LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • es18 pp. 77-87
  • Awwissu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Awwissu
  • Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2018
  • Sottitli
  • L-​Erbgħa, 1 t’Awwissu
  • Il-​Ħamis, 2 t’Awwissu
  • Il-​Ġimgħa, 3 t’Awwissu
  • Is-​Sibt, 4 t’Awwissu
  • Il-​Ħadd, 5 t’Awwissu
  • It-​Tnejn, 6 t’Awwissu
  • It-​Tlieta, 7 t’Awwissu
  • L-​Erbgħa, 8 t’Awwissu
  • Il-​Ħamis, 9 t’Awwissu
  • Il-​Ġimgħa, 10 t’Awwissu
  • Is-​Sibt, 11 t’Awwissu
  • Il-​Ħadd, 12 t’Awwissu
  • It-​Tnejn, 13 t’Awwissu
  • It-​Tlieta, 14 t’Awwissu
  • L-​Erbgħa, 15 t’Awwissu
  • Il-​Ħamis, 16 t’Awwissu
  • Il-​Ġimgħa, 17 t’Awwissu
  • Is-​Sibt, 18 t’Awwissu
  • Il-​Ħadd, 19 t’Awwissu
  • It-​Tnejn, 20 t’Awwissu
  • It-​Tlieta, 21 t’Awwissu
  • L-​Erbgħa, 22 t’Awwissu
  • Il-​Ħamis, 23 t’Awwissu
  • Il-​Ġimgħa, 24 t’Awwissu
  • Is-​Sibt, 25 t’Awwissu
  • Il-​Ħadd, 26 t’Awwissu
  • It-​Tnejn, 27 t’Awwissu
  • It-​Tlieta, 28 t’Awwissu
  • L-​Erbgħa, 29 t’Awwissu
  • Il-​Ħamis, 30 t’Awwissu
  • Il-​Ġimgħa, 31 t’Awwissu
Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2018
es18 pp. 77-87

Awwissu

L-​Erbgħa, 1 t’Awwissu

“Ħallu s-​sabar iwettaq xogħlu għalkollox, sabiex b’hekk tkunu kompluti u sħaħ f’kull aspett bla ma jonqoskom xejn.”—Ġak. 1:4.

Ipprova immaġina l-​battalja li kienet diffiċli u li tgħejjik li kien hemm bejn is-​suldati Iżraelin, immexxijin mill-​Imħallef Gidegħon, u l-​għedewwa tagħhom. Gidegħon u l-​irġiel tiegħu ġrew wara l-​Midjanin u l-​alleati tagħhom il-​lejl kollu għal madwar 32 kilometru! L-​Iżraelin għarfu li ma kienx il-​mument li jaqtgħu qalbhom. Għaldaqstant, Gidegħon u l-​irġiel tiegħu baqgħu jiġru wara l-​għedewwa tagħhom u fl-​aħħar rebħulhom! (Mħ. 7:22; 8:4, 10, 28) Aħna wkoll qed niġġieldu battalja diffiċli u li tgħejjina. L-​għedewwa tagħna jinkludu lil Satana, id-​dinja tiegħu, u l-​imperfezzjonijiet tagħna stess. Xi wħud minna ilhom jiġġieldu kontra dawn l-​għedewwa għal ħafna snin. Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, irbaħna ħafna battalji. Madankollu, għadna ma rbaħniex ir-​rebħa finali. Kultant għandu mnejn negħjew niġġieldu. Jew forsi negħjew nistennew it-​tmiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar. Ġesù wissa li se jkollna provi diffiċli u persekuzzjoni ħarxa matul l-​aħħar jiem. Imma hu qal ukoll li jekk nistabru, jew nissaportu, aħna nistgħu nirbħu.—Lq. 21:19. w16.04 2:1, 2

Il-​Ħamis, 2 t’Awwissu

Ħa nagħtu kas xulxin u ma nabbandunawx il-​laqgħat tagħna flimkien.—Ebr. 10:24, 25.

Waqt il-​laqgħat, nistudjaw il-​Bibbja u nitgħallmu minn Ġeħova dak li għandna nagħmlu u kif għandna ngħixu. (Is. 30:20, 21) Xi wħud li ma jaqdux lil Ġeħova u li jattendu l-​laqgħat, ukoll jirrealizzaw li Alla qed jiggwidana. (1 Kor. 14:23-​25) Ġeħova qed jidderieġi l-​laqgħat tagħna bl-​ispirtu qaddis tiegħu, u dak li nitgħallmu hemm ikun ġej minnu. Allura meta nattendu l-​laqgħat, inkunu qed nisimgħu dak li Ġeħova qed jgħid, inħossu kemm iħobbna, u nersqu eqreb tiegħu. Ġesù, il-​Kap tal-​kongregazzjoni, qal: “Fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin flimkien f’ismi, jien inkun hemmhekk f’nofshom.” (Mt. 18:20) Il-​Bibbja tgħid ukoll li Ġesù “jimxi f’nofs” il-​kongregazzjonijiet. (Riv. 1:20–2:1) B’mod ċar, Ġeħova u Ġesù huma magħna u qed isaħħuna waqt il-​laqgħat tagħna. Kif taħseb li Ġeħova jħossu meta jara li qed tagħmel kulma tistaʼ biex tersaq qrib tiegħu u taʼ Ibnu? w16.04 3:13, 14

Il-​Ġimgħa, 3 t’Awwissu

“Tgħaġġilx biex tieħu għalik.”—Ekk. 7:9.

Wieħed minn żewġ aħwa rġiel ħa għalih minħabba l-​mod kif kienet laqgħetu waħda oħt. Meta ż-​żewġ aħwa kienu waħedhom, il-​ħu li ħa għalih beda jgerger dwar l-​oħt. Imma l-​ħu l-​ieħor fakkru li l-​oħt kienet ilha 40 sena taqdi lil Ġeħova b’lealtà minkejja ħafna diffikultajiet li ffaċċjat. Kien ċert li l-​oħt ma kellhiex l-​intenzjoni li tweġġgħu. L-​ewwel ħu kif irreaġixxa? Hu qal: “Għandek raġun.” Imbagħad għażel li jinsa dak li kien ġara. Din l-​esperjenza x’tgħallimna? Tgħallimna li meta xi ħadd jirfsilna l-​kallu, nistgħu nagħżlu kif se nirreaġixxu. Persuna li tħobb se tkun lesta li taħfer. (Prov. 10:12; 1 Pt. 4:8.) Għal Ġeħova hi ħaġa sabiħa li ‘nħallu nuqqas għaddej.’ (Prov. 19:11) Għalhekk, meta xi ħadd jgħid jew jagħmel xi ħaġa li tweġġgħek, saqsi lilek innifsek: ‘Nistaʼ nħalli n-​nuqqas għaddej? Tassew għandi għalfejn nibqaʼ nhewden dwaru?’ w16.05 1:8, 9

Is-​Sibt, 4 t’Awwissu

Alla hu dak li qed jaħdem fikom kemm biex ikollkom ir-​rieda u kemm biex taġixxu.—Flp. 2:13.

Min qed jipprietka l-​aħbar tajba tas-​Saltna llum? Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova biss! Kif nafu dan? Għax qed nippritkaw il-​messaġġ it-​tajjeb, l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Qed infittxu n-​nies permezz tal-​ministeru tagħna, u allura qed nużaw il-​metodi t-​tajbin. Għandna l-​mottiv it-​tajjeb biex nippritkaw, jiġifieri, li nħobbu lil Ġeħova u lin-​nies. L-​ippritkar tagħna hu mifrux maʼ kullimkien għax nippritkaw lin-​nies tal-​ġnus kollha u taʼ kull lingwa. U se nkomplu nippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna sakemm jiġi t-​tmiem! Hu verament tal-​għaġeb li naraw ix-​xogħol meraviljuż li n-​nies taʼ Ġeħova qed jagħmlu biex tiġi pritkata l-​aħbar tajba f’dawn l-​aħħar jiem. Imma kif qed jirnexxilna nagħmlu dan ix-​xogħol kollu? L-​appostlu Pawlu jispjega fl-​iskrittura tal-​lum. Jalla Ġeħova jkompli jagħtina s-​saħħa li għandna bżonn ħalli nkunu nistgħu nagħmlu l-​aħjar tagħna biex inkomplu nippritkaw l-​aħbar tajba!—2 Tim. 4:5. w16.05 2:17, 18

Il-​Ħadd, 5 t’Awwissu

“Stmerru dak li hu ħażin, żommu sod maʼ dak li hu tajjeb.”—Rum. 12:9.

Meta nagħżlu li nobdu lil Alla u naħdmu iebes biex nagħmlu r-​rieda tiegħu, inkunu qed nuru li nħobbuh u li rridu nogħġbuh. Satana jgħid li Ġeħova m’għandux id-​dritt li jmexxi. Imma meta nobdu lil Ġeħova, inkunu qed nuru li rridu lilu jkun il-​Mexxej tagħna. U nistgħu nkunu ċerti li l-​Missier kollu mħabba tagħna japprezza kull sforz li nagħmlu biex nobduh. (Ġob 2:3-5; Prov. 27:11) Meta naħdmu iebes biex nikkontrollaw id-​dgħufijiet tagħna, għalkemm ma jkunx faċli li nagħmlu dan, inkunu qed nuru l-​lealtà tagħna lejn Ġeħova u nkunu qed nuru li rridu lilu biex ikun il-​Mexxej tagħna. Ġeħova jgħidilna li għandna naħdmu iebes biex nimitaw il-​kwalitajiet tiegħu. (Kol. 3:12; 2 Pt. 1:5-7) Barra minn hekk, hu jistenna minna li nagħmlu l-​almu tagħna biex nikkontrollaw dak li naħsbu u nħossu. (Rum. 8:5) Kull meta nistinkaw biex nagħmlu bidla u jkollna suċċess, inħossuna se ntiru bil-​ferħ. w16.05 4:12, 13

It-​Tnejn, 6 t’Awwissu

O Ġeħova, int il-​Fuħħari tagħna.—Is. 64:8.

Bħalma fuħħari tas-​sengħa jaf tajjeb it-​tip taʼ tafal li qed isawwar, il-​Fuħħari tagħna, Ġeħova, jafna sew. Hu jaf id-​dgħufijiet tagħna, il-​limitazzjonijiet tagħna, u l-​progress li għamilna, u hu jsawwar kull wieħed u waħda minna b’dawn iċ-​ċirkustanzi f’moħħu. (Salm 103:10-​14) Aħna nistgħu nitgħallmu kif Ġeħova jħares lejna billi naraw kif Ġesù rreaġixxa għall-​imperfezzjonijiet tal-​appostli tiegħu. Xi kultant, l-​appostli argumentaw dwar min kien l-​ikbar fosthom. Li kieku int kont hemm, kif kont tqis l-​imġiba tal-​appostli? Forsi kont tħoss li ma kinux bħal tafal artab. Madankollu, Ġesù kien jaf li setgħu jiġu msawra dment li jisimgħu mill-​parir li tahom b’qalb tajba u b’paċenzja, u jekk jimitaw l-​umiltà li kellu hu. (Mk. 9:33-37; 10:37, 41-45; Lq. 22:24-27) Wara l-​irxoxt taʼ Ġesù, l-​appostli rċivew l-​ispirtu taʼ Ġeħova u ma baqgħux iktar iffokati fuq min kien l-​ikbar fosthom. Minflok, kienu ffokati fuq ix-​xogħol li Ġesù tahom.—Atti 5:42. w16.06 1:10

It-​Tlieta, 7 t’Awwissu

“Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed.”—Dt. 6:4.

Ġeħova hu l-​uniku Alla veru, u m’hemm l-​ebda alla bħalu. (2 Sam. 7:22) Għalhekk, kliem Mosè kien se jfakkar lill-​Iżraelin li għandhom iqimu lil Ġeħova biss. Ma kellhomx jimitaw lin-​nies taʼ madwarhom, li qiemu lil ħafna allat foloz. Dawn in-​nies emmnu li l-​allat tagħhom setgħu jikkontrollaw in-​natura. Pereżempju, l-​Eġizzjani kienu jqimu lill-​alla tax-​xemx Ra, l-​alla mara tas-​sema Nut, l-​alla tal-​art Geb, l-​alla tan-​Nil Hapi, kif ukoll ħafna annimali. Ġeħova wera li kien superjuri għal dawn l-​allat foloz meta ġab l-​Għaxar Kastigi. L-​alla ewlieni tal-​Kangħanin kien Bagħal, alla falz li l-​Kangħanin emmnu li kien ġab il-​ħajja fl-​eżistenza. Kienu jemmnu wkoll li kien l-​alla tas-​sema, tax-​xita, u tal-​maltemp. F’ħafna postijiet, in-​nies straħu fuq Bagħal għall-​protezzjoni. (Num. 25:3) L-​Iżraelin kellhom jiftakru li Alla tagħhom, “l-​Alla l-​veru,” hu uniku. Hu “Ġeħova wieħed.”—Dt. 4:35, 39. w16.06 3:4, 5

L-​Erbgħa, 8 t’Awwissu

“Għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom. U, ara, jien magħkom il-​jiem kollha sal-​konklużjoni tas-​sistema.”—Mt. 28:20.

L-​eżempju taʼ Ġesù jgħallimna li rridu nkunu leali lejn Ġeħova u n-​nies Tiegħu. U għandna r-​raġunijiet tajbin tagħna għala nagħmlu hekk. Aħna nistgħu naraw li Ġeħova qed jiggwida lill-​qaddejja tiegħu f’dan iż-​żmien tat-​tmiem. Hu qed jgħinhom jippritkaw il-​verità mad-​dinja kollha, u huma l-​uniċi nies li qed jagħmlu dan ix-​xogħol. Barra minn hekk, huma verament magħqudin u ferħanin minħabba dak kollu li Ġeħova qed jgħallimhom. Ġeħova ddeskriva dan meta qal: “Ara! Il-​qaddejja tiegħi se jgħajtu bil-​ferħ minħabba l-​kundizzjoni tajba taʼ qalbhom.” (Is. 65:14) Aħna verament ferħanin għax Ġeħova jiggwidana u jgħinna nagħmlu ħafna affarijiet tajbin. B’kuntrast, in-​nies tad-​dinja taʼ Satana mhumiex ferħanin u m’għandhomx tama vera għall-​futur. Aħna għandna nibqgħu leali lejn Ġeħova u nsegwu d-​direzzjoni tiegħu. w16.06 4:10-12

Il-​Ħamis, 9 t’Awwissu

“Ibqgħu għassa.”—Mt. 25:13.

Nistgħu nitgħallmu lezzjoni mill-​għassiesa li kienu jgħassu l-​bliet fi żmien il-​qedem. Ħafna minn dawn il-​bliet, inkluż Ġerusalemm, kienu mdawrin bi swar ħalli l-​għedewwa ma kinux ikunu jistgħu jidħlu. L-​għassiesa kienu jkunu fuq is-​swar, u minn hemm setgħu jaraw l-​art taʼ madwar il-​belt. Għassiesa oħra kienu jkunu mal-​bibien tal-​belt. Dawn l-​irġiel kellhom jibqgħu għassa lejl u nhar, u jekk kienu jaraw l-​għedewwa ġejjin, kellhom javżaw in-​nies tal-​belt. (Is. 62:6) Huma kienu jafu kemm kien importanti li jibqgħu mqajmin u attenti sew għal dak li jkun qed jiġri. Jekk ma kinux jagħmlu hekk, setgħu jinqatlu ħafna nies. (Eżek. 33:6) Ġużeppi Flavju, li kiteb dwar l-​istorja tal-​Lhud, spjega kif ir-​Rumani setgħu jidħlu Ġerusalemm fis-​sena 70 wara Kristu (WK). L-​għassiesa li kienu qed jgħassu parti mill-​belt kienu raqdu. B’hekk, is-​suldati Rumani setgħu jidħlu fil-​belt. Dawn daħlu fit-​tempju, tawh in-​nar, u qerdu l-​kumplament taʼ Ġerusalemm. Dan kien l-​aħħar parti tal-​akbar tribulazzjoni li l-​ġens Lhudi qatt esperjenza. w16.07 2:2, 7, 8

Il-​Ġimgħa, 10 t’Awwissu

“Oqogħdu għassa li ma tmorrux tinġarru magħhom bl-​iżball taʼ nies li jisfidaw il-​liġi, u titilfu s-​sodizza tagħkom.”—2 Pt. 3:17.

Aħna nirċievu ħafna barkiet minħabba l-​qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova. Madanakollu, m’għandniex nieħdu vantaġġ mill-​qalb tajba tiegħu, jiġifieri ndawruha fi skuża biex nidinbu. Fost il-​Kristjani tal-​bidu, kien hemm xi wħud li pprovaw “idawru l-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla . . . fi skuża għall-​kondotta laxka.” (Ġuda 4) Dawn il-​Kristjani żleali milli jidher ħasbu li setgħu jidinbu u li Ġeħova dejjem kien se jaħfrilhom. Saħansitra pprovaw iġiegħlu lil ħuthom jingħaqdu magħhom f’li jidinbu. Anki llum il-​ġurnata, kull min jagħmel hekk ikun qed “jiddisprezza bla mistħija l-​ispirtu tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa.” (Ebr. 10:29) Satana qed iqarraq b’xi Kristjani llum. Dan jagħmlu billi jġegħelhom jaħsbu li jistgħu jidinbu u li Ġeħova se jaħfrilhom kif ġieb u laħaq. Huwa minnu li Ġeħova hu lest li jaħfer lil midinbin li jindmu; però, jistenna li aħna niġġieldu kontra x-​xewqat midinba tagħna. w16.07 3:16, 17

Is-​Sibt, 11 t’Awwissu

“Kulmin jiddivorzja lil martu, ħlief minħabba ż-​żína, u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju.”—Mt. 19:9.

Dawk li jiddivorzjaw meta ma jkunx hemm provi taʼ immoralità sesswali mhumiex ħielsa biex jerġgħu jiżżewġu. Persuna tistaʼ tagħżel li taħfer lis-​sieħeb li jkun nidem wara li jkun waqaʼ fl-​immoralità. Hekk ġara fil-​każ tal-​profeta Ħosea meta ħafer lil martu Gomer, u meta Ġeħova ħafer lill-​Iżrael meta nidem. (Ħos. 3:1-5) Iżjed minn hekk, jekk oħt issir taf li s-​sieħeb tagħha għamel xi att immorali u tagħżel li jerġaʼ jkollha x’taqsam miegħu sesswalment, dan ifisser li l-​oħt ħafret lis-​sieħeb tagħha. Ma jkunx għad hemm raġuni Skritturali għal divorzju. Wara li Ġesù qal il-​kliem tal-​iskrittura tal-​lum, hu semma lil dawk “li għandhom din l-​għotja” li jibqgħu single. Ġesù qal: “Min jistaʼ, ħa jagħmel il-​wisaʼ għal dan.” (Mt. 19:10-12) Ħafna jagħżlu li jibqgħu ma jiżżewġux għax iridu jaqdu lil Ġeħova mingħajr ma jkun hemm xi jtellifhom. Min jagħmel hekk għandu jiġi mfaħħar! w16.08 1:15, 16

Il-​Ħadd, 12 t’Awwissu

Duqu u araw li Ġeħova hu tajjeb; hieni r-​raġel b’saħħtu li jistkenn fih. Dawk li jibżgħu minnu ma jkun jonqoshom xejn.—Salm 34:8, 9.

Iż-​żgħażagħ jistgħu jagħmlu ħafna fis-​servizz taʼ Ġeħova għax huma b’saħħithom. (Prov. 20:29) Xi aħwa żgħażagħ f’Betel jgħinu biex isir l-​istampar u l-​illegar taʼ kotba u Bibbji. Ħafna aħwa rġiel u nisa żgħażagħ jibnu Swali tas-​Saltna jew jgħinu biex issir manutenzjoni fuqhom. Xi wħud jaqdu bħala volontiera meta jkun hemm xi diżastru naturali. U ħafna pijunieri żgħażagħ jitgħallmu lingwa oħra jew isiefru f’pajjiż ieħor biex jippritkaw l-​aħbar tajba. Is-​salmista qal: “Dawk li jfittxu lil Ġeħova ma jonqoshom xejn li hu tajjeb.” (Salm 34:10) Iva, meta nagħtu lil Ġeħova l-​aħjar tagħna, aħna nħossuna verament ferħanin għax nafu li qed nogħġbuh. U hu se jżomm kelmtu biex jieħu ħsiebna. w16.08 3:5, 8

It-​Tnejn, 13 t’Awwissu

“Se nsalvakom, u tridu ssiru barka. Tibżgħux. Jalla jissaħħu idejkom.”—Żak. 8:13.

Ġeħova hu kapaċi u lest li jgħinna, u hu jagħtina l-​ispirtu qaddis tiegħu biex isaħħaħna. (1 Kron. 29:12) Huwa importanti ħafna li nitolbu għall-​ispirtu t’Alla ħalli nkunu nistgħu niġġieldu kontra Satana u d-​dinja mill-​agħar tiegħu. (Salm 18:39; 1 Kor. 10:13) Ukoll, aħna grati tal-​għajnuna li nirċievu mill-​Kelma t’Alla. Aħseb ukoll dwar kemm nitgħallmu mill-​pubblikazzjonijiet tagħna kull xahar. Il-​kliem taʼ Żakkarija 8:9, 13 intqal waqt li t-​tempju f’Ġerusalemm kien qed jerġaʼ jinbena. Però, dan il-​kliem jistaʼ jgħin lilna llum. Ġeħova jsaħħaħna wkoll permezz tal-​istruzzjonijiet li nirċievu fil-​laqgħat, fl-​assembleat, u fil-​konvenzjonijiet, kif ukoll fl-​iskejjel teokratiċi Kristjani tagħna. Dawn l-​istruzzjonijiet jistgħu jgħinuna naqdu lil Alla b’mottivi tajbin, biex nagħmlu miri spiritwali, u biex inwettqu l-​ħafna responsabbiltajiet Kristjani li għandna. (Salm 119:32) Tinsab ħerqan int biex tissaħħaħ mill-​istruzzjonijiet taʼ Ġeħova? w16.09 1:10, 11

It-​Tlieta, 14 t’Awwissu

Agħtu prova lilkom infuskom dwar x’inhi r-​rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.—Rum. 12:2.

Il-​Liġi Mosajka wriet li Ġeħova jobgħod ħwejjeġ li ma jurux ċar jekk persuna hix mara jew raġel. (Dt. 22:5) Mil-​Liġi nitgħallmu li Ġeħova ma jogħġbuhx ħwejjeġ li jagħmlu lill-​irġiel jidhru qishom nisa, u li jagħmlu lin-​nisa jidhru qishom irġiel, jew li tkun diffiċli tara d-​differenza bejn raġel u mara. Prinċipji tal-​Bibbja jistgħu jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet tajbin dwar x’nilbsu. Dawn il-​prinċipji japplikaw dejjem, hi x’inhi l-​klima jew il-​pajjiż li ngħixu fih jew x’kultura għandna. M’għandniex bżonn xi lista twila dwar liema ħwejjeġ huma aċċettabbli u liema mhumiex. Għandna sempliċiment insegwu prinċipji Skritturali, li xorta jippermettulna nilbsu affarijiet li jogħġbuna. w16.09 3:3, 4

L-​Erbgħa, 15 t’Awwissu

“Id-​dixxipli kollha abbandunawh u ħarbu.”—Mk. 14:50.

Aħseb dwar l-​onestà tal-​irġiel li kitbu l-​Bibbja. Huma dejjem qalu l-​verità u ma beżgħux jagħmlu dan. Il-​kittieba f’dak iż-​żmien spiss kienu jiktbu affarijiet tajbin biss dwar in-​nazzjon u l-​mexxejja tagħhom. Imma l-​profeti taʼ Ġeħova ma kitbux biss dwar l-​affarijiet tajbin imma kitbu wkoll dwar affarijiet ħżiena li l-​Iżraelin u s-​slaten tagħhom għamlu. (2 Kron. 16:9, 10; 24:18-22) Huma saħansitra semmew l-​iżbalji tagħhom stess u dawk taʼ qaddejja oħrajn t’Alla. (2 Sam. 12:1-14) Meta n-​nies iħallu l-​Bibbja tiggwida l-​mod kif jgħixu, ikunu jistgħu jaraw l-​effett tajjeb tagħha. Dan jikkonvinċihom li l-​Bibbja hi minn Alla. (Salm 19:7-11) Il-​Bibbja għenet lil ħafna jirrealizzaw li xi affarijiet li kienu jemmnu bihom ma kinux veri. (Salm 115:3-8) Din tiggwidahom ħalli jistrieħu fuq Ġeħova, li hu l-​Alla li jistaʼ kollox, u twiegħed futur aħjar. Mill-​banda l-​oħra, xi wħud li jgħidu li m’hemmx Alla, fir-​realtà jkunu qed iqisu n-​natura bħala xi alla. Oħrajn jgħidu li n-​nies jistgħu jipprovdu futur aħjar, imma meta naraw dak li għamlu s’issa, għadhom ma rnexxilhomx isolvu l-​problemi taʼ din id-​dinja.—Salm 146:3, 4. w16.09 4:10, 11

Il-​Ħamis, 16 t’Awwissu

Ħalluha tlaqqat u tagħtuhiex fastidju.—Rut 2:15.

Bogħaż kien ikkonċernat dwar Rut u s-​sitwazzjoni diffiċli tagħha bħala barranija. Hu stidinha toqgħod mal-​grupp taʼ nisa żgħażagħ biex ma tiġix ittrattata ħażin mill-​irġiel li kienu qed jaħdmu fl-​għalqa. Hu saħansitra għamel ċert li jkollha biżżejjed ikel u ilma, bħall-​ħaddiema tiegħu stess. Bogħaż wera rispett lejn din il-​mara barranija fil-​bżonn u inkuraġġieha. (Rut 2:8-10, 13, 14) Bogħaż ma weriex qalb tajba maʼ Rut biss minħabba l-​imħabba leali lejn il-​kunjata tagħha, Nagħomi, imma wkoll minħabba li Rut kienet bdiet taqdi ’l Ġeħova u fittxet il-​protezzjoni Tiegħu. Meta Bogħaż wera qalb tajba magħha, hu fil-​fatt kien qed jimita l-​imħabba leali taʼ Ġeħova. (Rut 2:12, 20; Prov. 19:17) B’mod simili llum, meta nkunu qalbna tajba, inkunu nistgħu ngħinu lil “bnedmin taʼ kull xorta” jitgħallmu l-​verità u jaraw li Ġeħova jħobbhom ħafna.—1 Tim. 2:3, 4. w16.10 1:10-12

Il-​Ġimgħa, 17 t’Awwissu

“Jien staqsejt lil Ġeħova, u hu wiġibni, u mill-​biżaʼ kollu tiegħi ħelisni.”—Salm 34:4.

Meta naraw li Ġeħova jkun sema’ t-​talb tagħna u li jkun tana eżatt dak li għandna bżonn fil-​ħin xieraq, il-​fidi tagħna fih tissaħħaħ iktar. (1 Ġw. 5:14, 15) Għandna bżonn ukoll ‘nibqgħu nitolbu’ lil Ġeħova għall-​ispirtu qaddis tiegħu biex b’hekk ikollna iktar fidi. (Lq. 11:9, 13) Meta nitolbu lil Ġeħova, m’għandniex biss nitolbuh għal dak li għandna bżonn. Għandna wkoll nirringrazzjawh u nfaħħruh kuljum. Wara kollox, hu għamel ħafna affarijiet meraviljużi! (Salm 40:5) In-​nies taʼ Ġeħova jitolbu wkoll għal ħuthom madwar id-​dinja. Pereżempju, aħna ‘nżommu f’moħħna lil dawk li qegħdin marbutin fil-​ħabs.’ Nitolbu wkoll għal “dawk li qed imexxu.” Meta naraw kif Ġeħova jwieġeb it-​talb tagħna, il-​fidi tagħna fih tissaħħaħ u nersqu eqreb lejh.—Ebr. 13:3, 7. w16.10 3:8, 9

Is-​Sibt, 18 t’Awwissu

“B’din il-​qalb tajba mhix mistħoqqa ġejtu salvati permezz tal-​fidi; u dan mhux bis-​saħħa tagħkom, imma hi l-​għotja t’Alla.”—Efes. 2:8.

In-​nies taʼ Ġeħova fi żmienna għandhom il-​fidi fis-​Saltna t’Alla u jappoġġjawha. U huma jħobbu lil xulxin. Dan għaliex huma jħallu l-​ispirtu t’Alla jiggwida l-​mod kif jgħixu. (Gal. 5:22, 23) Dan fiex irriżulta? Iktar minn tmien miljun ħu u oħt madwar id-​dinja jgawdu l-​paċi u l-​unità fil-​kongregazzjonijiet tagħhom. Jidher ċar li l-​fidi u l-​imħabba huma żewġ kwalitajiet b’saħħithom. Din l-​unità kienet possibbli biss bl-​għajnuna t’Alla tagħna. Għalhekk, hu jistħoqqlu t-​tifħir tagħna. (Is. 55:13) Ġeħova se jibqaʼ jgħin lil ħafna iktar nies biex ikollhom il-​fidi fih. Imbagħad, fl-​aħħar, id-​dinja kollha se tkun mimlija b’nies perfetti, ġusti, u kuntenti li se jfaħħru lil Ġeħova għal dejjem! w16.10 4:18, 19

Il-​Ħadd, 19 t’Awwissu

“Xi wħud qed jimxu bid-​diżordni fostkom.”—2 Tess. 3:11.

L-​anzjani jagħtuna direzzjoni mill-​Bibbja għax iridu jipproteġu u jieħdu ħsieb il-​kongregazzjoni. Fl-​ewwel seklu, xi individwi ma kinux qed jaħdmu imma kienu qed jindaħlu fejn ma jesagħhomx. L-​anzjani pprovaw jikkoreġuhom, imma ma ridux jinbidlu. Pawlu qal lill-​kongregazzjoni kif kellhom jittrattaw lil xi ħadd bħal dan. Hu qal: “Lil dan żommuh immarkat u tibqgħux tissieħbu miegħu.” Kien hemm bżonn li jieqfu jagħmluha miegħu imma mhux li jittrattawh bħala għadu. (2 Tess. 3:11-15) Illum ukoll, l-​anzjani jipprovaw jgħinu individwu li jinjora l-​livelli t’Alla, pereżempju, wieħed li joħroġ maʼ xi ħadd li mhux tal-​istess twemmin. (1 Kor. 7:39) Jekk l-​individwu jirrifjuta li jbiddel l-​imġiba tiegħu, l-​anzjani jistgħu jiddeċiedu li ssir taħdita li tispjega kif din l-​imġiba tistaʼ ġġiegħel lil oħrajn jitkellmu b’mod negattiv dwar il-​kongregazzjoni. Kif se tirreaġixxi għall-​parir tagħhom? Jekk tkun taf min hu l-​individwu, se tevita li tagħmilha miegħu? B’hekk, se tkun tistaʼ tgħinu jirrealizza li l-​imġiba tiegħu hi taʼ ħsara għalih u taʼ dispjaċir għal Ġeħova, u għandu mnejn ibiddel l-​attitudni tiegħu. w16.11 2:13

It-​Tnejn, 20 t’Awwissu

“Minn fostkom stess iqumu rġiel li jitkellmu affarijiet mgħawġin biex jiġbdu lid-​dixxipli għal warajhom.”—Atti 20:30.

F’Pentekoste tas-​sena 33, eluf taʼ Kristjani ġodda ġew midlukin bl-​ispirtu qaddis. Dawn saru “razza magħżula, saċerdozju rjali, ġens qaddis, poplu miksub bħala proprjetà speċjali.” (1 Pt. 2:9, 10) L-​appostli osservaw il-​kongregazzjonijiet b’attenzjoni sakemm damu ħajjin. Madankollu, b’mod partikulari wara li mietu l-​appostli, xi rġiel fil-​kongregazzjonijiet bdew jgħallmu ideat foloz u riedu jbiegħdu lid-​dixxipli mill-​verità. Dawn l-​irġiel kienu jħobbu l-​filosofiji t’Aristotele u Platun u bdew jgħallmu l-​ideat tagħhom minflok il-​verità mill-​Kelma t’Alla. (2 Tess. 2:6-8) Ħafna kienu rġiel prominenti u indokraturi fil-​kongregazzjonijiet. Mela għalkemm Ġesù kien qal lis-​segwaċi tiegħu, “Intom ilkoll aħwa,” bdiet tifforma klassi tal-​kleru.—Mt. 23:8. w16.11 4:8

It-​Tlieta, 21 t’Awwissu

“Tħallux id-​dnub ikompli jsaltan fil-​ġisem mortali tagħkom.”—Rum. 6:12.

Fil-​passat, għandu mnejn għamilna ħafna affarijiet ħżiena mingħajr ma rrealizzajna kif Ġeħova qies l-​azzjonijiet tagħna. Konna bħal “ilsiera tan-​nuqqas taʼ ndafa u tal-​ksur tal-​liġi,” jiġifieri, “ilsiera tad-​dnub.” (Rum. 6:19, 20) Imma meta tgħallimna mill-​Bibbja dwar kif Alla jridna ngħixu, għamilna bidliet f’ħajjitna, iddedikajna lilna nfusna lilu, u tgħammidna. Aħna ‘nħlisna mid-​dnub’ u ‘sirna lsiera tal-​ġustizzja.’ (Rum. 6:17, 18) Madankollu, xorta għad għandna għażla. Aħna nistgħu jew inċedu għall-​ħsibijiet u x-​xewqat midinba tagħna jew nikkontrollawhom. Staqsi lilek innifsek: ‘Inħalli x-​xewqat ħżiena tiegħi jikbru daqstant li mbagħad nagħmel dak li hu ħażin? Jew inwarrabhom mill-​ewwel?’ Jekk aħna grati ferm għall-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla, se nagħmlu l-​almu tagħna biex nogħġbuh. w16.12 1:11, 12

L-​Erbgħa, 22 t’Awwissu

Li tkun moħħok fl-​ispirtu jfisser paċi.—Rum. 8:6.

Aħna jistaʼ jkollna l-​paċi maʼ dawk fil-​familja tagħna u dawk fil-​kongregazzjoni. Ladarba aħna imperfetti, kultant se jkollna problemi maʼ ħutna. Meta jiġri hekk, aħna nsegwu l-​parir taʼ Ġesù: “Agħmel paċi maʼ ħuk.” (Mt. 5:24) Ftakar li ħutek ukoll jaqdu lil Ġeħova, “l-​Alla li jagħti l-​paċi.” (Rum. 15:33; 16:20) Jekk ‘inkunu moħħna fl-​ispirtu,’ se jkollna wkoll il-​paċi m’Alla. Il-​profeta Isaija kiteb: “Dak li l-​inklinazzjoni taʼ qalbu hija soda int [Ġeħova] se tħarsu f’paċi kontinwa, għax jafda fik.”—Is. 26:3; Rum. 5:1. w16.12 2:5, 18, 19

Il-​Ħamis, 23 t’Awwissu

“Ifirħu dejjem fil-​Mulej.”—Flp. 4:4.

Anke f’dawn l-​aħħar jiem tas-​sistema mill-​agħar taʼ Satana, Ġeħova qed ibierek lill-​poplu tiegħu. Hu jagħmel ċert li nirċievu abbundanza t’għarfien u paċi bħala parti minn fratellanza internazzjonali. (Is. 54:13) Iva, bħalma wiegħed Ġesù, Ġeħova jippremjana issa b’familja madwar id-​dinja kollha t’aħwa rġiel u nisa li jħobbu verament. (Mk. 10:29, 30) Ukoll, dawk li bil-​ħeġġa jfittxu lil Alla jiġu ppremjati b’paċi, sodisfazzjon, u kuntentizza ġewwinija kbira. (Flp. 4:5-7) Tistaʼ tibqaʼ ċert li ‘wara li tkun għamilt ir-​rieda t’Alla,’ se ‘tirċievi t-​twettiq tal-​wegħda.’ (Ebr. 10:35, 36) Allura ejja nkomplu nsaħħu l-​fidi tagħna u nagħmlu kulma nistgħu biex naqdu lil Ġeħova. Aħna għandna l-​fiduċja li Ġeħova se jippremjana!—Kol. 3:23, 24. w16.12 4:17, 20

Il-​Ġimgħa, 24 t’Awwissu

“Fejn hemm l-​ispirtu taʼ Ġeħova, hemm il-​libertà.”—2 Kor. 3:17.

Libertà limitata qatt tistaʼ tkun libertà vera? Iva, tistaʼ! Għaliex? Għax il-​limiti jistgħu jipproteġuna. Pereżempju, nistgħu nagħżlu li nsuqu lejn belt fil-​bogħod. Iżda, immaġina li m’hemmx liġijiet tat-​traffiku, u kulħadd jistaʼ jiddeċiedi b’liema veloċità u fuq liema naħa tat-​triq isuq. Tħossok rasek mistrieħa li tivvjaġġa fi triq bħal din? Żgur li le! Il-​limitazzjonijiet huma meħtiġin biex kulħadd igawdi mill-​benefiċċji tal-​libertà vera. Biex naraw kemm il-​limiti mpoġġijin minn Ġeħova jistgħu jkunu taʼ benefiċċju għalina, ejja nikkunsidraw il-​każ taʼ Adam. Hu għażel li jiekol il-​frotta pprojbita, u b’hekk injora l-​limiti li kien poġġa Ġeħova. Billi Adam uża ħażin il-​libertà tal-​għażla tiegħu, il-​bnedmin batew għal eluf taʼ snin. (Rum. 5:12) Ejja niftakru l-​konsegwenzi serji għad-​deċiżjoni taʼ Adam. Dan se jqanqalna nużaw il-​libertà tagħna tajjeb u naċċettaw il-​limiti li tana Ġeħova. w17.01 2:6, 8

Is-​Sibt, 25 t’Awwissu

“Ngħid lil kull wieħed minnkom biex ma jaħsibx li hu xi ħaġa iktar milli hu xieraq.”—Rum. 12:3.

Ġeħova jridna ‘nkunu modesti fil-​mixi tagħna’ miegħu. (Mik. 6:8) B’hekk, meta ningħataw inkarigu ġdid, aħna nfittxu għad-​direzzjoni tiegħu u nitolbuh għall-​għajnuna, proprju bħalma għamel Gidegħon. Jekk aħna modesti, forsi jkollna bżonn ngħidu le. Irridu naħsbu fil-​fond dwar dak li jgħidilna Ġeħova permezz tal-​Bibbja u l-​organizzazzjoni tiegħu. Ejja niftakru li dak kollu li aħna kapaċi nagħmlu fis-​servizz tiegħu ma nagħmluhx bl-​abbiltà tagħna stess imma għax Ġeħova hu umli u lest li jgħinna. (Salm 18:35) Bniedem modest “ma jaħsibx li hu xi ħaġa iktar milli hu xieraq.” w17.01 3:17, 18

Il-​Ħadd, 26 t’Awwissu

“It-​taħbit tagħkom fil-​Mulej m’huwiex għalxejn.”—1 Kor. 15:58.

Ġesù kien jaf li oħrajn kellhom bżonn ikomplu x-​xogħol tiegħu. M’għandniex xi ngħidu, hu kien jaf li d-​dixxipli tiegħu kienu imperfetti. Imma kien fiduċjuż li setgħu jxerrdu l-​aħbar tajba saħansitra iktar minnu. (Ġw. 14:12) Hu ħarriġhom sew, u huma kienu kapaċi jippritkaw f’kull pajjiż li setgħu jmorru fih. (Kol. 1:23) Wara li Ġesù miet, Ġeħova rxoxtah u tah iktar xogħol x’jagħmel, kif ukoll tah awtorità “ħafna iżjed ’il fuq minn kull gvern u awtorità u qawwa u ħakma.” (Efes. 1:19-21) Anke jekk immutu bħala qaddejja leali taʼ Ġeħova qabel ma tiġi Armageddon, se nerġgħu ngħixu u jkollna ħafna xogħol sinifikanti fid-​dinja l-​ġdida. U issa stess, ilkoll għandna l-​inkarigu eċċitanti taʼ li nippritkaw l-​aħbar tajba u nagħmlu dixxipli. Għalhekk, kemm jekk aħna żgħar jew kbar, kull wieħed u waħda minna jistaʼ jkompli ‘jkollu ħafna x’jagħmel fix-​xogħol tal-​Mulej.’ w17.01 5:17, 18

It-​Tnejn, 27 t’Awwissu

“Jien Ġeħova; jien ma nbdiltx.”—Mal. 3:6.

Il-​fidwa tħallset b’mod permanenti. (Ebr. 9:24-​26) Adam ġabilna l-​mewt, imma s-​sagrifiċċju taʼ Ġesù se jġibilna l-​ħajja taʼ dejjem. Il-​fidwa tistaʼ teħlisna mid-​dinja taʼ Satana u mill-​biżaʼ tal-​mewt. (Ebr. 2:14, 15) Il-​wegħdi t’Alla dejjem jitwettqu. L-​istess bħalma l-​liġijiet li Ġeħova għamel fin-​natura qatt ma jinbidlu, Ġeħova qatt mhu se jinbidel. Qatt mhu se jiddiżappuntana. Ġeħova jagħtina ħafna iktar mill-​għotja tal-​ħajja, hu jagħtina mħabbtu. “Aħna stess sirna nafu u emminna l-​imħabba li Alla għandu għalina. Alla hu mħabba.” (1 Ġw. 4:16) Il-​wegħdi tiegħu dejjem iseħħu. Dalwaqt, l-​art se ssir ġenna mill-​isbaħ. Dak iż-​żmien, kull min jgħix hemmhekk se jimita lil Ġeħova u jħobb wieħed lil ieħor. Imbagħad, il-​qaddejja tiegħu kollha fis-​sema se jgħidu: “Il-​barka u l-​glorja u l-​għerf u r-​radd il-​ħajr u l-​unur u l-​qawwa u s-​saħħa jkunu lil Alla tagħna għal dejjem taʼ dejjem. Amen.”—Riv. 7:12. w17.02 2:16, 17

It-​Tlieta, 28 t’Awwissu

“Ħa nitnaddfu minn kull tinġis tal-​laħam u taʼ l-​ispirtu.”—2 Kor. 7:1.

Il-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Ġunju tal-​1973 bl-​Ingliż staqsiet jekk “persuni li għadhom ma qatgħux il-​vizzju tat-​tabakk jikkwalifikawx għall-​magħmudija.” It-​tweġiba li tat għal din il-​mistoqsija kienet ibbażata fuq prinċipji Bibliċi, u kienet le! It-​Torri tal-​Għassa kkwota diversi skritturi u spjega għala persuna li ma kinitx se tieqaf tpejjep għandha tiġi maqtugħa mis-​sħubija. (1 Kor. 5:7) Qal li dan il-​livell strett ma jiġix mill-​bniedem imma “minn Alla, li esprima ruħu permezz tal-​Kelma miktuba tiegħu.” Ktieb reċenti dwar ir-​reliġjon fl-​Istati Uniti jgħid: “Mexxejja Kristjani rrivedew regolarment it-​tagħlim tagħhom biex jaraw li jaqbel mat-​twemmin u opinjonijiet, biex b’hekk jiksbu appoġġ minn fost il-​membri tagħhom u mill-​maġġoranza tan-​nies.” L-​ebda reliġjon, ħlief dik tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, ma kienet lesta li tistrieħ daqshekk fuq il-​Kelma t’Alla saħansitra meta dan jistaʼ jkun diffiċli ħafna għal xi membri tagħha. w17.02 4:15

L-​Erbgħa, 29 t’Awwissu

“Kulmin jitgħolla jiġi umiljat, u kulmin jumilja ruħu jitgħolla.”—Mt. 23:12.

L-​anzjani ma jridux jiġu ttrattati bħala nies popolari. Allura huma differenti ferm minn ħafna mexxejja reliġjużi llum kif ukoll mill-​mexxejja reliġjużi taʼ żmien Ġesù. Hu qal dwarhom: “Iħobbu l-​iktar post prominenti fl-​ikliet taʼ fil-​għaxija u s-​siġġijiet taʼ quddiem fis-​sinagogi, u t-​tislim fis-​swieq.” (Mt. 23:6, 7) Anzjani Kristjani jobdu l-​kliem taʼ Ġesù: “Tissejħux Rabbi, għax wieħed hu l-​għalliem tagħkom, filwaqt li intom ilkoll aħwa. Barra minn hekk, issejħu lil ħadd missierkom fuq l-​art, għax wieħed hu Missierkom, Dak tas-​sema. U tissejħux ‘mexxejja,’ għax wieħed hu l-​Mexxej tagħkom, il-​Kristu. Imma l-​akbar wieħed fostkom għandu jkun il-​qaddej tagħkom.” (Mt. 23:8-11) Meta anzjani fil-​kongregazzjonijiet madwar id-​dinja jkunu umli u jobdu l-​kliem taʼ Ġesù, ħuthom se jħobbuhom, jirrispettawhom, u jonorawhom. w17.03 1:14, 15

Il-​Ħamis, 30 t’Awwissu

“Kull wieħed iġorr it-​tagħbija tiegħu.”—Gal. 6:5.

Jekk irridu nieħdu deċiżjonijiet għaqlin, għandna nużaw il-​Kelma t’Alla. Bla dubju, m’għandniex nagħtu lil ħaddieħor ir-​responsabbiltà li jieħu deċiżjonijiet għalina. Minflok, kull wieħed u waħda minna għandu jitgħallem dak li Alla jgħid li hu tajjeb u jagħżel li jagħmlu. Kif nistgħu nħallu oħrajn jieħdu deċiżjonijiet għalina? Billi nħalluhom jagħmlulna pressjoni biex nagħmlu għażla ħażina. (Prov. 1:10, 15) Dan hu perikoluż. Hija r-​responsabbiltà tagħna li nimxu skont il-​kuxjenza tagħna mħarrġa fuq il-​Bibbja. Jekk inħallu oħrajn jieħdu deċiżjonijiet għalina, inkunu ddeċidejna li nsegwu lilhom. Din l-​għażla tistaʼ twassal għal diżastru. L-​appostlu Pawlu wissa lill-​Galatin biex ma jħallux lil oħrajn jieħdu deċiżjonijiet għalihom. (Gal. 4:17) Xi aħwa fil-​Galazja kienu qed jipprovaw jieħdu deċiżjonijiet għal oħrajn fil-​kongregazzjoni. w17.03 2:8-10

Il-​Ġimgħa, 31 t’Awwissu

Meta Ġosija kien għadu tifel, beda jfittex lil Alla taʼ David, missieru; u fit-​tnax-​il sena beda jnaddaf lil Ġuda u lil Ġerusalemm mill-​postijiet għall-​qima u mill-​arbli sagri.—2 Kron. 34:3.

Ġosija stinka biex jogħġob lil Ġeħova. Jekk int żagħżugħ, int tistaʼ timita lil Ġosija u ssir taf lil Ġeħova aħjar. Ġosija għandu mnejn tgħallem li Ġeħova hu lest li jaħfer mingħand nannuh, li kien nidem, is-​Sultan Manasse. Int ukoll tistaʼ titgħallem minn uħud ikbar fil-​familja u l-​kongregazzjoni tiegħek. Huma jistgħu jgħidulek dwar il-​ħafna affarijiet tajbin li Ġeħova għamel għalihom. Ukoll, ftakar kif ħassu Ġosija wara li tgħallem x’kienet tgħid l-​Iskrittura. Kien ħerqan li jogħġob lil Ġeħova u minnufih għamel bidliet. Billi taqra l-​Iskrittura, int ukoll tistaʼ tkun iżjed determinat li tobdi lil Ġeħova. B’hekk, il-​ħbiberija tiegħek miegħu se tissaħħaħ u se tħossok iktar ferħan. Imbagħad se tkun trid titkellem dwar Ġeħova m’oħrajn. (2 Kron. 34:18, 19) Meta tistudja l-​Bibbja, forsi wkoll tirrealizza li għandek fejn tagħmel titjib fis-​servizz tiegħek lil Alla. Jekk dan hu l-​każ, agħmel mill-​aħjar li tistaʼ biex tagħmel dawn il-​bidliet, l-​istess bħalma għamel Ġosija. w17.03 3:18, 19

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja