Lulju
Il-Ħadd, 1 taʼ Lulju
“Agħmel miegħi skond kif ħareġ minn fommok.”—Mħ. 11:36.
Bint Ġefta ssagrifikat ix-xewqat naturali tagħha taʼ li tiżżewweġ raġel u li jkollha t-tfal sabiex taqdi lil Ġeħova. Kif nistgħu nimitaw l-attitudni taʼ sagrifiċċju personali li kellha? Eluf taʼ Kristjani żgħażagħ irġiel u nisa huma lesti li jagħmlu sagrifiċċju billi ma jiżżewġux jew jagħżlu li ma jkollhomx tfal, almenu għalissa. Għala? Għax iridu jikkonċentraw f’li jaqdu lil Ġeħova iktar. Apparti minn hekk, ħafna minn dawk li għandhom iż-żmien qed jagħmlu sagrifiċċju billi ma jqattgħux daqstant ħin maʼ wliedhom jew maʼ wlied uliedhom. Minflok, huma jagħtu l-ħin u l-enerġija tagħhom lil Ġeħova. Xi wħud minnhom jaħdmu fuq proġetti tal-bini jew jattendu l-Iskola għall-Evanġelizzaturi tas-Saltna u jmorru f’kongregazzjoni li għandha bżonn iktar pubblikaturi. Oħrajn jippjanaw li jżidu fil-ministeru tagħhom għal Ġeħova. Hu qatt mhu se jinsa s-sagrifiċċji mill-qalb taʼ dawn l-uħud leali kollha. (Ebr. 6:10-12) Xi ngħidu għalik? Se tkun tistaʼ tagħmel sagrifiċċji għal Ġeħova iktar bis-sħiħ? w16.04 1:16, 17
It-Tnejn, 2 taʼ Lulju
“Isiru merħla waħda, ragħaj wieħed.”—Ġw. 10:16.
Ġesù qabbel lilu nnifsu maʼ ragħaj u lis-segwaċi tiegħu maʼ merħla nagħaġ. Aħseb dwar dan: Jekk żewġ nagħġiet qegħdin fuq għolja, żewġ nagħġiet oħra huma f’wied, u nagħġa oħra hi xi mkien ieħor, nistgħu ngħidu li dawn il-ħames nagħġiet huma merħla? Le, għax merħla nagħaġ jibqgħu flimkien u jsegwu lir-ragħaj. B’mod simili, m’għandniex noqogħdu ’l bogħod minn ħutna billi ma nattendux il-laqgħat. Hemm bżonn li niltaqgħu flimkien biex insiru parti minn “merħla waħda” li ssegwi “ragħaj wieħed.” Il-laqgħat tagħna jgħinuna nkunu magħqudin bħala familja kollha mħabba. (Salm 133:1) Xi wħud fil-kongregazzjoni ma baqgħux jiġu aċċettati mill-ġenituri tagħhom jew ħuthom. Imma Ġesù wiegħed li jtihom familja li se tħobbhom u tieħu ħsiebhom. (Mk. 10:29, 30) Jekk tattendi l-laqgħat b’mod regulari, tistaʼ ssir bħal missier, omm, ħu, jew oħt taʼ xi ħadd fil-kongregazzjoni. Meta naħsbu dwar dan, inkunu rridu nagħmlu l-aħjar tagħna biex nattendu l-laqgħat kollha. w16.04 3:9, 10
It-Tlieta, 3 taʼ Lulju
“Meta tkunu weqfin titolbu, aħfru kulma għandkom kontra xi ħadd; sabiex Missierkom li hu fis-smewwiet ikun jistaʼ jaħfrilkom in-nuqqasijiet tagħkom.”—Mk. 11:25.
Illum, inkunu qed inqimu lil Ġeħova meta nitolbu, nippritkaw, u mmorru l-laqgħat tagħna. Jekk ma nżommux il-paċi maʼ ħutna, Ġeħova mhux se jaċċetta l-qima tagħna lejh. Biex inkunu l-ħbieb taʼ Ġeħova, irridu naħfru lill-oħrajn meta jiżbaljaw. (Lq. 11:4; Efes. 4:32) Ġeħova jistenna li l-qaddejja kollha tiegħu jaħfru lil xulxin u jkollhom relazzjoni paċifika m’oħrajn. Nistgħu nsaqsu lilna nfusna: ‘Naħfer lil ħuti malajr kemm jistaʼ jkun? Nieħu pjaċir inkun magħhom?’ Jekk tirrealizza li għandek bżonn tkun iktar ħafif biex taħfer, itlob lil Ġeħova biex jgħinek titjieb f’dan ir-rigward. Missierna tas-sema se jismaʼ talb umli bħal dan u jwieġbu.—1 Ġw. 5:14, 15. w16.05 1:6, 7
L-Erbgħa, 4 taʼ Lulju
“Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata.”—Mt. 24:14.
Kemm se jdum għaddej l-ippritkar? Ġesù qal li l-aħbar tajba kienet se tiġi ppritkata sakemm jiġi t-tmiem. Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, irnexxielna nibqgħu għaddejjin bl-ippritkar matul l-aħħar jiem, grazzi għall-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova. (Atti 1:8; 1 Pt. 4:14) Xi nies reliġjużi forsi jgħidu: “Aħna għandna l-ispirtu s-santu.” Imma jistgħu jagħmlu x-xogħol li x-Xhieda taʼ Ġeħova qed jagħmlu f’dawn l-aħħar jiem? Xi gruppi pprovaw jippritkaw bħalna, imma ma rnexxilhomx. Oħrajn huma lesti li jippritkaw, imma għal ċertu perijodu taʼ żmien biss. Jerġaʼ oħrajn jippritkaw minn dar għal dar, imma ma jippritkawx l-aħbar tajba tas-Saltna. Allura ma jistax ikun li qed jagħmlu x-xogħol li beda Ġesù. w16.05 2:13, 16
Il-Ħamis, 5 taʼ Lulju
“Ħuti, komplu thennew, aġġustaw ruħkom, tfarrġu, kunu ħsieb wieħed, għixu fil-paċi.”—2 Kor. 13:11.
L-appostlu Pawlu qal lill-Kristjani: “Għandkom tinżgħu l-personalità l-qadima li taqbel maʼ kif kontu ġġibu ruħkom qabel u li qed titħassar bix-xewqat qarriqin tagħha; u tiġġeddu fil-forza li qed tqanqal lil moħħkom, u tilbsu l-personalità l-ġdida li nħolqot skond ir-rieda t’Alla fil-ġustizzja u l-lealtà vera.” (Efes. 4:22-24) Il-kelma “tiġġeddu” bil-lingwa oriġinali tagħti x’tifhem li meta wieħed ‘jilbes il-personalità l-ġdida,’ dan ikun proċess kontinwu. Allura ilna kemm ilna naqdu lil Ġeħova, dejjem nistgħu nitgħallmu iktar dwar il-kwalitajiet tiegħu. U l-Bibbja tistaʼ tgħinna nibqgħu nagħmlu bidliet fil-personalità tagħna biex insiru nixbhuh iktar. w16.05 4:8, 9
Il-Ġimgħa, 6 taʼ Lulju
“Ġeħova jwiddeb lil min iħobb.”—Prov. 3:12.
Aħna ngħixu f’ġenna spiritwali. Din hi l-ambjent speċjali li Ġeħova qed joħloq fi żmienna biex jgħinna nifformaw. (Is. 64:8) Fil-ġenna spiritwali, aħna nħossuna siguri anke jekk id-dinja taʼ madwarna hija mill-agħar. Aħna sirna nafu lil Ġeħova u issa nħossu l-imħabba tiegħu bħal taʼ missier. (Ġak. 4:8) Fid-dinja l-ġdida, aħna se nibbenefikaw bis-sħiħ mill-ġenna spiritwali. Kif ukoll, se ngawdu ħajja f’ġenna letterali mmexxija mis-Saltna t’Alla. Matul dak iż-żmien, Ġeħova se jkompli jsawwarna u jedukana b’mod li huwa diffiċli biex nimmaġinaw illum il-ġurnata. (Is. 11:9) Barra minn hekk, Ġeħova se jagħmel lil moħħna perfett u lil ġisimna perfett. Dan se jagħmilha faċli għalina biex nifhmu u nobdu kompletament l-istruzzjonijiet tiegħu. Allura, ejja nkomplu nħallu lil Ġeħova jsawwarna, u ejja nuruh li napprezzaw din l-evidenza taʼ mħabbtu lejna. w16.06 1:8, 9
Is-Sibt, 7 taʼ Lulju
“Isma’, O Israel: Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed.”—Dt. 6:4.
Dan il-kliem hu parti mill-aħħar taħdita li Mosè ta lill-ġens tal-Iżrael. Fis-sena 1473 qabel Kristu (QK), il-ġens kien fl-art taʼ Mowab, lest biex jaqsam ix-Xmara Ġordan u jieħu taħt idejh l-Art Imwiegħda. (Dt. 6:1) Mosè kien mexxa lin-nies għal 40 sena, u riedhom ikunu kuraġġużi biex jiffaċċjaw id-diffikultajiet li kienu se jħabbtu wiċċhom magħhom. Kellhom bżonn jafdaw fl-Alla tagħhom, Ġeħova, u jkunu leali lejh. Għalhekk, l-aħħar kliem taʼ Mosè ħeġġiġhom biex jagħmlu preċiż hekk. Wara li semma l-Għaxar Kmandamenti u liġijiet oħra minn Ġeħova, Mosè ta lin-nies it-tfakkira taʼ min jaħseb fuqha f’Dewteronomju 6:4, 5. L-Iżraelin kienu jafu li Ġeħova Alla tagħhom kien “Ġeħova wieħed.” L-Iżraelin leali qiemu lil Alla wieħed, l-Alla tal-antenati tagħhom. w16.06 3:2, 3
Il-Ħadd, 8 taʼ Lulju
“Imma dak il-jum u s-siegħa ma jafhom ħadd, la l-anġli tas-smewwiet u lanqas l-Iben, ħlief il-Missier.”—Mt. 24:36.
Ġesù qal dan il-kliem meta kien fuq l-art. M’għandniex xi ngħidu, ladarba Ġesù hu l-wieħed li se jmexxi l-gwerra t’Armageddon, aktarx li issa jaf meta se sseħħ. (Riv. 19:11-16) Imma aħna għadna ma nafux id-data jew il-ħin taʼ meta ġej it-tmiem. Huwa għalhekk li hu importanti ħafna għalina li nibqgħu għassa. Ġeħova ddeċieda l-waqt eżatt meta se tibda t-tribulazzjoni l-kbira, u maʼ kull ġurnata li tgħaddi qed inkunu aktar u aktar eqreb. “Mhix se tkun tard.” (Ħab. 2:1-3) Għala nistgħu nkunu ċerti minn dan? Il-profeziji taʼ Ġeħova dejjem twettqu fil-ħin! Ġeħova wiegħed li jeħles lin-nies tiegħu mit-tribulazzjoni l-kbira u li jagħtihom il-ħajja taʼ dejjem fid-dinja l-ġdida. U aħna nistgħu nkunu ċerti li l-wegħda tiegħu se sseħħ. Allura, jekk irridu nkunu f’dik id-dinja l-ġdida, għandna nibqgħu għassa. w16.07 2:4-6
It-Tnejn, 9 taʼ Lulju
“Pietru qallu: ‘Anki jekk l-oħrajn kollha jitfixklu, jien żgur ma nitfixkilx.’”—Mk. 14:29.
Pietru qal li hu qatt ma kien se jabbanduna lil Ġesù anki jekk kulħadd kien jagħmel hekk. (Mk. 14:27-31, 50) Imma wara li Ġesù ġie arrestat, l-appostli kollha, inkluż Pietru, abbandunawh. Imbagħad, għal tliet darbiet f’każijiet differenti, Pietru qal li ma kienx jaf lil Ġesù. (Mk. 14:53, 54, 66-72) Madankollu, Pietru ħassu mdejjaq għall-aħħar dwar dak li għamel. Allura, Ġeħova ħafirlu u kompla jużah. Li kieku kont dixxiplu f’dak iż-żmien u kont tkun taf x’għamel Pietru, kont tkompli tafda f’Ġeħova? Illum, tirrealizza li Ġeħova hu ħanin u li hu għandu mnejn qed jistenna lil xi ħadd jindem? Imma kultant meta xi ħadd jidneb serjament, ma jiddispjaċihx għal dak li jkun għamel. Se tafda li Ġeħova jaf b’dan u li hu se jagħmel xi ħaġa dwarha fil-ħin xieraq? Għandu mnejn li jneħħi lil dik il-persuna mill-kongregazzjoni jekk ikun neċessarju. Temmen int li Ġeħova dejjem se jagħmel dak li hu sew u ġust? w16.06 4:8, 9
It-Tlieta, 10 taʼ Lulju
Jalla l-Mulej tagħna Ġesù Kristu nnifsu u Alla Missierna, ifarrġu lil qlubkom u jissodawkom.—2 Tess. 2:16, 17.
Hi barka kbira li Ġeħova jfarraġna kull meta jkollna stress emozzjonali. (Salm 51:17) Meta l-Kristjani f’Tessalonika kienu qed ibatu l-persekuzzjoni, Pawlu kiteb il-kliem tal-iskrittura tal-lum. Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li permezz taʼ din il-qalb tajba, Ġeħova jħobbna u jimpurtah minna! Peress li aħna midinbin, m’għandna l-ebda tama mingħajr l-għajnuna taʼ Ġeħova. (Salm 49:7, 8) Imma Ġeħova tana tama meraviljuża. X’inhi? Ġesù qal: “Din hi r-rieda taʼ Missieri, li kulmin jara lill-Iben u jeżerċita l-fidi fih ikollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 6:40) Għalhekk, għandna t-tama li ngħixu għal dejjem minħabba l-qalb tajba taʼ Ġeħova. Pawlu qal: “Intweriet il-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla li ġġib is-salvazzjoni lil kull xorta taʼ bnedmin.”—Titu 2:11. w16.07 3:14, 15
L-Erbgħa, 11 taʼ Lulju
“Ħalli ħadd ma jaġixxi bi tradiment mal-mara taʼ żgħożitu.”—Mal. 2:15.
Illum, li ma jkunx hemm lealtà fiż-żwieġ mhix aċċettabbli fost in-nies taʼ Ġeħova, u dan rari jiġri. Imma ejja ngħidu li xi ħadd miżżewweġ u mgħammed jaqlibha lis-sieħba tiegħu u jieħu d-divorzju sabiex jiżżewweġ lil xi ħadd ieħor. Jekk dan l-individwu ma jindimx, imbagħad ikollu jiġi maqtugħ mis-sħubija biex il-kongregazzjoni tibqaʼ nadifa u pura. (1 Kor. 5:11-13) Qabel ma l-individwu jiġi aċċettat lura fil-kongregazzjoni jkollu ‘jagħmel frott li jixraq lill-indiema,’ jiġifieri jkollu juri li biddel fehmtu u juri dan bil-fatti. (Lq. 3:8; 2 Kor. 2:5-10) M’hemm l-ebda żmien speċifiku li għandu jgħaddi sabiex l-individwu jiġi aċċettat lura. Fil-fatt, għandu mnejn li jkollha tgħaddi sena jew iktar għal midneb biex juri li hu verament niedem u biex jiġi aċċettat lura fil-kongregazzjoni. Minkejja dan, l-individwu xorta jkollu ‘jidher quddiem it-tron tal-ġudizzju t’Alla.’—Rum. 14:10-12. w16.08 1:12, 13
Il-Ħamis, 12 taʼ Lulju
“Jekk raġel qed jirsisti għal kariga taʼ indokratur, ikun jixtieq xogħol tajjeb.”—1 Tim. 3:1.
L-appostlu Pawlu faħħar aħwa rġiel li kienu qed ‘jirsistu’ biex isiru indokraturi. Biex xi ħadd jilħaq xi ħaġa li qiegħda ’l bogħod, għandu bżonn jagħmel sforz u forsi jġebbed idu biex jaqbadha. Issa immaġina li ħu jixtieq jikkwalifika bħala qaddej ministerjali. Hu jirrealizza li għandu bżonn jagħmel sforz biex itejjeb il-kwalitajiet Kristjani tiegħu. Imbagħad, wara li jibda jaqdi bħala qaddej ministerjali, hu jkompli jaħdem iebes ħalli jkun jistaʼ jikkwalifika biex isir indokratur. Xi aħwa rġiel u nisa qed jagħmlu bidliet f’ħajjithom għax jixtiequ jagħmlu iktar fis-servizz taʼ Ġeħova. Pereżempju, forsi jixtiequ jaqdu bħala pijunieri, jaħdmu f’Betel, jew jgħinu biex jinbnew Swali tas-Saltna. w16.08 3:3, 4
Il-Ġimgħa, 13 taʼ Lulju
“Huma l-qaddejja tiegħek u l-poplu tiegħek, li int fdejthom bil-qawwa kbira tiegħek u bl-id b’saħħitha tiegħek.”—Neħ. 1:10.
X’sab Neħemija meta mar Ġerusalemm? Hu ra li l-għedewwa minn artijiet barranin tant kienu qed jheddu lil-Lhud li dawn waqfu jibnu s-swar taʼ Ġerusalemm. Il-belt ma kinitx protetta, u l-Lhud kienu skuraġġiti. Kif ħassu Neħemija? Kien hu skuraġġit ukoll, u ħalla jdejh jintelqu ’l isfel? Le! Bħal Mosè, Asa, u qaddejja leali oħra taʼ Ġeħova, Neħemija dejjem straħ fuq Ġeħova. (Eżo. 17:8-13; 2 Kron. 14:8-13) F’din is-sitwazzjoni wkoll, Neħemija talab lil Ġeħova għall-għajnuna, u Ġeħova wieġbu. Alla uża “l-qawwa kbira” tiegħu u “l-id b’saħħitha” tiegħu biex isaħħaħ lil-Lhud. (Neħ. 2:17-20; 6:9) Temmen int li Ġeħova juża “l-qawwa kbira” tiegħu u “l-id b’saħħitha” tiegħu biex isaħħaħ lill-qaddejja tiegħu llum? w16.09 1:9
Is-Sibt, 14 taʼ Lulju
“Agħmlu kollox għall-glorja t’Alla.”—1 Kor. 10:31.
Gazzetta Olandiża ddeskriviet kif mexxejja taʼ knisja partikulari kienu lebsin waqt waħda mil-laqgħat tagħhom. Din qalet: “Stajt tara ħafna lbies każwali, speċjalment meta kienet is-sħana.” Madankollu, l-istess gazzetta qalet li dan ma kienx kif ix-Xhieda taʼ Ġeħova kienu lebsin fil-konvenzjoni tagħhom. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova spiss jiġu mfaħħrin għal mod kif jilbsu. L-appostlu Pawlu qal li l-ħwejjeġ li jilbsu l-Kristjani għandhom juru ‘modestja u moħħ f’loku,’ kif inhu xieraq għall-qaddejja t’Alla. (1 Tim. 2:9, 10) Għalkemm Pawlu kien qed jitkellem dwar in-nisa, dan il-livell japplika wkoll għall-irġiel Kristjani. Livelli tajbin taʼ lbies huma importanti għalina bħala l-poplu taʼ Ġeħova, u huma importanti għal Alla li aħna nqimu. (Ġen. 3:21) Il-Bibbja tagħmilha ċara li Ġeħova, is-Sovran tal-univers, għandu livelli għall-qaddejja tiegħu taʼ kif għandhom jilbsu. Għalhekk, l-għażla taʼ ħwejjeġ tagħna m’għandhiex biss togħġob lilna, imma iktar importanti minn hekk, għandha togħġob lill-Mulej Sovran tagħna, Ġeħova. w16.09 3:1, 2
Il-Ħadd, 15 taʼ Lulju
“Xi bnedmin tkellmu minn Alla skond kif tmexxew mill-ispirtu qaddis.”—2 Pt. 1:21.
Xi wħud jieħdu pjaċir jistudjaw profeziji Bibliċi. Jew għandhom mnejn iħobbu jqabblu rakkonti tal-Bibbja maʼ dak li jgħidu studjużi tal-istorja, xjenzjati, jew arkeoloġi. Ejja nieħdu l-eżempju taʼ Ġenesi 3:15. Ġeħova ta din il-profezija importanti ħafna eżatt wara li Adam u Eva rribellaw kontrih u l-mod kif kien qed imexxi. Hija l-ewwel waħda mill-ħafna profeziji Bibliċi li jgħinuna nifhmu kif is-Saltna t’Alla se tagħti prova li l-aqwa mod taʼ tmexxija hija t’Alla u kif din se ttemm it-tbatija kollha. Kif tistaʼ teżamina Ġenesi 3:15? Tistaʼ tagħmel lista taʼ versi mill-Bibbja li jagħtu iktar dettalji dwar kif din il-profezija se titwettaq. Imbagħad, tistaʼ ssir taf meta nkitbu dawn il-versi u tpoġġihom fl-ordni tagħhom. Mhux se ddum ma tinduna li l-kittieba tal-Bibbja għexu fi żminijiet differenti imma li kull wieħed minnhom kiteb xi ħaġa li għamlet il-profezija iktar u iktar ċara. Dan jistaʼ jgħinek biex ikollok prova li l-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova ggwidahom. w16.09 4:8
It-Tnejn, 16 taʼ Lulju
“Min jagħmlek biex tkun differenti minn ħaddieħor?”—1 Kor. 4:7.
Kien hemm żmien meta l-appostlu Pietru kien preġudikat kontra nies li ma kinux Lhud. Imma bil-mod il-mod hu tgħallem jeħles minn sentimenti negattivi bħal dawn. (Atti 10:28, 34, 35; Gal. 2:11-14) Bl-istess mod, jekk ninnotaw anki traċċa taʼ preġudizzju jew kburija razzjali fina, għandna nagħmlu l-almu tagħna biex inqaċċtuha minna kompletament. (1 Pt. 1:22) X’jistaʼ jgħinna nagħmlu dan? Ftakar li aħna minn fejn aħna, ilkoll imperfetti, u ħadd minna ma jistħoqqlu s-salvazzjoni. (Rum. 3:9, 10, 21-24) Mela m’għandna l-ebda raġuni għaliex inħossuna aħjar minn ħaddieħor! Għandna nħossuna bħall-appostlu Pawlu. Hu qal lill-Kristjani sħabu: “M’intomx iktar stranġieri u residenti barranin” imma “membri tad-dar t’Alla.” (Efes. 2:19) Ilkoll għandna bżonn naħdmu iebes biex neħilsu minn kull preġudizzju biex b’hekk inkunu nistgħu nilbsu l-personalità l-ġdida.—Kol. 3:10, 11. w16.10 1:9
It-Tlieta, 17 taʼ Lulju
“Lejl u nhar jaqra u jimmedita fuq il-liġi tiegħu.”—Salm 1:2.
X’se jgħinna nżommu l-fidi tagħna b’saħħitha? Ġeħova tana l-Bibbja biex jgħallimna dwar il-wegħdi li se jseħħu fil-futur. Permezz tagħha, hu jurina x’għandna bżonn nagħmlu biex inkunu ferħanin. Għalhekk, ikun tajjeb li naqraw il-Bibbja kuljum u nsegwu l-gwida tagħha. (Salm 1:1-3; Atti 17:11) Ġeħova jagħtina wkoll “l-ikel fiż-żmien xieraq” permezz tal-“ilsir leali u għaqli.” (Mt. 24:45) Bħan-nies t’Alla tal-passat, għandna bżonn naqraw b’mod regulari dwar il-wegħdi t’Alla u nimmeditaw fil-fond fuqhom. Dan se jgħinna nibqgħu leali lejn Alla u nibqgħu nħarsu ’l quddiem għaż-żmien meta s-Saltna tiegħu tkun qed tmexxi d-dinja kollha. (Ebr. 11:1) X’kien hemm iktar li għen lin-nies taʼ Ġeħova tal-passat biex iżommu l-fidi tagħhom b’saħħitha? Huma talbu lil Ġeħova għall-għajnuna, u meta raw li wieġeb it-talb tagħhom, il-fidi tagħhom issaħħet iktar.—Neħ. 1:4, 11; Salm 34:4, 15, 17; Dan. 9:19-21. w16.10 3:7, 8
L-Erbgħa, 18 taʼ Lulju
Kieku għandi l-fidi kollha biex inċaqlaq il-muntanji minn posthom, iżda m’għandix imħabba, ma jien xejn.—1 Kor. 13:2.
Ġesù qal li “l-akbar kmandament fil-Liġi” hu li nħobbu lil Alla. (Mt. 22:35-40) Kemm il-fidi u kemm l-imħabba huma kwalitajiet importanti ħafna, u l-kittieba tal-Bibbja spiss semmewhom flimkien. Pawlu inkuraġġixxa lil ħutu biex ‘jilbsu l-kurazza tal-fidi u l-imħabba.’ (1 Tess. 5:8) Ġwanni kiteb li l-kmandament t’Alla hu li “jkollna l-fidi f’isem Ibnu Ġesù Kristu u li nħobbu lil xulxin.” (1 Ġw. 3:23) Imma Pawlu kiteb ukoll: “Madankollu, issa jibqa’ l-fidi, it-tama, l-imħabba, dawn it-tlieta; imma l-akbar fosthom hi l-imħabba.” (1 Kor. 13:13) Fil-futur, peress li l-wegħdi t’Alla dwar id-dinja l-ġdida jkunu seħħew, mhux se jkollna bżonn iktar li npoġġu l-fidi fihom. Se nkunu qed ngħixu l-ħajja meraviljuża li l-Bibbja titkellem dwarha. Imma dejjem se jkollna bżonn imħabba għal Alla u għan-nies. Infatti, l-imħabba għalihom se tibqaʼ tikber għal dejjem. w16.10 4:15-17
Il-Ħamis, 19 taʼ Lulju
“Il-kongregazzjonijiet komplew jissodaw fil-fidi.”—Atti 16:5.
Fl-ewwel seklu, xi aħwa rġiel żaru lill-kongregazzjonijiet biex jgħidulhom “id-digrieti li kienu ġew deċiżi mill-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm,” jiġifieri, mill-ġemgħa li tiggverna. (Atti 16:4) Il-kongregazzjonijiet segwew dawn l-istruzzjonijiet u “komplew jissodaw fil-fidi u jiżdiedu fl-għadd minn jum għall-ieħor.” Aħna neħtieġu li nobdu d-direzzjoni li nirċievu mill-organizzazzjoni t’Alla. Fil-fatt, il-Ktieb taʼ Ġeħova stess jgħidilna lkoll biex nobdu lil dawk li qed jieħdu t-tmexxija. (Dt. 30:16; Ebr. 13:7, 17) Dawk li huma leali lejn Ġeħova mhumiex ribellużi, u ma jgergrux dwar id-direzzjoni li jirċievu. Aħna ma rridux inkunu bħal Dijotrefe, li ma kellux rispett lejn l-aħwa rġiel li kienu qed imexxu. (3 Ġw. 9, 10) Meta nsegwu d-direzzjoni li ningħataw, aħna ngħinu biex inżommu l-paċi u l-unità fil-kongregazzjoni. Allura nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Ninkuraġġixxi jien lil ħuti rġiel u nisa biex ikunu leali lejn Ġeħova? Nobdi jien fil-pront id-direzzjoni li nirċievi mill-organizzazzjoni t’Alla?’ w16.11 2:10, 11
Il-Ġimgħa, 20 taʼ Lulju
“Fittxu l-paċi tal-belt li eżiljajtkom fiha.”—Ġer. 29:7.
Il-Lhud li segwew l-istruzzjonijiet taʼ Ġeħova għexu ħajja kważi normali fl-eżilju. Il-Babiloniżi ħallew lil-Lhud jieħdu ħsieb l-affarijiet tagħhom u jivvjaġġaw mal-pajjiż bil-libertà. F’dak iż-żmien, Babilonja kienet ċentru tan-negozju. Dokumenti antiki juru li waqt li kienu fl-eżilju, ħafna Lhud tgħallmu jinnegozjaw u saru nies tajba fis-snajjaʼ. Xi Lhud saħansitra saru sinjuri. Il-ħajja fl-eżilju ma kinitx diffiċli daqs kemm kienet għall-Iżraelin li kienu lsiera fl-Eġittu mijiet taʼ snin qabel. (Eżo. 2:23-25) Imma l-Iżraelin qatt setgħu jerġgħu jqimu lil Alla b’mod kompletament aċċettabbli? F’dak iż-żmien setaʼ deher impossibbli għax Babilonja qatt ma ħelset lill-ilsiera tagħha. Imma Alla Ġeħova kien wiegħed li l-poplu tiegħu kien se jiġi meħlus, u fl-aħħar mill-aħħar hekk ġara. Il-wegħdi t’Alla dejjem iseħħu!—Is. 55:11. w16.11 4:3, 5
Is-Sibt, 21 taʼ Lulju
“Mitna għad-dnub.”—Rum. 6:2.
Permezz tal-fidwa, Alla ħafer id-dnubiet taʼ Pawlu u Kristjani oħrajn fl-ewwel seklu. Ġeħova dilikhom bl-ispirtu qaddis ħalli jkunu wliedu. Jekk jibqgħu leali, kienu se jgħixu fis-sema u jmexxu maʼ Kristu. Allura, la kienu għadhom ħajjin fuq l-art, kif kienu ‘mietu għad-dnub’? Pawlu uża eżempju biex juri li l-mod taʼ ħajja tagħhom kien inbidel kompletament. Hu qal li wara li Ġesù miet, ġie rxoxtat bħala spirtu immortali. Huwa għalhekk li l-mewt “m’għadhiex tiddominah.” B’mod simili, kien bħallikieku l-Kristjani kienu mietu wkoll. Ħajjithom kienet inbidlet kompletament għax ma baqgħux iħallu x-xewqat midinba tagħhom jikkontrollawhom. Minn dakinhar ’il quddiem, għamlu kulma setgħu biex jgħixu b’mod li jogħġob lil Alla. Huma kienu “mejtin għad-dnub imma ħajjin għal Alla bi Kristu Ġesù.”—Rum. 6:9, 11. w16.12 1:9, 10
Il-Ħadd, 22 taʼ Lulju
“Li tkun moħħok fl-ispirtu jfisser ħajja u paċi.”—Rum. 8:6.
Dan ma jfissirx li xi ħadd jaħseb u jitkellem dwar Ġeħova jew il-Bibbja biss. Pereżempju, il-qaddejja t’Alla fl-ewwel seklu għexu ħajja normali. Huma gawdew ikel u xorb, iżżewġu, rabbew familji, u kellhom xogħlijiet. (Mk. 6:3; 1 Tess. 2:9) Imma Pawlu u Kristjani oħrajn tal-bidu ma ħallewx dawn l-attivitajiet normali jsiru l-iktar affarijiet importanti f’ħajjithom. Pereżempju, aħna nafu li Pawlu qalaʼ l-għajxien tiegħu billi jagħmel it-tined. Imma dan ix-xogħol ma kienx l-iktar ħaġa importanti f’ħajtu. L-iktar ħaġa importanti fil-ħajja taʼ Pawlu kienet li jaqdi lil Alla. Pawlu kien iffokat fuq ix-xogħol tal-ippritkar u t-tagħlim. (Atti 18:2-4; 20:20, 21, 34, 35) L-aħwa rġiel u nisa f’Ruma kellhom bżonn jimitaw lil Pawlu, u anke aħna.—Rum. 15:15, 16. w16.12 2:5, 15, 16
It-Tnejn, 23 taʼ Lulju
“Min iħenn għall-batut ikun qed jislef lil Ġeħova, u Hu se jħallsu lura għal kif ittrattah.”—Prov. 19:17.
Nistgħu naċċertaw ruħna li Ġeħova jqis taʼ valur dak kollu li nagħmlu biex naqduh. Hu jifhem meta ma nkunux ċerti minna nfusna jew meta niddubitaw mill-abbiltajiet tagħna stess. Hu jimpurtah profondament minna meta nkunu ansjużi dwar l-impjieg tagħna jew biex nipprovdu l-għajxien għall-familja. U jifhem meta ma nkunux nistgħu nagħmlu daqskemm stajna darba fis-servizz tiegħu minħabba li issa ma nifilħux jew dipressi. Aħna nistgħu nkunu fiduċjużi bis-sħiħ li Ġeħova jqis taʼ valur il-lealtà tagħna minkejja l-problemi li jkollna. (Ebr. 6:10, 11) Ftakar ukoll li Ġeħova hu “Semmiegħ it-talb.” Nistgħu nkunu ċerti li meta nitolbuh, hu jismagħna. (Salm 65:2) “Il-Missier taʼ kull ħniena tenera u l-Alla taʼ kull faraġ” se jagħtina kulma neħtieġu sabiex nibqgħu qribu. Kultant, għandu mnejn juża lil ħutna biex jagħmel dan. (2 Kor. 1:3) Ġeħova jieħu pjaċir meta nuru mogħdrija lejn oħrajn. (Mt. 6:3, 4) U hu jwiegħed li jippremja din il-qalb tajba. w16.12 4:13, 14
It-Tlieta, 24 taʼ Lulju
“Fejn hemm l-ispirtu taʼ Ġeħova, hemm il-libertà.”—2 Kor. 3:17.
Meta Ġesù ġie fuq l-art, hu għażel li jiċħad it-tentazzjonijiet taʼ Satana. (Mt. 4:10) Imbagħad, fil-lejl taʼ qabel ma miet, Ġesù aċċerta lil Missieru li ried jagħmel ir-rieda Tiegħu. Qal: “Missier, jekk trid, warrab minni dan il-kies. Madankollu, ħa sseħħ ir-rieda tiegħek u mhux tiegħi.” (Lq. 22:42) Huwa verament possibbli għalina li nimitaw lil Ġesù u nużaw il-libertà tal-għażla tagħna biex nonoraw lil Ġeħova u nagħmlu r-rieda tiegħu? Iva, nistgħu nimitaw lil Ġesù għaliex aħna wkoll ġejna magħmulin fuq ix-xbieha t’Alla. (Ġen. 1:26) Madankollu, m’għandniex il-libertà assoluta li għandu Ġeħova. Il-Kelma t’Alla tispjega li Ġeħova poġġa limiti għal-libertà tagħna u li hu jistenna li aħna naċċettaw dawn il-limiti. Pereżempju, fiċ-ċirku tal-familja, in-nisa miżżewġin għandhom ikunu sottomessi għal żwieġhom, u t-tfal għandhom jobdu lill-ġenituri tagħhom.—Efes. 5:22; 6:1. w17.01 2:4, 5
L-Erbgħa, 25 taʼ Lulju
“Ngħid lil kull wieħed minnkom biex ma jaħsibx li hu xi ħaġa iktar milli hu xieraq.”—Rum. 12:3.
Qed ngħixu fi żminijiet eċċitanti. L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova fuq l-art qed tikber b’ħafna modi. Dan ifisser li l-affarijiet se jibqgħu jinbidlu. Xi ftit minn dawn il-bidliet jeffettwawna personalment u mhux faċli nkampaw magħhom. Se jkun t’għajnuna għalina jekk inkunu umli u ffokati fuq dak li hu taʼ ġid għax-xogħol tas-Saltna minflok ma nkunu ffokati fuq dak li rridu personalment. Meta nagħmlu dan, se nibqgħu magħqudin. Lill-Kristjani f’Ruma, Pawlu kitbilhom: “Bħalma f’ġisem wieħed għandna ħafna membri, iżda mhux il-membri kollha għandhom l-istess xogħol, bl-istess mod, għalkemm ħafna, aħna ġisem wieħed f’unjoni maʼ Kristu.” (Rum. 12:4, 5) In-nies kollha taʼ Ġeħova jixtiequ jappoġġjaw is-Saltna u jagħmlu kulma hu mitlub minnhom. Aħwa rġiel ikbar jistgħu jħarrġu lil dawk iżgħar. Dawk iżgħar jistgħu jieħdu iktar responsabbiltà bil-modestja u r-rispett. U aħwa rġiel miżżewġin japprezzaw meta n-nisa tagħhom jappoġġjawhom anke meta ċ-ċirkustanzi jinbidlu. Dawn in-nisa jistgħu jimitaw lil Prixilla, li lealment ħadmet flimkien maʼ żewġha, Akwila.—Atti 18:2. w17.01 5:15, 16
Il-Ħamis, 26 taʼ Lulju
“Jien l-iżgħar wieħed f’dar missieri.”—Mħ. 6:15.
Gidegħon fada f’Ġeħova u aċċetta l-inkarigu. Imbagħad, Gidegħon għamel ċert li kien fehem għalkollox dak li Ġeħova ried minnu u talab għad-direzzjoni tiegħu. (Mħ. 6:36-40) Gidegħon kien raġel kuraġġuż u b’saħħtu, imma kien ukoll għaqli u attent. (Mħ. 6:11, 27) Iktar tard, meta n-nies riduh imexxi fuqhom, hu m’aċċettax. Wara li kien għamel dak li Ġeħova kien talbu, hu mar lura d-dar. (Mħ. 8:22, 23, 29) Jekk persuna taċċetta inkarigu ġdid jew tixtieq tagħmel iktar fil-kongregazzjoni, ma jfissirx li mhix modesta. Il-Bibbja tgħid li hi ħaġa tajba li qaddej taʼ Ġeħova jkun irid jaqdi lil ħutu iktar bis-sħiħ u javvanza, jew jagħmel progress. (1 Tim. 4:13-15) Imma hemm bżonn taʼ inkarigu ġdid biex nagħmlu progress? Le. Ilkoll kemm aħna nistgħu nkomplu ntejbu l-personalità Kristjana tagħna u l-abbiltajiet li tana Ġeħova biex inkunu nistgħu naqduh aħjar u ngħinu lil oħrajn. w17.01 3:15, 16
Il-Ġimgħa, 27 taʼ Lulju
“Alla bagħat lill-Iben uniġenitu tiegħu fid-dinja biex niksbu l-ħajja permezz tiegħu.”—1 Ġw. 4:9.
Ġeħova ħallas prezz kbir biex ipprovda l-fidwa. (1 Pt. 1:19) Tant iqisna taʼ valur li kien lest li jħalli lil Ibnu għażiż imut għalina. F’ċertu sens, Ġesù sar missierna minflok Adam. (1 Kor. 15:45) Ġesù mhux biss għamilhielna possibbli li ngħixu għal dejjem imma wkoll li xi darba nerġgħu lura fil-familja t’Alla. Permezz tal-fidwa, il-bnedmin se jsiru perfetti u Ġeħova jistaʼ jaċċettahom lura fil-familja tiegħu mingħajr ma jikser il-liġijiet tiegħu stess. Immaġina kemm se tkun ħaġa mill-isbaħ meta dawk kollha leali lejn Ġeħova jsiru perfetti! Fl-aħħar, dawk kollha fis-sema u fuq l-art se jkunu magħqudin bħala familja waħda. Ilkoll kemm aħna se nkunu wlied Alla. (Rum. 8:21) Il-gratitudni tagħna għall-fidwa għandha timmotivana ngħidu lil oħrajn dwar din l-għotja imprezzabbli. w17.02 1:17, 19
Is-Sibt, 28 taʼ Lulju
Min hu tassew l-ilsir leali u għaqli?—Mt. 24:45.
It-Torri tal-Għassa tal-15 ta’ Lulju 2013 spjega li “l-ilsir leali u għaqli” hu grupp żgħir t’aħwa midlukin li jifformaw il-Ġemgħa li Tiggverna. Il-Ġemgħa li Tiggverna tieħu deċiżjonijiet importanti bħala grupp meta l-membri jiltaqgħu flimkien kull ġimgħa. Li jiltaqgħu b’dal-mod jgħinhom ikollhom komunikazzjoni mill-qrib u jibqgħu magħqudin. (Prov. 20:18) L-ebda membru tal-Ġemgħa li Tiggverna mhu importanti iktar mill-membri l-oħra, allura kull sena ħu differenti jieħu t-tmexxija f’dawn il-laqgħat. (1 Pt. 5:1) Dan hu l-każ ukoll f’kull wieħed mis-sitt kumitati tal-Ġemgħa li Tiggverna. L-ebda membru tal-Ġemgħa li Tiggverna ma jħossu li hu l-mexxej taʼ ħutu. Kull wieħed minnhom hu wkoll wieħed mill-qaddejja tad-dar u jirċievi ikel spiritwali mill-ilsir leali u jsegwi d-direzzjoni tiegħu. Il-Ġemgħa li Tiggverna la hi ispirata u lanqas perfetta. Hi tistaʼ tieħu żbalji meta tispjega l-Bibbja jew tidderieġi l-organizzazzjoni. w17.02 4:10-12
Il-Ħadd, 29 taʼ Lulju
Alla lanqas lil Ibnu stess ma ħelisha imma tah għalina lkoll.—Rum. 8:32.
Mod importanti kif nuru li aħna grati għall-fidwa hu billi niddedikaw ħajjitna lil Ġeħova u nitgħammdu. B’hekk, nuru li għandna fidi fil-fidwa u li “aħna taʼ Ġeħova.” (Rum. 14:8) Kulma jagħmel Ġeħova hu mqanqal mill-imħabba. Ir-rieda tiegħu hi li l-aduraturi tiegħu jimitawh u jħobbu lil xulxin. (1 Ġw. 4:8-11) Meta nħobbu n-nies, nuru biċ-ċar li rridu nkunu ‘wlied Missierna li hu fis-smewwiet.’ (Mt. 5:43-48) L-ikbar żewġ kmandi huma l-ewwel li nħobbu lil Ġeħova, u t-tieni li nħobbu lil oħrajn. (Mt. 22:37-40) Aħna nistgħu nuru mħabba għan-nies billi ngħallmuhom l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Jekk nobdu l-kmand taʼ Ġeħova biex inħobbu lil oħrajn, speċjalment lil ħutna, l-imħabba tagħna għalih se “tintgħamel perfetta.”—1 Ġw. 4:12, 20. w17.02 2:13, 14
It-Tnejn, 30 taʼ Lulju
“Jekk Ġeħova hu l-Alla l-veru, morru warajh; imma jekk hu Bagħal il-wieħed veru, morru warajh.”—1 Slat. 18:21.
Din setgħet dehret li kienet għażla faċli x’tagħmel, għax li taqdi lil Ġeħova hu dejjem l-aħjar. Persuna għaqlija mhux se tkun trid taqdi alla bla ħajja. Imma l-poplu ma setax jieħu deċiżjoni. Il-Bibbja tgħid li l-Iżraelin kienu qed ‘izappu fuq żewġ opinjonijiet differenti.’ B’għaqal, Elija inkuraġġixxa l-poplu biex jagħżel li jqim lill-Alla l-veru, Ġeħova. Għala kien diffiċli għal dawn l-Iżraelin biex jieħdu deċiżjoni għaqlija? L-ewwel, huma ma kellhomx fidi f’Ġeħova, u rrifjutaw li jisimgħu minnu. Huma ma fdawx f’Ġeħova, u ma qattgħux ħin jitgħallmu dwaru jew dwar l-għerf tiegħu. Kieku għamlu dan, dak li tgħallmu kien se jgħinhom jieħdu deċiżjonijiet għaqlin. (Salm 25:12) It-tieni, nies taʼ nazzjonijiet oħra influwenzaw il-mod taʼ kif jaħsbu l-Iżraelin. Minħabba f’hekk, l-Iżraelin bdew jimxu wara dawn il-barranin u jqimu l-allat foloz tagħhom. Din kienet xi ħaġa li Ġeħova kien wissa lill-Iżraelin dwarha ħafna snin qabel.—Eżo. 23:2. w17.03 2:6, 7
It-Tlieta, 31 taʼ Lulju
Ħeżekija farrak is-serp tar-ram aħmar li kien għamel Mosè.—2 Slat. 18:4.
Kif nistgħu nimitaw lil Ħeżekija? Forsi hemm xi ħaġa li qed tfixkel ir-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova jew tiħodilna l-ħin milli naqduh. Pereżempju, ħafna llum jittrattaw lill-bnedmin bħallikieku kienu idoli. Huma jammiraw lil ċelebritajiet u nies oħrajn li ma jafuhomx. Ħafna jqattgħu ħin bl-addoċċ jaqraw dwar nies bħal dawn u jaraw ir-ritratti tagħhom. Inkella, huma spiss jużaw il-midja soċjali jew għodod oħra biex jikkomunikaw maʼ nies fuq l-Internet. M’għandniex xi ngħidu, forsi nieħdu gost nikkomunikaw mal-familja jew ħbieb tal-qalb permezz tat-teknoloġija. Iżda nistgħu naħlu ħafna ħin fuq il-midja soċjali. Saħansitra għandu mnejn insiru kburin jekk ħafna nies jagħtuna x’nifhmu li jogħġbuhom ir-ritratti jew il-kummenti li nitfgħu fuq l-Internet. Jew, jekk nindunaw li xi wħud ma baqgħux jarawhom, forsi nieħdu għalina. Aħna nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Noqgħod attent biex ma nittrattax lill-bnedmin bħala idoli? Nevita jien li nqattaʼ ħafna ħin nagħmel affarijiet li mhumiex veru importanti?’—Efes. 5:15, 16. w17.03 3:14, 17