LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • es19 pp. 118-128
  • Diċembru

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Diċembru
  • Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2019
  • Sottitli
  • Il-​Ħadd, 1 taʼ Diċembru
  • It-​Tnejn, 2 taʼ Diċembru
  • It-​Tlieta, 3 taʼ Diċembru
  • L-​Erbgħa, 4 taʼ Diċembru
  • Il-​Ħamis, 5 taʼ Diċembru
  • Il-​Ġimgħa, 6 taʼ Diċembru
  • Is-​Sibt, 7 taʼ Diċembru
  • Il-​Ħadd, 8 taʼ Diċembru
  • It-​Tnejn, 9 taʼ Diċembru
  • It-​Tlieta, 10 taʼ Diċembru
  • L-​Erbgħa, 11 taʼ Diċembru
  • Il-​Ħamis, 12 taʼ Diċembru
  • Il-​Ġimgħa, 13 taʼ Diċembru
  • Is-​Sibt, 14 taʼ Diċembru
  • Il-​Ħadd, 15 taʼ Diċembru
  • It-​Tnejn, 16 taʼ Diċembru
  • It-​Tlieta, 17 taʼ Diċembru
  • L-​Erbgħa, 18 taʼ Diċembru
  • Il-​Ħamis, 19 taʼ Diċembru
  • Il-​Ġimgħa, 20 taʼ Diċembru
  • Is-​Sibt, 21 taʼ Diċembru
  • Il-​Ħadd, 22 taʼ Diċembru
  • It-​Tnejn, 23 taʼ Diċembru
  • It-​Tlieta, 24 taʼ Diċembru
  • L-​Erbgħa, 25 taʼ Diċembru
  • Il-​Ħamis, 26 taʼ Diċembru
  • Il-​Ġimgħa, 27 taʼ Diċembru
  • Is-​Sibt, 28 taʼ Diċembru
  • Il-​Ħadd, 29 taʼ Diċembru
  • It-​Tnejn, 30 taʼ Diċembru
  • It-​Tlieta, 31 taʼ Diċembru
Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2019
es19 pp. 118-128

Diċembru

Il-​Ħadd, 1 taʼ Diċembru

“Uru l-​ospitalità maʼ xulxin mingħajr tgergir.”—1 Pt. 4:9.

In-​nies fi żminijiet Bibliċi spiss kienu juru l-​ospitalità billi jistiednu lil oħrajn fi djarhom għal ikla, u b’hekk juru li riedu jkunu ħbieb u jkollhom il-​paċi bejniethom. (Ġen. 18:1-​8; Mħ. 13:15; Lq. 24:28-30) Ma’ min għandna nkunu l-​iktar ospitabbli? Dan għandu jkun maʼ ħutna fil-​kongregazzjoni tagħna. Hekk kif din is-​sistema tiggrava, se jkollna bżonn niddependu minn xulxin u nkunu ħbieb leali. Indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet, studenti taʼ skejjel teokratiċi u volontieri tal-​kostruzzjoni jistaʼ jkollhom bżonn post fejn joqogħdu. U xi ngħidu dwar dawk li spiċċaw mingħajr dar wara diżastru naturali? Forsi għandhom bżonn xi mkien fejn joqogħdu sakemm darhom terġaʼ tinbena. M’għandniex nassumu li dawk li għandhom djar kbar biss jistgħu jgħinu. Jistaʼ jkun li huma diġà għamlu dan ħafna drabi. Tistaʼ int toffri lil xi ħadd post fejn joqgħod, anki jekk id-​dar tiegħek hija żgħira? w18.03 16 ¶6; 17 ¶9

It-​Tnejn, 2 taʼ Diċembru

Il-​ġust jistaʼ saħansitra jaqaʼ sebaʼ darbiet, u żgur jerġaʼ jqum.—Prov. 24:16.

X’se jgħinna nerġgħu nqumu jekk niżbaljaw? Mhux saħħitna stess, iżda l-​ispirtu t’Alla. (Flp. 4:13) Il-​frott taʼ dan l-​ispirtu jinkludi r-​rażan, li hu simili ħafna għad-​dixxiplina fuqna nfusna. It-​talb, l-​istudju tal-​Bibbja, u l-​meditazzjoni wkoll se jgħinuna. Imma xi ngħidu jekk hu diffiċli għalik li tistudja l-​Bibbja jew ma tħobbx tagħmel dan? Tiskuraġġix ruħek. Jekk tħallih, Ġeħova se jgħinek ‘tifforma xenqa’ għal Kelmtu. (1 Pt. 2:2) Itlob lil Ġeħova biex jgħinek tiddixxiplina lilek innifsek ħalli tkun tistaʼ ssib il-​ħin biex tistudja l-​Bibbja. Forsi tistaʼ tibda billi tistudja għal ftit minuti kull darba. Bil-​mod il-​mod, li tistudja se jsir iktar faċli u pjaċevoli. Int tibda tgħożż il-​ħin għall-​kwiet li tqattaʼ timmedita fuq il-​ħsibijiet prezzjużi taʼ Ġeħova.—1 Tim. 4:15. w18.03 28 ¶5-6

It-​Tlieta, 3 taʼ Diċembru

Il-​magħmudija issa qed issalva lilkom ukoll.—1 Pt. 3:21.

Qabel ma l-​istudenti tal-​Bibbja jkunu jistgħu jitgħammdu, huma għandhom jitgħallmu l-​verità dwar Alla, l-​iskop tiegħu għall-​bnedmin u għall-​art, u x’għamel biex isalva lill-​umanità. (1 Tim. 2:3-6) Imbagħad ikollhom bżonn jiżviluppaw il-​fidi, li se tgħinhom jobdu l-​liġijiet t’Alla u jieqfu jagħmlu dak li jobgħod. (Atti 3:19) Dan hu importanti, għaliex Ġeħova mhux se jaċċetta d-​dedikazzjoni taʼ xi ħadd li jibqaʼ jagħmel dak li Hu jobgħod. (1 Kor. 6:9, 10) Imma jinvolvi iktar minn hekk. Dawk li jridu jiddedikaw ħajjithom lil Ġeħova jeħtieġ li jattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni u jippritkaw regolarment l-​aħbar tajba u jgħallmu lil oħrajn. (Atti 1:8) Student għandu l-​ewwel jagħmel dawn l-​affarijiet kollha. Imbagħad ikun jistaʼ jiddedika ħajtu lil Ġeħova permezz taʼ talba privata u jitgħammed. w18.03 6 ¶12

L-​Erbgħa, 4 taʼ Diċembru

Marija baqgħet iżżomm dan il-​kliem kollu f’qalbha.—Lq. 2:51.

Ġeħova għażel lil Marija biex tkun omm Ġesù għax kienet moħħha ffokat fuq affarijiet spiritwali. Aqra dak li qalet Marija meta żaret lill-​qraba tagħha Żakkarija u Eliżabetta. (Lq. 1:46-55) Nistgħu naraw li Marija kienet tħobbha l-​Kelma t’Alla u kienet tafha sew l-​Iskrittura Ebrajka. (Ġen. 30:13; 1 Sam. 2:1-10; Mal. 3:12) U anke wara li Marija u Ġużeppi żżewġu, huma stennew sakemm twieled Ġesù biex ikollhom relazzjonijiet sesswali. Għalihom, l-​inkarigu li tahom Alla kien iktar importanti mix-​xewqat tagħhom. (Mt. 1:25) Ukoll, Marija nnotat b’attenzjoni dak kollu li ġara hekk kif Ġesù kien qed jikber u tat widen għat-​tagħlim tiegħu. Jidher ċar li kienet interessata ħafna fil-​wegħdi t’Alla dwar il-​Messija. Nistgħu aħna nimitaw lil Marija billi dejjem nipprovaw nagħmlu dak li Alla jrid minna? w18.02 19 ¶11

Il-​Ħamis, 5 taʼ Diċembru

Ġob hu raġel bla ħtija u rett.—Ġob 1:8.

Kif nistgħu nimitaw il-​fidi u l-​ubbidjenza taʼ Ġob? Huma x’inhuma ċ-​ċirkustanzi tagħna, irridu nkunu żguri li Ġeħova dejjem ikun l-​iktar Persuna importanti f’ħajjitna. Aħna rridu nafdaw fih kompletament u nobduh b’qalbna kollha. Fil-​fatt, għandna saħansitra iżjed raġunijiet minn Ġob biex nagħmlu dan. Aħseb dwar x’nafu llum. Aħna nafu ħafna dwar Satana u l-​metodi tiegħu. (2 Kor. 2:11) Permezz tal-​Bibbja, speċjalment il-​ktieb taʼ Ġob, aħna nafu għala Alla jippermetti s-​sofferenza. Mill-​profezija taʼ Danjel nafu li s-​Saltna t’Alla hija gvern veru mmexxi minn Ġesù Kristu. (Dan. 7:13, 14) U nafu li din is-​Saltna dalwaqt tmexxi għal fuq l-​art kollha u ttemm kull sofferenza. L-​esperjenza taʼ Ġob tgħallimna wkoll biex nagħdru lil ħutna jew inħossu għalihom meta jkunu qed isofru. L-​istess bħal Ġob, għandhom mnejn jgħidu affarijiet bla ħsieb. (Ekk. 7:7) Imma m’għandniex naħsbu ħażin fihom jew nakkużawhom li għamlu xi ħaġa ħażina. Minflok, għandna nipprovaw nifhmuhom. Jekk nagħmlu dan, imbagħad se nkunu bħal Missierna, Ġeħova, li hu kollu mħabba u ħniena.—Salm 103:8. w18.02 7 ¶16; 8 ¶19-20

Il-​Ġimgħa, 6 taʼ Diċembru

“L-​umiltà tiegħek se tagħmilni kbir.”—Salm 18:35.

Xi nies saru kburin minħabba li huma ħelwin, popolari, b’saħħithom, ammirati minn oħrajn, jew għandhom talent mużikali. David kellu dawn l-​affarijiet kollha, imma hu baqaʼ umli tul ħajtu kollha. Pereżempju, wara li David qatel lil Gulija, is-​Sultan Sawl qal li David setaʼ jiżżewweġ lil bintu. Imma David qal: “Jien min jien . . . , sabiex insir ħaten is-​sultan?” (1 Sam. 18:18) Bħal David, in-​nies taʼ Ġeħova llum jipprovaw ikunu umli. Il-​fatt li nafu li Ġeħova stess hu umli, għalkemm hu l-​Iktar Għoli, imissilna qalbna. Aħna rridu napplikaw dan il-​kliem: “Ilbsu sentimenti profondi taʼ mogħdrija, u qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u sabar fit-​tul.” (Kol. 3:12) Aħna nafu wkoll li l-​imħabba “ma tiftaħarx” u “ma tintefaħx.” (1 Kor. 13:4) Meta oħrajn jaraw li aħna umli, huma wkoll ikunu jridu jsiru jafu lil Ġeħova. w18.01 28-29 ¶6-7

Is-​Sibt, 7 taʼ Diċembru

“Baqgħu jitolbuna bi ħrara kbira biex ikollhom il-​privileġġ li jagħtu b’qalb tajba.”—2 Kor. 8:4.

Aħna nistgħu niġu mitlubin biex nagħtu donazzjoni għal xi ħaġa speċifika. (Atti 4:34, 35; 1 Kor. 16:2) Forsi l-​kongregazzjoni tiegħek qed tippjana biex tibni Sala tas-​Saltna ġdida. Aħna forsi nistgħu ngħinu fl-​ispejjeż tal-​konvenzjoni. Jew forsi ħutna f’pajjiż ieħor sofrew diżastru naturali u għandhom bżonn l-​għajnuna tagħna. Il-​kontribuzzjonijiet tagħna jappoġġjaw ukoll lill-​missjunarji, il-​pijunieri speċjali, l-​indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet, u lil dawk li jaħdmu fil-​kwartieri ġenerali u f’uffiċċji tal-​fergħa madwar id-​dinja. Kollha kemm aħna nistgħu nagħtu xi ħaġa biex nappoġġjaw ix-​xogħol li qed tagħmel l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova f’dawn l-​aħħar jiem. Il-​biċċa l-​kbira mid-​donazzjonijiet ma nkunux nafu min tahom. Meta npoġġu l-​flus fil-​kaxxi tal-​kontribuzzjonijiet fis-​Sala tas-​Saltna jew nagħtu donazzjonijiet onlajn permezz taʼ jw.org/mt, aħna ma noqogħdux ngħidu lil oħrajn kemm tajna. Imma xi ngħidu jekk tħoss li l-​kontribuzzjonijiet tiegħek huma żgħar wisq biex jagħmlu differenza? Ir-​realtà hi li l-​biċċa l-​kbira mid-​donazzjonijiet li tirċievi l-​organizzazzjoni jiġu minn ħafna donazzjonijiet żgħar u mhux minn ftit kbar. w18.01 17-18 ¶10-11

Il-​Ħadd, 8 taʼ Diċembru

Il-​magħmudija issa qed issalva lilkom.—1 Pt. 3:21.

Kull Kristjan għandu jitgħammed. U l-​magħmudija hi meħtieġa biex wieħed jikseb is-​salvazzjoni u jgħix għal dejjem. (Mt. 28:19, 20) Int wegħedt li tħobb lil Ġeħova u li tpoġġi r-​rieda tiegħu qabel kull ħaġa oħra. Int qatt mhu se jiddispjaċik li ħallejt lil Ġeħova jiggwidalek ħajtek. Dawk li ma jafux lil Ġeħova huma parti mid-​dinja taʼ Satana. Ix-​Xitan ma jimpurtah assolutament xejn minnhom jew minnek. Fil-​fatt, hu jkun ferħan li kieku titlef it-​tama tiegħek li tgħix għal dejjem għax tkun mort fuq in-​naħa tiegħu u ċħadt lil Ġeħova. Aħseb dwar kif Ġeħova bierkek għax iddedikajt lilek innifsek lilu u tgħammidt. Int tajt ħajtek lil Ġeħova, allura b’fiduċja tistaʼ tgħid: “Ġeħova qiegħed fuq in-​naħa tiegħi; m’iniex se nibżaʼ. X’jistaʼ jagħmilli l-​bniedem?” (Salm 118:6) M’hemmx unur ikbar milli tkun fuq in-​naħa t’Alla u tkun taf li hu kburi bik. w17.12 21-22 ¶1-3

It-​Tnejn, 9 taʼ Diċembru

“Titbaqbaqx, u b’hekk tagħmel il-​ħażen.”—Salm 37:8.

Kultant, nistgħu nirritaw ruħna b’dak li oħrajn jgħidu jew jagħmlu, jew oħrajn jistgħu jirritaw ruħhom minħabba fina. Din tistaʼ tkun prova diffiċli. Imma tagħtina opportunità biex inkunu leali lejn Ġeħova. Kif? Billi nitgħallmu naħdmu f’unjoni flimkien maʼ ħutna. Minkejja l-​imperfezzjonijiet tagħhom Ġeħova jħobbhom, u hekk għandna nagħmlu aħna. Ġeħova ma jwaqqafx lill-​qaddejja tiegħu milli jgħaddu mill-​provi. Aħna naraw dan mill-​ħajja taʼ Ġużeppi. Meta kien żagħżugħ, ħut Ġużeppi mill-​missier bdew jgħiru għalih. Huma bigħuh bħala lsir, u ttieħed l-​Eġittu. (Ġen. 37:28) Ġeħova ra x’kien qed jiġri u bla dubju weġġaʼ meta ra kif il-​ħabib, il-​qaddej leali tiegħu Ġużeppi, kien qed jiġi trattat. Madankollu, Ġeħova ma waqqafx dak li kien qed jiġri. Iktar tard, meta Ġużeppi ġie akkużat li pprova jistupra lill-​mara taʼ Potifar u ġie mitfugħ il-​ħabs, Ġeħova xorta ma salvahx. Imma Alla qatt abbandunah lil Ġużeppi? Le. Il-​Bibbja tgħid li “Ġeħova kien maʼ Ġużeppi, u f’dak li kien jagħmel, Ġeħova kien qed jgħinu jirnexxi.”—Ġen. 39:21-23. w18.01 6 ¶12-14

It-​Tlieta, 10 taʼ Diċembru

“Tabilħaqq, jekk m’hemmx irxoxt tal-​mejtin, lanqas Kristu ma ġie mqajjem.”—1 Kor. 15:13.

X’inhu t-​tagħlim prinċipali tat-​twemmin tiegħek? Bla dubju tgħid li temmen li Ġeħova hu l-​Ħallieq u l-​wieħed li tana l-​ħajja. Probabbilment issemmi wkoll li temmen f’Ġesù Kristu, li miet bħala fidwa. U żgur titkellem dwar il-​Ġenna fuq l-​art li se jkun hawn fil-​futur, fejn in-​nies t’Alla se jgħixu għal dejjem. Imma kieku ssemmi int l-​irxoxt bħala wieħed mill-​iktar twemmin li tgħożż? Għandna raġunijiet tajbin għaliex ninkludu l-​irxoxt bħala parti mit-​twemmin prinċipali tagħna, anki jekk nittamaw li nibqgħu ħajjin wara t-​tribulazzjoni l-​kbira u ngħixu fuq l-​art għal dejjem. L-​irxoxt hu importanti ħafna. Li kieku Ġesù ma kienx ġie rxoxtat, ma setax ikun qed imexxi bħala Sultan fis-​sema, u l-​ippritkar tagħna kien ikun għalxejn. (1 Kor. 15:12-19) Madankollu, aħna nafu li Ġesù ġie rxoxtat, u l-​fidi tagħna li Alla jistaʼ jirxoxta l-​mejtin tibqaʼ b’saħħitha.—Mk. 12:18; Atti 4:2, 3; 17:32; 23:6-8. w17.12 9 ¶1-2

L-​Erbgħa, 11 taʼ Diċembru

“Injorajtu l-​affarijiet li huma iktar importanti fil-​Liġi, jiġifieri, il-​ġustizzja u l-​ħniena.”—Mt. 23:23.

Il-​Fariżej ma kinux jiġġudikaw bil-​ħniena. Huma kienu jiffokaw fuq dak li jkun għamel il-​midneb iktar milli fuq x’tip taʼ persuna kien. Meta xi Fariżej raw lil Ġesù jiekol fid-​dar taʼ Mattew, huma staqsew lid-​dixxipli: “L-​għalliem tagħkom għala jiekol mal-​kolletturi tat-​taxxi u l-​midinbin?” Ġesù wieġeb: “Nies f’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib, imma l-​morda iva. Morru, mela, u tgħallmu xi jfisser dan, ‘Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju.’ Għax jien ma ġejtx insejjaħ lin-​nies sewwa imma lill-​midinbin.” (Mt. 9:9-13) Kien Ġesù qed jiskuża lill-​midinbin? Lanqas xejn. Hu riedhom jindmu. Dan kien parti importanti mill-​messaġġ li pprietka. (Mt. 4:17) Ġesù rrealizza li minn tal-​inqas ftit mill-​“kolletturi tat-​taxxi u l-​midinbin” riedu jinbidlu. Huma ma kinux id-​dar taʼ Mattew sempliċement biex jieklu. Kienu hemm għax bdew imorru wara Ġesù. (Mk. 2:15) Sfortunatament, il-​biċċa l-​kbira mill-​Fariżej ma qisux in-​nies kif qieshom Ġesù. w17.11 15 ¶2; 19 ¶15

Il-​Ħamis, 12 taʼ Diċembru

“Ilbsu l-​imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.”—Kol. 3:14.

Aħna ferħanin li nagħmlu parti mill-​kongregazzjoni Kristjana. Fil-​laqgħat, aħna nistudjaw il-​Kelma t’Alla u nappoġġjaw lil xulxin bi mħabba. Dan jgħinna nżommu għajnejna ffokati fuq il-​premju. Imma kultant ikun hemm nuqqas taʼ qbil li jistaʼ joħloq il-​problemi maʼ ħutna. Jekk ma nsolvux dawn il-​problemi, jistgħu faċilment iwasslu għal sentimenti taʼ rabja. (1 Pt. 3:8, 9) Ma nistgħux inħallu sentimenti taʼ rabja jwaqqfuna milli nirbħu l-​premju. Pawlu spjega x’għandhom bżonn jagħmlu l-​Kristjani: “Bħala l-​magħżulin t’Alla, imqaddsin u maħbubin, ilbsu sentimenti profondi taʼ mogħdrija, u qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u sabar fit-​tul. Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-​qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor. Bħalma Ġeħova ħafrilkom mill-​qalb, agħmlu hekk intom ukoll. Imma, minbarra dawn l-​affarijiet kollha, ilbsu l-​imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.”—Kol. 3:12, 13. w17.11 29 ¶7-8

Il-​Ġimgħa, 13 taʼ Diċembru

“Hu jrid jaħrab lejn waħda minn dawn il-​bliet.”—Ġoż. 20:4.

Jekk Iżraeli jkun qatel lil xi ħadd b’mod aċċidentali, hu kellu jaħrab lejn il-​belt tar-​refuġju u “jitkellem” max-​xjuħ f’bieb il-​belt. Ix-​xjuħ kellhom jilqgħuh. Xi żmien wara, huma kienu jibagħtuh lura fejn ikun sar il-​qtil biex jiġi ġġudikat mix-​xjuħ tal-​belt t’hemm. (Num. 35:24, 25) Jekk dawn ix-​xjuħ kienu jiddeċiedu li l-​mewt kienet aċċident, allura huma kienu jibagħtu l-​maħrub lura lejn il-​belt tar-​refuġju. Il-​maħrub għala kellu bżonn jitkellem max-​xjuħ? Ix-​xjuħ kienu se jagħmlu ċert li l-​kongregazzjoni t’Iżrael tibqaʼ nadifa u jgħinu lil dak li qatel lil xi ħadd mhux apposta biex jibbenefika mill-​ħniena taʼ Ġeħova. Studjuż tal-​Bibbja kiteb li jekk maħrub ma kienx imur għand ix-​xjuħ, hu setaʼ jinqatel, għax ma jkunx għamel dak li kkmanda Alla. Jekk hu ma kienx imur lejn waħda mill-​bliet tar-​refuġju, ir-​raġel li kien jiġi l-​iktar mill-​qrib tal-​vittma kien ħieles li joqtlu. w17.11 11 ¶6-7

Is-​Sibt, 14 taʼ Diċembru

“M’humiex ilkoll spirti għal servizz pubbliku, mibgħutin biex jaqdu lil dawk li se jirtu s-​salvazzjoni?”—Ebr. 1:14.

Ġeħova għadu qed juża l-​anġli tiegħu biex jipproteġi u jsaħħaħ lill-​poplu tiegħu. (Mal. 3:6; Ebr. 1:7) Sa mill-​1919, meta l-​poplu taʼ Ġeħova nħeles mill-​jasar simboliku taʼ Babilonja l-​Kbira, l-​għedewwa tiegħu għamlu kulma setgħu biex iwaqqfu l-​qima vera milli tikber u tinfirex. (Riv. 18:4) Imma ma rnexxilhomx. Peress li l-​anġli qed jipproteġu l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, aħna m’għandniex għalfejn nibżgħu li l-​poplu taʼ Ġeħova xi darba jerġaʼ jkun ilsir tar-​reliġjon falza. (Salm 34:7) Minflok, aħna nistgħu nkunu ċerti li l-​qaddejja taʼ Ġeħova madwar id-​dinja se jkomplu jikbru spiritwalment. Man-​naħa tagħna għandna l-​armata taʼ Ġeħova. Matul it-​tribulazzjoni l-​kbira, l-​anġli taʼ Ġeħova se jipproteġu l-​poplu tiegħu u jeqirdu lil kull min jopponi t-​tmexxija taʼ Ġeħova. (2 Tess. 1:7, 8) X’ġurnata tal-​għaġeb se tkun din! w17.10 23 ¶10-11

Il-​Ħadd, 15 taʼ Diċembru

Inbnew fuq il-​fidi l-​iktar qaddisa tagħkom u itolbu bl-​ispirtu qaddis.—Ġuda 20.

Meta membru tal-​familja jiġi maqtugħ mis-​sħubija jew jaqtaʼ lilu nnifsu mis-​sħubija tal-​kongregazzjoni, dan jistaʼ jkun estremament diffiċli. Tant jistaʼ jkun taʼ wġigħ li qisu xi ħadd qed jagħtik daqqa taʼ sikkina. Kif tistaʼ tissaporti dan l-​uġigħ? Hu importanti li tibqaʼ ffokat fuq is-​servizz tiegħek lil Ġeħova. Meta jkollok uġigħ bħal dan, ikollok bżonn issaħħaħ il-​fidi tiegħek stess. Aqra l-​Bibbja regolarment, ipprepara għal-​laqgħat u attendihom, kompli pprietka, u itlob lil Ġeħova jagħtik is-​saħħa biex tissaporti. (Ġuda 21) Xi ngħidu jekk qed tagħmel dan kollu u l-​uġigħ ma jmurx? Taqtax qalbek! Ibqaʼ ffokat fuq is-​servizz tiegħek lil Ġeħova. Maż-​żmien, dan se jgħinek tikkontrolla l-​ħsibijiet u l-​emozzjonijiet tiegħek. Hekk ġralu l-​kittieb taʼ Salm 73. Fil-​ħajja tiegħu, hu għadda minn żmien meta kien diffiċli għalih li jikkontrolla l-​ħsibijiet u l-​emozzjonijiet tiegħu. Iżda l-​qima tiegħu lil Ġeħova għenitu jerġaʼ jara l-​affarijiet bil-​mod it-​tajjeb. (Salm 73:16, 17) Int jistaʼ jiġrilek bħalu! w17.10 13-14 ¶17-18

It-​Tnejn, 16 taʼ Diċembru

“Ħa tkun imħabbitkom mingħajr ipokrisija.”—Rum. 12:9.

Meta Satana kellem lil Eva fil-​ġnien tal-​Għeden, dak li qal instemaʼ bħallikieku hu xtaqilha l-​ġid. Iżda l-​azzjonijiet tiegħu wrew li dan ma kienx minnu. (Ġen. 3:4, 5) Meta David kien sultan, kellu ħabib jismu Aħitofel. Imma Aħitofel ittradixxa lil David biex jibbenefika hu stess. L-​azzjonijiet tiegħu wrew li ma kienx ħabib veru. (2 Sam. 15:31) Illum, apostati u oħrajn li joħolqu firdiet fil-​kongregazzjoni jużaw “kliem melliesi u diskors kumplimentuż.” (Rum. 16:17, 18) Huma jistgħu jagħmlu tabirruħhom li jimpurtahom minn oħrajn, imma fir-​realtà jkunu egoisti. Imħabba mhix ġenwina hi speċjalment taʼ mistħija għax tintuża biex tqarraq bin-​nies. Aħna forsi jirnexxilna nidħqu bin-​nies, imma ma nistgħux nidħqu b’Ġeħova. Ġesù qal li dawk li jaġixxu bħall-​ipokriti se jiġu kkastigati “bl-​akbar ħruxija.” (Mt. 24:51) Allura għandna nistaqsu lilna nfusna, ‘Hi l-​imħabba tiegħi ġenwina jew jien egoist u diżonest?’ w17.10 4-5 ¶6-8

It-​Tlieta, 17 taʼ Diċembru

“Għandhom żelu għal Alla, imma mhux skond l-​għarfien eżatt.”—Rum. 10:2.

Meta naqraw mill-​Bibbja lil xi ħadd, inkunu qed inħallu lil Ġeħova jkellmu. Skrittura magħżula bis-​sens hi qawwija iktar minn kwalunkwe ħaġa li nistgħu ngħidu. (1 Tess. 2:13) Meta tkun fil-​ministeru, tipprova taqra mill-​Bibbja spiss kemm jistaʼ jkun? Madankollu, li naqraw vers mill-​Bibbja lil dawk li nkunu qed inkellmu mhuwiex biżżejjed. Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies ma jifhmuhiex il-​Bibbja. Dan kien minnu fl-​ewwel seklu, u hu minnu llum ukoll. M’għandniex nassumu li l-​inkwilin jifhem l-​iskrittura li naqrawlu. Aħna nistgħu ngħinuh billi nirripetu l-​kliem jew l-​ideat prinċipali tal-​vers u mbagħad nispjegaw xi jfissru. B’dal-​mod, il-​Kelma t’Alla tkun tistaʼ tilħaq qalb u moħħ in-​nies.—Lq. 24:32. w17.09 23 ¶7-8

L-​Erbgħa, 18 taʼ Diċembru

Agħdru b’tenerezza.—1 Pt. 3:8.

Ġeħova jrid li l-​Kristjani juru mogħdrija mal-​ġirien tagħhom u maʼ ħuthom. (Ġw. 13:34, 35) Tifsira waħda tal-​mogħdrija hi “li nsofru flimkien.” Persuna li turi mogħdrija tipprova tgħin lil dawk li jkunu qed ibatu. Allura għandna nfittxu għal opportunitajiet biex ngħinu lil oħrajn.Meta naraw in-​nies ibatu minħabba xi diżastru, inkunu rridu nuruhom mogħdrija. In-​nies taʼ Ġeħova huma magħrufin sew għall-​għajnuna li jagħtu f’mumenti bħal dawn. (1 Pt. 2:17) Pereżempju, oħt Ġappuniża kienet tgħix f’post milqut mit-​terremot u t-​tsunami tal-​2011. Hi qalet li ġiet “inkuraġġita u mfarrġa ħafna” meta rat volontieri ġejjin minn partijiet differenti tal-​Ġappun u minn pajjiżi oħra biex isewwu djar u Swali tas-​Saltna. Żiedet tgħid: “Din l-​esperjenza għenitni nirrealizza li Ġeħova u x-​Xhieda sħabna jimpurtahom minn oħrajn u li ħafna aħwa rġiel u nisa madwar id-​dinja kollha qed jitolbu għalina.” w17.09 12-13 ¶12-13

Il-​Ħamis, 19 taʼ Diċembru

Il-​frott taʼ l-​ispirtu hu r-​rażan.—Gal. 5:22, 23.

Għala neħtieġu r-​rażan? Hemm żewġ raġunijiet importanti. L-​ewwel, nies li kapaċi jikkontrollaw is-​sentimenti u l-​emozzjonijiet tagħhom ġeneralment ikollhom inqas problemi. Huwa wkoll iktar faċli għalihom li jkollhom relazzjonijiet b’saħħithom u li jevitaw li jħossuhom irrabjati, ansjużi, jew dipressi. It-​tieni, sabiex nibqgħu ħbieb m’Alla, għandna bżonn nirreżistu t-​tentazzjoni u nikkontrollaw xewqat ħżiena. Adam u Eva ma rnexxilhomx jagħmluh dan. (Ġen. 3:6) Bħalhom, illum ħafna nies għandhom problemi kbar għax ma jikkontrollawx lilhom infushom. Ġeħova jifhem li aħna imperfetti u li hu diffiċli għalina li jkollna r-​rażan. Imma hu jrid jgħinna nikkontrollaw ix-​xewqat ħżiena tagħna.—1 Slat. 8:46-50. w17.09 4 ¶3-4

Il-​Ġimgħa, 20 taʼ Diċembru

“Ilbsu l-​personalità l-​ġdida.”—Kol. 3:10.

Kien hemm żmien meta Xhieda b’kulur taʼ ġilda differenti ma setgħux jiltaqgħu flimkien bil-​libertà fl-​Afrika t’Isfel. Madankollu, il-​Ħadd, 18 taʼ Diċembru 2011, iktar minn 78,000 Xhud taʼ razez differenti mill-​Afrika t’Isfel u pajjiżi oħra viċin iltaqgħu għal programm speċjali fl-​akbar stejdjum f’Johannesburg. Wieħed mill-​maniġers tal-​istejdjum qal: “Qatt ma rajt folla li ġabet ruħha daqshekk tajjeb fl-​istejdjum. Kollha lebsin pulit. U dawn in-​nies vera naddfu l-​istejdjum sew.” Hu kompla jispjega li kien impressjonat kemm dawn kienu jingwalawha minkejja li ġew minn razez u kulturi differenti. Allura anki nies li mhumiex Xhieda jistgħu jaraw ċar li l-​fratellanza kollha tagħna madwar id-​dinja hi unika. (1 Pt. 5:9) Għaliex aħna daqshekk differenti minn organizzazzjonijiet oħra? Għax bl-​għajnuna tal-​Bibbja u tal-​ispirtu qaddis t’Alla, aħna naħdmu iebes biex nibdlu fina kull ħaġa li ma togħġobx lil Ġeħova. Aħna ‘ninżgħu l-​personalità l-​qadima,’ u nilbsu “l-​personalità l-​ġdida.”—Kol. 3:9. w17.08 15-16 ¶2-3

Is-​Sibt, 21 taʼ Diċembru

“Intom ukoll kunu paċenzjużi.”—Ġak. 5:8.

Il-​Bibbja tgħid li l-​paċenzja tiġi mill-​ispirtu qaddis t’Alla. Mingħajr l-​għajnuna t’Alla, jistaʼ jkun diffiċli għal bnedmin imperfetti biex ikunu paċenzjużi f’sitwazzjonijiet diffiċli ħafna. Il-​paċenzja hi rigal mingħand Alla, u meta nuruha nagħtu prova tal-​imħabba tagħna għal Ġeħova u oħrajn. Meta ma nkunux paċenzjużi, l-​imħabba taʼ bejnietna u għal oħrajn tiddgħajjef. (1 Kor. 13:4; Gal. 5:22) Il-​paċenzja x’tinvolvi? Din tinvolvi li nissaportu sitwazzjonijiet diffiċli waqt li xorta jkollna attitudni pożittiva. (Kol. 1:11; Ġak. 1:3, 4) Ukoll, il-​paċenzja tgħinna nibqgħu leali lejn Ġeħova jkunu xi jkunu l-​problemi li jkollna. Din se tgħinna nevitaw li npattu meta nkunu qed inbatu. Il-​Bibbja tgħid li għandna nkunu lesti naċċettaw il-​bżonn li nistennew. Din hi lezzjoni importanti li nitgħallmu minn Ġakbu 5:7, 8. w17.08 4 ¶4

Il-​Ħadd, 22 taʼ Diċembru

“Tiċċassax ’l hemm u ’l hawn, għax jien Alla tiegħek. Jien inqawwik. Jien ngħinek verament.”—Is. 41:10.

Intom iż-​żgħażagħ probabbilment se taqblu li qabel tibdew xi vjaġġ, ikun għaqli li tippjanaw fejn se tmorru. Il-​ħajja hi bħal vjaġġ, u ż-​żmien biex tippjana fejn trid tmur hu meta tkun għadek żgħir. M’għandniex xi ngħidu, jistaʼ ma jkunx faċli li tagħmel pjanijiet bħal dawn. Imma agħmel kuraġġ. Agħti kas dak li Ġeħova jgħid fl-​iskrittura tal-​lum. Ġeħova jinkuraġġik tippjana bil-​għaqal għall-​futur tiegħek. (Ekk. 12:1; Mt. 6:20) Hu jridek tkun ferħan. Dan jidher ċar meta int tara, tismaʼ, u ttiegħem l-​affarijiet li ħalaq. Ukoll, Ġeħova jieħu ħsiebna b’modi oħrajn. Hu jagħtina pariri u jgħallimna kif ngħixu bl-​aħjar mod. Allura meta n-​nies iwarrbu l-​pariri għaqlin tiegħu, ma jiħux pjaċir. Hu jgħid lil dawk li ma jsegwux il-​gwida tiegħu: “Għażiltu dak li jien ma tgħaxxaqtx bih. . . . Ara! Il-​qaddejja tiegħi se jifirħu, imma intom issofru l-​mistħija. Ara! Il-​qaddejja tiegħi se jgħajtu bil-​ferħ minħabba l-​kundizzjoni tajba taʼ qalbhom.” (Is. 65:12-14) Meta nagħmlu għażliet għaqlin fil-​ħajja, aħna nigglorifikaw lil Ġeħova.—Prov. 27:11. w17.07 21 ¶1-2

It-​Tnejn, 23 taʼ Diċembru

Ġeħova jsejjaħ il-​kwiekeb kollha b’isimhom.—Salm 147:4.

L-​Alla li jaf fejn kull kewkba qiegħda jaf lilek ukoll. Hu dejjem jaf eżattament fejn int qiegħed, kif tħossok, u x’għandek bżonn! Ġeħova jifhem minn xiex int għaddej, u hu għandu l-​qawwa li jgħinek fil-​problemi tiegħek. (Salm 147:5) Għandek mnejn tħoss li s-​sitwazzjoni tiegħek hi diffiċli wisq u li ma tistax tkampa magħha. Alla jifhem il-​limitazzjonijiet tagħna, “u jiftakar li aħna trab.” (Salm 103:14) Aħna imperfetti, allura niżbaljaw darba wara l-​oħra, u nistgħu nħossuna skuraġġiti. Kemm jiddispjaċina għal ċerti affarijiet li nkunu għedna, għal xewqat ħżiena li nkunu ħassejna, jew għal xi sentimenti t’għira li kellna. Ġeħova m’għandu l-​ebda dgħufija, imma jifhem għalkollox kif inħossuna. (Is. 40:28) Int personalment ġieli ħassejt l-​id setgħana taʼ Ġeħova tgħinek tirkupra mill-​provi?—Is. 41:10, 13. w17.07 16-17 ¶6-8

It-​Tlieta, 24 taʼ Diċembru

“Dak li għandu għajnu ħanina se jitbierek.”—Prov. 22:9.

Ħu għamel il-​proprjetà tiegħu fis-​Sri Lanka disponibbli għal-​laqgħat u l-​assembleat u biex qaddejja full-​time ikunu jistgħu joqogħdu hemm. Dan hu sagrifiċċju finanzjarju għall-​ħu, imma huwa t’għajnuna kbira għall-​pubblikaturi t’hemm, li ma tantx għandhom flus. F’postijiet fejn ix-​xogħol hu ristrett, aħwa jużaw djarhom bħala Swali tas-​Saltna. Dan jippermetti lill-​pijunieri u oħrajn li ma tantx għandhom flus sabiex ikollhom post fejn jiltaqgħu mingħajr ma jkollhom iħallsu l-​kera. Waħda oħt li tagħti donazzjonijiet b’mod regulari għax-​xogħol tas-​Saltna tispjega x’barka ngħatatilha matul is-​snin: “Sibt li iktar ma nkun ġeneruża materjalment, iktar insir ġeneruża fl-​attitudni tiegħi lejn oħrajn. Jien iktar ġeneruża f’li naħfer, f’li nkun paċenzjuża m’oħrajn, u f’li nkun kapaċi naċċetta diżappunti u pariri.” w17.07 5 ¶9-10

L-​Erbgħa, 25 taʼ Diċembru

“Ġeħova qal lil Satana: ‘Ara! Kulma għandu hu f’idek.’”—Ġob 1:12.

Anke jekk fl-​aħħar mill-​aħħar Ġob sar jaf ir-​raġuni għall-​provi tiegħu, xorta setaʼ tħasseb għala Alla ħallieh isofri daqshekk. Jekk Ġob kellu ħsibijiet bħal dawn, hu setaʼ jiftakar dak li Ġeħova kien qallu. Dan kien se jfarrġu u jgħinu jkollu l-​ħarsa t-​tajba. (Salm 94:19) Li nimmeditaw dwar dak li ġara lil Ġob jistaʼ jgħinna nirranġaw il-​ħsieb tagħna u jistaʼ jfarraġna. Il-​ktieb taʼ Ġob huwa parti mill-​kitba mnebbħa minn Ġeħova “għall-​istruzzjoni tagħna, biex permezz tas-​sabar tagħna u permezz tal-​faraġ mill-​Iskrittura [aħna] jkollna t-​tama.” (Rum. 15:4) Dan jgħallimna li m’għandniex naħsbu tant dwar il-​problemi tagħna stess li mbagħad nieqfu naħsbu dwar li tingħata prova tad-​dritt tas-​sovranità taʼ Ġeħova. L-​istess bħal Ġob, aħna nuru l-​appoġġ tagħna għas-​sovranità taʼ Ġeħova billi nibqgħu leali lejh anke meta l-​ħajja tkun diffiċli. w17.06 17 ¶9; 18 ¶13-14

Il-​Ħamis, 26 taʼ Diċembru

“Ejjew waħedkom f’post imwarrab u strieħu ftit.”—Mk. 6:31.

Ġesù kien jaf kemm kien importanti li d-​dixxipli tiegħu jistrieħu. Pereżempju, wara li kienu qed jaħdmu bla heda fix-​xogħol tal-​ippritkar, Ġesù qalilhom il-​kliem t’hawn fuq. Ir-​rikreazzjoni u d-​divertiment jistgħu jgħinuna nistrieħu u nirrilassaw. Imma għandna noqogħdu attenti li l-​pjaċir li nieħdu ma jsirx l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjitna. Fl-​ewwel seklu, ħafna kellhom din l-​attitudni: “Ħa nieklu u nixorbu, għax għada mmutu.” (1 Kor. 15:32) Din l-​istess attitudni hija komuni llum ukoll. X’se jgħinna nkunu nafu jekk għandniex ħarsa bilanċjata lejn ir-​rikreazzjoni? Xi ħaġa li nistgħu nagħmlu hi li nagħżlu ġimgħa u niktbu n-​numru taʼ sigħat li qattajna f’attivitajiet relatati mas-​servizz tagħna lil Ġeħova. Imbagħad nistgħu nniżżlu n-​numru taʼ sigħat tal-​istess ġimgħa li qattajna f’rikreazzjoni, bħal sports, televixin, jew logħob elettroniku. Meta nqabblu ż-​żewġ numri, hemm bżonn nagħmlu bidla?—Efes. 5:15, 16. w17.05 24 ¶11-13

Il-​Ġimgħa, 27 taʼ Diċembru

“Is-​saltna tas-​smewwiet hi bħal merkant li jivvjaġġa biex ifittex perli mill-​isbaħ.”—Mt. 13:45.

Fit-​tixbiha taʼ Ġesù, raġel li kien jixtri u jbigħ il-​perli sab perla li kienet iktar taʼ valur minn kull perla li qatt ra. Tistaʼ timmaġina kemm din kienet prezzjuża għalih? Il-​verità tas-​Saltna t’Alla hi bħal din il-​perla prezzjuża. Jekk inħobbu s-​Saltna daqskemm ir-​raġel apprezza l-​perla, se nkunu lesti nċedu kollox sabiex insiru u nibqgħu sudditi tas-​Saltna. (Mk. 10:28-30) Żakkew, pereżempju, kien sar sinjur billi jieħu l-​flus b’qerq mingħand in-​nies. (Lq. 19:1-9) Imma darba, Żakkew sema’ lil Ġesù jitkellem dwar is-​Saltna. Dak li sema’ tant għoġbu li ried jinbidel kompletament. Hu qal: “Ara! Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-​foqra, u kulma ħadt b’qerq u b’akkuża falza mingħand xi ħadd se rroddu lura għal erbaʼ darbiet.” Żakkew ta lura l-​flus li kien ħa m’għand in-​nies u ma baqax ikun rgħib. w17.06 10 ¶3-5

Is-​Sibt, 28 taʼ Diċembru

“M’għandix raġuni akbar minn din biex irrodd ħajr, li nismaʼ li wliedi jkomplu mexjin fil-​verità.”—3 Ġw. 4.

Dawk li l-​ġenituri jagħżlu biex jgħinu lil uliedhom għandhom dejjem jinkuraġġixxu lit-​tfal biex jirrispettaw lil ommhom u lil missierhom. Dan jistaʼ jsir billi jitkellmu b’mod pożittiv dwar il-​ġenituri u ma jiħdux ir-​responsabbiltà li dawn għandhom biex irabbu lil uliedhom. Ukoll, dawk li qed jgħinu għandhom jevitaw kwalunkwe kondotta li tistaʼ tidher moralment ħażina f’għajnejn uħud barra jew ġewwa l-​kongregazzjoni. (1 Pt. 2:12) Għalkemm il-​ġenituri jistgħu jitolbu l-​għajnuna t’oħrajn, xorta hi r-​responsabbiltà tagħhom li jgħallmu l-​verità lil uliedhom. Huma għandhom josservaw b’attenzjoni l-​għajnuna li tingħata minn Kristjani oħra. Ġenituri, itolbu lil Ġeħova għall-​għajnuna, u agħmlu l-​aħjar li tistgħu. (2 Kron. 15:7) Poġġu l-​ħbiberija taʼ wliedkom maʼ Ġeħova qabel l-​interessi personali tagħkom. Stinkaw biex tagħmlu ċert li l-​Kelma t’Alla tilħaq qalb uliedkom. Qatt taqtgħu qalbkom li wliedkom jistgħu jsiru qaddejja taʼ Ġeħova. w17.05 14 ¶19-20

Il-​Ħadd, 29 taʼ Diċembru

“Ma jgħaddilix minn moħħi, mill-​ħarsa taʼ Ġeħova, li nagħtik wirt missirijieti.”—1 Slat. 21:3.

Żewġt irġiel ħżiena jakkużaw raġel b’għemil ħażin serju ħafna. Dak li jgħidu hu gidba. Imma r-​raġel jinstab ħati u se jinqatel. Immaġina kif ħassewhom in-​nies li jħobbu l-​ġustizzja hekk kif raw lil dan ir-​raġel innoċenti u wliedu jiġu mħaġġrin għall-​mewt! Din mhix biss storja. Dan hu dak li ġara verament lil qaddej leali taʼ Ġeħova jismu Nabot, li għex meta s-​Sultan Aħab kien qed imexxi lill-​Iżrael. (1 Slat. 21:11-13; 2 Slat. 9:26) Meta s-​Sultan Aħab offra li jixtri l-​għalqa tad-​dwieli taʼ Nabot jew li jagħtih oħra aħjar minflokha, Nabot m’aċċettax. Għala? Nabot irrifjuta l-​offerta tas-​Sultan Aħab għax kien kontra l-​liġi taʼ Ġeħova li l-​Iżraelin ibigħu l-​wirt tal-​familja tagħhom b’mod permanenti. (Lev. 25:23; Num. 36:7) Biċ-​ċar, Nabot kien ubbidjenti lejn Ġeħova. w17.04 21 ¶1; 22 ¶4

It-​Tnejn, 30 taʼ Diċembru

“Ftit ieħor biss, u l-​ħażin ma jkunx iktar; u int tħares bir-​reqqa fejn kien, u ma jkunx hemm.”—Salm 37:10.

Min se jibqaʼ meta n-​nies mill-​agħar ikunu telqu? Ġeħova jwiegħed: “Il-​ġwejdin se jirtu l-​art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm.” Iżjed ’l isfel fl-​istess salm, naqraw: “Il-​ġusti se jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:11, 29) Min huma “l-​ġwejdin” u “l-​ġusti”? Il-​ġwejdin huma wħud umli li jitgħallmu minn Ġeħova u jobduh. Il-​ġusti huma dawk li jħobbu jagħmlu dak li Alla jgħid li hu tajjeb. Fid-​dinja llum, hemm iżjed nies mill-​agħar milli ġusti. Imma fid-​dinja l-​ġdida, se jkun hemm biss nies ġwejdin u ġusti, u huma se jagħmlu l-​art ġenna! w17.04 11-12 ¶5-6

It-​Tlieta, 31 taʼ Diċembru

Iżżommx lura milli tagħmel il-​ġid meta f’idejk ikollok il-​qawwa li tagħmlu.—Prov. 3:27.

“L-​imħabba t’Alla” timmotivana nuru mħabba lejn ħutna, speċjalment meta jiffaċċjaw diffikultajiet. (1 Ġw. 3:17, 18) Pereżempju, meta l-​Kristjani tal-​bidu fil-​Lhudija kellhom bżonn l-​ikel minħabba li kien waqaʼ l-​ġuħ, il-​kongregazzjoni organizzatilhom l-​għajnuna. (Atti 11:28, 29) Ukoll, l-​appostlu Pawlu u Pietru inkuraġġew lill-​Kristjani biex juru l-​ospitalità maʼ xulxin. (Rum. 12:13; 1 Pt. 4:9) Ladarba l-​Kristjani huma inkuraġġiti juru qalb tajba lejn aħwa li jżuru minn postijiet oħra, aħna ċertament għandna nuru qalb tajba lejn ħutna li jinsabu f’periklu jew li ġew persegwitati minħabba l-​fidi tagħhom! Dan l-​aħħar, eluf taʼ Xhieda taʼ Ġeħova ġew sforzati jitilqu minn djarhom minħabba gwerer u persekuzzjoni fil-​Lvant tal-​Ukrajna. B’dispjaċir xi wħud minnhom inqatlu. Imma ħafna mill-​aħwa li ħarbu ġew milqugħin fid-​djar tal-​aħwa f’partijiet oħra tal-​Ukrajna u r-​Russja. Fiż-​żewġ pajjiżi, l-​aħwa baqgħu newtrali, ma kinux “parti mid-​dinja,” u b’żelu komplew jippritkaw “l-​aħbar tajba tal-​kelma.”—Ġw. 15:19; Atti 8:4. w17.05 4-5 ¶6-7

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja