LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • es18 pp. 98-108
  • Ottubru

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ottubru
  • Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2018
  • Sottitli
  • It-​Tnejn, 1 t’Ottubru
  • It-​Tlieta, 2 t’Ottubru
  • L-​Erbgħa, 3 t’Ottubru
  • Il-​Ħamis, 4 t’Ottubru
  • Il-​Ġimgħa, 5 t’Ottubru
  • Is-​Sibt, 6 t’Ottubru
  • Il-​Ħadd, 7 t’Ottubru
  • It-​Tnejn, 8 t’Ottubru
  • It-​Tlieta, 9 t’Ottubru
  • L-​Erbgħa, 10 t’Ottubru
  • Il-​Ħamis, 11 t’Ottubru
  • Il-​Ġimgħa, 12 t’Ottubru
  • Is-​Sibt, 13 t’Ottubru
  • Il-​Ħadd, 14 t’Ottubru
  • It-​Tnejn, 15 t’Ottubru
  • It-​Tlieta, 16 t’Ottubru
  • L-​Erbgħa, 17 t’Ottubru
  • Il-​Ħamis, 18 t’Ottubru
  • Il-​Ġimgħa, 19 t’Ottubru
  • Is-​Sibt, 20 t’Ottubru
  • Il-​Ħadd, 21 t’Ottubru
  • It-​Tnejn, 22 t’Ottubru
  • It-​Tlieta, 23 t’Ottubru
  • L-​Erbgħa, 24 t’Ottubru
  • Il-​Ħamis, 25 t’Ottubru
  • Il-​Ġimgħa, 26 t’Ottubru
  • Is-​Sibt, 27 t’Ottubru
  • Il-​Ħadd, 28 t’Ottubru
  • It-​Tnejn, 29 t’Ottubru
  • It-​Tlieta, 30 t’Ottubru
  • L-​Erbgħa, 31 t’Ottubru
Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2018
es18 pp. 98-108

Ottubru

It-​Tnejn, 1 t’Ottubru

“Hu se jwettaq ix-​xewqa taʼ dawk li jibżgħu minnu, u se jismaʼ l-​għajta tagħhom għall-​għajnuna u jsalvahom.”—Salm 145:19.

Ġeħova hu “l-​Alla li jipprovdi s-​sabar u l-​faraġ.” (Rum. 15:5) Hu l-​uniku wieħed li jifhem għalkollox is-​sitwazzjoni tagħna, is-​sentimenti tagħna, u l-​ambjent li nkunu fih. Allura, hu jaf eżatt x’għandna bżonn biex nistabru. Iżda Alla kif se jwieġeb it-​talb tagħna biex isaħħaħna ħalli nissaportu? Meta nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna, hu jwegħedna li se ‘jiftħilna t-​triq.’ (1 Kor. 10:13) Kif jagħmel dan? Kultant, jistaʼ jneħħi l-​prova. Imma f’ħafna mill-​każijiet, jagħtina s-​saħħa ħalli ‘nissaportu bis-​sħiħ u nibqgħu nistabru bil-​ferħ.’ (Kol. 1:11) U minħabba li jaf sew il-​limiti fiżiċi, mentali, u emozzjonali tagħna, Ġeħova qatt ma jħalli sitwazzjoni ssir tant diffiċli li ma nkunux nistgħu nibqgħu leali. w16.04 2:5, 6

It-​Tlieta, 2 t’Ottubru

“Agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla.”—Mt. 22:21.

Il-​Bibbja tgħallimna biex nobdu l-​gvernijiet umani, imma tgħidilna wkoll li lil Alla dejjem għandna nobduh. (Atti 5:29; Titu 3:1) Kif inhu possibbli? Ġesù spjega prinċipju li jgħinna nkunu nafu lil min għandna nobdu meta qal il-​kliem tal-​iskrittura tal-​lum. Aħna nagħtu lura “lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari” meta nobdu l-​liġijiet tal-​gvern, nittrattaw uffiċjali tal-​gvern b’rispett, u nħallsu t-​taxxi. (Rum. 13:7) Madankollu, jekk il-​gvern jgħidilna biex nagħmlu xi ħaġa li Alla ma jridniex nagħmlu, aħna nirrifjutaw li nagħmlu hekk, imma dejjem nagħmlu dan b’rispett. Aħna ma nżommu maʼ ħadd fi kwistjonijiet politiċi taʼ din id-​dinja. Aħna newtrali f’dawn l-​affarijiet. (Is. 2:4) Ladarba Ġeħova jippermetti lill-​gvernijiet umani biex imexxu, aħna ma nopponuhomx. Apparti minn hekk, aħna ma ninvolvu ruħna f’ebda attività patrijottika jew nazzjonalistika. (Rum. 13:1, 2) Aħna ma nipprovawx inbiddlu lil gvernijiet jew nipprovaw ninfluwenzaw politikanti, u ma nivvotawx f’elezzjonijiet politiċi jew insiru politikanti. w16.04 4:1, 2

L-​Erbgħa, 3 t’Ottubru

“Ħa jkun għalik bħal raġel mill-​ġnus.”—Mt. 18:17.

Il-​biċċa l-​kbira mill-​problemi li jinqalgħu bejn żewġ Kristjani jistgħu u għandhom jitranġaw bejniethom. Però, kultant dan ma jkunx possibbli. Jistgħu jinqalgħu xi sitwazzjonijiet fejn ikun hemm bżonn l-​għajnuna t’oħrajn fi qbil maʼ dak li nsibu f’​Mattew 18:15-17. Id-​“dnub” li semma Ġesù ma kienx xi nuqqas taʼ qbil żgħir bejn il-​Kristjani. Kif nafu dan? Ġesù qal li jekk il-​midneb jirrifjuta li jindem wara li jitkellem maʼ ħuh, max-​xhieda, u mal-​aħwa rġiel responsabbli, dan għandu jiġi ttrattat “bħal raġel mill-​ġnus u bħal kollettur tat-​taxxi.” Illum il-​ġurnata, dan ifisser li għandu jiġi maqtugħ mis-​sħubija. Id-​“dnub” setaʼ jinkludi affarijiet bħall-​frodi jew il-​malafama. It-​tliet passi li semma Ġesù f’​Mattew 18:15-17 japplikaw biss meta jkun hemm dawn is-​sitwazzjonijiet. w16.05 1:14

Il-​Ħamis, 4 t’Ottubru

“Ibqgħu ifhmu x’inhi r-​rieda taʼ Ġeħova.”—Efes. 5:17.

Il-​Bibbja ma tagħtiniex regoli fuq kull sitwazzjoni tal-​ħajja. Pereżempju, ma nsibux istruzzjonijiet speċifiċi fil-​Bibbja dwar x’għandna nilbsu. Dan juri kemm Ġeħova huwa għaref. Il-​Bibbja dejjem hi prattika avolja l-​moda dejjem tinbidel matul iż-​żmien u wħud madwar id-​dinja jilbsu stili differenti taʼ lbies. Ukoll, fiha ma nsibux xebgħa regoli dwar liema xogħol jew divertiment għandna nagħżlu jew x’għandna nagħmlu eżatt biex inkunu f’saħħitna. Kif nistgħu nieħdu deċiżjonijiet tajbin meta l-​Bibbja ma tgħidilniex eżatt x’għandna nagħmlu? Minflok ma nagħmlu sempliċiment dak li nippreferu, għandna naħsbu sew dwar is-​sitwazzjoni personali tagħna u nieħdu deċiżjoni li togħġob lil Ġeħova. Imbagħad nistgħu nkunu ċerti li hu se jgħinna biex ikollna riżultati tajbin.—Salm 37:5. w16.05 3:2, 6

Il-​Ġimgħa, 5 t’Ottubru

“Ma lqajtuhiex bħala l-​kelma tal-​bnedmin, imma bħalma hi tassew, bħala l-​kelma t’Alla.”—1 Tess. 2:13.

Probabbilment, ilkoll għandna l-​parti favorita tagħna mill-​Bibbja. Xi wħud iħobbu l-​Evanġelji għax juru l-​personalità sabiħa taʼ Ġeħova permezz taʼ Ġesù. (Ġw. 14:9) Oħrajn jippreferu kotba profetiċi bħal tar-​Rivelazzjoni, li juruna “dak li jrid iseħħ dalwaqt.” (Riv. 1:1) Xi wħud jiġu mfarrġin meta jaqraw is-​Salmi, u oħrajn jieħdu pjaċir jaqraw il-​pariri t’għajnuna fil-​ktieb tal-​Proverbji. Allura, jidher ċar li l-​Bibbja hi ktieb għal kulħadd. Minħabba li nħobbu l-​Bibbja, inħobbu wkoll il-​pubblikazzjonijiet tagħna, li huma bbażati fuq il-​Kelma t’Alla. Kull ktieb, browxer, rivista, u letteratura oħra li nirċievu hu provvediment minn Ġeħova. Dawn jgħinuna nibqgħu qrib tiegħu u nżommu l-​fidi tagħna b’saħħitha.—Titu 2:2. w16.05 5:1-3

Is-​Sibt, 6 t’Ottubru

“Il-​frott taʼ l-​ispirtu hu l-​imħabba, il-​ferħ, il-​paċi, is-​sabar fit-​tul, il-​qalb tajba, it-​tjubija, il-​fidi, il-​ħlewwa, ir-​rażna. Kontra dawn m’hemmx liġi.”—Gal. 5:22, 23.

L-​ispirtu qaddis jistaʼ jsawwarna b’diversi modi. Pereżempju, jistaʼ jgħinna nitgħallmu nimitaw il-​personalità taʼ Ġesù u biex nuru l-​aspetti differenti tal-​frott tal-​ispirtu. Aspett wieħed taʼ dan il-​frott hi l-​imħabba. Aħna nħobbu lil Alla u rridu nobduh u niġu fformati minnu għax aħna nafu li l-​kmandamenti tiegħu huma għall-​ġid tagħna. Barra minn dan, l-​ispirtu qaddis jistaʼ jagħtina s-​saħħa meħtieġa ħalli nevitaw li niġu fformati minn did-​dinja mill-​agħar. (Efes. 2:2) Meta l-​appostlu Pawlu kien żagħżugħ, hu kien influwenzat mill-​mexxejja reliġjużi Lhud li kienu kburin. Imma l-​ispirtu qaddis għenu jinbidel. Iktar tard hu kiteb: “Għal kollox għandi s-​saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-​qawwa.” (Flp. 4:13) Aħna wkoll jeħtieġ li nitolbu għall-​ispirtu qaddis, għax nafu li Ġeħova se jismaʼ t-​talb sinċier tagħna.—Salm 10:17. w16.06 1:12

Il-​Ħadd, 7 t’Ottubru

“Int jistħoqqlok, Ġeħova, Alla tagħna, li tirċievi l-​glorja u l-​unur.”—Riv. 4:11.

Ġeħova hu l-​uniku Alla tagħna. Aħna nagħtuh id-​devozzjoni esklużiva tagħna meta nqimu lilu biss. Ma nistgħux inqimu lil allat oħra jew ninkludu xi ideat jew prattiki foloz fil-​qima tagħna lil Ġeħova. Mhuwiex sempliċi alla li hu superjuri għal allat oħra jew li hu iktar setgħan minnhom. Hu l-​Alla l-​veru. M’għandna nqimu lil ħadd ħlief Ġeħova. Hu jrid ikollu l-​ewwel post f’ħajjitna. Jekk irridu nagħtuh devozzjoni esklużiva, irridu noqogħdu b’sebaʼ għajnejn li affarijiet oħra ma jiħdulux postu. X’jistgħu jkunu dawn l-​affarijiet? Fl-​Għaxar Kmandamenti, Ġeħova qal li n-​nies tiegħu m’għandhomx iqimu lil allat oħra. U m’għandhom jipprattikaw l-​ebda tip taʼ idolatrija. (Dt. 5:6-10) Illum il-​ġurnata, hemm ħafna tipi taʼ idolatrija, u ftit minn dawn huma diffiċli biex tagħrafhom. Imma Ġeħova ma biddilx dak li jistenna minna. Hu għadu “Ġeħova wieħed.”—Mk. 12:29. w16.06 3:10, 12

It-​Tnejn, 8 t’Ottubru

“Jekk taħfru lill-​bnedmin in-​nuqqasijiet tagħhom, Missierkom tas-​sema se jaħfrilkom ukoll.”—Mt. 6:14.

Meta Pietru saqsa lil Ġesù jekk għandniex naħfru “sa seba’ darbiet,” Ġesù wieġeb: “Ma ngħidlekx, sa seba’ darbiet, imma, sa sebgħa u sebgħin darba.” Ġesù għallimna li dejjem għandna nkunu lesti biex naħfru lil xulxin. (Mt. 6:15; 18:21, 22) Ftakar li ladarba mis-​sema ’l isfel kulħadd jiżbalja, int ukoll tiżbalja. Allura, jekk tirrealizza li ddiżappuntajt lil xi ħadd, segwi l-​parir tal-​Bibbja. Itlob lil ħuk biex jaħfirlek, u pprova agħmel paċi miegħu. (Mt. 5:23, 24) Aħna nieħdu pjaċir meta oħrajn jaħfrulna. Allura, għandna nagħmlu l-​istess magħhom. (1 Kor. 13:5; Kol. 3:13) U jekk naħfru lil oħrajn, Ġeħova jaħfrilna wkoll. Allura meta oħrajn jiżbaljaw, jalla nuru ħniena magħhom sewwasew bħalma Missierna, Ġeħova, hu ħanin magħna.—Salm 103:12-14. w16.06 4:15, 17

It-​Tlieta, 9 t’Ottubru

“Jien ma nistħix minħabba l-​aħbar tajba; fil-​fatt, hi l-​qawwa t’Alla għas-​salvazzjoni taʼ kulmin għandu l-​fidi.”—Rum. 1:16.

F’dan iż-​żmien tat-​tmiem, in-​nies taʼ Ġeħova għandhom l-​inkarigu li jippritkaw “l-​aħbar tajba tas-​saltna . . . fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha.” (Mt. 24:14) L-​aħbar tajba tas-​Saltna hi wkoll “l-​aħbar tajba tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.” B’liema mod? Il-​barkiet kollha li se nirċievu mis-​Saltna t’Alla se jiġu bħala riżultat tal-​qalb tajba taʼ Ġeħova. (Atti 20:24; Efes. 1:3) Pawlu wera li kien grat għall-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova billi pprietka b’żelu. Qed nimitaw aħna l-​eżempju taʼ Pawlu? (Rum. 1:14,15) Bħala midinbin, aħna nibbenefikaw b’diversi modi mill-​qalb tajba taʼ Ġeħova. Peress li tant ibbenefikajna, aħna għandna r-​responsabbiltà li ngħallmu lil oħrajn dwar kif Ġeħova qed juri mħabbtu u kif huma jistgħu jibbenefikaw minnha. w16.07 4:4, 5

L-​Erbgħa, 10 t’Ottubru

“Kunu dejjem għal-​lest, għax f’siegħa li ma tobsruhiex ġej Bin il-​bniedem.”—Lq. 12:40.

Ftit qabel ma miet, Ġesù fakkar lid-​dixxipli tiegħu tliet darbiet dwar “il-​ħakkiem taʼ din id-​dinja.” (Ġw. 12:31; 14:30; 16:11) Ix-​Xitan uża r-​reliġjon falza biex iqarraq bin-​nies. Huwa għalhekk li ħafna llum jinjoraw il-​profeziji tal-​Bibbja li juru biċ-​ċar li t-​tmiem taʼ din id-​dinja hu viċin ħafna. (Sof. 1:14) B’mod ċar, Satana “għema l-​imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux.” (2 Kor. 4:3-​6) B’hekk, meta nipprovaw ngħidu lin-​nies li t-​tmiem taʼ din id-​dinja hu qrib u li Kristu issa qed imexxi, ħafna minnhom ma jkunux iridu jagħtu widen. Għalkemm ħafna mhumiex interessati fil-​profeziji tal-​Bibbja, m’għandniex inħallu l-​attitudni tagħhom taqtgħalna qalbna. Aħna nafu li hu importanti li nibqgħu għassa. w16.07 2:11, 12

Il-​Ħamis, 11 t’Ottubru

Kull wieħed minnkom għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu; il-​mara għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.—Efes. 5:33.

Meta l-​għarus u l-​għarusa jaraw lil xulxin dakinhar tat-​tieġ, huma jħossu ferħ kbir. Ġeħova, il-​Ħallieq taż-​żwieġ, irid li kull koppja jkollha żwieġ ferħan u taʼ suċċess, u b’hekk ta parir għaqli fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. (Prov. 18:22) Minkejja dan, bħala nies imperfetti, il-​Bibbja tgħidilna li dawk li jiżżewġu se jkollhom il-​problemi, jew “tribulazzjoni f’laħamhom.” (1 Kor. 7:28) Il-​koppji kif jistgħu jnaqqsu dawn il-​problemi? U l-​Kristjani kif jistaʼ jkollhom suċċess fiż-​żwieġ? Il-​Bibbja tgħallimna li l-​imħabba hi kwalità importanti. Imma hemm tipi differenti taʼ mħabba li l-​miżżewġin għandhom juru fiż-​żwieġ. Pereżempju, m’għandux ikun hemm biss imħabba bħal dik taʼ bejn żewġt iħbieb imma mħabba romantika wkoll. U jekk għandhom it-​tfal, l-​imħabba bejn il-​membri tal-​familja ssir saħansitra iktar importanti. Imma hija l-​imħabba bbażata fuq prinċipji Kristjani li tagħmel żwieġ verament taʼ suċċess. w16.08 2:1, 2

Il-​Ġimgħa, 12 t’Ottubru

“Oqgħod attent il-​ħin kollu għalik innifsek u għat-​tagħlim tiegħek.”—1 Tim. 4:16.

Timotju kien diġà ilu jipprietka għal ħafna snin. Allura, għala kellu bżonn jitjieb? Timotju kien jaf li n-​nies u ċ-​ċirkustanzi jinbidlu. Hu ried li n-​nies ikomplu jisimgħuh, u allura kellu jibqaʼ jtejjeb u jbiddel il-​mod taʼ kif jgħallimhom. Hekk kif nippritkaw illum, irridu nagħmlu l-​istess. F’xi postijiet, meta nippritkaw minn bieb għal bieb, insibu li ħafna nies ma jkunux id-​dar. F’postijiet oħra, in-​nies għandu mnejn ikunu d-​dar, imma ma nistgħux naslu sal-​bieb tagħhom, forsi għax ma nistgħux nidħlu fil-​binja fejn jgħixu. Jekk dan huwa minnu fit-​territorju tiegħek, tistaʼ tipprova metodu ieħor taʼ kif issib in-​nies? Ħafna aħwa rġiel u nisa jieħdu pjaċir jippritkaw f’postijiet pubbliċi. Pereżempju, imorru fl-​istazzjonijiet tal-​ferrovija, fil-​vendi tal-​karozzi tal-​linja, fis-​suq, u fil-​ġonna biex isibu n-​nies maʼ min jitkellmu. w16.08 3:14-16

Is-​Sibt, 13 t’Ottubru

“Iddrittaw l-​idejn merħijin u l-​irkopptejn dgħajfin.”—Ebr. 12:12.

Ġeħova jagħtina fratellanza globali taʼ aħwa rġiel u nisa li jimpurtahom minna u li jistgħu jinkuraġġuna. (Ebr. 12:12, 13) Ħafna mill-​Kristjani tal-​bidu ngħataw din it-​tip t’għajnuna minn ħuthom irġiel u nisa. L-​istess hu llum. X’nistgħu nagħmlu? Aħseb dwar kif Aron u Ħur għenu jsaħħu jdejn Mosè billi żammewhomlu ’l fuq waqt il-​battalja kontra l-​Għamalekin. (Eżo. 17:8-13) Nistgħu nħarsu lejn modi kif nappoġġjaw u ngħinu oħrajn. Xi wħud minn ħutna jsofru minħabba li għandhom iż-​żmien, problemi taʼ saħħa, jew persekuzzjoni mill-​familja tagħhom. Oħrajn isofru minħabba li jħossuhom waħedhom jew minħabba telfa taʼ xi ħadd maħbub. Nistgħu nsaħħu wkoll liż-​żgħażagħ, li sikwit ikollhom pressjoni biex jagħmlu l-​ħażen jew biex ifittxu suċċess fid-​dinja. (1 Tess. 3:1-3; 5:11, 14) Fittex modi fejn tistaʼ turi interess ġenwin f’oħrajn fis-​Sala tas-​Saltna, fil-​ministeru, waqt xi ikla flimkien, jew meta titkellem fuq it-​telefown. w16.09 1:13, 14

Il-​Ħadd, 14 t’Ottubru

“Agħmlu kollox għall-​glorja t’Alla.”—1 Kor. 10:31.

Dak li nilbsu jeffettwa lill-​Alla l-​qaddis tagħna, lill-​aħwa rġiel u nisa Kristjani, u lin-​nies fit-​territorju tagħna. Għandna nilbsu b’mod li jonora lil Ġeħova u l-​messaġġ li nxandru. (Rum. 13:8-10) X’nilbsu hu importanti b’mod speċjali meta mmorru l-​laqgħat Kristjani tagħna jew meta nippritkaw. Għandna nilbsu b’mod li jkun addattat għan-​nies li jqimu lil Alla. (1 Tim. 2:10) Naturalment, ċerti ħwejjeġ li huma addattati f’ċertu pajjiż jistaʼ jkun li mhumiex addattati f’pajjiż ieħor. Għaldaqstant, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-​dinja jagħtu kas id-​drawwiet tal-​lokal biex b’hekk ma joffendu lil ħadd. Meta nattendu l-​assembleat u l-​konvenzjonijiet, l-​ilbies tagħna għandu jkun addattat u modest. M’għandniex nimitaw l-​istili estremi taʼ ħwejjeġ li huma komuni fid-​dinja. B’hekk, se nkunu kburin li nidentifikaw lilna nfusna bħala x-​Xhieda taʼ Ġeħova u se nkunu lesti nagħtu xhieda f’kull ħin. w16.09 3:7, 8

It-​Tnejn, 15 t’Ottubru

“Kull dar tinbena minn xi ħadd, imma dak li bena kollox hu Alla.”—Ebr. 3:4.

Ovvjament, dar letterali hi ddisinjata u mibnija minn xi ħadd. Bla dubju, affarijiet ħajjin, li huma ħafna iktar ikkomplikati minn dar, żgur li ġew disinjati u magħmulin minn xi ħadd. Jekk xi ħadd għandu d-​dubji dwar il-​Bibbja, kif tistaʼ tirraġuna miegħu? Bħalma għedna qabel, l-​ewwel saqsih x’jemmen. Ukoll, sir af x’jinteressah. (Prov. 18:13) Jekk iħobb ix-​xjenza, agħtih eżempji mill-​Bibbja biex turi li dak li hi tgħid dwar affarijiet xjentifiċi dejjem ikun korrett. Jekk iħobb l-​istorja, tistaʼ ssemmi xi ġrajja li tissemma fil-​kotba tal-​istorja u turih kif il-​Bibbja pprofetizzat din il-​ġrajja minn ħafna snin qabel. Nies oħra għandhom mnejn jisimgħuk jekk turihom xi ħaġa fil-​Bibbja li tistaʼ tagħmlilhom ħajjithom aħjar, bħal pariri li nsibu fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja. Ftakar, ma rridux nargumentaw man-​nies. Irridu li huma jieħdu pjaċir jitkellmu magħna u jitgħallmu dwar il-​Bibbja. Allura, saqsi mistoqsijiet b’rispett, u mbagħad ismaʼ sew. Meta titkellem maʼ xi ħadd dwar dak li temmen fih, kun edukat, speċjalment jekk il-​persuna tkun ikbar minnek. Jekk tirrispetta lil oħrajn, aktarx li se jirrispettawk ukoll. w16.09 4:14-16

It-​Tlieta, 16 t’Ottubru

“Ilqgħu lil xulxin.”—Rum. 15:7.

Biex tgħin lil oħrajn minn kultura barranija jħossuhom milqugħin fil-​kongregazzjoni, kun onest miegħek innifsek u staqsi, ‘Kieku jien kont f’pajjiż barrani, kif inkun irrid li niġi ttrattat?’ (Mt. 7:12) Kun paċenzjuż maʼ dawk li qed jidraw f’pajjiż differenti. Għall-​ewwel, nistgħu ma nifhmux eżatt il-​mod taʼ kif jaħsbu jew jirreaġixxu. Imma iktar milli nistennewhom jaħsbu u jaġixxu bħan-​nies tal-​kultura tagħna, għala ma nilqgħuhomx, jew naċċettawhom kif inhuma? Jekk nieħdu l-​ħin biex nitgħallmu dwar il-​pajjiż u l-​kultura tal-​barranin, jistaʼ jagħmilha iżjed faċli għalina biex insiru nafuhom. Matul il-​qima bħala familja, nistgħu nagħmlu ftit riċerka dwar il-​kultura tal-​immigranti fil-​kongregazzjoni jew territorju tagħna. Mod ieħor kif insiru nafu lill-​immigranti aħjar hu billi nistidnuhom għall-​ikel f’darna. Ġeħova “fetaħ il-​bieb tal-​fidi lill-​ġnus,” allura għandna nimitawh u niftħu darna għall-​istranġieri li ‘jiġu minna fil-​fidi.’—Atti 14:27; Gal. 6:10; Ġob 31:32. w16.10 1:15, 16

L-​Erbgħa, 17 t’Ottubru

“Irriflettu sew dwar dak li ssaporta l-​kliem ostili minn dawk li jidinbu.”—Ebr. 12:3.

Ġesù Kristu ssaporta l-​iktar prova diffiċli u baqaʼ leali lejn Ġeħova. X’għenu jissaporti? Pawlu qal: “Għall-​ferħ li tqiegħed quddiemu ssaporta z-​zokk tat-​tortura, u ma qiesx l-​għajb, u qagħad bil-​qiegħda fuq il-​lemin tat-​tron t’Alla.” (Ebr. 12:2) Pawlu mbagħad inkuraġġixxa lill-​Kristjani biex ‘jirriflettu sew’ fuq l-​eżempju taʼ Ġesù. Bħal Ġesù, ħafna Kristjani fl-​ewwel seklu ġew maqtulin għax kienu leali lejn Ġeħova. Antipa kien wieħed minnhom. (Riv. 2:13) Kristjani bħal dawn diġà rċivew ir-​rigal, kuntrarju għall-​qaddejja t’Alla taʼ qabilhom li ħarsu ’l quddiem għall-​ħajja fuq l-​art. (Ebr. 11:35) Xi żmien wara li Ġesù sar Sultan fl-​1914, il-​Kristjani midlukin li mietu ġew irxoxtati għall-​ħajja immortali fis-​sema, u huma se jmexxu lill-​umanità miegħu.—Riv. 20:4. w16.10 3:12

Il-​Ħamis, 18 t’Ottubru

“Ibqgħu ħeġġu lil xulxin kull jum.”—Ebr. 3:13.

Xi ġenituri ma jinkuraġġux lil uliedhom għax il-​ġenituri tagħhom stess qatt ma inkuraġġewhom. L-​adulti wkoll jeħtieġu lil min jinkuraġġihom, imma spiss dan ma jsirx. Pereżempju, ħafna jgergru li qatt ma jiġu mfaħħrin għal dak li jagħmlu fuq ix-​xogħol. Aħna nistgħu ninkuraġġixxu lil oħrajn billi nfaħħruhom għal xi ħaġa tajba li jkunu għamlu. Nistgħu ninkuraġġixxu lil oħrajn ukoll billi ngħidulhom li għandhom kwalitajiet tajbin u billi nfarrġuhom meta jkunu mdejqin jew skuraġġiti. (1 Tess. 5:14) Peress li spiss inkunu maʼ ħutna, ikollna ħafna opportunitajiet biex ngħidu xi ħaġa taʼ inkuraġġiment. (Ekk. 4:9, 10) Allura staqsi lilek innifsek: ‘Inħalli lil oħrajn ikunu jafu għala napprezzahom u nħobbhom? U nagħmel dan kull meta nistaʼ?’ Aħseb dwar dak li tgħid il-​Bibbja: “Kemm hi tajba kelma f’waqtha!”—Prov. 15:23. w16.11 1:3-5

Il-​Ġimgħa, 19 t’Ottubru

“Ara! Kemm hu tajjeb u sabiħ li l-​aħwa jgħammru flimkien f’unità!”—Salm 133:1.

Dwar il-​poplu tiegħu, Alla bassar: “Inqegħedhom flimkien bħal nagħaġ f’maqjel.” (Mik. 2:12) Ġeħova bassar ukoll li l-​poplu tiegħu kien se jitgħallem il-​verità mill-​Iskrittura u kellu jaqdih f’unità. Hu qal: “Se nagħti lill-​popli l-​bidla għal lingwa pura, biex ilkoll isejħu isem Ġeħova, biex jaqduh spalla maʼ spalla.” (Sof. 3:9) Kemm aħna grati li nistgħu nqimu lil Ġeħova f’unità! Jidher ċar li meta l-​Kristjani fl-​ewwel seklu segwew il-​gwida misjuba fil-​Ktieb t’Alla stess, il-​kongregazzjonijiet tagħhom kienu nodfa, fil-​paċi, u magħqudin. (1 Kor. 1:10; Efes. 4:11-13; 1 Pt. 3:8) Illum, ukoll, il-​poplu taʼ Ġeħova huwa magħqud u organizzat, u qed jipprietka l-​aħbar tajba fid-​dinja kollha. w16.11 2:16, 18

Is-​Sibt, 20 t’Ottubru

Intom saċerdozju rjali, ġens qaddis, poplu miksub bħala proprjetà speċjali, sabiex ixxandru maʼ kullimkien il-​kwalitajiet eċċellenti taʼ dak li sejħilkom mid-​dlam.—1 Pt. 2:9.

Għall-​ewwel ftit mijiet taʼ snin wara Kristu, ħafna nies xorta setgħu jaqraw il-​Bibbja bil-​Grieg jew bil-​Latin. Huma setgħu jqabblu t-​tagħlim tal-​Kelma t’Alla maʼ dak tal-​knisja. Meta xi nies indunaw li t-​tagħlim tal-​knisja kien falz, huma m’aċċettawhx. Imma kien perikoluż li jgħidu l-​opinjoni tagħhom lil oħrajn, u setgħu saħansitra jinqatlu għal dan. Hekk kif għadda ż-​żmien, ftit kienu n-​nies li jitkellmu bil-​Grieg jew bil-​Latin. U mexxejja tal-​knisja ma ħallewx il-​Kelma t’Alla tiġi tradotta bil-​lingwi komuni li jitkellmu n-​nies. Kull min ma kienx jaqbel maʼ dak li kienet tgħallem il-​knisja kien jiġi kkastigat bil-​kbir. Kristjani midlukin leali kellhom jiltaqgħu flimkien fi gruppi żgħar bil-​moħbi, u xi ftit lanqas biss setgħu jiltaqgħu. Is-​“saċerdozju rjali” midluk ma setax jaqdi b’mod organizzat. Babilonja l-​Kbira kellha kontroll assolut fuq in-​nies! w16.11 4:8, 10, 11

Il-​Ħadd, 21 t’Ottubru

“L-​inġusti ma jirtux is-​saltna t’Alla.”—1 Kor. 6:9.

M’għandniex xi ngħidu, għandna nevitaw li nagħmlu d-​dnubiet serji li xi wħud f’Korintu għamlu. Ma nistgħux nibqgħu nagħmlu affarijiet bħal dawn u fl-​istess ħin nistennew li Alla juri qalb tajba mhix mistħoqqa magħna u jaħfrilna. Imma xi ngħidu dwar dnubiet li xi wħud jistgħu jikkunsidraw bħala inqas serji? Determinati aħna li nagħmlu kulma nistgħu biex nobdu lil Ġeħova f’kollox? (Rum. 6:14, 17) Aħseb dwar l-​appostlu Pawlu. Hu kiteb: “Jien tal-​laħam, mibjugħ lid-​dnub. Għax ma nafx x’qed nagħmel. Għax ma nipprattikax dak li nixtieq; imma nagħmel dak li nobgħod.” (Rum. 7:14, 15) Għalkemm ma kienx qed jagħmel l-​affarijiet imsemmija fl-​1 Korintin 6:9-11, Pawlu ammetta li xorta kien jidneb. Hu ried jogħġob lil Ġeħova, u għalhekk iġġieled biex ma jagħmilx affarijiet ħżiena. (Rum. 7:21-23) Jalla nimitaw l-​eżempju tiegħu u nagħmlu kulma nistgħu biex nobdu lil Ġeħova. w16.12 1:15, 16

It-​Tnejn, 22 t’Ottubru

“Ixħet toqlok fuq Ġeħova, u jsostnik.”—Salm 55:22.

Meta tkun ansjuż, Missierek tas-​sema kollu mħabba jridek tesprimi l-​iktar sentimenti profondi tiegħek miegħu. Wara li tkun għamilt kulma stajt biex issolvi problema, talb mill-​qalb lil Ġeħova se jgħin iktar milli toqgħod tinkwieta. (Salm 94:18, 19) Bħalma juri Filippin 4:6, 7, Ġeħova jistaʼ jwieġeb għat-​talb mill-​qalb u persistenti tagħna. Kif? Hu jistaʼ jgħinna nħossuna kalmi u nevitaw ħsibijiet u sentimenti negattivi. Minflok ma jkollna ansjetà u biżaʼ, Alla jgħinna jkollna paċi ġewwinija l-​iktar profonda li qatt nistgħu nesperjenzaw. Ħafna minn ħutna ħassew din il-​kalma. Int tistaʼ tħossok hekk ukoll. “Il-​paċi t’Alla” tistaʼ tgħinek tegħleb kwalunkwe sfida! Int tistaʼ tafda b’għajnejk magħluqa l-​wegħda taʼ Ġeħova: “Tiċċassax ’l hemm u ’l hawn, għax jien Alla tiegħek. Jien inqawwik. Jien ngħinek verament.”—Is. 41:10. w16.12 3:3, 4

It-​Tlieta, 23 t’Ottubru

“Bil-​fidi Mosè, meta kiber, ma riedx jissejjaħ bin bint il-​Fargħun.”—Ebr. 11:24.

Mosè ċaħad it-​teżori tal-​Eġittu u għażel “li jkun trattat ħażin mal-​poplu t’Alla minflok ma jkollu t-​tgawdija temporanja tad-​dnub.” (Ebr. 11:25, 26) Ejja nimitaw il-​fidi taʼ rġiel u nisa leali, bħal Mosè, u napprezzaw ir-​rigal tagħna tal-​libertà tal-​għażla, u nużawha biex nagħmlu r-​rieda t’Alla. Forsi jidher eħfef li jkollna lil xi ħadd jiddeċiedi għalina, imma mbagħad qatt mhu se nesperjenzaw waħda mill-​ikbar barkiet tal-​libertà tal-​għażla. Din x’inhi? Il-​Bibbja tispjega dan f’​Dewteronomju 30:19, 20. F’vers 19 naqraw li Alla ta għażla lill-​Iżraelin. F’vers 20 nitgħallmu li Ġeħova tahom ċans biex juru kemm kienu jħobbuh. Anke aħna nistgħu nagħżlu li nqimu lil Ġeħova. U wkoll għandna ċans uniku biex nużaw ir-​rigal tal-​libertà tal-​għażla tagħna biex nonoraw lil Ġeħova u nuruh kemm inħobbuh! w17.01 2:10, 11

L-​Erbgħa, 24 t’Ottubru

Afda f’Ġeħova u agħmel it-​tajjeb; u aġixxi bil-​fedeltà.—Salm 37:3.

Ġeħova jistenna li nużaw l-​abbiltajiet li tana b’mod tajjeb. Għala? Għax iħobbna u jaf li se nkunu ferħanin meta nużaw l-​għotjiet li tana. Ġeħova jridna nużaw l-​abbiltajiet tagħna, imma hu jaf li aħna limitati. Pereżempju, ma nistgħux inneħħu l-​imperfezzjoni, id-​dnub, u l-​mewt. (1 Slat. 8:46) Ukoll, ma nistgħux nikkontrollaw nies oħrajn, għax kulħadd hu liberu biex jagħmel l-​għażliet tiegħu. U għandna kemm għandna għarfien jew esperjenza, qatt mhu se jkollna daqskemm għandu Ġeħova. (Is. 55:9) Dejjem għandna nħallu lil Ġeħova jiggwidana, b’fiduċja li hu se jappoġġjana u jagħmel għalina dak li aħna ma nistgħux. Minkejja dan, Ġeħova jridna wkoll naħsbu dwar x’nistgħu nagħmlu biex insolvu l-​problemi u ngħinu ’l oħrajn. Jeħtieġ li kemm ‘nafdaw f’Ġeħova’ kif ukoll li ‘nagħmlu t-​tajjeb.’ Għandna bżonn ‘naġixxu bil-​fedeltà.’ w17.01 1:2-4

Il-​Ħamis, 25 t’Ottubru

“Int aqsam miegħi, u jien nipprovdilek l-​ikel miegħi f’Ġerusalemm.”—2 Sam. 19:33.

Meta Barżillaj kellu 80 sena, David stiednu jmur jgħix fil-​palazz irjali. Allavolja dan kien unur kbir, Barżillaj qal li kien ikun aħjar jekk jagħti dan l-​inkarigu lil raġel jismu Kimħam, li setaʼ kien ibnu. (2 Sam. 19:31-37) Barżillaj għala m’aċċettax l-​istedina? Kien dan biex jevita r-​responsabbiltà jew biex igawdi ħajja faċli? Le, hu għamel dan għax kien modest. Hu għaraf li ċ-​ċirkustanzi tiegħu kienu nbidlu, u rrikonoxxa l-​limitazzjonijiet tiegħu. (Gal. 6:4, 5) Bħal Barżillaj, jeħtieġ li nkunu modesti. Minflok ma niffokaw fuq dak li rridu għalina jew inqabblu lilna nfusna m’oħrajn, aħna niffokaw fuq li nagħtu l-​aħjar tagħna lil Ġeħova. Dan hu iktar importanti milli jkollna inkarigu speċjali jew li nkunu magħrufin sew. (Gal. 5:26) Jekk aħna modesti, se naħdmu flimkien maʼ ħutna biex nonoraw lil Ġeħova u ngħinu lil oħrajn.—1 Kor. 10:31. w17.01 4:5, 6

Il-​Ġimgħa, 26 t’Ottubru

“Alla ra kulma kien għamel, u, ara, kien tajjeb ħafna.”—Ġen. 1:31.

Ġeħova hu Ħallieq tal-​għaġeb. Dak kollu li ħalaq hu tal-​ogħla livell. (Ġer. 10:12) Ġeħova b’attenzjoni għamel limiti għall-​ħolqien tiegħu kollu. Għamel liġijiet fin-​natura kif ukoll liġijiet morali. Hu għamel dawn il-​liġijiet ħalli kulma hemm fl-​univers ikun jistaʼ jaħdem sew flimkien. (Salm 19:7-9) L-​affarijiet kollha fl-​univers għandhom post u xogħol għalihom. Pereżempju, il-​liġi tal-​gravità żżomm l-​atmosfera viċin tal-​art u tikkontrolla l-​oċeani u l-​marea (tide). Mingħajr il-​gravità, il-​ħajja fuq l-​art ma tkunx possibbli. Il-​limiti li Ġeħova stabbilixxa fin-​natura jwasslu għal ordni perfett fl-​univers. Dan juri li hu għandu skop għall-​art u għall-​bnedmin. Fil-​ministeru tagħna, nistgħu ngħinu oħrajn ħalli jsiru jafu l-​Ħallieq taʼ dan l-​univers meraviljuż.—Riv. 4:11. w17.02 1:4, 5

Is-​Sibt, 27 t’Ottubru

Alla bagħat lil Mosè bħala ħakkiem u ħellies permezz tal-​anġlu.—Atti 7:35.

Lil min għenu iktar l-​anġli? Il-​Bibbja tgħid li “l-​prinċep taʼ l-​armata taʼ Ġeħova,” anġlu, għen lil Ġożwè jirbaħ battalja kontra l-​Kangħanin. (Ġoż. 5:13-15; 6:2, 21) Iktar tard, meta s-​Sultan Ħeżekija mexxa l-​poplu t’Alla, l-​armata enormi Assirjana heddet li teqred lil Ġerusalemm. F’lejl wieħed, “l-​anġlu taʼ Ġeħova ħareġ u qatel mija u ħamsa u tmenin elf ruħ.” (2 Slat. 19:35) L-​anġli huma perfetti. Però, l-​irġiel li huma għenu ma kinux. Pereżempju, darba, Mosè ma ġabx unur lil Ġeħova. (Num. 20:12) Ġożwè ma staqsiex lil Alla x’kellu jagħmel meta l-​Gibegħonin riedu jagħmlu ftehim miegħu. (Ġoż. 9:14, 15) Għal xi żmien qasir, Ħeżekija sar kburi. (2 Kron. 32:25, 26) Għalkemm dawn l-​irġiel kienu imperfetti, l-​Iżraelin kienu mistennijin isegwu t-​tmexxija tagħhom. L-​Iżraelin setgħu jaraw li Ġeħova kien qed juża l-​anġli biex jappoġġjaw lil dawn l-​irġiel. B’mod ċar, Ġeħova kien qed jiggwida lill-​poplu tiegħu. w17.02 3:7-9

Il-​Ħadd, 28 t’Ottubru

“Lil Dak li qiegħed bil-​qiegħda fuq it-​tron u lill-​Ħaruf ikunu l-​barka u l-​unur u l-​glorja u s-​setgħa għal dejjem.”—Riv. 5:13.

Aħna kif nonoraw lin-​nies? Nagħmlu dan billi nagħtuhom attenzjoni speċjali u nuruhom rispett. Ġeneralment, nonoraw lil dawk li jkunu għamlu xi ħaġa li għaliha jistħoqqilhom unur jew lil dawk li għandhom inkarigu jew pożizzjoni importanti. Rivelazzjoni 5:13 jgħid li “Dak li qiegħed bil-​qiegħda fuq it-​tron” u “l-​Ħaruf” jistħoqqilhom unur. “Dak li qiegħed bil-​qiegħda fuq it-​tron” jirreferi għal Ġeħova. F’​Rivelazzjoni kapitlu 4, il-​ħlejjaq fis-​sema jagħtuna raġuni waħda għala Ġeħova, “Dak li jgħix għal dejjem taʼ dejjem,” jistħoqqlu jkun onorat. Huma jgħidu: “Int jistħoqqlok, Ġeħova, Alla tagħna, li tirċievi l-​glorja u l-​unur u l-​qawwa, għax int ħlaqt l-​affarijiet kollha, u bir-​rieda tiegħek eżistew u nħolqu.”—Riv. 4:9-​11. w17.03 1:1, 2

It-​Tnejn, 29 t’Ottubru

“Min jafda lil qalbu stess hu stupidu.”—Prov. 28:26.

Illum, ħafna nies isegwu dak li tgħidilhom qalbhom meta jieħdu deċiżjonijiet. Imma dan jistaʼ jkun perikoluż. Il-​Bibbja twissina biex ma nibbażawx id-​deċiżjonijiet tagħna fuq il-​qalb jew is-​sentimenti imperfetti tagħna. Aħna ma nistgħux nafdaw lil qalbna għax “il-​qalb qarrieqa iktar minn kull ħaġa oħra u hi ddisprata.” (Ġer. 17:9) Hemm ħafna eżempji fil-​Bibbja li juru l-​konsegwenzi taʼ dwejjaq li jiġu meta nistrieħu fuq il-​qalb imperfetta. (1 Slat. 11:9; Ġer. 3:17; 13:10) Allura, x’jistaʼ jiġri jekk insegwu dak li tgħidilna qalbna meta nieħdu deċiżjonijiet u nħallu s-​sentimenti tagħna jikkontrollaw il-​mod taʼ kif naħsbu u l-​azzjonijiet tagħna? Pereżempju, hu diffiċli għal persuna rrabjata biex tieħu deċiżjoni tajba. (Prov. 14:17; 29:22) Ukoll, hu diffiċli għal xi ħadd skuraġġit biex jagħmel għażla għaqlija. (Num. 32:6-12; Prov. 24:10) Meta nieħdu deċiżjonijiet importanti, m’għandniex inħallu s-​sentimenti tagħna jikkontrollaw dak li nagħmlu. w17.03 2:12, 13

It-​Tlieta, 30 t’Ottubru

“Jien imxejt quddiemek bil-​verità u b’qalb sħiħa.”—2 Slat. 20:3.

Ilkoll kemm aħna imperfetti u niżbaljaw. B’ferħ, Ġeħova pprovda l-​fidwa u lest li jaħfrilna. Allura jekk aħna umli u nedmin, nistgħu nitolbuh jaħfrilna. Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova mhux se jittratta magħna “skond dnubietna.” (Salm 103:10) Xorta waħda, għandna ‘naqduh b’qalb sħiħa.’ (1 Kron. 28:9) Persuna li taqdi lil Alla “b’qalb sħiħa” tħobb lil Ġeħova profondament u tkun trid tqimu għal dejjem. Fil-​Bibbja, il-​kelma “qalb” ġeneralment tirreferi għal min aħna minn ġewwa. Tinkludi l-​mod kif naħsbu, xi nħobbu, xi rridu nagħmlu fil-​ħajja tagħna, u għala nagħmlu l-​affarijiet li nagħmlu. Għalkemm imperfetti, aħna nistgħu nqimu lil Ġeħova b’qalb sħiħa. Aħna naqduh għax verament irridu, mhux taʼ bilfors jew għax hija sempliċement drawwa.—2 Kron. 19:9. w17.03 3:1, 3

L-​Erbgħa, 31 t’Ottubru

Lill-​umli jarah Ġeħova; imma lill-​kburi jafu biss mill-​bogħod.—Salm 138:6.

Meta jiġrulna affarijiet tajbin jew meta oħrajn ifaħħruna, x’se nagħmlu? Il-​mod kif nirreaġixxu jistaʼ jikxef x’hemm f’qalbna. Pereżempju, ħu għandu mnejn ħadem iebes biex jipprepara u jagħti taħdita lil udjenza kbira. Ħafna jfaħħruh għal dak li għamel. Kif se jirreaġixxi għat-​tifħir? Aħna għandna dejjem niftakru f’dak li qal Ġesù: “Meta tkunu għamiltu kulma ġejtu mqabbdin tagħmlu, għidu, ‘Aħna lsiera li m’aħna tajbin għal xejn. Għamilna dak li kellna nagħmlu.’” (Lq. 17:10) Ftakar li meta Ħeżekija sar kburi, hu m’apprezzax kif Ġeħova kien għenu. (2 Kron. 32:24-27, 31) Allura meta oħrajn ifaħħruna għal xi taħdita li tajna, x’se jgħinna nibqgħu umli? Aħna nistgħu nimmeditaw fuq dak li Ġeħova għamel għalina. U nistgħu nitkellmu dwaru u dwar kif għenna biex inkunu kapaċi nagħtu t-​taħdita. w17.03 4:12-14

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja