Settembru
Is-Sibt, 1 taʼ Settembru
“Ħallu s-sabar iwettaq xogħlu għalkollox.”—Ġak. 1:4.
Fil-Bibbja, li tistabar ifisser iktar milli sempliċiment tirreżisti, jew tittollera, sitwazzjoni diffiċli. Jinvolvi l-mod kif naħsbu u nħossuna dwar il-provi tagħna. Is-sabar jgħinna nkunu kuraġġużi, leali, u paċenzjużi. Ktieb taʼ referenza jgħid li s-sabar hu kwalità li tgħinna jkollna tama b’saħħitha u li biha nevitaw milli naqtgħu qalbna meta jkollna l-provi. Tgħinna nibqgħu sodi u ma niċċaqalqux anki waqt l-agħar provi. U tħallina nbiddlu dawn il-provi f’rebħiet u niffokaw fuq il-miri tagħna, u mhux fuq l-uġigħ tagħna. L-imħabba timmotivana nissaportu. (1 Kor. 13:4, 7) F’liema aspetti? L-imħabba għal Ġeħova timmotivana nissaportu dak kollu li jippermetti. (Lq. 22:41, 42) L-imħabba għal ħutna tgħinna nissaportu l-imperfezzjonijiet tagħhom. (1 Pt. 4:8) L-imħabba għas-sieħeb jew is-sieħba tagħna fiż-żwieġ tgħinna nissaportu t-“tribulazzjoni” li anki koppji miżżewġin u ferħanin ikollhom. L-imħabba tgħin biex iż-żwieġ tagħna jissaħħaħ.—1 Kor. 7:28. w16.04 2:3, 4
Il-Ħadd, 2 taʼ Settembru
Taw kas xulxin u m’abbandunawx il-laqgħat tagħhom flimkien.—Ebr. 10:24, 25.
Il-Kristjani tal-bidu ma waqfux jiltaqgħu flimkien anki meta kienu ppersegwitati mill-gvern Ruman u l-mexxejja reliġjużi Lhud. Għalkemm ma kienx faċli, huma għamlu kulma setgħu biex ikomplu jiltaqgħu flimkien. Anki llum, il-qaddejja taʼ Ġeħova jħossuhom grati ħafna għal-laqgħat u jieħdu pjaċir ikunu hemm. George Gangas, li kien membru tal-Ġemgħa li Tiggverna għal iktar minn 22 sena, qal: “Għalija, li niltaqaʼ mal-aħwa huwa wieħed mill-akbar pjaċiri tal-ħajja u sors taʼ inkuraġġiment.” Hu żied jgħid: “Il-ħsieb profond u x-xewqa ġewwinija tiegħi huma li nattendi l-laqgħat.” Int ukoll tħossok b’dan il-mod dwar li tqim lil Ġeħova? Jekk iva, ibqaʼ agħmel kulma tistaʼ biex tkun maʼ ħutek irġiel u nisa waqt il-laqgħat, anki meta jkun diffiċli. Uri lil Ġeħova li verament tħossok bħas-Sultan David, li qal: “Ġeħova, jien ħabbejtha d-dar fejn tgħammar int.”—Salm 26:8. w16.04 3:16-18
It-Tnejn, 3 taʼ Settembru
“L-ewwel agħmel paċi maʼ ħuk.”—Mt. 5:24.
Ejja ngħidu li ssir taf li ħu ħa għalih b’xi ħaġa li għedt jew għamilt. X’għandek tagħmel? Tkellem maʼ ħuk. Meta tagħmel dan, il-mira tiegħek għandha tkun li żżomm il-paċi miegħu. Għandek tammetti l-iżball tiegħek u mhux tipprova twaħħal fih. L-iktar ħaġa importanti hi li nżommu l-paċi maʼ ħutna. Pereżempju, kemm Abraham u kemm neputih Lot kellhom ħafna annimali, u r-ragħajja tagħhom kellhom xi jgħidu għax ma kienx hemm biżżejjed art għalihom kollha. Peress li Abraham ried iżomm il-paċi, hu ħalla lil Lot jagħżel l-aħjar art. (Ġen. 13:1, 2, 5-9) X’eżempju tajjeb għalina! Mar minn taħt, Abraham, minħabba l-ġenerożità tiegħu? Lanqas xejn! Eżatt wara li ġara dan, Ġeħova wiegħed li jbierek lil Abraham b’ħafna iktar milli tilef. (Ġen. 13:14-17) X’nitgħallmu minn dan? Anke jekk immorru minn taħt, Ġeħova se jberikna meta bi mħabba nirranġaw in-nuqqas taʼ qbil li jkollna. w16.05 1:11, 12
It-Tlieta, 4 taʼ Settembru
“Ibqgħu ifhmu x’inhi r-rieda taʼ Ġeħova.”—Efes. 5:17.
Fil-Bibbja, Ġeħova tana liġijiet li juruna b’mod ċar xi jridna nagħmlu. Pereżempju, hu jgħidilna li m’għandniex inqimu l-idoli, nisirqu, niskru, jew nagħmlu affarijiet li huma immorali. (1 Kor. 6:9, 10) U Ġesù, Bin Ġeħova, ta dan il-kmand speċifiku lis-segwaċi tiegħu: “Morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, għammduhom fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-ispirtu qaddis, u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom. U, ara, jien magħkom il-jiem kollha sal-konklużjoni tas-sistema.” (Mt. 28:19, 20) Kulma Ġeħova u Ġesù jgħidulna biex nagħmlu hu għall-benefiċċju tagħna stess. Il-liġijiet taʼ Ġeħova jgħallmuna kif nieħdu ħsieb tagħna nfusna u l-familji tagħna. Ukoll, jgħinuna jkollna saħħa aħjar u ħajja ferħana. Iktar importanti minn hekk, meta aħna nobdu l-kmandi taʼ Ġeħova, inkluż il-kmand biex nippritkaw, se nferrħulu qalbu u hu se jberikna. w16.05 3:1
L-Erbgħa, 5 taʼ Settembru
“Inbidlu billi ġġeddu moħħkom.”—Rum. 12:2.
Ġeħova jistaʼ jgħinna nifhmu x’jogħġbu, u nistgħu nitgħallmu naħsbu bħalu. B’hekk, dak li naħsbu, ngħidu, u nagħmlu se jogħġob iktar lil Ġeħova, u aħna se nitgħallmu kif nikkontrollaw id-dgħufijiet tagħna. (Lq. 11:13; Gal. 5:22, 23) Imma anki wara li jirnexxilna nagħmlu dan, ikollna bżonn nibqgħu niġġildulhom. (Prov. 4:23) Jieħu ż-żmien biex titgħallem timita l-kwalitajiet taʼ Ġeħova. Allura, kun paċenzjuż jekk tħossok li ma tantx għamilt bidliet daqs kemm tixtieq. Għall-ewwel, għandu mnejn tkun trid tisforza lilek innifsek biex tagħmel dak li tgħid il-Bibbja. Imma iktar ma taħseb u ġġib ruħek bil-mod li jridek Ġeħova, iktar se jkun faċli għalik biex taħseb bħalu u biex tagħmel dak li hu ġust.—Salm 37:31; Prov. 23:12; Gal. 5:16, 17. w16.05 4:14, 16
Il-Ħamis, 6 taʼ Settembru
“L-għaxqa tiegħu hi fil-liġi taʼ Ġeħova, u lejl u nhar jaqra u jimmedita fuq il-liġi tiegħu.”—Salm 1:2.
Illum, Ġeħova juża l-Bibbja, l-ispirtu qaddis tiegħu, u l-kongregazzjoni biex isawwarna. Il-Bibbja kif tistaʼ ssawwarna? Irridu naqrawha, nimmeditaw fuq dak li naqraw, u nistaqsu lil Ġeħova biex jgħinna napplikaw dak li tgħallimna. Is-Sultan David kiteb: “Niftakar fik fuq soddti, matul l-għases tal-lejl nimmedita fuqek.” (Salm 63:6) Hu kiteb ukoll: “Se nbierek lil Ġeħova, li tani l-pariri. Iva, bil-lejl il-kliewi tiegħi kkoreġewni.” (Salm 16:7) Iva, David immedita fuq il-pariri taʼ Ġeħova u ħalliehom jippenetraw fil-‘kliewi tiegħu,’ jiġifieri, isawru l-ħsibijiet u s-sentimenti profondi tiegħu. Hu għamel dan anke meta l-pariri kienu diffiċli biex jaċċettahom. (2 Sam. 12:1-13) David ħalla eżempju sabiħ għalina taʼ umiltà u ubbidjenza. Allura, saqsi lilek innifsek: ‘Meta naqra l-Bibbja, nimmedita fuqha u nħalli l-parir taʼ Ġeħova jilħaq il-ħsibijiet u s-sentimenti profondi tiegħi? Nistaʼ nirfina f’dan ir-rigward?’—Salm 1:3. w16.06 1:11
Il-Ġimgħa, 7 taʼ Settembru
“Tgħaġġilx biex tieħu għalik.”—Ekk. 7:9.
Ilkoll kemm aħna imperfetti u niżbaljaw. Allura, ma nistgħux nistennew li ħutna dejjem se jgħidu u jagħmlu dak li hu sew. U ma jagħmlilniex ġid jekk nibqgħu naħsbu dwar l-iżbalji tagħhom. Jekk jiġrilna hekk, għandu mnejn ma nibqgħux inħossuna ferħanin waqt li nkunu qed naqdu lil Ġeħova. Agħar minn hekk, il-fidi tagħna fih tistaʼ tiddgħajjef, u għandu mnejn nitilqu l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Imbagħad, ma nkunux nistgħu naqdu lil Ġeħova jew nittamaw li ngħixu fid-dinja l-ġdida tiegħu. Allura, x’jistaʼ jgħinek tibqaʼ ferħan waqt li taqdi lil Ġeħova meta oħrajn jagħmlu xi ħaġa li tinkwetak? Dejjem ftakar fil-wegħda li tfarraġ: “Ara, qed noħloq smewwiet ġodda u art ġdida; u l-affarijiet taʼ qabel ma jitfakkrux, u lanqas ma jweġġgħu l-qalb.” (Is. 65:17; 2 Pt. 3:13) Ġeħova se jagħtik dawn il-barkiet jekk tibqaʼ leali lejh. w16.06 4:13, 14
Is-Sibt, 8 taʼ Settembru
“Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed.”—Dt. 6:4.
Il-kelma “wieħed” fl-espressjoni “Ġeħova wieħed” tfisser ukoll li l-iskop u l-azzjonijiet tiegħu dejjem huma taʼ min joqgħod fuqhom. Alla Ġeħova mhuwiex inkonsistenti jew ma jafx x’se jaqbad jagħmel. Hu dejjem leali, konsistenti, iżomm kelmtu, u hu veru. Pereżempju, hu wiegħed lil Abraham li d-dixxendenti tiegħu kienu se jgħixu fl-art imwiegħda. U Ġeħova wettaq ħafna mirakli setgħanin biex iżomm dik il-wegħda. Erbaʼ mija u tletin sena wara li ta dik il-wegħda, l-iskop taʼ Ġeħova ma kienx inbidel. (Ġen. 12:1, 2, 7; Eżo. 12:40, 41) Mijiet taʼ snin wara, Ġeħova sejjaħ lill-Iżraelin, ix-xhieda tiegħu, u qalilhom: “Jien l-istess Wieħed. Qabli ma ssawwar ebda Alla, u warajja baqaʼ ma kien hemm ħadd.” Ġeħova għamilha ċara wkoll li l-iskop tiegħu qatt ma jinbidel meta żied jgħid: “Jien l-istess Wieħed.” (Is. 43:10, 13; 44:6; 48:12) Xi privileġġ kellhom l-Iżraelin li jaqdu Alla li hu konsistenti u li hu dejjem leali! Aħna għandna l-istess privileġġ illum!—Mal. 3:6; Ġak. 1:17. w16.06 3:6, 7
Il-Ħadd, 9 taʼ Settembru
“Ibqgħu għassu, ibqgħu mqajmin, għax ma tafux meta hu ż-żmien stabbilit.”—Mk. 13:33.
Il-maġġorparti tal-gvernijiet illum għandhom għassa mal-fruntieri tal-pajjiż tagħhom permezz taʼ suldati u sistemi taʼ sigurtà bl-aħħar teknoloġija. Dawn il-gvernijiet joqogħdu attenti għal kwalunkwe persuna jew ħaġa li tistaʼ tkun taʼ theddida għas-sigurtà tal-pajjiż tagħhom. Imma dawn ma jirrealizzawx li hemm gvern saħansitra iktar b’saħħtu fis-sema mmexxi minn Kristu Ġesù. Dan il-gvern daqt se jiggwerra kontra l-gvernijiet kollha fuq l-art. (Is. 9:6, 7; 56:10; Dan. 2:44) Aħna nistennew bil-ħerqa biex jiġi dak il-jum u rridu nkunu lesti għalih. Allura, aħna noqogħdu attenti għall-profezija tal-Bibbja u nibqgħu naqdu lil Ġeħova b’mod leali. (Salm 130:6) Iktar ma noqorbu lejn it-tmiem, iktar se jkun diffiċli għalina biex nibqgħu mqajmin. Kemm ikun taʼ dispjaċir li kieku ma nibqgħux għassa! w16.07 2:2, 9, 10
It-Tnejn, 10 taʼ Settembru
Il-qalb tajba mhix mistħoqqa li Alla wera miegħi ma kinitx għalxejn.—1 Kor. 15:10.
Pawlu b’mod ċar kien jaf li ma kienx jistħoqqlu l-ħniena kbira t’Alla. Hu qabel kien ippersegwita lill-Kristjani. Lejn tmiem ħajtu, Pawlu kiteb hekk lil Timotju: “Jien grat lejn Kristu Ġesù, il-Mulej tagħna, li tani l-qawwa, għax qiesni bħala wieħed leali billi tani ministeru.” (1 Tim. 1:12-14) Dan x’ministeru kien? Pawlu qal lill-anzjani tal-kongregazzjoni f’Efesu: “Ma nqisx lil ruħi bħala xi ħaġa għażiża għalija, dment li ntemm il-korsa tiegħi u l-ministeru li rċivejt mingħand il-Mulej Ġesù biex nagħti xiehda bir-reqqa dwar l-aħbar tajba tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.” (Atti 20:24) Pawlu pprietka b’żelu u ħalla eżempju tajjeb għall-Kristjani llum. Hu wera li l-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla ma kinitx “għalxejn,” jew moħlija fuqu. w16.07 4:1-3
It-Tlieta, 11 taʼ Settembru
“Jien se nistenna b’attitudni xierqa.”—Mik. 7:7.
Anke jekk Ġeħova għandu mnejn jippermetti s-sitwazzjoni li ninsabu fiha tibqaʼ sejra, nistgħu nibqgħu ċerti li hu dejjem se jappoġġjana. Nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Abraham. Ġeħova wiegħdu li kien se jkollu tifel, imma kellu jistenna ħafna snin qabel twieled Iżakk. Matul dak iż-żmien, Abraham kien paċenzjuż u qatt ma tilef il-fidi tiegħu f’Ġeħova. (Ġen. 15:3, 4; 21:5; Ebr. 6:12-15) Bla dubju, mhux faċli li tistenna. (Prov. 13:12) Imma jekk nibqgħu nhewdnu dwar is-sitwazzjoni tagħna u dwar kemm aħna diżappuntati, se nħossuna tassew skuraġġiti. Minflok, nistgħu nużaw dan il-ħin biex intejbu l-kwalitajiet li se jkollna bżonn ħalli nieħdu ħsieb ċerti responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni. Billi taqra l-Bibbja u timmedita fuq dak li taqra, int tistaʼ titgħallem tkun għaref, taħseb u tirraġuna b’mod ċar, u tieħu deċiżjonijiet tajbin. Imbagħad, kull jum, nistgħu nużaw dak li tgħallimna ħalli nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Ġeħova. Pereżempju, se nkunu nafu kif nittrattaw lill-oħrajn, liema tip taʼ lbies nagħżlu, kif nużaw il-flus, u kif nagħżlu d-divertiment. w16.08 3:9-11
L-Erbgħa, 12 taʼ Settembru
Alla hu dak li qed jaħdem fikom.—Flp. 2:13.
Ġeħova għen lill-poplu tiegħu biex jegħlbu lill-Għamalekin u lill-Etjopjani. Hu ta s-saħħa lil Neħemija u lil-Lhud biex ilestu s-swar taʼ Ġerusalemm. B’mod simili, Ġeħova se jagħtina s-saħħa biex inkomplu fix-xogħol tal-ippritkar minkejja l-ansjetajiet tagħna u minkejja l-oppożizzjoni u n-nuqqas taʼ interess li juru n-nies. (1 Pt. 5:10) Ġeħova mhux se jneħħilna l-problemi tagħna b’mod mirakoluż. Minflok, aħna rridu nagħmlu l-parti tagħna. Kif? Irridu naqraw il-Kelma t’Alla kuljum, nippreparaw u nattendu għal-laqgħat kull ġimgħa, inkomplu nagħmlu l-istudju persunali u l-qima bħala familja, u nistrieħu fuq Ġeħova fit-talb. Jalla qatt ma nħallu xejn ifixkilna mill-affarijiet li Ġeħova pprovda biex isaħħaħna u jinkuraġġina. Jekk tħoss li jdejk intelqu ’l isfel f’xi aspetti minn dawn, itlob għall-għajnuna taʼ Ġeħova. Imbagħad, ara kif l-ispirtu t’Alla ‘qed jaħdem fik [jew jagħtik l-enerġija] kemm biex ikollok ir-rieda u kemm biex taġixxi.’ w16.09 1:12
Il-Ħamis, 13 taʼ Settembru
“Minħabba li ż-żína hi mifruxa ħafna, ħa jkollu kull raġel lil martu u kull mara lil żewġha.”—1 Kor. 7:2.
L-appostlu Pawlu ssuġġerixxa biex dak li jkun jibqaʼ single; madankollu, hu qal il-kliem t’hawn fuq. Pawlu żied jgħid: “Jekk m’għandhomx rażna, ħa jiżżewġu, għax aħjar jiżżewġu milli jinħarqu bil-passjoni.” Allura individwu għandu mnejn jiddeċiedi li jiżżewweġ sabiex jevita li jħalli x-xewqat sesswali qawwijin iwassluh biex jagħmel il-masturbazzjoni jew jaqaʼ fl-immoralità sesswali. Madankollu, dawk single hemm bżonn li jikkunsidraw jekk għandhomx biżżejjed età biex jiżżewġu. Pawlu qal: “Jekk xi ħadd mhux miżżewweġ jaħseb li l-imġiba tiegħu m’hijiex xierqa għall-istat tiegħu, u dan ikun għadda l-fjur taż-żgħożija, u hekk ikun l-aħjar għalih, ħa jagħmel li jrid; ma jidnibx. Ħa jiżżewġu.” (1 Kor. 7:9, 36; 1 Tim. 4:1-3) Individwu m’għandux jiġi inkuraġġit li jiżżewweġ għas-sempliċi fatt li għandu x-xewqat sesswali qawwijin li ħafna jesperjenzaw matul żgħożithom. Dak l-individwu għandu mnejn ma jkunx matur biżżejjed biex jerfaʼ r-responsabbiltajiet taż-żwieġ. w16.08 1:17
Il-Ġimgħa, 14 taʼ Settembru
“B’kull mod nirrikkmandaw lilna nfusna bħala ministri t’Alla.”—2 Kor. 6:4.
Ħafna nies se joħolqu opinjoni dwarna skont kif inkunu nidhru. (1 Sam. 16:7) Peress li aħna qaddejja t’Alla, irridu nagħmlu iktar milli sempliċiment nilbsu dak li jogħġobna jew dak li nħossuna komdi bih. Meta napplikaw prinċipji Bibliċi, dan għandu jgħinna nevitaw li nilbsu ħwejjeġ li huma ssikkati żżejjed, ħwejjeġ li jikxfu żżejjed, jew li huma sexy. Dan ifisser li se nevitaw ħwejjeġ li jiġbdu l-attenzjoni lejn il-partijiet privati taʼ ġisimna. Ħadd ma jrid li jħossu skomdu jew ikollu jdawwar wiċċu naħa oħra minħabba l-mod taʼ kif inkunu lebsin. Meta nżommu l-persuna tagħna nadifa, inkunu puliti, u l-ilbies tagħna jkun modest, in-nies abbli jirrispettawna u jkunu iktar interessati fl-Alla li aħna nqimu, ikollhom iktar rispett lejn l-organizzazzjoni tagħna, u x’aktarx iktar jagħtu widen għall-messaġġ li jsalva l-ħajjiet. w16.09 3:5, 6
Is-Sibt, 15 taʼ Settembru
Kunu raġunevoli, u kollkom ħlewwa maʼ kulħadd.—Titu 3:2.
Meta titkellem dwar il-ħolqien jew il-Bibbja m’oħrajn, l-ewwel sir af x’jemmnu verament. Ftakar li wħud minn dawk li jemmnu fl-evoluzzjoni jemmnu wkoll li Alla jeżisti. Huma jgħidu li hu uża l-evoluzzjoni biex joħloq kull ħaġa ħajja. Oħrajn jemmnu li l-evoluzzjoni żgur li hi vera għax tiġi mgħallma fl-iskejjel. U oħrajn jieqfu jemmnu b’Alla minħabba li jkunu ddiżappuntati bir-reliġjon. Allura, l-ewwel saqsi lill-individwu x’jemmen u għala jemmen hekk. Imbagħad agħti widen għal dak li jgħid. Jekk tagħmel hekk, hu għandu mnejn ikun iktar lest li joqgħod jisimgħek. Jekk xi ħadd jgħid li int iblah biex temmen li hemm Ħallieq, tistaʼ ssaqsi lill-individwu biex jispjegalek kif bdiet il-ħajja. Int tistaʼ ssemmi li kieku l-ħajja kienet evolviet, l-ewwel ħaġa ħajja kien se jkollha bżonn tkun tistaʼ tipproduċi oħrajn bħalha. Fil-fatt, professur tal-kimika qal: “Dak li jkun jibqaʼ impressjonat mill-komplessità anki tal-iktar ħolqien sempliċi li għandu l-ħajja.” w16.09 4:12, 13
Il-Ħadd, 16 taʼ Settembru
“Ma ridux jaċċettaw il-ħelsien b’xi fidwa, sabiex jiksbu rxoxt aħjar.”—Ebr. 11:35.
Ħafna ssaportew il-provi u baqgħu leali lejn Alla għax kellhom fidi soda fl-irxoxt li Alla kien wiegħed. Huma kienu jafu li fil-futur qarib, Ġeħova kien se jġibhom lura għall-ħajja u se jgħixu għal dejjem fuq l-art. Aħseb f’Nabot u Żakkarija. Huma ġew imħaġġrin għall-mewt għax obdew lil Alla. (1 Slat. 21:3, 15; 2 Kron. 24:20, 21) Danjel kien ġie mitfugħ ġo ħofra taʼ ljuni mġewħin, u sħabu kienu mitfugħin ġo nar iħeġġeġ. Huma kienu lesti li jmutu minflok ma jkunu żleali lejn Ġeħova. Dawn l-irġiel kellhom fidi soda li Ġeħova kien se jtihom l-ispirtu qaddis tiegħu u jgħinhom jissaportu. (Dan. 3:16-18, 20, 28; 6:13, 16, 21-23; Ebr. 11:33, 34) Ħafna profeti, bħal Mikaja u Ġeremija, ġew imwaqqgħin għaċ-ċajt jew mitfugħin il-ħabs. Oħrajn, bħal Elija, “iġġerrew fid-deżerti u l-muntanji u l-għerien u l-grotti taʼ l-art.” Dawn kollha ssaportew provi u baqgħu leali lejn Alla għax kellhom ‘l-istennija garantita t’affarijiet li ttamaw għalihom.’—Ebr. 11:1, 36-38; 1 Slat. 18:13; 22:24-27; Ġer. 20:1, 2; 28:10, 11; 32:2. w16.10 3:10, 11
It-Tnejn, 17 taʼ Settembru
“B’umiltà tqisu lill-oħrajn superjuri għalikom.”—Flp. 2:3.
Nistgħu nuru qalb tajba mal-istranġieri billi bi mħabba nilqgħuhom fis-Sala tas-Saltna. Immigranti li ma jkunux ilhom li waslu f’pajjiż jistgħu jħossuhom mistħijin kultant u jinqatgħu għalihom. Minħabba l-kultura jew l-istat soċjali tagħhom, huma għandhom mnejn iħossuhom inferjuri għal nies taʼ nazzjonalità jew razza oħra. Allura għandna nilqgħuhom aħna l-ewwel u bi mħabba nuru interess ġenwin fihom. Jekk hija disponibbli bil-lingwa tiegħek, l-app tal-JW Language tistaʼ tgħinek titgħallem kif tgħid tislima bil-lingwa tagħhom. (Flp. 2:3, 4) Għandek mnejn tħossok skomdu titkellem maʼ xi ħadd minn kultura oħra. Biex tegħleb dawn is-sentimenti, tistaʼ tgħidlu xi ħaġa dwarek. Imbagħad forsi tinduna li hemm iktar affarijiet komuni bejnietkom milli ħsibt. Ftakar li kull kultura għandha l-affarijiet tajbin u d-dgħufijiet tagħha. w16.10 1:13, 14
It-Tlieta, 18 taʼ Settembru
“Sar magħruf li hemm iż-żína fostkom, u tip taʼ żína li lanqas saħansitra fost il-ġnus ma teżisti.”—1 Kor. 5:1.
Il-Kelma t’Alla tgħidilna x’għandna nagħmlu lkoll kemm aħna sabiex ma nħallux il-ħażen jibqaʼ fil-kongregazzjonijiet tagħna. Ikkunsidra x’ġara f’Korintu. Pawlu kien iħobbhom lill-aħwa t’hemm. Kien għen lil ħafna minnhom jitgħallmu l-verità. (1 Kor. 1:1, 2) Allura immaġina kif ħassu meta sab li wieħed minnhom kien qed jgħix ħajja immorali sesswalment u li l-aħwa kienu ħallewh jibqaʼ fil-kongregazzjoni! Pawlu qal lill-anzjani biex ‘jagħtu lil dan il-bniedem f’idejn Satana.’ Kien jeħtieġ li jneħħu lil dik il-persuna mill-kongregazzjoni, jiġifieri, li jiġi maqtugħ mis-sħubija. (1 Kor. 5:5-7, 12) Illum, l-anzjani jistgħu jiddeċiedu li xi ħadd għandu jinqataʼ mis-sħubija għax ikun dineb serjament u ma jkunx nidem. F’dan il-każ, se nittrattaw aħna lill-persuna li nqatgħet mis-sħubija bħalma tgħidilna nagħmlu l-Iskrittura? Jekk nagħmlu dan, aħna ngħinu biex il-kongregazzjoni tinżamm nadifa. U forsi ngħinu lill-persuna tirrealizza li għandha bżonn tindem u titlob maħfra lil Ġeħova. w16.11 2:14
L-Erbgħa, 19 taʼ Settembru
“Jekk għandkom xi kelma taʼ inkuraġġiment għan-nies, għiduha.”—Atti 13:15.
Aħseb kemm nistgħu ngħinu lil oħrajn meta ninkuraġġuhom. Rubén jgħid: “Għal ħafna snin iġġilidt kontra sentimenti taʼ li ma niswa għal xejn. Iżda darba, kont qed nipprietka flimkien m’anzjan li rrealizza li kelli ġurnata ħażina. Hu semagħni b’simpatija hekk kif bdejt ngħidlu kif inħossni. Imbagħad fakkarni fit-tajjeb li kont qed nagħmel. Fakkarni wkoll fi kliem Ġesù—li kull wieħed minna jiswa iktar minn ħafna għasafar tal-bejt. Spiss niftakar din l-iskrittura u għadha tmissli qalbi. Il-kliem tal-anzjan għamel differenza enormi.” (Mt. 10:31) Il-Bibbja tgħid li hemm bżonn ninkuraġġixxu lil xulxin regolarment. L-appostlu Pawlu kiteb lill-Kristjani Ebrej: “Ibqgħu ħeġġu lil xulxin kull jum.” Pawlu spjega għaliex: “Li ma jmurx xi ħadd minnkom jitwebbes bil-qawwa qarrieqa tad-dnub.” (Ebr. 3:13) Aħseb kemm ħassejtek aħjar meta xi ħadd inkuraġġiek. w16.11 1:2, 3
Il-Ħamis, 20 taʼ Settembru
“Iqumu rġiel li jitkellmu affarijiet mgħawġin biex jiġbdu lid-dixxipli għal warajhom.”—Atti 20:30.
Fis-sena 313 wara Kristu, l-Imperatur Kostantinu mexxa l-Imperu Ruman pagan u għamel il-“Kristjanità” reliġjon legali. Imbagħad, Kostantinu kellu laqgħa maʼ mexxejja reliġjużi, li saret magħrufa bħala l-Konċilju taʼ Niċea. Wara din il-laqgħa, l-imperatur bagħat qassis jismu Arju fl-eżilju għax irrifjuta li jemmen li Ġesù hu Alla. Iktar tard, Teodosju sar l-imperatur Ruman, u l-Knisja Kattolika saret ir-reliġjon uffiċjali tal-Imperu Ruman. Kittieba tal-istorja jgħidu li Ruma li kienet pagana saret “Kristjana” fi żmien l-Imperatur Teodosju. Imma l-verità hi li sa dak iż-żmien, Kristjani apostati kienu aċċettaw tagħlim pagan, allura kienu ġa saru parti minn Babilonja l-Kbira. Minkejja dan, xorta kien għad hemm xi Kristjani leali midlukin. Huma kienu bħall-qamħ li tkellem dwaru Ġesù. Dawn l-uħud leali kienu qed jagħmlu mill-aħjar biex iqimu lil Alla.—Mt. 13:24, 25, 37-39. w16.11 4:8, 9
Il-Ġimgħa, 21 taʼ Settembru
Itfgħu l-ansjetà kollha tagħkom fuq Ġeħova, għax hu jimpurtah minnkom.—1 Pt. 5:7.
Illum, Satana “jħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jibla’ lil xi ħadd.” (1 Pt. 5:8; Riv. 12:17) B’hekk, il-ħajja mimlija stress, u anke l-qaddejja t’Alla jkollhom l-ansjetà. Il-qaddejja t’Alla fil-passat ukoll għaddew minn mumenti t’ansjetà. Pereżempju, il-Bibbja tgħid li s-Sultan David kultant ħassu ansjuż. (Salm 13:2) U l-appostlu Pawlu esperjenza “ansjetà għall-kongregazzjonijiet kollha.” (2 Kor. 11:28) Imma x’nistgħu nagħmlu meta nkunu maħkumin mill-ansjetà? Missierna tas-sema kollu mħabba għen lill-qaddejja tiegħu fil-passat sabiex isibu serħan mill-ansjetà, u hu jrid jagħmel l-istess għalina llum. Kif nistgħu nitfgħu l-ansjetà kollha tagħna fuqu? Int tistaʼ (1) titlob, (2) taqra u timmedita fuq il-Kelma t’Alla, (3) tħalli l-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova jgħinek, u (4) titkellem maʼ xi ħadd li tafda dwar kif tħossok. w16.12 3:1, 2
Is-Sibt, 22 taʼ Settembru
“It-tmiem tagħhom hu l-mewt.”—Rum. 6:21.
Fl-ewwel seklu, xi nies f’Korintu li kienu ħallelin, omosesswali, adulteri, idolatri, u sakranazzi saru jafu u jħobbu lil Ġeħova u nbidlu. Huma stħaw minħabba dak li kienu jagħmlu. (Rum. 6:21; 1 Kor. 6:9-11) Il-Kristjani f’Ruma wkoll kellhom bżonn jagħmlu bidliet simili. Pawlu qalilhom: “Tibqgħux tippreżentaw il-membri taʼ ġisimkom lid-dnub bħala armi taʼ l-inġustizzja, imma ppreżentaw ruħkom lil Alla bħala ħajjin mill-imwiet u l-membri taʼ ġisimkom lil Alla bħala armi tal-ġustizzja.” (Rum. 6:13) Pawlu kien ċert li setgħu jagħmlu dak li hu sew u jkomplu jibbenefikaw mill-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla. w16.12 1:13
Il-Ħadd, 23 taʼ Settembru
“Afda f’Ġeħova.”—Salm 37:3.
Ġeħova ħalaq lill-bnedmin b’abbiltajiet uniċi. Hu tana l-abbiltà li naħsbu, u din tgħinna nsolvu l-problemi u nippjanaw għall-futur. (Prov. 2:11) Hu tana l-qawwa, ħalli nkunu nistgħu nagħmlu dak li ppjanajna u nilħqu l-miri tagħna. (Flp. 2:13) Tana wkoll kuxjenza, is-sens taʼ x’inhu tajjeb u ħażin li għandna ġewwa fina. Il-kuxjenza tgħinna nevitaw li nidinbu u tgħinna nikkoreġu l-iżbalji tagħna. (Rum. 2:15) Ġeħova jistenna li nużaw l-abbiltajiet tagħna b’mod tajjeb. Pereżempju, fl-Iskrittura Ebrajka naqraw: “Il-pjanijiet tal-ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih,” u “kulma idek issib x’tagħmel, agħmlu bil-qawwa tiegħek kollha.” (Prov. 21:5; Ekk. 9:10) Fl-Iskrittura Griega naqraw: “Dment li għandna ż-żmien favorevoli għal dan, ħa nagħmlu t-tajjeb maʼ kulħadd,” u “aqdu lil xulxin skond l-għotja li rċieva kull wieħed minnkom.” (Gal. 6:10; 1 Pt. 4:10) Jidher ċar li Ġeħova jridna nagħmlu dak li nistgħu għall-ġid tagħna u t’oħrajn. w17.01 1:1, 2
It-Tnejn, 24 taʼ Settembru
“Dan kollu ġralhom b’eżempju, u nkiteb bħala twissija għalina li fuqna wasal it-tmiem tas-sistemi.”—1 Kor. 10:11.
Il-bnedmin kollha wirtu l-imperfezzjoni u l-mewt minn Adam u Eva. Madankollu, xorta għad għandna d-dritt li nużaw ir-rigal tal-libertà tal-għażla. Nistgħu naraw dan mill-mod taʼ kif Alla ttratta lill-ġens tal-Iżrael. Ġeħova tahom jagħżlu jekk ridux isiru l-proprjetà speċjali tiegħu. (Eżo. 19:3-6) Il-ġens għażel li jsir il-poplu t’Alla u aċċetta l-limiti mpoġġijin minnu. Huma qalu: “Aħna lesti li nagħmlu kulma qalilna Ġeħova.” (Eżo. 19:8) B’dispjaċir, in-nies iktar tard għażlu li jiksru l-wegħda tagħhom lil Ġeħova. Aħna nistgħu nitgħallmu lezzjoni importanti minn dan l-eżempju. Ejja dejjem ngħożżu r-rigal tagħna tal-libertà tal-għażla u nkomplu nżommu qrib Ġeħova u nobdu l-liġijiet tiegħu. w17.01 2:9
It-Tlieta, 25 taʼ Settembru
Kun modest fil-mixi tiegħek m’Alla.—Mik. 6:8.
Is-sultan Ġerobogħam tal-Iżrael kien għamel artal għall-qima falza fil-belt taʼ Betel. Ġeħova bagħat profeta minn Ġuda biex jagħti messaġġ taʼ ġudizzju lil Ġerobogħam. Il-profeta umli obda lil Ġeħova u wassal il-messaġġ. Is-sultan kien irrabjat ħafna mal-profeta, imma Ġeħova pproteġieh. (1 Slat. 13:1-10) Ġeħova kien ikkmanda lill-profeta biex ma jikolx jew jixrob fl-Iżrael u biex imur lura d-dar minn triq differenti. Fi triqtu lura, il-profeta ltaqaʼ maʼ raġel xiħ li gidiblu, billi qal li kellu messaġġ mingħand Ġeħova. Ir-raġel xiħ stieden lill-profeta jmur id-dar miegħu biex jiekol u jixrob. Il-profeta m’obdiex lil Ġeħova u telaq max-xwejjaħ. Ġeħova ma ħax pjaċir. Waqt li l-profeta kien sejjer lejn daru, iljun attakkah u qatlu. (1 Slat. 13:11-24) Ma nafux għala l-profeta ddeċieda li jismaʼ mir-raġel xiħ iktar milli minn Ġeħova. Imma li nafu hu li ma kompliex ‘ikun modest fil-mixi’ tiegħu maʼ Ġeħova. w17.01 4:1-3
L-Erbgħa, 26 taʼ Settembru
“Jien għedtu dan; jien inġiegħlu jseħħ. Jien sawwartu, u jien inwettqu.”—Is. 46:11.
Proprju l-ewwel kliem tal-Bibbja jagħmel din l-istqarrija sempliċi imma profonda: “Fil-bidu Alla ħalaq is-smewwiet u l-art.” (Ġen. 1:1) Aħna rajna biss ftit mill-ħafna affarijiet li Alla ħalaq fl-univers, u nifhmu ftit li xejn dwar affarijiet bħall-ispazju, id-dawl, u l-gravità. (Ekk. 3:11) Imma Ġeħova wriena x’inhu l-iskop tiegħu għall-art u għall-bnedmin. Hu ħalaq lill-bnedmin fix-xbieha tiegħu u riedhom jieħdu gost jgħixu fuq l-art. (Ġen. 1:26) Kienu se jkunu wliedu, u hu kien se jkun Missierhom. Mit-tielet kapitlu tal-Ġenesi nitgħallmu li l-iskop taʼ Ġeħova ġie sfidat. (Ġen. 3:1-7) Minkejja dan, m’hemm l-ebda problema li Ġeħova ma jistax isolvi. Ħadd ma jistaʼ jwaqqfu. (Is. 46:10; 55:11) Nistgħu nkunu ċerti li l-iskop oriġinali tiegħu se jitwettaq eżattament f’waqtu! w17.02 1:1, 2
Il-Ħamis, 27 taʼ Settembru
Fejn hu Dak li poġġa f’Mosè l-ispirtu qaddis Tiegħu?—Is. 63:11.
Setgħu n-nies jaraw li Mosè kellu l-ispirtu t’Alla? Iva! L-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova ta lil Mosè l-abbiltà biex jagħmel il-mirakli u jgħarraf l-isem t’Alla lill-Fargħun, il-mexxej setgħan Eġizzjan. (Eżo. 7:1-3) L-ispirtu qaddis għenu wkoll ikun mexxej li juri mħabba u paċenzja. Biċ-ċar, Ġeħova kien għażel lil Mosè biex ikun il-mexxej tal-poplu Tiegħu. Ġeħova lil min iktar ta l-ispirtu qaddis biex imexxi l-poplu tiegħu? Il-Bibbja tgħid: “Ġożwè, bin Nun, kien mimli bl-ispirtu taʼ l-għerf.” (Dt. 34:9) “L-ispirtu taʼ Ġeħova ġie fuq Gidegħon.” (Mħ. 6:34) U “l-ispirtu taʼ Ġeħova beda jaħdem fuq David.” (1 Sam. 16:13) Dawn l-irġiel straħu fuq l-ispirtu t’Alla biex jgħinhom jagħmlu affarijiet li ma setgħux jagħmluhom bil-ħila tagħhom stess.—Ġoż. 11:16, 17; Mħ. 7:7, 22; 1 Sam. 17:37, 50. w17.02 3:3-5
Il-Ġimgħa, 28 taʼ Settembru
“Mhux għax aħna s-sidien tal-fidi tagħkom, imma aħna ħaddiema sħabkom għall-ferħ tagħkom, għax intom iżżommu weqfin bil-fidi tagħkom.”—2 Kor. 1:24.
Ilkoll kemm aħna nistgħu nitgħallmu mill-eżempju tajjeb tal-appostlu Pawlu. Hu kien jaf li ħutu kellhom id-dritt li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess, u hu rrispetta dan id-dritt. Illum, l-anzjani jistgħu jimxu fuq dan l-eżempju meta jagħtu parir dwar kwistjoni li tinvolvi għażla persunali. Hu l-pjaċir tagħhom li jaqsmu informazzjoni bbażata fuq il-Kelma t’Alla maʼ ħuthom irġiel u nisa. Xorta waħda, l-anzjani joqogħdu attenti biex iħallu lil kull Kristjan jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu stess għax wara kollox hu se jkollu jgħix bil-konsegwenzi. Hawn nitgħallmu lezzjoni importanti: Aħna nistgħu ngħinu lil oħrajn jifhmu l-parir tal-Bibbja li japplika għas-sitwazzjoni tagħhom. Xorta waħda, ħutna għandhom id-dritt u r-responsabbiltà li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess. Meta jagħmlu dan, huma jibbenefikaw. Biċ-ċar, qatt ma rridu naħsbu li għandna l-awtorità biex niddeċiedu x’għandhom jagħmlu ħutna. w17.03 2:11
Is-Sibt, 29 taʼ Settembru
“Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu fostkom u kunu sottomessi lejhom.”—Ebr. 13:17.
Il-Ġemgħa li Tiggverna wriet fidi kbira billi b’żelu tipprietka u tippromwovi l-aħbar tajba. Qegħdin aħna nappoġġjaw lil dawn l-aħwa f’dan ix-xogħol importanti? Jekk iva, se nħossuna ferħanin meta nisimgħu lil Ġesù jgħidilna: “Kulmeta għamiltu dan maʼ wieħed mill-iżgħar minn dawn ħuti, għamiltuh miegħi.”(Mt. 25:34-40) Meta Ġesù reġaʼ lura s-sema, hu m’abbandunax lis-segwaċi tiegħu. (Mt. 28:20) Kien jaf li l-ispirtu qaddis, l-anġli, u l-Kelma t’Alla għenuh jieħu t-tmexxija meta kien fuq l-art. Hu jagħti l-istess għajnuna lill-ilsir leali llum. Il-Ġemgħa li Tiggverna tibqaʼ ‘miexja wara l-Ħaruf,’ Ġesù, “kulfejn imur.” (Riv. 14:4) Mela meta nsegwu d-direzzjoni tal-Ġemgħa li Tiggverna, inkunu qed insegwu l-Mexxej tagħna, Ġesù. Hu dalwaqt se jiggwidana lejn il-ħajja taʼ dejjem. (Riv.7:14-17) U l-ebda mexxej uman ma jistaʼ jwiegħed dan! w17.02 4:17-19
Il-Ħadd, 30 taʼ Settembru
“Erħi triqtek f’idejn Ġeħova, strieħ fuqu, u hu jaġixxi.”—Salm 37:5.
F’kull sitwazzjoni, għandna nistrieħu fuq Ġeħova, mhux fuq il-fehma tagħna stess. Jeħtieġ li nitolbuh jgħinna, kemm jekk il-problemi tagħna jkunu kbar u kemm jekk żgħar. Ikun tajjeb li naħsbu dwar dan: Ġieli nistrieħu fuqna nfusna billi nipprovaw insolvu problema bil-mod li naħsbu li hu l-aħjar? Jew dejjem nikkunsidraw dak li tgħid il-Bibbja l-ewwel u mbagħad nipprovaw nużaw l-informazzjoni biex insolvu l-problemi tagħna? Pereżempju, ejja ngħidu li l-familja tiegħek tagħmilhielek diffiċli biex tattendi laqgħa jew assemblea. Se titlob lil Ġeħova jgħinek tkun taf x’tagħmel f’din is-sitwazzjoni? Jew forsi wara li tkun ilek bla impjieg għal żmien twil, fl-aħħar issib lil xi ħadd li jkun irid jimpjegak. Se tgħidlu li għandek laqgħat li trid tattendi kull ġimgħa u tissogra li titlef l-impjieg? Tkun xi tkun il-problema, għandna niftakru fil-parir tas-salmista li nsibu fil-kliem tal-iskrittura tal-lum. w17.03 4:6