jħarreġ lin-​nies tiegħu, inħossuna li Ġeħova verament iħobbna. Anki meta nagħmlu xi ħaġa ħażina, Ġeħova jkompli juri li jħobbna. Jekk naċċettaw id-​dixxiplina tiegħu u nindmu, hu se jaħfrilna “bil-​kbir.” (Is. 55:7) Dan xi jfisser? Il-​kliem taʼ David dwar il-​maħfra taʼ Ġeħova jurina kemm għandna Missier ħanin: “Hu li qed jaħfirlek l-​iżbalji kollha, li qed ifejqek mill-​mard kollu tiegħek, li qed isalvalek ħajtek mill-​ħofra, li qed jinkurunak bil-​qalb tajba bl-​imħabba u l-​ħniniet tiegħu. (Salm 103:3, 4) Ġeħova jiddixxiplinana u jiggwidana b’modi differenti. Int ħafif biex tagħmel bidliet? Dejjem ftakar li Ġeħova jiddixxiplinana għax iħobbna.—Salm 30:5. w15 9/15 4:13, 14

It-​Tlieta, 19 taʼ Diċembru

Marija qagħdet tismaʼ l-​kelma taʼ Ġesù.—Lq. 10:39.

Marta kienet okkupata tipprepara ikla speċjali għal Ġesù. Meta rat li Marija ma kinitx qed tgħinha, bdiet tirrita ruħha u tgerger maʼ Ġesù. Hu kien jaf li Marta kienet qed tipprova tagħmel wisq, u allura b’qalb tajba qal: “Marta, Marta, int ansjuża u mifxula dwar ħafna affarijiet.” Hu ssuġġerixxa wkoll li ikla sempliċi, forsi platt wieħed, kien ikun biżżejjed. Imbagħad Ġesù faħħar lil Marija talli kienet qed tisimgħu b’attenzjoni kbira. Hu qal: “Min-​naħa tagħha, Marija għażlet l-​aħjar sehem, u mhux se jittiħdilha.” (Lq. 10:38-​42) Marija forsi maż-​żmien kienet insiet x’kielet matul l-​ikla, imma bla dubju hi qatt ma nsiet l-​affarijiet li tgħallmet minn Ġesù u l-​mod kif faħħarha. Iktar minn 60 sena wara, l-​appostlu Ġwanni kiteb: “Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha.” (Ġw. 11:5) Dan il-​kliem juri li Marta aċċettat il-​korrezzjoni bi mħabba taʼ Ġesù u qdiet lil Ġeħova b’lealtà għall-​kumplament taʼ ħajjitha. w15 10/15 3:3, 4

L-​Erbgħa, 20 taʼ Diċembru

“Il-​qawwa iktar min-​normal tkun t’Alla.”—2 Kor. 4:7.

Għandna ħafna evidenza li Ġeħova hu attiv fil-​ħajjiet tan-​nies illum. Spiss nisimgħu b’esperjenzi taʼ wħud li talbu għall-​għajnuna t’Alla f’ħajjithom u t-​talb tagħhom twieġeb. (Salm 53:2) Pereżempju, waqt li Allan kien qed jipprietka fi gżira żgħira fil-​Filippini, hu ltaqaʼ maʼ mara li bdiet tibki. Hu jgħid, “Proprju dakinhar filgħodu, hi talbet lil Ġeħova biex ix-​Xhieda jsibuha.” Alla tant wiġbilha t-​talba malajr li dan messilha qalbha. F’inqas minn sena, iddedikat ħajjitha lil Ġeħova. Ħafna qaddejja taʼ Ġeħova raw l-​id tiegħu li kienet t’għajnuna meta waqfu minn vizzji bħat-​tipjip, li jabbużaw mid-​drogi, jew li jaraw il-​pornografija. Xi wħud qalu li pprovaw jieqfu waħedhom qabel ma saru qaddejja taʼ Ġeħova imma ma setgħux. Però, meta talbu lil Ġeħova għall-​għajnuna, hu tahom “il-​qawwa iktar min-​normal,” u b’hekk fl-​aħħar setgħu jwaqqfu l-​vizzji tagħhom.—Salm 37:23, 24. w15 10/15 1:10, 11

Il-​Ħamis, 21 taʼ Diċembru

“Użaw il-​ħin bl-​aħjar mod.”—Efes. 5:16.

Xi wħud iqumu kmieni filgħodu biex jaqraw, jimmeditaw, u jitolbu. Oħrajn jagħmlu dan fil-​brejk taʼ nofsinhar. Forsi fil-​każ tiegħek, l-​aħjar ħin biex taqra l-​Bibbja hu filgħaxija jew qabel ma tidħol torqod. Xi wħud iħobbu jaqraw il-​Bibbja filgħodu u jerġgħu jaqrawha qabel ma jorqdu. (Ġoż. 1:8) L-​importanti hu li ‘tuża l-​ħin bl-​aħjar mod,’ jiġifieri, li tieħu ħin minn affarijiet inqas importanti ħalli tkun tistaʼ timmedita fuq il-​Kelma t’Alla kuljum. Il-​Bibbja twiegħed li Ġeħova se jbierek lil dawk kollha li jimmeditaw fuq Kelmtu u li jistinkaw biex japplikaw dak li tgħallmu. (Salm 1:1-​3) Ġesù qal: “Henjin dawk li jisimgħu l-​kelma t’Alla u jħarsuha!” (Lq. 11:28) Imma l-​iktar importanti hu li jekk nimmeditaw kuljum fuq il-​Kelma taʼ Ġeħova, dan se jgħinna nġibu ruħna b’tali mod li jonorah. Meta nagħmlu dan, Ġeħova se jippremjana b’ferħ issa u b’ħajja taʼ dejjem fid-​dinja l-​ġdida tiegħu.—Ġak. 1:25; Riv. 1:3. w15 10/15 4:17, 18

Il-​Ġimgħa, 22 taʼ Diċembru

Pietru ġibed lil Ġesù lejh u beda jċanfru u jgħidlu: “Kun ħanin miegħek innifsek, Mulej; żgur li mhux se jiġrilek dan.”—Mt. 16:22.

Meta Ġesù qal lid-​dixxipli li kien se jiġi maqtul, Pietru qallu biex ikun ħanin miegħu nnifsu. Ġesù kien jaf li Pietru kien iħobbu, imma kien jaf ukoll li Pietru ma kienx qed jirraġuna sew. Ġesù kif għen lilu u lid-​dixxipli l-​oħra? L-​ewwel, ikkoreġa lil Pietru. Imbagħad, Ġesù spjega x’kien se jiġri lil dawk li jevitaw li jagħmlu r-​rieda taʼ Ġeħova meta din tkun diffiċli biex jagħmluha. Ġesù wkoll qal li Ġeħova kien se jippremja lil dawk li mhumiex egoisti. (Mt. 16:21-​27) Pietru tgħallimha l-​lezzjoni. (1 Pt. 2:20, 21) Itlob lil Ġeħova għad-​dehen biex tkun tistaʼ tifhem liema għajnuna għandhom bżonn uliedek. (Salm 32:8) Forsi tinduna li xi ħadd minn uliedek m’għadux ferħan daqs kemm kien jew li jitkellem b’mod negattiv dwar l-​aħwa. Forsi tħoss li hemm xi ħaġa li mhux qed jgħidlek. Taqbadx u tassumi li qed jagħmel xi ħaġa ħażina ħafna bil-​moħbi. Imma lanqas m’għandek tinjora l-​problema jew tittama li jgħaddilu. Jistaʼ jkun li jkollok bżonn tgħinu jsaħħaħ il-​fidi tiegħu. w15 11/15 2:12, 13

Is-​Sibt, 23 taʼ Diċembru

Ilbsu sentimenti profondi taʼ mogħdrija, u qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u sabar fit-​tul. Ilbsu l-​imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.—Kol. 3:12, 14.

L-​imħabba u l-​unità ġenwina tal-​qaddejja taʼ Ġeħova jidentifikawhom bħala dawk l-​uħud li jipprattikaw ir-​reliġjon vera. Ġesù qal: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.” (Ġw. 13:34, 35) U l-​appostlu Ġwanni kiteb: “Ulied Alla u wlied ix-​Xitan jidhru ċar minn dan il-​fatt: Kulmin ma jipprattikax il-​ġustizzja ma joriġinax minn Alla, lanqas min ma jħobbx lil ħuh. Għax dan hu l-​messaġġ li smajtu sa mill-​bidu, li għandna nħobbu lil xulxin.” (1 Ġw. 3:10, 11) L-​imħabba u l-​unità jidentifikaw lix-​Xhieda taʼ Ġeħova bħala s-​segwaċi veri taʼ Ġesù, in-​nies li Alla qed juża biex jippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna mad-​dinja kollha.—Mt. 24:14. w15 11/15 4:10, 11

Il-​Ħadd, 24 taʼ Diċembru

“Kelma li tingħad f’waqtha hi bħal tuffieħ tad-​deheb f’tinqix tal-​fidda.”—Prov. 25:11.

Aħna għandna naħsbu dwar il-​kultura u t-​twemmin tan-​nies fit-​territorju tagħna ħalli nsibu l-​waqt it-​tajjeb biex inkellmuhom. F’liema sitwazzjonijiet oħra għandna nistennew għall-​ħin it-​tajjeb biex nitkellmu? Forsi xi ħadd jgħidilna xi ħaġa u nieħdu għalina. Minflok ma nkunu taʼ żaqqna f’fommna u ngħidu xi ħaġa banali, inkunu għaqlin jekk nieqfu u naħsbu: ‘Kienet l-​intenzjoni tiegħu li juri nuqqas taʼ qalb tajba? Tassew għandi bżonn inkellmu dwar dak li qal?’ Forsi jkun aħjar jekk ma ngħidu xejn. Imma jekk hemm raġuni tajba għala għandna nkellmuh, ikun tajjeb jekk nistennew sakemm nikkalmaw. (Prov. 15:28) Jew jistaʼ jagħti l-​każ li nkunu rridu ninkuraġġixxu l-​membri tal-​familja tagħna li mhumiex Xhieda biex isiru jafu lil Ġeħova. Irridu nkunu paċenzjużi, naħsbu sew dwar x’se ngħidu, u nsibu ħin tajjeb meta għandhom mnejn ikunu lesti li jagħtuna widen. w15 12/15 3:6, 8, 9

It-​Tnejn, 25 taʼ Diċembru

Tgħallimna ngħixu sewwa b’moħħ f’loku f’din is-​sistema.—Titu 2:12.

Meta nkunu qed niddeċiedu liema test jew kura għandna naċċettaw, irid ikollna “moħħ f’loku,” jiġifieri rridu nużaw l-​għaqal. Dan hu speċjalment importanti jekk it-​test jew il-​kura tidher stramba jew mhix tas-​soltu. Jistaʼ l-​konsulent jispjega kif jaħdem it-​test jew il-​kura? L-​ispjegazzjoni tinstemaʼ stramba? Jaqblu ħafna tobba li dan it-​test jew din il-​kura tistaʼ tfejjaq lin-​nies? (Prov. 22:29) Forsi xi ħadd jgħidilna li nstabet kura ġdida xi mkien ’il bogħod u li t-​tobba għadhom ma jafux biha. Imma hemm xi fatti li juru biċ-​ċar li verament teżisti kura bħal din? Xi wħud saħansitra joffru kura li fiha xi ingredjent sigriet jew xi forza mhux magħrufa. Dan jistaʼ jkun perikoluż ferm. Tinsiex, Alla wissiena biex ma nużawx qawwiet sopranaturali jew maġiċi.—Is. 1:13; Dt. 18:10-​12. w15 12/15 4:16

It-​Tlieta, 26 taʼ Diċembru

“Ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-​Battista; imma min hu fost l-​iżgħar fis-​saltna tas-​smewwiet hu akbar minnu.”—Mt. 11:11.

Fil-​Bibbja, hemm ħafna eżempji taʼ wħud leali li rċivew l-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova imma li ma marrux fis-​sema. Eżempju minnhom hu Ġwanni l-​Battista. Ġesù qal li l-​ebda raġel ma kien akbar minn Ġwanni, imma mbagħad qal li Ġwanni ma kienx se jmexxi bħala sultan fis-​sema. David ukoll kien iggwidat mill-​ispirtu qaddis. (1 Sam. 16:13) L-​ispirtu qaddis għenu jifhem affarijiet profondi dwar Ġeħova u wkoll idderiġieh biex jikteb partijiet mill-​Bibbja. (Mk. 12:36) Minkejja dan, l-​appostlu Pietru qal li David “ma telax fis-​smewwiet.” (Atti 2:34) Ġeħova uża l-​ispirtu qaddis tiegħu biex jagħti lil dawn l-​uħud il-​qawwa ħalli jagħmlu affarijiet tal-​għaġeb, imma m’użahx biex jistidinhom jgħixu fis-​sema. Ifisser dan li ma kinux leali biżżejjed jew li ma kkwalifikawx biex imexxu fis-​sema? Le. Sempliċement ifisser li Ġeħova se jerġaʼ jqajjimhom għall-​ħajja f’Ġenna tal-​art.—Ġw. 5:28, 29; Atti 24:15. w16.01 3:16

L-​Erbgħa, 27 taʼ Diċembru

“Jien u l-​Missier ħaġa waħda.”—Ġw. 10:30.

Meta naħdmu flimkien maʼ dawk li nħobbu, nersqu qrib tagħhom. Insiru nafu iktar dwar il-​personalità u l-​kwalitajiet tagħhom. Nitgħallmu dwar x’inhuma l-​miri tagħhom u kif qed jipprovaw jilħquhom. Ġesù ħadem maʼ Ġeħova għal forsi biljuni taʼ snin. L-​imħabba u l-​affezzjoni tagħhom għal xulxin tant saru b’saħħithom li xejn ma setaʼ jkisser ir-​relazzjoni tagħhom. Kienu tassew magħqudin, u kkooperaw bis-​sħiħ meta ħadmu flimkien. Ġesù talab lil Ġeħova biex jipproteġi lid-​dixxipli tiegħu. Għala? Hu talab: “Biex ikunu ħaġa waħda bħalna.” (Ġw. 17:11) Meta ngħixu fi qbil mal-​livelli t’Alla u nieħdu sehem fl-​ippritkar, nifhmu aħjar il-​kwalitajiet mill-​isbaħ tiegħu. Nitgħallmu għala nkunu għaqlin jekk nafdaw fih u nsegwu d-​direzzjoni tiegħu. U meta nersqu qrib t’Alla, hu jersaq qrib tagħna. (Ġak. 4:8) Aħna nersqu qrib ukoll taʼ ħutna rġiel u nisa għax nesperjenzaw problemi u ferħ simili u għax għandna l-​istess miri. w16.01 5:9, 10

Il-​Ħamis, 28 taʼ Diċembru

Mur lura mal-​armla taʼ ħu żewġek.—Rut 1:15.

Nagħomi kienet determinata li tirritorna l-​Iżrael, art twelidha. Rut xi ddeċidiet li tagħmel? Kellha tieħu deċiżjoni diffiċli ħafna. Kienet hi se tmur lura Mowab biex tkun mal-​familja tagħha, jew kienet se tibqaʼ maʼ Nagħomi, il-​kunjata tagħha, u tivvjaġġa lejn Betlem? (Rut 1:1-​8, 14) Il-​familja taʼ Rut kienet tgħix f’Mowab. Setgħet tirritorna għandhom, u probabbli kienu jieħdu ħsiebha. Kienet taf in-​nies, il-​lingwa, u l-​kultura taʼ Mowab. Nagħomi ma setgħetx twiegħed lil Rut dawn l-​affarijiet f’Betlem. U Nagħomi beżgħet li ma kinitx se ssib raġel jew dar għal Rut. Għalhekk, Nagħomi qaltilha biex tmur lura Mowab. Bħalma rajna, Għorfa “marret lura lejn niesha u allatha.” (Rut 1:9-​15) Imma Rut iddeċidiet li ma tmurx lura lejn niesha u l-​allat foloz tagħhom. w16.02 2:4, 5

Il-​Ġimgħa, 29 taʼ Diċembru

“X’qed jitlob minnek Ġeħova ħlief li tkun ġust u li tħobb il-​qalb tajba u li tkun modest fil-​mixi tiegħek m’Alla?”—Mik. 6:8.

Sawl u t-​3,000 suldat tiegħu kienu qed ifittxu lil David fl-​art xagħrija taʼ Ġuda biex joqtluh. Imma lejl minnhom, David u l-​irġiel tiegħu sabu l-​post fejn Sawl u s-​suldati tiegħu kienu kkampjati. Kollha kienu reqdin, u allura David u Abisaj imxew inkiss inkiss minn quddiem is-​suldati u sabu lil Sawl. Minn taħt l-​ilsien Abisaj qal lil David: ‘Ħallini nsammru maʼ l-​art bil-​lanza darba biss, u ma nerġax nagħmillu hekk darbtejn.’ Imma David ma ħalliehx joqtol lil Sawl. Hu qal lil Abisaj: “Toqtlux, għax min medd idu fuq il-​midluk taʼ Ġeħova u baqaʼ innoċenti?” Imbagħad David qal: “Ma jgħaddilix minn moħħi, mill-​ħarsa taʼ Ġeħova, li mmidd idi fuq il-​midluk taʼ Ġeħova!” (1 Sam. 26:8-​12) David fehem x’kellu bżonn jagħmel biex ikun leali lejn Ġeħova. Hu kien jaf li kellu jirrispetta lil Sawl, u lanqas biss għaddietlu minn rasu li jweġġgħu. Għala? Għax kien Alla li għażel lil Sawl biex ikun sultan tal-​Iżrael. Illum, bħall-​passat, Ġeħova jrid lill-​qaddejja tiegħu kollha jkunu leali lejh u jirrispettaw lil dawk li hu jħallihom ikollhom awtorità. w16.02 4:1, 2

Is-​Sibt, 30 taʼ Diċembru

“Jien tgħaxxaqt nagħmel ir-​rieda tiegħek, O Alla tiegħi.”—Salm 40:8.

Int għadek żgħir u tixtieq titgħammed? Jekk iva, dan hu l-​akbar unur li qatt jistaʼ jkollok. Madankollu, dan hu pass serju. Il-​magħmudija turi lil oħrajn li int iddedikajt lilek innifsek lil Ġeħova, jiġifieri, wegħedtu li se taqdih għal dejjem u li l-​iktar ħaġa importanti f’ħajtek hi li tagħmel ir-​rieda tiegħu. Peress li din hi wegħda serja ħafna għal Alla, għandek titgħammed biss meta int tkun matur biżżejjed, meta jkollok xewqa persunali li tagħmel dan, u meta tifhem xi tfisser li tkun iddedikat lil Alla. Però, forsi tħoss li m’intix lest għall-​magħmudija. Jew forsi tħoss li int lest imma l-​ġenituri tiegħek jaħsbu li għandek tistenna sakemm tikber u jkollok iktar esperjenza fil-​ħajja. X’għandek tagħmel? Taqtax qalbek. Minflok, uża dan iż-​żmien biex tagħmel progress ħalli ma ddumx ma tikkwalifika biex titgħammed. w16.03 2:1, 2

Il-​Ħadd, 31 taʼ Diċembru

“Tintrabtux taħt madmad li mhux indaqs maʼ dawk li ma jemmnux.”—2 Kor. 6:14.

Il-​Bibbja b’mod ċar tgħid li m’għandniex niżżewġu lil xi ħadd li ma jaqdix lil Ġeħova. Madankollu, hemm aħwa rġiel u nisa li mhumiex miżżewġin lil xi ħadd mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Xi wħud tgħallmu l-​verità wara li żżewġu, u s-​sieħeb jew is-​sieħba tagħhom fiż-​żwieġ ma saritx Xhud. Oħrajn forsi żżewġu qaddej jew qaddejja taʼ Ġeħova, imma mbagħad ir-​raġel jew il-​mara tagħhom telqet mill-​kongregazzjoni. F’dawn is-​sitwazzjonijiet, il-​Kristjani jagħmlu kulma jistgħu biex iżommu ż-​żwieġ tagħhom b’saħħtu billi jobdu l-​parir tal-​Bibbja. Dan għandu mnejn mhux dejjem ikun faċli. Satana jattakka l-​familji llum. Din hi raġuni għala raġel u mara miżżewġin u li jaqdu lil Ġeħova għandhom bżonn jikkooperaw maʼ xulxin. Ilek kemm ilek miżżewweġ, aħseb dwar dak li tistaʼ tgħid jew tagħmel biex issaħħaħ iż-​żwieġ tiegħek. Jekk intom koppja li ilha miżżewġa, tistgħu tkunu eżempju tajjeb għal uħud iżgħar. Forsi tistgħu tistiednu koppja iżgħar biex tingħaqad magħkom għall-​qima bħala familja. Dawn se jaraw li tnejn li huma miżżewġin għandhom juru affezzjoni lejn xulxin u jkunu magħqudin, ilhom kemm ilhom miżżewġin.—Titu 2:3-​7. w16.03 3:14, 15

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja