Diċembru
Is-Sibt, 1 taʼ Diċembru
“Intom iqfulu, sodi fil-fidi, għax tafu li sofferenzi bħal dawn qed iseħħu fil-fratellanza kollha fid-dinja.”—1 Pt. 5:9.
L-appostlu Pietru kiteb il-kliem t’hawn fuq biex jinkuraġġixxi lill-Kristjani ħalli jissaportu l-attakki taʼ Satana. L-esperjenzi taʼ “dawk li ssaportew” jgħallmuna kif nibqgħu leali, jaċċertawna li nistgħu nirnexxu, u jfakkruna li l-lealtà tagħna se tkun premjata. (Ġak. 5:11) Qed issofri oppożizzjoni ħarxa jew saħansitra persekuzzjoni? Int qed taqdi bħala anzjan f’kongregazzjoni jew indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet li tħossok mgħobbi b’ħafna responsabbiltajiet? Jekk iva, l-eżempju taʼ Pawlu jistaʼ jgħinek. Pawlu sofra minħabba persekuzzjoni ħarxa, u hu dejjem inkwieta dwar l-aħwa tal-kongregazzjonijiet. (2 Kor. 11:23-29) Imma Pawlu qatt ma qataʼ qalbu, u l-eżempju tiegħu saħħaħ lil oħrajn. (2 Kor. 1:6) Bl-istess mod, meta tissaporti tkun tistaʼ tinkuraġġixxi lil ħaddieħor biex jissaporti. w16.04 2:11, 14
Il-Ħadd, 2 taʼ Diċembru
Morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha u għallmuhom.—Mt. 28:19, 20.
Ġesù bassar li fl-aħħar jiem, l-aħbar tajba tas-Saltna se tiġi ppritkata lill-ġnus kollha. (Mt. 24:14) Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, aħna magħrufin mad-dinja kollha għall-ippritkar tagħna. Xi nies jieħdu pjaċir bil-messaġġ li nippritkaw, filwaqt li oħrajn le. Imma anke ftit minn dawk li ma jogħġobhomx il-messaġġ tagħna jirrispettawna minħabba x-xogħol li nagħmlu. Bħala Xhieda taʼ Ġeħova nsostnu li aħna l-uħud li qed jagħmlu x-xogħol li bassar Ġesù. Ħafna gruppi reliġjużi jsostnu li qed jippritkaw il-messaġġ taʼ Ġesù. Imma jippritkaw biss permezz taʼ prietki fil-knisja, fuq it-televixin, jew fuq l-Internet, jew sempliċement jgħidu lil oħrajn kif huma tgħallmu dwar Ġesù. Oħrajn iħossu li jistgħu jippritkaw billi jgħinu lil dawk fil-bżonn jew billi jagħmlu xogħol taʼ karità bħala tobba, infermieri, jew għalliema. Imma huma dawn l-attivitajiet, l-ippritkar li kien qed jitkellem dwaru Ġesù? w16.05 2:1, 2
It-Tnejn, 3 taʼ Diċembru
“Nappella għal quddiem Ċesari!”—Atti 25:11.
Il-gvernijiet umani saru l-għedewwa tas-Saltna t’Alla, li bdiet tmexxi mill-1914. Is-Saltna dalwaqt se tneħħi lill-gvernijiet umani kollha. (Salm 2:2, 7-9) Alla jippermetti li jkun hawn gvernijiet umani għax jistgħu jżommu xi tip taʼ paċi u ordni. Dan jgħinna nippritkaw l-aħbar tajba dwar is-Saltna t’Alla. (Rum. 13:3, 4) Alla saħansitra jgħidilna biex nitolbu dwar dawk li għandhom awtorità ħalli nkunu nistgħu nqimuh fil-paċi. (1 Tim. 2:1, 2) Meta ma nkunux qed niġu ttrattati b’mod ġust, għandu mnejn nitolbu lil dawk li għandhom awtorità fil-gvern biex jgħinuna. Pereżempju Pawlu hekk għamel. Għalkemm il-Bibbja tgħid li Satana jikkontrolla l-gvernijiet umani, qatt ma tgħid li jikkontrolla kull individwu li għandu awtorità fil-gvern. (Lq. 4:5, 6) Allura, qatt m’għandna nagħtu lil xi ħadd l-idea li xi uffiċjal tal-gvern qed jiġi kkontrollat mix-Xitan. Il-Bibbja tispjega li m’għandniex ninsultaw lil oħrajn.—Titu 3:1, 2. w16.04 4:5, 6
It-Tlieta, 4 taʼ Diċembru
“Ibqgħu ifhmu x’inhi r-rieda taʼ Ġeħova.”—Efes. 5:17.
Kif nistgħu nkunu nafu x’se jogħġob lil Ġeħova? Meta ma jkunx hemm liġi speċifika fil-Bibbja, aħna rridu nifhmu, jew nagħrfu, xi jridna nagħmlu Ġeħova fis-sitwazzjoni tagħna. Kif nistgħu nagħmlu dan? Hemm bżonn li nitolbu lilu u nħallu l-ispirtu qaddis tiegħu jiggwidana. Ġesù dejjem fehem x’ried minnu Ġeħova. Pereżempju, f’żewġ okkażjonijiet meta l-folol kienu bil-ġuħ, Ġesù talab u mbagħad temagħhom permezz taʼ miraklu. (Mt. 14:17-20; 15:34-37) Imma meta kien fix-xagħri u qabdu l-ġuħ, Ġesù rrifjuta li jbiddel il-ġebel f’ħobż, bħalma kien qallu biex jagħmel ix-Xitan. (Mt. 4:2-4) Hu kien jafu sew lil Missieru, u għalhekk kien jaf li Ġeħova ma ridux juża l-ispirtu qaddis għall-bżonnijiet tiegħu stess. Hu kien ċert li Missieru kien se jiggwidah u jagħtih l-ikel meta kellu bżonn. w16.05 3:7, 8
L-Erbgħa, 5 taʼ Diċembru
“L-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla u tiswa.”—2 Tim. 3:16.
Huwa minnu li xi partijiet mill-Bibbja ġew miktubin għal persuna partikulari jew grupp taʼ nies. Huwa għalhekk li qabel naqraw il-Bibbja, nagħmlu tajjeb li nitolbu biex ikollna moħħ miftuħ u biex ikollna l-għerf ħalli nifhmu l-lezzjonijiet li Ġeħova jridna nitgħallmu. (Esd. 7:10; Ġak. 1:5) Meta taqra l-Bibbja, ieqaf u saqsi lilek innifsek dawn il-mistoqsijiet: ‘Dan x’jgħidli dwar Ġeħova? Kif nistaʼ nuża din l-informazzjoni f’ħajti? Kif nistaʼ nużaha biex ngħin lil ħaddieħor?’ Meta nimmeditaw fuq dawn il-mistoqsijiet se nibbenefikaw iktar mill-qari tal-Bibbja tagħna. Ejja nikkunsidraw eżempju. Il-Bibbja tiddeskrivi ċerti kwalifiki għall-anzjani Kristjani. (1 Tim. 3:2-7) Madankollu l-maġġorparti minna mhumiex anzjani, allura għandu mnejn naħsbu li din l-informazzjoni ma tistaʼ tgħinna bl-ebda mod. Madankollu, din il-lista taʼ kwalifiki tistaʼ tgħin lil kulħadd. w16.05 5:7, 8
Il-Ħamis, 6 taʼ Diċembru
“Ara! Bħat-tafal f’id il-fuħħari, hekk intom f’idi.”—Ġer. 18:6.
Meta l-Lhud ittieħdu fil-belt taʼ Babilonja, raw li kienet mimlija idoli u nies li kienu jqimu lil spirti mill-agħar. Minkejja dan, Lhud leali, bħal pereżempju Danjel u t-tlett iħbieb tiegħu, irrifjutaw li jiġu msawrin min-nies taʼ Babilonja. (Dan. 1:6, 8, 12; 3:16-18) Danjel u l-ħbieb tiegħu aċċettaw lil Ġeħova bħala l-Fuħħari tagħhom u komplew iqimu lilu biss. Għalkemm Danjel għex f’ambjent ħażin għal kważi ħajtu kollha, anġlu t’Alla qal li kien “raġel maħbub ħafna.” (Dan. 10:11, 19) Fi żminijiet Bibliċi, fuħħari setaʼ jagħżel li jitfaʼ u jagħfas it-tafal ġo forma ħalli jifformah kif jixtieq hu. Illum il-ġurnata, l-aduraturi veri jafu li Ġeħova hu l-Mexxej tal-univers u għandu l-awtorità li jsawwar il-ġnus. (Ġer. 18:6) Alla għandu l-awtorità wkoll li jsawwar lil kull wieħed u waħda minna. Madanakollu, Ġeħova ma jġiegħel lil ħadd jinbidel. Minflok, iridna nkunu lesti li nħalluh isawwarna. w16.06 2:1, 2
Il-Ġimgħa, 7 taʼ Diċembru
“Ħa jkun il-mod kif tgħixu ħieles mill-imħabba għall-flus.”—Ebr. 13:5.
Satana jridna nemmnu li nistgħu nieħdu pjaċir bil-ħajja biss jekk ikollna ħafna affarijiet. Allura, juża d-dinja tiegħu u “x-xewqa taʼ l-għajnejn” biex dejjem jipprova jġegħelna nkunu rridu iktar. (1 Ġw. 2:15-17; Ġen. 3:6; Prov. 27:20) B’mod kontinwu naraw u nisimgħu riklami li jipprovaw jikkonvinċuna biex nixtru prodotti ġodda. Qatt xtrajt xi ħaġa għas-sempliċi fatt li kienet tidher attraenti għand tal-ħanut jew għax rajtha f’xi riklam? Jekk iva, forsi iktar tard irrealizzajt li ma kellekx bżonnha verament. Meta nibqgħu nixtru affarijiet li ma jkollniex bżonn, nispiċċaw nikkomplikaw ħajjitna. Dawn l-affarijiet jistgħu jfixkluna milli naqdu lil Ġeħova. Pereżempju, għandu mnejn ma jibqgħalniex biżżejjed ħin għall-istudju tal-Bibbja, biex nippreparaw għal-laqgħat u nattenduhom, u biex noħorġu fil-ministeru b’mod regulari. Ftakar, l-appostlu Ġwanni wissa: “Id-dinja tgħaddi u x-xewqa tagħha wkoll.” w16.07 1:3, 4
Is-Sibt, 8 taʼ Diċembru
Avolja hemm dawk imsejħin “allat,” għalina fil-fatt hemm Alla wieħed.—1 Kor. 8:5, 6.
Fil-kongregazzjoni Kristjana tal-bidu, kien hemm Lhud, Griegi, Rumani, u nies taʼ nazzjonalitajiet oħra. Kellhom sfondi, kulturi, u preferenzi differenti. Minħabba dan, kien diffiċli għal xi wħud minnhom biex jaċċettaw mod ġdid kif iqimu jew biex jabbandunaw il-prattiki li kellhom qabel. Allura, Pawlu kellu bżonn ifakkarhom li l-Kristjani għandhom Alla wieħed, Ġeħova. Xi ngħidu dwar il-kongregazzjoni Kristjana llum? Il-profeta Isaija qal li “fl-aħħar parti tal-jiem,” nies mill-ġnus kollha kienu se jinġabru flimkien biex iqimu lil Ġeħova. Kienu se jgħidu: “Hu jgħallimna dwar triqatu, u aħna nimxu fil-mogħdijiet tiegħu.” (Is. 2:2, 3) Fil-fatt, aħna ferħanin li qed naraw din il-profezija titwettaq illum il-ġurnata! Ħutna rġiel u nisa jiġu minn postijiet differenti, jitkellmu lingwi differenti, u għandhom kulturi differenti. Imma aħna magħqudin fil-qima tagħna lil Ġeħova. w16.06 3:15, 16
Il-Ħadd, 9 taʼ Diċembru
“Qajjimna flimkien u poġġiena bil-qiegħda flimkien fil-postijiet tas-sema f’unjoni maʼ Kristu Ġesù.”—Efes. 2:6.
Hu diffiċli biex timmaġina l-affarijiet meraviljużi li Ġeħova ħejja għall-Kristjani midlukin meta jsaltnu maʼ Kristu fis-sema. (Lq. 22:28-30; Flp. 3:20, 21; 1 Ġw. 3:2) Huma se jkunu “Ġerusalemm il-ġdida,” l-għarusa taʼ Kristu. (Riv. 3:12; 17:14; 21:2, 9, 10) Se jaħdmu maʼ Ġesù “għall-fejqan tal-ġnus.” Se jgħinu lill-bnedmin biex jinħelsu mit-tagħbija tad-dnub u l-mewt u jgħinuhom isiru perfetti. (Riv. 22:1, 2, 17) Wieħed mill-akbar modi kif Ġeħova se juri l-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu fuq l-art se jkun bl-irxoxt tal-bnedmin mill-“Qabar.” (Ġob 14:13-15; Ġw. 5:28, 29) Min se jiġi rxoxtat? Nisa u rġiel leali li mietu qabel il-mewt taʼ Kristu u dawk min-“nagħaġ oħrajn” li jmutu leali lejn Ġeħova matul l-aħħar jiem. Dawk l-uħud leali kollha se jiġu lura għall-ħajja biex ikomplu jaqdu lil Ġeħova.—Ġw. 10:16. w16.07 4:13-15
It-Tnejn, 10 taʼ Diċembru
“F’mument bħal dan qed torqdu u tieħdu l-mistrieħ tagħkom!”—Mk. 14:41.
X’se jgħinna ‘nibqgħu mqajmin’ u nkunu preparati għall-jum taʼ Ġeħova? Għandna bżonn ikollna xewqa kbira biex nibqgħu nagħmlu dak li hu sew. Imma dan mhuwiex biżżejjed. Ftit tal-jiem qabel miet Ġesù, hu qal lid-dixxipli tiegħu li kellhom bżonn jibqgħu jitolbu lil Ġeħova għall-għajnuna. (Lq. 21:36) Sabiex nibqgħu attenti f’dan iż-żmien tat-tmiem, aħna wkoll għandna nitolbu lil Ġeħova f’kull ħin. (1 Pt. 4:7) Ġesù qal li t-tmiem se jiġi “f’siegħa li ma tistennewhiex.” (Mt. 24:44) Allura jeħtieġ li dejjem inkunu lesti. Issa mhuwiex iż-żmien biex nipprovaw ngħixu l-istil taʼ ħajja li d-dinja taʼ Satana tgħid li jġib ferħ. Ir-realtà hi ’l bogħod minn hekk. Minflok, permezz tal-Bibbja, Ġeħova u Ġesù qalulna kif nistgħu nibqgħu għassa. Allura, ejja nagħtu kas tal-profeziji tal-Bibbja u kif dawn qed jitwettqu. U jalla nibqgħu nersqu eqreb lejn Ġeħova u npoġġu s-Saltna l-ewwel f’ħajjitna. Imbagħad aħna se nkunu preparati għal meta jiġi t-tmiem. (Riv. 22:20) Hemm ħajjitna fin-nofs! w16.07 2:15-17
It-Tlieta, 11 taʼ Diċembru
“Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb.”—Kol. 3:13.
Iż-żwiġijiet jistgħu jkunu b’saħħithom jekk ir-raġel u l-mara miżżewġin ‘ikomplu jissaportu lil xulxin u jaħfru lil xulxin mill-qalb.’ Minħabba li huma imperfetti, it-tnejn li huma se jiżbaljaw. Meta jiġri hekk, jistgħu jitgħallmu mill-iżbalji tagħhom stess, jitgħallmu jaħfru, u juru mħabba bbażata fuq il-prinċipji tal-Bibbja. Din l-imħabba “hi rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kol. 3:14) Il-miżżewġin jistgħu juru din l-imħabba billi jkunu paċenzjużi u qalbhom tajba u billi ‘ma jżommux kont tal-ħsara.’ (1 Kor. 13:4, 5) Meta jkun hemm xi nuqqas taʼ qbil, il-koppja għandha ssolvi dan kemm jistaʼ jkun malajr, qabel ma tispiċċa l-ġurnata. (Efes. 4:26, 27) Hemm bżonn l-umiltà u l-kuraġġ biex tgħid “Skużani talli weġġajtek,” imma permezz t’hekk tkun qed tgħin biex issolvi l-problemi u tkun eqreb tas-sieħeb jew is-sieħba tiegħek fiż-żwieġ. w16.08 2:6
L-Erbgħa, 12 taʼ Diċembru
“Jien żgur istruzzjoni tajba nagħtikom.”—Prov. 4:2.
Ġesù ħadem iebes ħafna biex jipprietka dwar is-Saltna. Hu qattaʼ ħafna ħin iħarreġ lid-dixxipli tiegħu. Hu wriehom kif jgħallmu u kif jieħdu ħsieb il-poplu t’Alla. Id-dixxipli tgħallmu jkunu bħal ragħajja li jieħdu ħsieb in-nagħaġ tagħhom. (Mt. 10:5-7) Għalkemm Filippu kellu ħafna x’jagħmel fl-ippritkar, hu bla dubju għen lil uliedu bniet ħalli jagħmlu l-istess xogħol. (Atti 21:8, 9) Illum, aħna wkoll għandna bżonn inħarrġu oħrajn. Għala? Fil-kongregazzjonijiet madwar id-dinja, hemm ħafna ġodda li għadhom ma tgħammdux. Dawn għandhom bżonn jiġu mħarrġa. Aħna rridu ngħinuhom jifhmu għala hu tajjeb għalihom li jaqraw u jistudjaw il-Bibbja personalment. Ukoll, irridu nħarrġuhom biex jippritkaw u jgħallmu l-aħbar tajba. Aħwa rġiel li tgħammdu dan l-aħħar għandhom bżonn taħriġ ħalli maż-żmien ikunu jistgħu jaqdu bħala qaddejja ministerjali u anzjani. Dawk fil-kongregazzjoni jistgħu jgħinu lil uħud ġodda. w16.08 4:1, 2
Il-Ħamis, 13 taʼ Diċembru
“Saħħu l-idejn dgħajfin, u ssodaw l-irkopptejn li qed jirtogħdu.”—Is. 35:3.
Meta naħdmu flimkien maʼ ħutna rġiel u nisa, dan isaħħaħ l-unità taʼ bejnietna. Dan jgħinna wkoll biex nibnu ħbiberiji dejjiema u biex insaħħu l-fiduċja tagħna fil-barkiet li s-Saltna t’Alla dalwaqt se ġġib. Meta nsaħħu l-idejn t’oħrajn, inkunu qed ngħinuhom biex jissaportu sitwazzjonijiet diffiċli u biex jibqaʼ jkollhom tama pożittiva għall-futur. (Is. 35:4) Minbarra dan, meta ngħinu lil oħrajn, dan isaħħaħ idejna wkoll u jgħinna biex niffokaw fuq il-futur. Meta naħsbu dwar kif Ġeħova għen u pproteġa lill-qaddejja leali tiegħu fil-passat, il-fidi u l-fiduċja tagħna fih jissaħħu. Għalhekk, meta jkollok il-problemi u tħossok ansjuż, “ħa ma jintelqux idejk”! (Sof. 3:16) Tistaʼ tkun ċert li jekk titlob lil Ġeħova għall-għajnuna, l-id setgħana tiegħu se ssaħħek u tiggwidak lejn il-barkiet tas-Saltna fil-futur qarib.—Salm 73:23, 24. w16.09 1:16-18
Il-Ġimgħa, 14 taʼ Diċembru
“Għandu żmien għal kollox u għal kull għemil.”—Ekk. 3:17.
Meta l-qaddejja t’Alla jkunu qed jiddeċiedu x’se jilbsu, huma jagħtu kas l-iskrittura tal-lum. Staġuni, kundizzjonijiet tal-ħajja, ċirkustanzi, u klimi differenti jistgħu jeffettwaw x’nilbsu. Imma l-livelli taʼ Ġeħova huma dejjem l-istess. (Mal. 3:6) F’temp iktar sħun, hija iktar taʼ sfida biex nagħmlu ċert li dak li nilbsu jkun modest u juri rispett. Ħutna japprezzaw meta nilbsu ħwejjeġ li mhumiex issikkati żżejjed li jkun jidher kollox jew ħwejjeġ wesgħin iżżejjed li meta nagħmlu ċerti movimenti jinkixfu partijiet privati tal-ġisem. (Ġob 31:1) Ukoll, meta nkunu ħdejn il-baħar jew il-pool, il-malja tagħna għandha tkun modesta. (Prov. 11:2, 20) Hemm nies fid-dinja li jilbsu malji indeċenti. Bħal pereżempju malji li jikxfu żżejjed, trasparenti, jew issikkati żżejjed. Anki jekk ħafna jagħmlu hekk, aħna għandna nagħmlu ċert li l-għażla tagħna ġġib unur lill-Alla l-qaddis tagħna, Ġeħova. w16.09 3:11, 12
Is-Sibt, 15 taʼ Diċembru
“Intom min tgħidu li jien?”—Mt. 16:15.
Ġesù spiss saqsa lid-dixxipli tiegħu x’kienu jemmnu. (Mt. 16:13-15) Int tistaʼ timita l-eżempju tiegħu. Waqt li tkun qed titkellem maʼ wliedek jew tkunu qed tagħmlu xi ħaġa flimkien, saqsihom x’jaħsbu u għidilhom biex jgħidulek kif verament iħossuhom. Jekk uliedek ma jemmnux mill-ewwel xi ħaġa li tgħallem il-Bibbja, kun paċenzjuż. Għinhom isibu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet tagħhom. Missier qal: “Tikkunsidrax il-mistoqsijiet taʼ wliedek ħafif ħafif. Huwa tajjeb li wliedek isaqsuk, għax ifisser li jridu jifhmu. Anki Ġesù saqsa mistoqsijiet meta kien żgħir. (Lq. 2:46) Sir af lil uliedek sew. Taħsibx li għandhom il-fidi f’Ġeħova għas-sempliċi fatt li jippritkaw u jmorru l-laqgħat. Kif iħossuhom verament dwar Ġeħova, u x’jaħsbu dwar il-Bibbja? Agħmel l-aħjar li tistaʼ biex issir taf jekk hemmx xi ħaġa li tagħmilhielhom diffiċli biex jibqgħu leali lejn Ġeħova. Tkellem dwaru kuljum waqt li tkun qed tagħmel l-affarijiet maʼ wliedek. Itlob għat-tfal tiegħek, kemm meta tkun magħhom u anki meta tkun waħdek. w16.09 5:3-5
Il-Ħadd, 16 taʼ Diċembru
“Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.”—Mt. 5:3.
Illum, ħafna mix-Xhieda taʼ Ġeħova qegħdin iħabirku f’li jgħinu fit-twettiq tal-profezija biex jippritkaw “lil kull ġens u tribù u lsien u poplu.” (Riv. 14:6) Int wieħed fost dawk li qed jitgħallmu lingwa oħra? Xi wħud jaqdu bħala missjunarji jew jippritkaw f’pajjiż ieħor fejn il-bżonn hu akbar. Oħrajn bdew jattendu laqgħat taʼ lingwa barranija fil-pajjiż tagħhom. Il-qaddejja kollha t’Alla jeħtieġ li jżommu s-saħħa spiritwali tagħhom u tal-familja bħala l-iktar ħaġa importanti. Madankollu, xi drabi nistgħu tant inkunu mħabbtin li jkun diffiċli nsibu ħin għal studju personali siewi. Imma dawk li qegħdin f’kongregazzjoni taʼ lingwa barranija għandhom diffikultajiet oħrajn. Dawk li jaqdu f’kongregazzjoni taʼ lingwa barranija għandhom bżonn jitgħallmu lingwa ġdida, imma għandhom bżonn ukoll jagħmlu ċert li jistudjaw regolarment l-affarijiet profondi t’Alla.—1 Kor. 2:10. w16.10 2:1-3
It-Tnejn, 17 taʼ Diċembru
“Għax kulmin jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered.”—Mt. 26:52.
Illum, ħafna minn ħutna rġiel u nisa jaqdu lil Ġeħova bil-ferħ avolja huma ppersegwitati bl-aħrax. Mijiet minn dawn qegħdin il-ħabs fl-Eritrea, Singapore, u l-Korea t’Isfel għax jirrifjutaw li ‘jaqbdu s-sejf.’ Ħafna min-nies taʼ Ġeħova ma ġewx mitfugħin il-ħabs jew trattati b’mod aħrax bħal xi wħud. Imma ħafna sofrew minħabba faqar, diżastri naturali, jew gwerer ċivili. Oħrajn segwew l-eżempju t’Abraham, Iżakk, Ġakobb, u Mosè u rrifjutaw li jsiru famużi jew sinjuri biex jiffokaw fuq li jaqdu lil Ġeħova. X’għen lil ħutna biex jibqgħu jaqdu lil Ġeħova bil-ferħ? L-imħabba tagħhom lejh u l-fidi soda fil-wegħdi tiegħu. Huma jafu li hu se jippremja lill-qaddejja leali tiegħu b’ħajja taʼ dejjem fid-dinja l-ġdida, fejn mhu se jkun hemm l-ebda inġustizzja.—Salm 37:5, 7, 9, 29. w16.10 3:15, 16
It-Tlieta, 18 taʼ Diċembru
Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; u lil dawk bi spirtu miksur, jew skuraġġiti, isalvahom.—Salm 34:18.
Meta l-profeta Ġeremija kien beżgħan u skuraġġit, Ġeħova wiegħdu li jgħinu. (Ġer. 1:6-10) Ġeħova bagħat anġlu biex isaħħaħ lix-xwejjaħ profeta Danjel. Dan l-anġlu sejjaħ lil Danjel “raġel maħbub ħafna.” (Dan. 10:8, 11, 18, 19) Tistaʼ int tinkuraġġixxi lil ħutek irġiel u nisa bl-istess mod, inkluż lill-pijunieri kif ukoll oħrajn imdaħħlin fiż-żmien li m’għadhomx jistgħu jagħmlu daqskemm kienu? Għalkemm Ġeħova u Ġesù kienu ilhom flimkien għal snin twal, Ġeħova kien jaf li xorta kien hemm bżonn jinkuraġġixxi lil Ibnu meta dan kien fuq l-art. Ġesù sema’ lil Missieru jitkellem mis-sema meta beda x-xogħol tal-ippritkar tiegħu u matul l-aħħar sena taʼ ħajtu fuq l-art. F’żewġ okkażjonijiet, Ġeħova qal: “Dan hu Ibni, il-maħbub, li lilu jien approvajt.” (Mt. 3:17; 17:5) Ġesù żgur li ħassu inkuraġġit bil-kbir meta sema’ lil Missieru jgħid li kien iħobbu u li kien kburi bih. Iktar tard, fil-lejl taʼ qabel ma miet, Ġesù ħassu ansjuż ħafna. Ġeħova inkuraġġieh billi bagħatlu anġlu biex isaħħu u jfarrġu.—Lq. 22:43. w16.11 1:7, 8
L-Erbgħa, 19 taʼ Diċembru
“Tgħaġġilx biex tieħu għalik.”—Ekk. 7:9.
Mhuwiex dejjem faċli li nikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħna. Għandu mnejn inħossuna mdejqin jew irrabjati ħafna jekk xi ħadd jinsultana jew jittrattana inġustament, forsi minħabba l-kultura tagħna, il-kulur tal-ġilda, jew il-mod kif nidhru. U nistgħu nweġġgħu saħansitra iktar jekk min jinsultana jew jittrattana ħażin ikun ħuna jew oħtna. Fil-Bibbja, Ġeħova jgħallimna nikkontrollaw kif inħossuna u jgħidilna l-kliem tal-iskrittura tal-lum. Ipprova aħseb kemm problemi nevitaw meta nobdu dan il-parir u ma nirrabjawx malajr! (Prov. 16:32) Il-Bibbja tgħidilna wkoll biex naħfru lil oħrajn. Fil-fatt, Ġesù qalilna li jekk ma naħfrux lil oħrajn, Ġeħova ma jaħfirx lilna. (Mt. 6:14, 15) Għandek bżonn tkun iktar paċenzjuż u iktar lest li taħfer lil oħrajn? Jekk ma nikkontrollawx l-emozzjonijiet tagħna, għandu mnejn nibqgħu nħossuna rrabjati u saħansitra nibdew inħossu mibegħda lejn xi ħadd. Jew forsi ninfluwenzaw lil xi ħadd fil-kongregazzjoni biex iħossu bħalna.—Lev. 19:17, 18. w16.11 3:4-6
Il-Ħamis, 20 taʼ Diċembru
“Xi sħubija hemm bejn il-ġustizzja u l-ksur tal-liġi? Jew x’għandu x’jaqsam id-dawl mad-dlam?”—2 Kor. 6:14.
Minħabba li kellhom xewqa kbira biex ikunu jafu l-verità tal-Bibbja, Charles Taze Russell u ftit oħrajn kienu bdew studju fil-fond tal-Bibbja. Għall-ewwel, Ħuna Russell ried jiskopri liema reliġjon kienet qed tgħallem il-verità. Hu qabbel bir-reqqa t-tagħlim taʼ ħafna hekk imsejħin reliġjonijiet Kristjani, u anki reliġjonijiet li mhumiex Kristjani, maʼ dak li tgħid il-Bibbja. Hu ma damx ma induna li lanqas waħda minn dawk ir-reliġjonijiet ma kienet issegwi l-Kelma t’Alla kompletament. Darba, tkellem mal-mexxejja taʼ diversi knejjes lokali. Ħuna Russell ittama li jaċċettaw il-veritajiet li hu u l-grupp tiegħu kienu sabu mill-Bibbja u li jgħallmu dawn il-veritajiet lill-kongregazzjonijiet tagħhom. Imma l-mexxejja reliġjużi ma kinux interessati. L-istudenti tal-Bibbja malajr tgħallmu li ma setgħux iqimu lil Alla flimkien maʼ dawk li kienu parti mir-reliġjon falza. w16.11 4:14
Il-Ġimgħa, 21 taʼ Diċembru
“Ippreżentaw il-membri taʼ ġisimkom bħala lsiera tal-ġustizzja biex tagħmlu dak li hu qaddis.”—Rum. 6:19.
Aħna nevitaw l-adulterju, is-sokor, u dnubiet serji oħrajn. Imma iktar minn hekk, irridu nevitaw kull ħaġa li ma togħġobx lil Ġeħova. (1 Kor. 6:9-11) Pereżempju, aħna mhux biss nevitaw l-immoralità sesswali, imma nevitaw ukoll divertiment immorali. Mhux talli ma niskrux, imma wkoll lanqas nixorbu sal-punt li kważi nkunu fis-sakra. Forsi jkollna bżonn nissieltu biex nirreżistu tentazzjonijiet bħal dawn, imma huwa possibbli. Aħna nagħmluha l-mira tagħna li nagħmlu bħalma qal Pawlu: “Tħallux id-dnub ikompli jsaltan fil-ġisem mortali tagħkom biex tobdu x-xewqat tiegħu.”—Rum. 6:12; 7:18-20. w16.12 1:16, 19-21
Is-Sibt, 22 taʼ Diċembru
“Il-frott taʼ l-ispirtu hu l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, is-sabar fit-tul, il-qalb tajba, it-tjubija, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażna.”—Gal. 5:22, 23.
Ġesù wiegħed li Missierna se jagħtina l-ispirtu qaddis meta nitolbuhulu. (Lq. 11:10-13) L-ispirtu qaddis t’Alla, jew il-forza attiva, jgħinna niżviluppaw il-kwalitajiet pożittivi li l-Alla li jistaʼ kollox tagħna għandu. (Kol. 3:10) Fil-Bibbja, dawn il-kwalitajiet jissejħu “l-frott taʼ l-ispirtu.” Meta niżviluppaw dawn il-kwalitajiet tajbin, ir-relazzjonijiet tagħna m’oħrajn imorru għall-aħjar, u se nevitaw sitwazzjonijiet li jistgħu jikkaġunaw l-ansjetà. Għandek bżonn l-umiltà biex tafda fl-“id setgħana t’Alla” u biex ‘titfaʼ l-ansjetà kollha tiegħek fuqu.’ (1 Pt. 5:6, 7) Jekk int umli, Ġeħova se jappoġġjak u jieħu ħsiebek. Meta tagħraf x’tistaʼ u x’ma tistax tagħmel, m’intix se tistrieħ fuqek innifsek. Se tkun inqas ansjuż għax tistrieħ fuq Alla.—Mik. 6:8. w16.12 3:7, 12
Il-Ħadd, 23 taʼ Diċembru
Noè kien predikatur tal-ġustizzja.—2 Pt. 2:5.
Noè b’lealtà pprietka l-messaġġ taʼ twissija mingħand Ġeħova. Dan ix-xogħol żgur li għenu jżomm il-fidi tiegħu b’saħħitha. Flimkien mal-ippritkar, hu segwa l-istruzzjonijiet taʼ Ġeħova biex jibni arka. (Ebr. 11:7) Bħal Noè, aħna jibqaʼ jkollna x’nagħmlu “fix-xogħol tal-Mulej.” (1 Kor. 15:58) Pereżempju, forsi ngħinu fil-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tas-Swali tas-Saltna u s-Swali tal-Assemblea tagħna, naħdmu b’mod volontarju f’assembleat u konvenzjonijiet, jew naħdmu f’uffiċċju tal-fergħa jew f’uffiċċju tat-traduzzjoni. L-iktar importanti hu li jibqaʼ jkollna x’nagħmlu fix-xogħol tal-ippritkar, u dan isaħħaħ it-tama tagħna għall-futur. Din it-tama tgħinna nibqgħu fit-tellieqa għall-ħajja!—1 Kor. 9:24. w17.01 1:8, 9
It-Tnejn, 24 taʼ Diċembru
“Kull wieħed iġorr it-tagħbija tiegħu.”—Gal. 6:5.
Aħna għandna nirrispettaw il-libertà li oħrajn għandhom biex jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom fil-ħajja. Għala? Ladarba lkoll kemm aħna għandna r-rigal tal-libertà tal-għażla, l-ebda żewġ Kristjani mhuma dejjem se jagħmlu eżattament l-istess deċiżjonijiet. Dan jinkludi deċiżjonijiet dwar il-kondotta u l-qima tagħna. Meta nirrikonoxxu li kull Kristjan hu responsabbli għad-deċiżjonijiet tiegħu stess, aħna se nirrispettaw il-libertà li oħrajn għandhom biex jużaw il-libertà tal-għażla tagħhom, anki f’deċiżjonijiet personali taʼ inqas importanza. (1 Kor. 10:32, 33) Ġeħova tana r-rigal tal-libertà tal-għażla, u dan iġibilna libertà vera. (2 Kor. 3:17) Aħna ngħożżu dan ir-rigal għax jippermettilna nieħdu deċiżjonijiet li juru kemm inħobbu lil Ġeħova. Mela ejja nkomplu nagħmlu għażliet li jonorawh, u ejja nirrispettaw id-dritt li oħrajn għandhom biex jagħżlu kif jużaw dan ir-rigal prezzjuż. w17.01 2:15, 17, 18
It-Tlieta, 25 taʼ Diċembru
“Ma nagħmel xejn minn rajja; imma dan ngħidu skond kif għallimni l-Missier.”—Ġw. 8:28.
Minflok ma niftaħru jew nipprovaw nimpressjonaw lil oħrajn, nipprovaw ikollna “spirtu kwiet u ġwejjed.” (1 Pt. 3:3, 4; Ġer. 9:23, 24) Il-mod kif inħossuna dwarna nfusna eventwalment se jintwera mill-kliem u l-azzjonijiet tagħna. Pereżempju, nistgħu nipprovaw inġiegħlu lil oħrajn jaħsbu li aħna speċjali minħabba dak li nagħmlu, dak li nafu, jew lil min nafu. Jew forsi xi ħaġa importanti li għamilnieha bl-għajnuna taʼ ħaddieħor nistgħu nipprovaw inġibuha tidher bħallikieku għamilnieha waħedna. Imma aħseb f’Ġesù. Hu setaʼ impressjona lin-nies bl-għerf li kellu. Minflok, Ġesù spiss ikkwota mill-Kelma t’Alla. Ma riedx li n-nies jagħtuh glorja. Hu dejjem ried li l-glorja tingħata lil Ġeħova. w17.01 4:12
L-Erbgħa, 26 taʼ Diċembru
“Mis-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin ma tistax tiekol.”—Ġen. 2:17.
Din il-liġi ma kinitx diffiċli għalihom biex jifhmuha. U ma kienx se jkun diffiċli għalihom li jobdu, ladarba kien hemm abbundanza taʼ ikel delizzjuż ieħor fil-ġnien. Satana x-Xitan uża serp biex iqarraq b’Eva ħalli ma tobdix lil Missierha, Ġeħova. (Ġen. 3:1-5; Riv. 12:9) Satana qajjem kwistjoni dwar il-fatt li l-ulied umani t’Alla ma tħallewx jieklu “minn kull siġra tal-ġnien.” Kien bħallikieku qed jgħid: ‘Trid tgħid li ma tistgħux tagħmlu li tridu?’ Imbagħad, qalilha: “Żgur li ma tmutux.” Din kienet gidba. Wara pprova jikkonvinċi lil Eva li ma kellhiex għalfejn tismaʼ minn Alla. Satana qal: “Alla jaf li fil-jum li tieklu minnu għajnejkom jinfetħu.” Satana kien qed jgħid li Ġeħova ma ridhomx jieklu mill-frott għax dan kien se jagħtihom xi għarfien speċjali. Fl-aħħar, hu għamel din il-wegħda falza: Se “tkunu bħal Alla, tagħrfu t-tajjeb u l-ħażin.” w17.02 1:8, 9
Il-Ħamis, 27 taʼ Diċembru
“Profeta minn ġo nofsok, minn ħutek, bħali, għad iqajjimlek Ġeħova Alla tiegħek—minnu għandkom tisimgħu.”—Dt. 18:15.
Isaija qal li dan il-Wieħed kien se jsir “mexxej u kmandant.” (Is. 55:4) U Danjel kiteb dwar il-Messija, li kien se jsir “il-Mexxej.” (Dan. 9:25) Fl-aħħar, Ġesù Kristu identifika lilu nnifsu bħala “l-Mexxej” tal-poplu t’Alla. (Mt. 23:10) Id-dixxipli taʼ Ġesù segwewh minn jeddhom, u huma emmnu li kien magħżul minn Ġeħova. (Ġw. 6:68, 69) Xi kkonvinċiehom? Meta Ġesù tgħammed, Ġwanni ra “s-smewwiet jinfetħu, u l-ispirtu nieżel fuqu nnifsu bħal ħamiema.” (Mk. 1:10-12) Matul il-ministeru taʼ Ġesù, l-ispirtu qaddis t’Alla tah il-qawwa biex jgħallem u biex iwettaq il-mirakli. (Atti 10:38) Flimkien maʼ dan, l-ispirtu qaddis għen lil Ġesù juri kwalitajiet bħal imħabba, ferħ, u fidi soda. (Ġw. 15:9; Ebr.12:2) L-ebda mexxej ieħor ma kellu prova bħal din taʼ li jkollu l-ispirtu qaddis t’Alla. Bla dubju, Ġeħova kien għażel lil Ġesù bħala l-Mexxej. w17.02 3:15, 16
Il-Ġimgħa, 28 taʼ Diċembru
“Ftakru f’dawk li qed imexxu fostkom.”—Ebr. 13:7.
L-appostli bdew imexxu fil-kongregazzjoni Kristjana f’Pentekoste tas-sena 33. Il-Bibbja tgħid li “Pietru, flimkien mal-ħdax, qam bil-wieqfa” u għallem veritajiet li jsalvaw il-ħajja lil folla kbira. (Atti 2:14, 15) Ħafna nies minn din il-folla saru Kristjani. Wara dan, dawn il-Kristjani ġodda “baqgħu jingħataw għat-tagħlim taʼ l-appostli.” (Atti 2:42) L-appostli kienu responsabbli għal li jieħdu ħsieb il-flus tal-kongregazzjoni. (Atti 4:34, 35) Ukoll, huma għallmu lin-nies t’Alla u talbu għalihom, u qalu: “Aħna ningħataw għat-talb u għall-ministeru tal-kelma.” (Atti 6:4) U bagħtu Kristjani tal-esperjenza jippritkaw f’territorji ġodda. (Atti 8:14, 15) Iktar tard, anzjani midlukin oħra ngħaqdu mal-appostli f’li jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni. Bħala ġemgħa li tiggverna, huma taw direzzjoni lill-kongregazzjonijiet kollha.—Atti 15:2. w17.02 4:4
Is-Sibt, 29 taʼ Diċembru
Agħtu lil kulħadd dak li għandu jieħu, lil min jirrikjedi l-unur, l-unur.—Rum. 13:7.
Il-maġġoranza tan-nies huma influwenzati ħafna mill-attitudnijiet tad-dinja taʼ Satana. Ħafna nies jagħmlu lil irġiel jew nisa idoli tagħhom. Minflok ma jagħtuhom unur u juruhom rispett bħalma ried Ġeħova, in-nies jagħtu wisq unur lil bnedmin oħrajn, billi jittrattawhom bħala allat. Għandu mnejn jimitaw il-kondotta, l-imġiba, u l-mod kif jilbsu mexxejja politiċi u reliġjużi, atleti, atturi famużi tal-films, u nies popolari oħra. Kristjani veri jafu li jkun ħażin li jonoraw lil bnedmin sa dan il-punt. Mill-bnedmin kollha li qatt għexu, Ġesù biss ħalla eżempju perfett għalina x’nimitaw. (1 Pt. 2:21) Irridu niftakru li “kollha dinbu u jonqsu milli jilħqu l-glorja t’Alla.” (Rum. 3:23) L-ebda bniedem ma jistħoqqlu jkun meqjum. Meta nagħtu lil bnedmin unur iktar milli jmissna, dan idejqu lil Ġeħova. w17.03 1:6-8
Il-Ħadd, 30 taʼ Diċembru
“Qalb Asa baqgħet sħiħa maʼ Ġeħova tul jiemu kollha.”—1 Slat. 15:14.
Kif nistgħu nkunu nafu jekk aħniex kompletament devoti lejn Ġeħova? Aħna nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Se nobdi lil Ġeħova anke meta jkun diffiċli? Ninsab determinat għalkollox li nżomm il-kongregazzjoni tiegħu nadifa?’ Pereżempju, xi ngħidu jekk membru tal-familja tiegħek jew ħabib tal-qalb kellu jinqataʼ mis-sħubija tal-kongregazzjoni? Se tkun determinat li ma tassoċjax maʼ din il-persuna? X’se timmotivak tagħmel qalbek? Bħal Asa, kultant għandu mnejn inħossu li kulħadd hu kontrina. Forsi sħabek tal-iskola jew l-għalliema jwaqqgħuk għaċ-ċajt għaliex int wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Jew forsi xi nies fuq ix-xogħol jaħsbu li int iblah għax tieħu l-leave biex tmur xi assemblea jew għax ma taħdimx overtime taʼ spiss. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, strieħ fuq Alla, bħalma għamel Asa. (2 Kron. 14:11) Itlob lil Ġeħova, kun kuraġġuż, u ibqaʼ agħmel it-tajjeb. Ftakar li Alla saħħaħ lil Asa, u se jsaħħaħ lilek ukoll. w17.03 3:6-8
It-Tnejn, 31 taʼ Diċembru
“Kulmin jgħaġġel żgur li jiġi fil-bżonn.”—Prov. 21:5.
Il-Bibbja tgħid li m’għandniex ngħaġġlu meta nkunu qed nieħdu deċiżjonijiet importanti. Għandna nieħdu l-ħin biex naħsbu sew dwar il-fatti kollha ħalli nkunu nistgħu nieħdu deċiżjoni għaqlija. (1 Tess. 5:21) Qabel ma jiddeċiedi x’jagħmel, kap taʼ familja għandu jieħu l-ħin biex ifittex fl-Iskrittura u pubblikazzjonijiet Kristjani. Ikun tajjeb ukoll li jismaʼ l-opinjoni jew il-ħarsa tal-membri l-oħra tal-familja. Ftakar li Alla ħeġġeġ lil Abraham biex jismaʼ minn martu. (Ġen. 21:9-12) L-anzjani wkoll għandhom jieħdu l-ħin biex jagħmlu riċerka. Meta informazzjoni ġdida turi li jeħtieġ ibiddlu waħda mid-deċiżjonijiet li diġà ħadu, huma ma jibżgħux li se jitilfu r-rispett t’oħrajn. Anzjani raġunevoli u modesti għandhom ikunu lesti li jaġġustaw il-mod taʼ kif jaħsbu u d-deċiżjonijiet tagħhom meta jkun hemm bżonn. U jkun tajjeb għalina lkoll li nsegwu l-eżempju tagħhom. Dan se jgħin lill-kongregazzjoni tkun fil-paċi u tibqaʼ magħquda.—Atti 6:1-4. w17.03 2:16