LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • es18 pp. 108-118
  • Novembru

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Novembru
  • Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2018
  • Sottitli
  • Il-​Ħamis, 1 taʼ Novembru
  • Il-​Ġimgħa, 2 taʼ Novembru
  • Is-​Sibt, 3 taʼ Novembru
  • Il-​Ħadd, 4 taʼ Novembru
  • It-​Tnejn, 5 taʼ Novembru
  • It-​Tlieta, 6 taʼ Novembru
  • L-​Erbgħa, 7 taʼ Novembru
  • Il-​Ħamis, 8 taʼ Novembru
  • Il-​Ġimgħa, 9 taʼ Novembru
  • Is-​Sibt, 10 taʼ Novembru
  • Il-​Ħadd, 11 taʼ Novembru
  • It-​Tnejn, 12 taʼ Novembru
  • It-​Tlieta, 13 taʼ Novembru
  • L-​Erbgħa, 14 taʼ Novembru
  • Il-​Ħamis, 15 taʼ Novembru
  • Il-​Ġimgħa, 16 taʼ Novembru
  • Is-​Sibt, 17 taʼ Novembru
  • Il-​Ħadd, 18 taʼ Novembru
  • It-​Tnejn, 19 taʼ Novembru
  • It-​Tlieta, 20 taʼ Novembru
  • L-​Erbgħa, 21 taʼ Novembru
  • Il-​Ħamis, 22 taʼ Novembru
  • Il-​Ġimgħa, 23 taʼ Novembru
  • Is-​Sibt, 24 taʼ Novembru
  • Il-​Ħadd, 25 taʼ Novembru
  • It-​Tnejn, 26 taʼ Novembru
  • It-​Tlieta, 27 taʼ Novembru
  • L-​Erbgħa, 28 taʼ Novembru
  • Il-​Ħamis, 29 taʼ Novembru
  • Il-​Ġimgħa, 30 taʼ Novembru
Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2018
es18 pp. 108-118

Novembru

Il-​Ħamis, 1 taʼ Novembru

“Ibni, kun għaref u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min qed jgħajjarni.”—Prov. 27:11.

Satana, l-​għadu t’Alla li jopponi t-​tmexxija Tiegħu, insulta lil Ġeħova billi qal li n-​nies jaqdu lil Alla għal raġunijiet egoistiċi biss. (Ġob 2:4, 5) Inbidel hu minn mindu għamel din l-​istqarrija? Lanqas xejn! Meta Satana twaddab għal isfel mis-​sema, xorta baqaʼ jakkuża l-​qaddejja leali t’Alla. (Riv. 12:10) Illum, Satana għadu jsostni li n-​nies iqimu lil Alla għal raġunijiet egoistiċi. Hu ħerqan biex jarana nirrifjutaw id-​dritt li Alla għandu biex imexxi. Hu jixtieq ħafna li nieqfu naqdu lil Ġeħova. Meta tkun qed issofri matul prova, ipprova immaġina din ix-​xena inviżibbli. Fuq naħa hemm Satana u d-​demonji tiegħu. Huma qed jaraw x’se tagħmel u qed isostnu li int se taqtaʼ qalbek. Fuq in-​naħa l-​oħra hemm Ġeħova, is-​Sultan tagħna Ġesù Kristu, il-​midlukin li ġew irxoxtati, u eluf t’anġli. Huma wkoll qed jarawk tissielet, imma qed jagħmlulek kuraġġ! Huma ferħanin jaraw li qed tissaporti u tibqaʼ leali lejn Ġeħova. Imbagħad tismaʼ lil Ġeħova jgħidlek dak li hemm fl-​iskrittura tal-​lum. w16.04 2:8, 9

Il-​Ġimgħa, 2 taʼ Novembru

“Ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra.”—Mt. 18:16.

Jekk problema tissolva, tkun “ksibt lura lil ħuk.” Imma hu biss wara li tkun kellimt lil ħuk diversi drabi u ma jirnexxilekx iżżomm il-​paċi miegħu li għandek tgħid lill-​anzjani bil-​kwistjoni. Fil-​maġġuranza tal-​każijiet ma jkunx hemm għalfejn tuża t-​tliet passi kollha li nsibu f’​Mattew 18:15-17. Dan hu inkuraġġanti. Għala? Għax fil-​biċċa l-​kbira tal-​każijiet il-​midneb jinduna fejn żbalja u jirranġa l-​problema, u għalhekk ma jkunx hemm għalfejn jiġi maqtugħ mis-​sħubija. Imbagħad l-​individwu li ħa għalih għandu jaħfer lil ħuh, u b’hekk jikseb il-​paċi. Għalhekk, jidher ċar mill-​parir taʼ Ġesù li m’għandniex għalfejn immorru niġru għand l-​anzjani mill-​ewwel. Minflok, għandna ngħidulhom bil-​kwistjoni biss wara li nkunu ħadna l-​ewwel żewġ passi u jekk hemm evidenza ċara li saret xi ħaġa ħażina. w16.05 1:15, 16

Is-​Sibt, 3 taʼ Novembru

“M’humiex parti mid-​dinja.”—Ġw. 17:16.

Għandna nibqgħu newtrali għax nappoġġaw is-​Saltna t’Alla. Minħabba li ma nappoġġawx il-​gvernijiet umani, għandna kuxjenza nadifa meta nippritkaw li s-​Saltna t’Alla biss se ssolvi l-​problemi tan-​nies kollha. Ir-​reliġjonijiet foloz jindaħlu fil-​politika, u dan jifred lin-​nies. Imma minħabba li aħna newtrali, aħna magħqudin maʼ ħutna rġiel u nisa mad-​dinja kollha. (1 Pt. 2:17) Iktar kemm nersqu eqreb lejn it-​tmiem tas-​sistema taʼ Satana, iktar se jkun diffiċli għalina biex nibqgħu newtrali. In-​nies illum diġà “ma jkunux iridu jiftiehmu” u “rashom iebsa,” u allura nistennew li se jkun hawn iktar firda fost in-​nies. (2 Tim. 3:3, 4) F’xi pajjiżi, l-​aħwa diġà ġew effettwati minn tibdil f’daqqa fil-​politika. Huwa għalhekk li għandna bżonn nippreparaw lilna nfusna minn issa biex nibqgħu newtrali anki f’sitwazzjoni diffiċli. w16.04 4:3, 4

Il-​Ħadd, 4 taʼ Novembru

“Dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad.”—Gal. 6:7.

Xi wħud iħossu li jistgħu jagħmlu dak li jridu. Imma aħna rridu nagħmlu dak li jferraħ qalb Ġeħova. Għalhekk, qabel ma nieħdu deċiżjoni għandna naħsbu dwar dak li l-​Bibbja tgħid u mbagħad nobduha. Pereżempju, il-​Bibbja tgħidilna kif iħossu Alla dwar l-​użu tad-​demm, u allura aħna nsegwu dak li tgħid. (Ġen. 9:4; Atti 15:28, 29) Aħna nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbuh. Id-​deċiżjonijiet tagħna jeffettwawna. Deċiżjoni tajba se tgħinna nersqu eqreb lejn Ġeħova. Deċiżjoni ħażina tistaʼ tkisser ir-​relazzjoni tagħna miegħu. Id-​deċiżjonijiet tagħna jistgħu wkoll jeffettwaw lil oħrajn. Aħna ma rridux nagħmlu xi ħaġa li tistaʼ tnikket lil ħutna jew iddgħajjef il-​fidi tagħhom. Ukoll, ma rridux li noħolqu problemi bejn l-​aħwa fil-​kongregazzjoni. Għalhekk, hu importanti għalina li nieħdu deċiżjonijiet tajbin.—Rum. 14:19. w16.05 3:4, 5

It-​Tnejn, 5 taʼ Novembru

“Jien, Ġeħova, jien Alla tiegħek, li ngħallmek għall-​ġid tiegħek.”—Is. 48:17.

Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jieħu pjaċir bina meta nużaw il-​ħin tagħna bil-​għaqal ħalli nkunu nistgħu naqraw u nistudjaw il-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet tagħna. (Efes. 5:15, 16) Madankollu, hemm periklu li għandna noqogħdu attenti li nevitaw. X’inhu? Jekk ma noqogħdux attenti, għandu mnejn naħsbu li xi partijiet mill-​Bibbja jew ċerti pubblikazzjonijiet ma japplikawx għalina. Pereżempju, xi ngħidu jekk parti mill-​Bibbja ma tidhirx prattika għas-​sitwazzjoni tagħna? Jew xi ngħidu jekk il-​pubblikazzjoni mhix indirizzata direttament għalina? Se naqraw din it-​tip t’informazzjoni fuq fuq jew saħansitra nevitaw li naqrawha għalkollox? Jekk iva, jistaʼ jkun li qed nitilfu mill-​informazzjoni taʼ valur li tkun taʼ ġid għalina. Għandna niftakru li l-​informazzjoni kollha li nirċievu ġejja mingħand Ġeħova. w16.05 5:5, 6

It-​Tlieta, 6 taʼ Novembru

“Jekk bniedem jagħmel xi pass falz qabel ma jinduna, intom li għandkom kwalifiki spiritwali pprovaw aġġustawh mill-​ġdid bi spirtu taʼ ħlewwa.”—Gal. 6:1.

Ġeħova juża l-​kongregazzjoni u l-​anzjani biex isawwar lil kull wieħed u waħda minna. Pereżempju, jekk l-​anzjani jinnotaw li għandna xi dgħufija, huma jipprovaw jgħinuna. Madankollu, huma ma jagħtux parir ibbażat fuq l-​ideat tagħhom. Minflok, b’umiltà jitolbu lil Ġeħova biex itihom l-​għerf u l-​abbiltà li jifhmu. Imbagħad, jagħmlu riċerka billi jużaw il-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet Kristjani tagħna ħalli jsibu informazzjoni li tkun tistaʼ tgħinna. Jekk nifhmu kif Ġeħova jsawwarna, dan jistaʼ jgħinna jkollna relazzjoni tajba maʼ ħutna rġiel u nisa. Ukoll, se jkollna attitudni pożittiva lejn in-​nies fit-​territorju tagħna, inkluż l-​istudenti tal-​Bibbja tagħna. Alla ma jisforzax lin-​nies biex jinbidlu, imma minflok, hu jurihom il-​livelli nodfa tiegħu. Imbagħad, huma jridu jiddeċiedu jekk jagħmlux il-​bidliet meħtieġa. w16.06 1:13, 14

L-​Erbgħa, 7 taʼ Novembru

“Int qed tfittex ħwejjeġ kbar għalik innifsek. Tibqax tfittixhom.”—Ġer. 45:5.

L-​appostlu Ġwanni wissa li jekk xi ħadd iħobb l-​affarijiet tad-​dinja, jiġifieri “x-​xewqa tal-​laħam u x-​xewqa taʼ l-​għajnejn u l-​iffanfrar bil-​mezzi tal-​ħajja,” imbagħad “l-​imħabba tal-​Missier mhix fih.” (1 Ġw. 2:15, 16) Għalhekk, għandna bżonn neżaminaw lilna nfusna regolarment biex naraw jekk inħobbux id-​dinja. Jistaʼ jkun li nindunaw li bdew jogħġbuna xi nies tad-​dinja u affarijiet fid-​dinja bħad-​divertiment, l-​ilbies, u d-​dehra fiżika. Jew forsi nkunu rridu nakkwistaw “ħwejjeġ kbar” billi nfittxu edukazzjoni iktar għolja. Id-​dinja l-​ġdida hi fil-​viċin ħafna. Allura rridu niftakru fil-​kliem taʼ Mosè li hu taʼ min jaħseb fuqu f’​Dewteronomju 6:4! Jekk nifhmu u verament nemmnu li “Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed,” se nagħtuh id-​devozzjoni esklużiva tagħna u naqduh bil-​mod kif irid hu.—Ebr. 12:28, 29. w16.06 3:14

Il-​Ħamis, 8 taʼ Novembru

Fittxu kontinwament is-​saltna t’Alla, u dawn l-​affarijiet jiżdidulkom.—Lq. 12:31.

Għandna bżonn biss ftit affarijiet biex ngħixu. Pereżempju, għandna bżonn l-​ikel, il-​ħwejjeġ, u saqaf fuq rasna. Imma l-​lista taʼ x’għandu mnejn irridu ma tispiċċa qatt. U ħafna nies ma jirrealizzawx li m’għandhomx bżonn dak kollu li jridu. Min jgħix f’pajjiż fqir forsi jkun irid affarijiet differenti għalkollox minn dak li jgħix f’pajjiż sinjur. F’xi partijiet tad-​dinja, in-​nies ikunu jixtiequ li jkollhom mowbajl, mutur, jew xi biċċa art żgħira. F’pajjiżi oħra, in-​nies iridu ħwejjeġ li jqumu l-​flus, dar ikbar, jew karozza iktar lussuża. Imma ngħixu fejn ngħixu jew għandna kemm għandna flus, nistgħu nibdew inkunu rridu iktar u iktar affarijiet li ma jkollniex bżonn jew li ma naffordjawx.—Ebr. 13:5. w16.07 1:1-3

Il-​Ġimgħa, 9 taʼ Novembru

“Tippjanawx bil-​quddiem għax-​xewqat tal-​laħam.”—Rum. 13:14.

Illum, ħafna jħossu li m’għandhomx bżonn ikunu jafu lil Alla. (Mt. 5:3) Minflok, jużaw il-​maġġorparti tal-​ħin tagħhom biex ikollhom l-​affarijiet li toffri d-​dinja. (1 Ġw. 2:16) Aħna rridu l-​ispirtu t’Alla, mhux l-​ispirtu tad-​dinja, biex jinfluwenza l-​mod kif naħsbu. Permezz tal-​ispirtu tiegħu, Ġeħova għenna nifhmu b’mod ċar x’se jiġri dalwaqt. (1 Kor. 2:12) Imma jeħtieġ noqogħdu attenti. Anki l-​affarijiet tal-​ħajja taʼ kuljum jistgħu jaljenawna milli naqdu lil Ġeħova. (Lq. 21:34, 35) Oħrajn għandu mnejn jgħidulna li aħna boloh li nemmnu li qed ngħixu fl-​aħħar jiem taʼ din id-​dinja. (2 Pt. 3:3-7) Imma m’għandniex inħalluhom jaqtgħulna qalbna. Aħna għandna prova ċara li t-​tmiem ġej dalwaqt. Jekk irridu l-​ispirtu t’Alla jinfluwenzana, jeħtieġ li nattendu l-​laqgħat b’mod regulari maʼ ħutna. w16.07 2:13, 14

Is-​Sibt, 10 taʼ Novembru

O Semmiegħ it-​talb, għandek jiġu n-​nies taʼ kull xorta. In-​nuqqasijiet tagħna, int se tgħattihom.—Salm 65:2, 3.

Ħafna nies jitolbu għax jgħinhom iħossuhom aħjar, imma ma jemmnux verament li Alla jismaʼ t-​talb tagħhom. Għandhom bżonn ikunu jafu li Ġeħova hu “Semmiegħ it-​talb.” Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Jekk titolbu xi ħaġa f’ismi, nagħmilha.” (Ġw. 14:14) Dan ifisser li nistgħu nitolbu għal kwalunkwe ħaġa li hi fi qbil mar-​rieda taʼ Ġeħova. Ġwanni kiteb: “Din hi l-​fiduċja li għandna fih, li, kulma nitolbuh skond ir-​rieda tiegħu, hu jismagħna.” (1 Ġw. 5:14) Kemm hu tajjeb li ngħinu lin-​nies jifhmu li t-​talb mhuwiex biss xi ħaġa li tgħinhom iħossuhom tajbin imma hu mod kif navviċinaw “it-​tron tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa” taʼ Ġeħova! (Ebr. 4:16) Meta ngħallmu lin-​nies kif għandhom jitolbu, lil Min għandhom jitolbu, u għal xiex għandhom jitolbu, inkunu qed ngħinuhom isiru l-​ħbieb taʼ Ġeħova u biex isibu faraġ meta jkunu qed ibatu.—Salm 4:1; 145:18. w16.07 4:11, 12

Il-​Ħadd, 11 taʼ Novembru

Dawk leali lejk iberkuk. Dwar il-​glorja taʼ saltnatek se jitkellmu, u jgħidu dwar is-​setgħa tiegħek, biex lil ulied il-​bnedmin jgħarrfuhom il-​glorja tal-​ġmiel taʼ saltnatu.—Salm 145:10-​12.

Kull min iħobb lil Ġeħova u hu leali lejh għandu xewqa kbira biex jgħid lill-​oħrajn dwaru. Imma xi ngħidu jekk minħabba l-​mard jew ix-​xjuħija, ma tistax tqattaʼ ħin kemm tixtieq fl-​ippritkar minn dar għal dar? Dejjem ftakar li kull meta titkellem dwar Ġeħova maʼ dawk madwarek, bħall-​infermieri u t-​tobba, int qed tfaħħar lilu. Jekk int fil-​ħabs minħabba l-​fidi tiegħek, għandek mnejn xorta tistaʼ tgħid lill-​oħrajn dwar Ġeħova. Dan se jferraħlu qalbu. (Prov. 27:11) Ukoll, hu jkun ferħan ħafna jekk int qed taqdih minkejja li oħrajn fil-​familja tiegħek ma jagħmlux dan. (1 Pt. 3:1-4) Anke f’sitwazzjonijiet diffiċli ħafna, int tistaʼ tfaħħar lil Ġeħova, tistaʼ tibqaʼ tersaq eqreb lejh, u tistaʼ tagħmel progress spiritwali. Ġeħova żgur li se jbierkek jekk int tibqaʼ tersaq eqreb lejh u tagħmel l-​almu tiegħek biex taqdih. w16.08 3:19, 20

It-​Tnejn, 12 taʼ Novembru

“In-​nisa ħa jkunu sottomessi lejn żwieġhom bħallikieku lejn il-​Mulej, għax ir-​raġel hu l-​kap taʼ martu bħalma l-​Kristu wkoll hu l-​kap tal-​kongregazzjoni.”—Efes. 5:22, 23.

Dan ma jfissirx li r-​raġel hu aħjar minn martu. Ġeħova tkellem dwar l-​irwol prezzjuż taʼ mara meta qal: “Mhux tajjeb li r-​raġel jibqaʼ waħdu. Se nagħmillu għajnuna, sieħba li taqbel għal miegħu.” (Ġen. 2:18) Mara għandha tgħin lil żewġha biex ikun kap tal-​familja tajjeb. U raġel għandu bżonn jimita l-​eżempju taʼ mħabba li wera Ġesù, li hu “l-​kap tal-​kongregazzjoni.” Meta raġel jagħmel hekk, martu tħossha fis-​sigurtà u jkun iktar faċli għaliha biex tirrispettah u tappoġġjah. Il-​Kristjani jimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù billi jħobbu lil xulxin sewwasew bħalma Ġesù ħabb lid-​dixxipli tiegħu. (Ġw. 13:34, 35; 15:12, 13; Efes. 5:25) Raġel u mara miżżewġin u li huma Kristjani tant għandu jkollhom imħabba għal xulxin li jkunu lesti li jmutu għal xulxin. w16.08 2:3, 4

It-​Tlieta, 13 taʼ Novembru

“Kemm hi tajba kelma f’waqtha!”—Prov. 15:23.

Il-​kliem pożittiv tiegħek jistaʼ jinkuraġġixxi oħrajn u jgħinhom ikomplu jaqdu lil Ġeħova. Qatt m’għandek tinsa kemm jissaħħu ħutek meta tagħti kummenti inkuraġġanti waqt il-​laqgħat. Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, Neħemija u l-​Lhud saħħew idejhom. Huma lestew is-​swar taʼ Ġerusalemm fi 52 ġurnata biss! (Neħ. 2:18; 6:15, 16) Neħemija ma qagħadx b’idejh marbuta waqt li oħrajn għamlu x-​xogħol. Hu stess għen biex jerġgħu jinbnew is-​swar taʼ Ġerusalemm. (Neħ. 5:16) Bl-​istess mod, ħafna anzjani jimitaw lil Neħemija meta jgħinu fi proġetti taʼ kostruzzjoni jew meta jnaddfu u jieħdu ħsieb is-​Sala tas-​Saltna. Dawn l-​irġiel kollhom imħabba wkoll isaħħu l-​aħwa li huma “ansjużi” billi jżuruhom u billi jaħdmu magħhom fil-​ministeru.—Is. 35:3, 4. w16.09 1:15, 16

L-​Erbgħa, 14 taʼ Novembru

L-​imħabba ma ġġibx ruħha b’mod indeċenti, ma tfittixx l-​interessi tagħha.—1 Kor. 13:4, 5.

In-​nies t’Alla jaħdmu iebes biex isegwu l-​parir: “Mewtu l-​membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-​art fejn tidħol iż-​żína, in-​nuqqas taʼ ndafa, l-​aptit sesswali.” (Kol. 3:2, 5) Ftit minn ħutna rġiel u nisa telqu ħajja li kienet immorali sesswalment, imma jistaʼ jkun li xorta għadhom jiġġieldu kontra xewqat ħżiena. Jekk ma noqogħdux attenti, il-​mod kif nilbsu jistaʼ jagħmilha saħansitra iktar diffiċli għalihom biex isegwu l-​parir tal-​Bibbja u jiġġieldu kontra xewqat bħal dawn. (1 Kor. 6:9, 10) Ma rridux nagħmlulhom il-​ġlieda tagħhom iktar diffiċli, hux vera? Meta nkunu maʼ ħutna, ħwejjiġna għandhom jgħinu biex ilkoll nibqgħu nodfa moralment. Għalkemm għandna l-​libertà li nagħżlu x’nilbsu, għandna wkoll ir-​responsabbiltà li nilbsu b’mod li jagħmilha eħfef għal oħrajn biex iżommu ħsibijiethom nodfa, kliemhom nadif, u kondotta nadifa f’għajnejn Alla.—1 Pt. 1:15, 16. w16.09 3:9, 10

Il-​Ħamis, 15 taʼ Novembru

Ġuvintur u xebbiet, ħa jfaħħru isem Ġeħova.—Salm 148:12, 13.

Omm u missier fi Franza qalu: “Aħna nemmnu b’Ġeħova, imma dan ma jfissirx li wliedna bilfors se jemmnu bih. Il-​fidi mhix xi ħaġa li tiret. Uliedna jiksbuha bil-​mod il-​mod.” Ħu fl-​Awstralja kiteb: “Li tgħin lil uliedek biex jibnu l-​fidi f’qalbhom probabbli hu l-​akbar sfida li qatt tistaʼ tiffaċċja.” Hu żied jgħid: “Għandu mnejn tħossok li tkun iddiskutejt mistoqsija b’mod sodisfaċenti għal bintek jew ibnek. Imbagħad, iktar tard jerġaʼ jqajjem l-​istess mistoqsija! It-​tweġiba li tissodisfa l-​moħħ kurjuż li għandu llum, għandha mnejn li għada ma tkunx biżżejjed għalih.” Hekk kif it-​tfal qed jikbru, ħafna ġenituri jsibu li għandhom bżonn jispjegaw l-​istess suġġetti għal darb’oħra b’iktar dettall. Huma jaraw il-​bżonn li jużaw metodi differenti biex jgħallmu lil uliedhom iħobbu lil Ġeħova. Jekk int ġenitur, ġieli toqgħod taħseb jekk hux verament se jirnexxilek tgħallem lil uliedek iħobbu lil Ġeħova u jekk hux se jibqgħu jaqduh anki meta jikbru? Fil-​fatt, ħadd minna ma jistaʼ jagħmel dan waħdu. (Ġer. 10:23) Huwa għalhekk li hemm bżonn li nistrieħu fuq Ġeħova biex jgħinna. w16.09 5:1, 2

Il-​Ġimgħa, 16 taʼ Novembru

“Iżżommx lura milli tagħmel il-​ġid lil min hu dovut.”—Prov. 3:27.

L-​immigranti jiffaċċjaw l-​isfida biex jadattaw għall-​kultura tal-​pajjiż il-​ġdid. Rut ħalliet eżempju tajjeb f’dan ir-​rigward. L-​ewwel, hi wriet rispett għad-​drawwiet tal-​pajjiż fejn marret billi talbet permess biex tlaqqat. (Rut 2:7) Hi wriet apprezzament lejn id-​dritt tagħha u ma ħassitx li oħrajn kellhom jagħtuha xi ħaġa. It-​tieni, hi kienet ħafifa biex tirringrazzja lil oħrajn tal-​qalb tajba li wrew magħha. (Rut 2:13) Meta l-​immigranti juru attitudni tajba simili, iktar ikun hemm ċans li ħuthom u nies lokali oħra juruhom rispett. Aħna ferħanin ferm li Ġeħova wera qalb tajba mhix mistħoqqa u ppermetta lil kull xorta taʼ nies jisimgħu l-​aħbar tajba. Għal xi wħud setgħet ma kinitx possibbli li jistudjaw il-​Bibbja jew imorru l-​laqgħat man-​nies taʼ Ġeħova fil-​pajjiż tagħhom. Imma issa li għandhom l-​opportunità li jiltaqgħu magħna, għandna ngħinuhom biex ma jħossuhomx bħal stranġieri. w16.10 1:17-19

Is-​Sibt, 17 taʼ Novembru

“Għall-​ferħ li tqiegħed quddiemu ssaporta z-​zokk tat-​tortura.”—Ebr. 12:2.

Miljuni li jaqdu lil Alla qed isegwu l-​eżempju taʼ Ġesù. Huma jimmeditaw fuq il-​wegħdi t’Alla u jibqgħu leali lejh waqt il-​provi. Ikkunsidra lil Rudolf Graichen, li twieled il-​Ġermanja fl-​1925. Meta kien żgħir, il-​ġenituri tiegħu kellhom stampi minn xeni tal-​Bibbja mdendlin mal-​ħajt fid-​dar tagħhom. Hu qal: “Stampa minnhom kienet turi l-​lupu u l-​ħaruf, il-​gidi u l-​leopard, l-​għoġol u l-​iljun—kollha fil-​paċi, immexxijin minn tifel ċkejken.” (Is. 11:6-​9) Dan għen lil Rudolf biex jaħseb ħafna dwar il-​ġenna tal-​art u saħħaħ il-​fidi tiegħu fiha. Minħabba f’hekk, hu baqaʼ leali lejn Ġeħova avolja għal ħafna snin kien għadda minn persekuzzjoni ħarxa mill-​Gestapo tan-​Nazi u mbagħad mill-​Istasi Komunist tal-​Ġermanja tal-​Lvant. Rudolf issaporta ħafna provi oħrajn. Ommu mietet fil-​kamp tal-​konċentrament Ravensbrück minħabba li kienet mardet bit-​tifu u missieru ffirma dokument li qal li hu m’għadux iktar wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. w16.10 3:12-14

Il-​Ħadd, 18 taʼ Novembru

Meta rċivejtu l-​kelma t’Alla, ilqajtuha bħalma hi tassew, bħala l-​kelma t’Alla.—1 Tess. 2:13.

Aħna nqisu l-​Bibbja taʼ valur kbir għaliex nafu li hija l-​Ktieb t’Alla nnifsu. Il-​Bibbja fiha pariri li jistgħu jgħinuna nevitaw il-​problemi, u tistaʼ tikkoreġina meta niżbaljaw. Allura kif nirreaġixxu għall-​pariri tagħha? Aħseb f’żewġ nisa li għexu fl-​ewwel seklu u li kienu mill-​midlukin, Evodja u Sintike. Il-​Bibbja tgħid li argumentaw. Il-​problemi li kien hemm bejniethom setgħu saħansitra jfixklu lil oħrajn fil-​kongregazzjoni. Il-​Bibbja turi li Pawlu kkoreġa liż-​żewġ aħwa nisa u inkuraġġiehom biex jagħmlu paċi. Huma għandhom mnejn semgħu minnu u komplew jaqdu lil Ġeħova bil-​ferħ. (Flp. 4:2, 3) Illum, aħna wkoll kultant jistaʼ jkollna problema maʼ xi ħu jew oħt fil-​kongregazzjoni tagħna. Imma jekk nieħdu l-​parir tal-​Bibbja, nistgħu nsolvu problemi bħal dawn. Fil-​fatt, nistgħu saħansitra nevitawhom. U meta nobdu dak li tgħidilna l-​Bibbja, nuru li tassew inqisu l-​Ktieb taʼ Ġeħova taʼ valur.—Salm 27:11. w16.11 3:1-3

It-​Tnejn, 19 taʼ Novembru

“Skuraġġejt ruħek fi żmien l-​hemm? Ma tantx se jkollok qawwa.”—Prov. 24:10.

Ilkoll kemm aħna neħtieġu l-​inkuraġġiment. U l-​ġenituri speċjalment jeħtieġ li jinkuraġġixxu lil uliedhom. Għalliem jismu Timothy Evans jispjega li t-​tfal “għandhom bżonn l-​inkuraġġiment bħalma l-​pjanti għandhom bżonn l-​ilma.” Ikompli jgħid: “Bl-​inkuraġġiment, it-​tfal iħossuhom taʼ valur u apprezzati.” Iżda peress li qed ngħixu “fl-​aħħar jiem,” ħafna nies huma egoisti u ftit għandhom “imħabba naturali” għal xulxin. (2 Tim. 3:1-5) Satana jaf li jekk jiskuraġġina, ikun jistaʼ jdgħajfilna r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Hu pprova jiskuraġġixxi lil Ġob billi ġiegħlu jbati ħafna. Imma l-​pjan kiefer taʼ Satana falla. Ġob baqaʼ leali lejn Ġeħova. (Ġob 2:3; 22:3; 27:5) Aħna wkoll nistgħu niġġildulu lil Satana u nagħmlu ċert li ma jirnexxix. Jekk inkomplu ninkuraġġixxu lill-​familja tagħna u lil ħutna fil-​kongregazzjoni, inkunu nistgħu ngħinu lil xulxin biex inkunu ferħanin u nibqgħu qrib Ġeħova. w16.11 1:4, 6

It-​Tlieta, 20 taʼ Novembru

Alla sejħilkom mid-​dlam għal ġod-​dawl tiegħu taʼ l-​għaġeb.—1 Pt. 2:9.

Madwar is-​sena 1500, ftit irġiel kuraġġużi bdew jittraduċu l-​Kelma t’Alla b’lingwi li jitkellmu bihom in-​nies komuni. Meta rġiel u nisa sinċieri bdew jaqraw il-​Bibbja bil-​lingwa tagħhom stess, huma staqsew mistoqsijiet bħal: ‘Fejn fil-​Bibbja nsibu t-​tagħlim tal-​purgatorju? Il-​Bibbja fejn tgħid li persuna għandha tħallas lill-​qassis biex jagħmlilha quddiesa għall-​mejtin? Il-​Bibbja fejn titkellem dwar il-​papiet u l-​kardinali?’ Il-​mexxejja tal-​knisja kienu rrabjati meta n-​nies staqsewhom mistoqsijiet. Irġiel u nisa li ma aċċettawx it-​tagħlim tagħhom kienu jingħataw is-​sentenza tal-​mewt. Mexxejja tal-​knisja riedu jwaqqfu lin-​nies milli jaqraw il-​Bibbja u jsaqsu mistoqsijiet, u f’ħafna każi hekk ġara. Imma ftit nies qalbiena rrifjutaw li jiġu kkontrollati minn Babilonja l-​Kbira. Huma kienu sabu l-​verità mill-​Kelma t’Alla, u riedu jkunu jafu iżjed! w16.11 4:13

L-​Erbgħa, 21 taʼ Novembru

“Xhud taʼ min jafdah ma jigdibx.”—Prov. 14:5.

Biex naqdu lil Ġeħova għandna nkunu onesti. (Efes. 4:25) Ma rridux inkunu bħal Satana, li hu “missier il-​gidba.” U aħna niftakru li Ananija u martu mietu minħabba li gidbu. Allura aħna ma nigdbux. (Ġw. 8:44; Atti 5:1-​11) Imma l-​onestà tfisser ħafna iktar milli ma ngħidux gideb. Jekk aħna verament grati għall-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla, se nkunu onesti wkoll b’modi oħra. Xi ħadd jistaʼ jkun diżonest mingħajr ma jgħid gidba. Pereżempju, Ġeħova qal lill-​Iżraelin: “Tisirqux, u tqarrqux, u tittrattawx maʼ seħibkom bil-​qerq.” Għala kellhom bżonn jagħmlu dan? Ġeħova qal: “Għandkom turu li intom qaddisin, għax jien, Ġeħova Alla tagħkom, qaddis.” (Lev. 19:2, 11) Għalkemm forsi ma nigdbux, jekk inġiegħlu oħrajn jemmnu xi ħaġa li mhix vera, aħna nkunu diżonesti. w16.12 1:17, 18

Il-​Ħamis, 22 taʼ Novembru

“Il-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-​qawwa mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.”—Flp. 4:7.

Fil-​Kelma t’Alla naqraw dwar kif Ġesù kellem lin-​nies. Kienet l-​għaxqa tagħhom jisimgħuh għaliex kliemu kien taʼ faraġ u serħan, speċjalment għal dawk li kienu dgħajfin jew dipressi. (Mt. 11:28-​30) Ġesù kien jinteressah ħafna minn kif ħassewhom oħrajn. (Mk. 6:30-​32) Bħalma Ġesù wiegħed li jgħin lill-​appostli li vvjaġġaw miegħu, hu se jgħin lilna llum. M’hemmx bżonn inkunu maʼ Ġesù sabiex nibbenefikaw. Bħala s-​Sultan tagħna fis-​sema, Ġesù jkompli juri mħabba lejna. Allura, meta tkun ansjuż tistaʼ taċċerta ruħek li se jkun hemm għalik u jgħinek fil-​waqt it-​tajjeb. Ġesù jagħtina tama u kuraġġ, li jgħinuna negħlbu l-​ansjetà.—Ebr. 2:17, 18; 4:16. w16.12 3:4, 6

Il-​Ġimgħa, 23 taʼ Novembru

“Wasal quddiemi t-​tmiem tal-​bnedmin kollha.”—Ġen. 6:13.

Noè għex f’dinja li kienet “imtliet bil-​vjolenza” u l-​immoralità. (Ġen. 6:4, 9-​12) Noè b’lealtà pprietka l-​messaġġ taʼ twissija mingħand Ġeħova, imma ma setax jisforza lin-​nies biex jaċċettawh. U ma setax iġiegħel id-​Dulluvju jiġi qabel il-​waqt. Noè kellu jafda li Ġeħova kien se jżomm il-​wegħda Tiegħu biex jeqred il-​ħażen, u jemmen li Alla kien se jagħmel dan proprju fiż-​żmien xieraq. (Ġen. 6:17) Aħna wkoll ngħixu f’dinja mimlija ħażen, u nafu li Ġeħova wiegħed li se jeqridha. (1 Ġw. 2:17) Sadattant, ma nistgħux nisforzaw lin-​nies biex jaċċettaw “l-​aħbar tajba tas-​saltna.” U ma nistgħu nagħmlu xejn biex it-​‘tribulazzjoni l-​kbira’ tibda qabel żmienha. (Mt. 24:14, 21) Bħal Noè, irid ikollna fidi b’saħħitha, billi nkunu fiduċjużi li Alla se jtemm il-​ħażen kollu dalwaqt. (Salm 37:10, 11) Aħna konvinti li Ġeħova mhux se jħalli din id-​dinja mill-​agħar iddum saħansitra ġurnata waħda iktar milli suppost.—Ħab. 2:3. w17.01 1:5-7

Is-​Sibt, 24 taʼ Novembru

Jien, Ġeħova, li ngħallmek għall-​ġid tiegħek, li mmexxik fit-​triq li għandek timxi.—Is. 48:17.

Illum, ħafna nies jużaw ħażin il-​libertà tagħhom u jagħmlu għażliet ħżiena jew iweġġgħu lil oħrajn. Il-​Bibbja qalet li “fl-​aħħar jiem,” in-​nies kienu se jkunu “ingrati.” (2 Tim. 3:1, 2) Allura kif nistgħu nuru li aħna grati għar-​rigal prezzjuż mingħand Ġeħova? U kif nistgħu nevitaw li nużawh ħażin? Ilkoll kemm aħna għandna l-​libertà li nagħżlu lil ħbiebna, l-​ilbies, il-​mod kif nidhru, u d-​divertiment tagħna. Madankollu, nistgħu nużaw il-​libertà tagħna bħala skuża biex nagħżlu dak li Alla ma jħobbx jew biex insegwu t-​tendenzi tan-​nies fid-​dinja. (1 Pt. 2:16) Minflok ma nużaw il-​libertà tagħna bħala opportunità biex nagħmlu dak li hu ħażin, għandna nużawha bħala opportunità biex ‘nagħmlu kollox għall-​glorja t’Alla.’—1 Kor. 10:31; Gal. 5:13. w17.01 2:12-14

Il-​Ħadd, 25 taʼ Novembru

Malli smajt dan il-​kliem, bqajt insum u nitlob quddiem l-​Alla tas-​smewwiet.—Neħ. 1:4.

Bħal Neħemija, jekk ningħataw iktar responsabbiltà jew ikollna bidla fl-​inkarigu, irridu nagħmlu ċert li nibqgħu modesti. Ma rridux nistrieħu biss fuq l-​abbiltajiet jew l-​esperjenzi tagħna stess. Persuna kif tistaʼ tibda tistrieħ fuqha nfisha? Pereżempju, anzjan għandu mnejn jieħu ħsieb kwistjonijiet fil-​kongregazzjoni qabel ma jitlob. Inkella, ħu jew oħt forsi l-​ewwel tieħu deċiżjoni mbagħad wara titlob biex Ġeħova jberikhielha. Madankollu, bniedem modest ma jistrieħx fuqu stess, anki meta jagħmel xi ħaġa li jkun għamilha ħafna drabi qabel. Hu dejjem jiftakar li l-​abbiltajiet tiegħu ma jistgħux jitqabblu maʼ dawk taʼ Ġeħova. (Prov. 3:5, 6) Fid-​dinja llum, ħafna nies huma tosti u jipprovaw ikunu aħjar minn oħrajn. Imma l-​qaddejja taʼ Ġeħova mhumiex hekk. Aħna ma naħsbux li l-​fatt li jkollna iktar responsabbiltajiet jagħmilna aħjar minn oħrajn fil-​familja jew kongregazzjoni tagħna. Minflok, aħna niftakru xi rwol għandna fl-​arranġament t’Alla u naħdmu flimkien maʼ ħutna rġiel u nisa.—1 Tim. 3:15. w17.01 4:7, 8

It-​Tnejn, 26 taʼ Novembru

“L-​art taha lil ulied il-​bnedmin.”—Salm 115:16.

L-​iskop taʼ Ġeħova għall-​bnedmin kien li jgħixu għal dejjem fuq l-​art. (Ġen. 1:28; Salm 37:29) Hu ġeneruż u ta lil Adam u Eva varjetà t’għotjiet prezzjużi. (Ġak. 1:17) Ġeħova tahom il-​libertà tal-​għażla u l-​abbiltà li jirraġunaw, iħobbu, u jgawdu ħbiberiji. Il-​Ħallieq kellem lil Adam u għallmu kif jagħmel dak li hu tajjeb. Adam tgħallem ukoll jieħu ħsieb tiegħu nnifsu, l-​annimali, u l-​art. (Ġen. 2:15-17, 19, 20) Ġeħova ta lil Adam u Eva l-​abbiltà li jtiegħmu, imissu, jaraw, jisimgħu, u jxommu l-​affarijiet tajbin li hu għamel għalihom. B’dan il-​mod, setgħu jgawdu l-​ħajja fuq l-​art sabiħa li kienu se jgħixu fiha. Adam u Eva kellhom ħafna xogħol interessanti x’jagħmlu. U huma setgħu jkomplu jitgħallmu u jiskopru affarijiet ġodda għal dejjem. Ġeħova ta lil Adam u Eva l-​abbiltà li jkollhom tfal perfetti. Hu ta l-​art u kull ħaġa prezzjuża u sabiħa li fiha lill-​familja umana. Din kienet se tkun id-​dar tagħhom, u qatt ma kienet se tittieħed mingħandhom. w17.02 1:6, 7

It-​Tlieta, 27 taʼ Novembru

Irid jikteb fi ktieb kopja taʼ din il-​liġi għalih innifsu u jħares il-​kliem kollu taʼ din il-​liġi.—Dt. 17:18, 19.

Il-​Kelma t’Alla kif iggwidat lill-​irġiel li kellhom it-​tmexxija? Aħseb dwar l-​eżempju tas-​Sultan Ġosija. Wara li nstabet il-​Liġi taʼ Mosè, is-​segretarju taʼ Ġosija beda jaqrahielu. Il-​Kelma t’Alla mbagħad qanqlet lil Ġosija biex jeqred l-​idoli kollha f’dik l-​art u biex jipprepara għall-​akbar festa tal-​Qbiż li qatt kien hemm. (2 Slat. 22:11; 23:1-23) Minħabba li Ġosija u mexxejja leali oħra segwew il-​Kelma t’Alla, huma kienu lesti jaġġustaw id-​direzzjoni li kienu jagħtu lin-​nies t’Alla. Dawn il-​bidliet għenu l-​poplu t’Alla jobdi Lilu. Madanakollu, mhux is-​slaten kollha li mexxew il-​poplu t’Alla segwew l-​istruzzjonijiet tiegħu. F’xi każi, Ġeħova ddixxiplina jew biddel lil dawn il-​mexxejja. (1 Sam. 13:13, 14) Iktar tard, Ġeħova ħatar lil xi ħadd li kien se jkun mexxej perfett. w17.02 3:11, 12, 14

L-​Erbgħa, 28 taʼ Novembru

Int għamilt lill-​bniedem ftit inqas minn dawk li qishom allat, u bi glorja u ġmiel inkurunajtu.—Salm 8:5.

Il-​bnedmin kienu maħluqin “fix-​xbieha t’Alla.” (Ġen. 1:27) Dan ifisser li l-​maġġoranza tan-​nies għandhom l-​abbiltà li juru kwalitajiet simili għal t’Alla. Pereżempju, il-​bnedmin jistgħu juru mħabba, qalb tajba, u mogħdrija. Il-​bnedmin inħalqu wkoll b’kuxjenza, li hi s-​sens taʼ x’inhu tajjeb jew ħażin, onest jew diżonest, xieraq jew mhux xieraq. (Rum. 2:14, 15) Ħafna nies iħobbu affarijiet li huma nodfa u sbieħ u jridu jgħixu fil-​paċi m’oħrajn. Dan mhux sorpriża, għax Ġeħova hu Alla taʼ ordni u paċi. Bla dubju, il-​bnedmin kollha ġew maħluqin bl-​abbiltà li jimitaw lil Ġeħova b’xi mod jew ieħor. Għal din ir-​raġuni, jistħoqqilhom l-​unur u r-​rispett tagħna. Aħna nafu li nies oħrajn għandhom jiġu onorati, imma jistaʼ jkun diffiċli li nkunu nafu liema tip t’unur nagħtuhom u kemm nonorawhom. w17.03 1:5, 6

Il-​Ħamis, 29 taʼ Novembru

“L-​Alla l-​veru ddispjaċieh mill-​gwaj li kien qal li se jġib fuqhom; u ma ġabux.”—Ġona 3:10.

Kuntrarju għal ħafna bnedmin, Ġeħova ma jiħux deċiżjonijiet bla ħsieb, saħansitra meta jkun irrabjat. Fil-​fatt meta Ġeħova ra li n-​Ninwin kienu nbidlu u waqfu jagħmlu dak li kien ħażin, hu aġġusta d-​deċiżjoni tiegħu. Dan wera li hu raġunevoli, umli, u ħanin. Bl-​istess mod, jistaʼ jkun hemm drabi meta jkun tajjeb li nerġgħu nikkunsidraw deċiżjoni, bħal meta ċ-​ċirkustanzi jinbidlu. Ftakar li Ġeħova xi drabi bidel id-​deċiżjonijiet tiegħu. (1 Slat. 21:20, 21, 27-29; 2 Slat. 20:1-5) Każ ieħor biex naġġustaw deċiżjoni jistaʼ jkun meta nirċievu informazzjoni ġdida. Aħseb dwar l-​eżempju tas-​Sultan David. Hu ħa deċiżjoni dwar in-​neputi taʼ Sawl, Mefiboset, ibbażata fuq informazzjoni żbaljata li ngħatatlu. Iktar tard, meta David irċieva informazzjoni eżatta, hu bidel id-​deċiżjoni tiegħu.—2 Sam. 19:24-29. w17.03 2:14, 15

Il-​Ġimgħa, 30 taʼ Novembru

“Ħa jkun jaf kulħadd kemm intom raġunevoli.”—Flp. 4:5.

Meta jkollna nieħdu deċiżjoni, l-​ewwel ikollna bżonn naħsbu dwar liema prinċipji Bibliċi jistgħu jgħinuna u kif nistgħu napplikawhom. Immaġina din is-​sitwazzjoni: Oħt hija miżżewġa lil xi ħadd li mhux Xhud. Hi tippjana li tmur fuq il-​ministeru f’ġurnata partikulari. (Atti 4:20) Imma dakinhar, żewġha ma jridhiex tmur tipprietka. Jgħidilha li dan l-​aħħar ma tantx qattgħu ħin flimkien u li kien jixtieq li joħorġu ftit. Allura l-​oħt tikkunsidra xi versi mill-​Bibbja li jistgħu jgħinuha tieħu deċiżjoni għaqlija. Hi taf li għandha tobdi lil Alla u li Ġesù kkmandana nagħmlu dixxipli. (Mt. 28:19, 20; Atti 5:29) Iżda tiftakar ukoll li l-​mara miżżewġa għandha tkun sottomessa lejn ir-​raġel tagħha u li l-​qaddejja t’Alla għandhom ikunu raġunevoli. (Efes. 5:22-24) Qiegħed żewġha jipprova jwaqqafha milli tipprietka, jew sempliċement irid iqattaʼ l-​ħin magħha f’dik il-​ġurnata? Bħala qaddejja taʼ Ġeħova, irridu nieħdu deċiżjonijiet li huma raġunevoli u li jogħġbuh. w17.03 4:17

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja