Novembru
Il-Ġimgħa, 1 taʼ Novembru
Warrbu dak kollu li hu kontra r-rieda t’Alla u x-xewqat tad-dinja u għixu sewwa b’moħħ f’loku u b’devozzjoni lejn Alla.—Titu 2:12.
Jekk niddixxiplinaw lilna nfusna, aħna nikkontrollaw kif naġixxu u naħsbu. Id-dixxiplina fuqna nfusna ma nitwildux biha, iżda jkollna nitgħallmu niżviluppawha. Meta ġenituri bil-paċenzja jħarrġu ’l uliedhom “fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova,” huma jkunu qed jgħinuhom jiżviluppaw id-dixxiplina fuqhom infushom kif ukoll l-għerf. (Efes. 6:4) L-istess hu minnu għal uħud li jsiru jafu lil Ġeħova meta jkunu adulti. Għalkemm jistaʼ jkollhom xi ftit dixxiplina fuqhom infushom, huma jkunu għadhom mhumiex Kristjani maturi. Iżda meta jibdew jilbsu “l-personalità l-ġdida” u jipprovaw ikunu bħal Kristu, huma jimmaturaw iktar.—Efes. 4:23, 24. w18.03 28 ¶3-4
Is-Sibt, 2 taʼ Novembru
“Uru dejjem l-ospitalità.”—Rum. 12:13.
Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu jistidnuna mmorru l-laqgħat. Aħna rridu li kull min jattendi l-laqgħat tagħna jħossu milqugħ, speċjalment uħud ġodda. (Rum. 15:7) Dawn ukoll huma l-mistidnin taʼ Ġeħova, allura hemm bżonn ngħinuhom iħossuhom komdi, hi x’inhi d-dehra jew l-ilbies tagħhom. (Ġak. 2:1-4) Jekk tinnota li xi ħadd ġie waħdu, tistaʼ int tistiednu jpoġġi ħdejk? Għandu mnejn ikun grat jekk tgħinu jifhem x’se jiġri matul il-laqgħa jew biex isib l-iskritturi li jkunu qed jinqraw. Dan ikun mod eċċellenti kif ‘nuru dejjem l-ospitalità.’ Xi drabi, aħwa minn kongregazzjonijiet oħra, indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet, jew rappreżentanti minn Betel jagħtu taħdita fil-kongregazzjoni tagħna. Nistgħu aħna nużaw dawn l-opportunitajiet biex nuru l-ospitalità maʼ dawn l-aħwa? (3 Ġw. 5-8) Mod kif nistgħu nagħmlu dan hu billi nistidnuhom f’darna għal ikla jew xi ħaġa żgħira. w18.03 16 ¶5, 7
Il-Ħadd, 3 taʼ Novembru
“X’qed iżommni milli nitgħammed?”—Atti 8:36.
Ikkunsidra l-eżempju tar-raġel Lhudi li kien jismu Sawl. Il-ġens Lhudi kollu kien dedikat lil Alla, iżda Ġeħova kien ċaħad lil-Lhud għax ma kinux obdewh. Sawl kien jemmen li l-Lhud kienu għadhom jaqdu lil Alla bil-mod it-tajjeb, allura ppersegwita lill-Kristjani. Imma darba waħda, Ġesù rxoxtat, li Sawl ħaseb li kien mejjet, kellem personalment lil Sawl mis-sema. Sawl kif irreaġixxa? Bil-ferħ aċċetta l-għajnuna mingħand id-dixxiplu Kristjan Ananija. Il-Bibbja tgħid: “Qam u tgħammed.” (Atti 9:17, 18; Gal. 1:14) Iktar tard, hu sar magħruf bħala l-appostlu Pawlu. Innota li malli fehem li Alla kien qed juża lil Ġesù biex iwettaq ir-rieda Tiegħu, Sawl tgħammed bla ma qagħad jitnikker. (Atti 22:12-16) Illum, ukoll, ħafna studenti tal-Bibbja, żgħar u kbar, jagħmlu l-istess ħaġa. w18.03 5-6 ¶9-11
It-Tnejn, 4 taʼ Novembru
“Ma stajtx inkellimkom bħala bnedmin spiritwali, imma bħala bnedmin tal-laħam.”—1 Kor. 3:1.
Ġakobb ma kellux ħajja faċli. Ħuh stess, Għesaw, ried joqtlu. Il-kunjatu tiegħu kompla jipprova jingannah. (1 Kor. 2:14-16) Imma l-fidi taʼ Ġakobb fil-wegħda li Ġeħova għamel lil Abraham baqgħet b’saħħitha. Ġakobb kien jaf li familtu kienet parti mit-twettiq taʼ din il-wegħda mill-isbaħ, u għalhekk ħa ħsiebha sew. (Ġen. 28:10-15) Ġakobb ma ħalliex l-attitudni tal-laħam taʼ dawk madwaru tnessih il-wegħdi taʼ Ġeħova. Pereżempju, meta Ġakobb ħaseb li kien fil-periklu minħabba ħuh, hu talab bil-ħrara lil Ġeħova biex isalvah u qal: “Int, int għedt, ‘Bla dubju jien nittrattak tajjeb u nagħmel lil nislek bħar-ramel tal-baħar.’” (Ġen. 32:6-12) Ġakobb kellu fidi b’saħħitha fil-wegħdi taʼ Ġeħova u wera dan bil-mod kif għex. w18.02 18-19 ¶9-10
It-Tlieta, 5 taʼ Novembru
Hu raġel bla ħtija u rett, jibżaʼ minn Alla u jitbiegħed mill-ħażen.—Ġob 1:8.
Ġob għadda minn bidliet kbar f’ħajtu. L-ewwel, Ġob kien “l-aqwa wieħed min-nies kollha taʼ l-Orjent.” (Ġob 1:3) Kien raġel sinjur ħafna, u bosta nies kienu jafuh u jirrispettawh ferm. (Ġob 29:7-16) Minkejja dan, Ġob ma ħasibx li kien aħjar minn oħrajn jew ħass li ma kellux bżonn lil Alla. Dan nafuh għaliex Ġeħova sejjaħlu “l-qaddej tiegħi.” Satana attakka bl-aħrax lil Ġob għal darba wara l-oħra u ġiegħlu jaħseb li dawn l-attakki kienu ġejjin minn Alla. (Ġob 1:13-21) Imbagħad tlett irġiel li riedu jgħidu li kienu l-ħbieb taʼ Ġob qalu affarijiet kattivi lil Ġob. Huma qalu li kien mill-agħar u li Alla kien qed jikkastigah. (Ġob 2:11; 22:1, 5-10) Minkejja dan kollu, Ġob baqaʼ leali lejn Ġeħova. Wara li din is-sitwazzjoni tal-biżaʼ spiċċat, Ġeħova ta lil Ġob id-doppju taʼ li kellu qabel u 140 sena oħra taʼ ħajja. (Ġak. 5:11) Matul dak iż-żmien, Ġob kompla jaqdi lil Alla b’qalbu kollha. w18.02 7 ¶16, 18
L-Erbgħa, 6 taʼ Novembru
In-nies ikunu minfuħin bihom infushom, suppervi, imkabbrin.—2 Tim. 3:2, 4.
Nies li għandhom dawn il-kwalitajiet spiss jaħsbu li huma aħjar minn oħrajn minħabba d-dehra tagħhom, dak li huma kapaċi jagħmlu, dak li għandhom, jew il-pożizzjoni tagħhom. L-iktar ħaġa li dawn in-nies jixtiequ hi li jiġu ammirati minn oħrajn. Wieħed studjuż kiteb hekk dwar xi ħadd bħal dan: “F’qalbu hemm artal żgħir fejn hu jmil quddiemu nnifsu.” Xi wħud qalu li l-kburija tant hi kerha li anki n-nies kburin stess jiddejqu meta jarawha f’oħrajn. Ġeħova jobgħodha l-kburija, li fil-Bibbja hi deskritta bħala “għajnejn imkabbrin.” (Prov. 6:16, 17) Fil-fatt, il-kburija żżomm persuna ’l bogħod minn Alla. (Salm 10:4) Il-kburija hi kwalità tax-Xitan. (1 Tim. 3:6) Sfortunatament, anki xi qaddejja leali taʼ Ġeħova ġew infettati bil-kburija. Pereżempju, is-Sultan Użżija taʼ Ġuda kien leali għal ħafna snin. Imma l-Bibbja tgħid: “Malli sar b’saħħtu, qalbu tkabbret sal-punt li ġab ir-rovina tiegħu stess, u b’hekk aġixxa b’nuqqas taʼ fedeltà kontra Ġeħova Alla tiegħu.” Użżija mar it-tempju u ħaraq l-inċens, xi ħaġa li ma kellux id-dritt li jagħmel. Iktar tard, is-sultan leali Ħeżekija wkoll sar kburi għal xi żmien.—2 Kron. 26:16; 32:25, 26. w18.01 28 ¶4-5
Il-Ħamis, 7 taʼ Novembru
“Ħa jwarrab xi ħaġa kull wieħed minnkom skond ma jistaʼ.”—1 Kor. 16:2.
Mill-Bibbja nitgħallmu li l-poplu taʼ Ġeħova kien jagħti kontribuzzjonijiet biex jappoġġja x-xogħol Tiegħu. Kultant taw għall-proġetti speċifiċi. (Eżo. 35:5; 2 Slat. 12:4, 5; 1 Kron. 29:5-9) Fl-ewwel seklu, kien hemm Kristjani li saru jafu li fil-Lhudija kien hemm ġuħ kbir u li l-aħwa kellhom bżonn l-għajnuna. Allura kull Kristjan ra kemm setaʼ jagħti lill-aħwa t’hemmhekk. (Atti 11:27-30) Dawk il-kontribuzzjonijiet kienu ngħataw b’modi differenti. Fl-ewwel seklu, xi Kristjani biegħu xi affarijiet li kellhom, bħal għelieqi jew djar, u l-flus tawhom lill-appostli. Imbagħad, l-appostli użaw dawk il-flus għall-aħwa li kellhom bżonn l-għajnuna. (Atti 4:34, 35) Kristjani oħra kienu jwarrbu l-flus regolarment biex bihom jgħinu fix-xogħol. Allura kulħadd setaʼ jagħti xi ħaġa, kemm min kien sinjur ħafna u kemm min kien fqir ħafna.—Lq. 21:1-4. w18.01 17 ¶7, 9
Il-Ġimgħa, 8 taʼ Novembru
“It-tfal se jegħjew kif ukoll jinfilġu.”—Is. 40:30.
Aħna jistaʼ jkollna ħafna abbiltajiet, imma limitati f’dak li nistgħu nagħmlu bis-saħħa tagħna stess. Din hi lezzjoni li lkoll għandna nitgħallmu. L-appostlu Pawlu kien kapaċi jagħmel ħafna affarijiet, imma ma setax jagħmel kulma xtaq. Meta qal lil Ġeħova kif ħassu, Ġeħova qallu: “Il-qawwa tiegħi tintgħamel perfetta fid-dgħjufija.” Pawlu fehmu dan il-kliem. Huwa għalhekk li qal: “Meta nkun dgħajjef, inkun setgħan [jew, ikolli l-qawwa].” (2 Kor. 12:7-10) X’ried ifisser? Pawlu rrealizza li hemm limitu għal dak li setaʼ jagħmel waħdu. Hu kellu bżonn l-għajnuna mingħand xi ħadd ħafna iktar b’saħħtu. L-ispirtu qaddis t’Alla setaʼ jagħti l-qawwa lil Pawlu meta ħassu dgħajjef. Imma mhux dan biss, l-ispirtu t’Alla setaʼ wkoll jagħti lil Pawlu l-qawwa biex iwettaq affarijiet li ma setax jagħmel bis-saħħa tiegħu stess. Dan jistaʼ jiġri lilna wkoll. Meta Ġeħova jagħtina l-ispirtu qaddis tiegħu, aħna se nkunu verament b’saħħitna! w18.01 5 ¶8-9
Is-Sibt, 9 taʼ Novembru
“Minn mindu kont tarbija ilek taf il-kitba qaddisa, li tistaʼ tagħmlek għaref għas-salvazzjoni.”—2 Tim. 3:15.
Meta ibnek jew bintek tgħid li tixtieq titgħammed, aqra u studja l-materjal li l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova pprovdiet għall-ġenituri. Enfasizza lil ibnek jew bintek li d-deċiżjoni tagħha li tiddedika lilha nfisha lil Ġeħova u titgħammed hi serja ħafna u din se ġġibilha ħafna barkiet. Bħala ġenitur, int għandek ir-responsabbiltà u l-privileġġ importanti li trabbi lil ibnek jew bintek “fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova.” (Efes. 6:4) Dan ifisser li int għandek tgħallem lil uliedek dak li tgħid il-Bibbja u tgħinhom ikunu konvinti minn dak li jitgħallmu. Meta l-fidi tagħhom tkun b’saħħitha, huma se jiġu mqanqla jiddedikaw lilhom infushom lil Ġeħova u jagħtuh l-aħjar tagħhom. Jalla l-Kelma taʼ Ġeħova, l-ispirtu tiegħu, u l-isforzi tiegħek jgħinu lil uliedek biex isiru ‘għorrief għas-salvazzjoni.’ w17.12 20 ¶17, 19
Il-Ħadd, 10 taʼ Novembru
“Tqum għal sehmek fi tmiem il-jiem.”—Dan. 12:13.
Meta Danjel kellu kważi 100 sena u kien wasal lejn tmiem ħajtu, hu stenna li kien se jerġaʼ jgħix? Dażgur! Fl-aħħar tal-ktieb taʼ Danjel, naqraw li Alla wiegħdu: “Int mur lejn tmiemek; u int tistrieħ.” Danjel kien jaf li l-mejtin kienu fil-mistrieħ u li la hemm “ippjanar, la għarfien, u lanqas għerf fil-Qabar,” fejn hu dalwaqt kien se jkun. (Ekk. 9:10) Madankollu, dan ma kienx se jkun it-tmiem għal Danjel. Ġeħova wiegħdu xi ħaġa meraviljuża għall-futur. L-anġlu taʼ Ġeħova qallu l-kliem tal-iskrittura tal-lum. Danjel ma kienx jaf eżattament meta dan kien se jiġri. Hu fehem li kellu jmut u jistrieħ. Imma meta Danjel sema’ l-wegħda, “Int . . . tqum għal sehmek,” hu fehem li kellu jiġi rxoxtat fil-futur. Dan kien se jiġri ħafna wara li jkun miet, “fi tmiem il-jiem.” Jew, skont Il-Bibbja tal-Għaqda Biblika Maltija: “Meta jintemm iż-żmien, tqum għall-wirt li jmissek.” w17.12 8 ¶17-18
It-Tnejn, 11 taʼ Novembru
“Xhud wieħed ma jistax jixhed kontra xi ħadd biex dan imut.”—Num. 35:30.
Ġeħova kkmanda lix-xjuħ Iżraelin biex jimitaw il-ġustizzja tiegħu. L-ewwel, ix-xjuħ kellhom bżonn jikkonfermaw il-fatti kollha. Imbagħad, qabel ma jiddeċiedu jekk jurux ħniena jew le, huma kellhom jikkunsidraw bir-reqqa l-mottiv, l-attitudni tal-qattiel, u l-azzjonijiet tal-passat tiegħu. Ix-xjuħ kellhom jiskopru jekk il-maħrub kienx jobgħod lill-vittma u kellux l-iskop li joqtlu. (Num. 35:20-24) Jekk kien hemm ix-xhieda, minn tal-inqas kien hemm bżonn tnejn qabel ma qattiel setaʼ jiġi kkundannat għall-mewt. Wara li jiskopru xi jkun ġara eżattament, ix-xjuħ kellhom jaħsbu dwar il-persuna nfisha, u mhux biss fuq dak li tkun għamlet. Ix-xjuħ kienu jeħtieġu d-dehen ħalli ma jarawx biss dak li hu ovvju imma jaraw ir-raġunijiet għal dak li jkun ġara. Iktar minn kull ħaġa oħra, kienu jeħtieġu l-ispirtu taʼ Ġeħova biex jgħinhom jimitaw id-dehen, il-ħniena, u l-ġustizzja tiegħu.—Eżo. 34:6, 7. w17.11 19 ¶13-14
It-Tlieta, 12 taʼ Novembru
“Immedita fuq dawn l-affarijiet.”—1 Tim. 4:15.
Meta bdejna nistudjaw il-Bibbja, tgħallimna veritajiet meraviljużi. Tgħallimna li Ġeħova hu l-Ħallieq tagħna u li għandu skop għall-bnedmin. Tgħallimna wkoll li Alla bagħat lil Ibnu fuq l-art biex imut għalina bħala sagrifiċċju tal-fidwa biex b’hekk aħna nkunu nistgħu ninħelsu mid-dnub u l-mewt. U tgħallimna li s-Saltna t’Alla se ttemm it-tbatija kollha u li nistgħu ngħixu għal dejjem fuq l-art fil-paċi u l-ferħ. (Ġw. 3:16; Riv. 4:11; 21:3, 4) Xi drabi, il-fehma tagħna taʼ profezija Biblika jew skrittura tistaʼ tiġi aġġustata. Meta jiġri dan, hu importanti li nieħdu l-ħin sabiex nistudjaw l-aġġustament u nimmeditaw fuqu. (Atti 17:11) M’għandniex biss nifhmu d-differenza prinċipali bejn il-fehma l-antika u l-ġdida, imma rridu wkoll noqogħdu attenti għad-dettalji tal-fehma l-ġdida. Studju bir-reqqa bħal dan se jgħinna nagħmlu ċert li l-verità l-ġdida ssir parti mit-teżor maħżun tagħna. w17.06 13 ¶15-16
L-Erbgħa, 13 taʼ Novembru
“Mewtu l-membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-art fejn tidħol iż-żína, in-nuqqas taʼ ndafa, l-aptit sesswali.”—Kol. 3:5.
Għandna bżonn noqogħdu speċjalment attenti jekk qegħdin f’sitwazzjoni li tistaʼ twassalna biex ma nobdux il-livelli morali taʼ Ġeħova. Pereżempju, huwa għaqli għal koppja li qed joħorġu flimkien li jagħmlu limiti mill-bidu dwar affarijiet bħal li jmissu u jbusu lil xulxin u li jkunu flimkien waħedhom. (Prov. 22:3) Sitwazzjonijiet perikolużi oħra jistgħu jiġu meta nsiefru fuq xogħol jew meta naħdmu maʼ xi ħadd tas-sess oppost. (Prov. 2:10-12, 16) Irridu noqogħdu attenti wkoll jekk inħossuna mdejqin jew waħedna. Tant nistgħu nħossuna ddisprati li naċċettaw l-attenzjoni mingħand kull min ikun. Dan hu perikoluż. Jekk qatt tħossok hekk, tagħmel xejn li se jwaqqfek milli tirbaħ il-premju. Dur lejn Ġeħova u lejn ħutek għall-għajnuna.—Salm 34:18; Prov. 13:20. w17.11 28 ¶4-5
Il-Ħamis, 14 taʼ Novembru
“Agħżlu għalikom il-bliet tar-refuġju.”—Ġoż. 20:2.
Ġeħova kien jieħu bis-serjetà kull każ taʼ qtil. Jekk Iżraeli jkun qatel lil xi ħadd, ir-raġel li kien jiġi l-iktar mill-qrib tal-vittma, dak li kellu “d-dritt jivvendika ruħu għad-demm,” kellu joqtol lill-qattiel. (Num. 35:19) B’dan il-mod, il-qattiel kien iħallas b’ħajtu stess għall-ħajja tal-persuna innoċenti li jkun qatel. Jekk il-qattiel ma kienx jinqatel malajr, l-Art Imwiegħda setgħet issir imniġġsa, jew ma tibqax iktar qaddisa. Ġeħova kkmanda: “Tniġġsux l-art li qed tgħammru fiha” billi xxerrdu d-demm tan-nies, jiġifieri, billi toqtlu lil xi ħadd. (Num. 35:33, 34) Imma x’kien jiġri meta Iżraeli jkun qatel lil xi ħadd b’mod aċċidentali? Avolja l-mewt kienet bi żball, hu xorta kien ikun ħati taʼ qtil taʼ bniedem innoċenti. (Ġen. 9:5) Iżda, f’każ bħal dan, Ġeħova qal li setgħet tintwera ħniena. Dak li jkun qatel lil xi ħadd mhux apposta setaʼ jaħrab minn dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm u jmur lejn waħda mis-sitt ibliet tar-refuġju. Ladarba kien jitħalla joqgħod f’dik il-belt, hu kien ikun protett. Imma hu kellu jibqaʼ fil-belt tar-refuġju sal-mewt tal-qassis il-kbir.—Num. 35:15, 28. w17.11 10 ¶3-5
Il-Ġimgħa, 15 taʼ Novembru
“Min hu prudenti qed jgħatti d-diżunur.”—Prov. 12:16.
Waħda oħt fl-Awstralja qalet li l-kunjatu tagħha kien jopponi bl-aħrax il-verità u kultant jirrabja. Allura qabel ma jċemplulu, hi u r-raġel tagħha jitolbu lil Ġeħova jgħinhom jevitaw li jwiġbuh bir-rabja. Huma jaħsbu dwar suġġetti sbieħ li jistgħu jitkellmu dwarhom. U biex jevitaw konversazzjonijiet twal li normalment iwasslu għal argumenti dwar ir-reliġjon, huma jiftiehmu dwar kemm idumu jkellmuh. Nuqqas taʼ ftehim jistaʼ jġiegħlek tħossok li għandek xi tort, speċjalment għaliex int tħobbhom ħafna lill-familjari tiegħek u dejjem ipprovajt togħġobhom. Iżda ftakar li l-lealtà tiegħek lejn Ġeħova għandha tkun iktar b’saħħitha mill-imħabba tiegħek għall-familja. Meta qrabatek jirrealizzaw dan, għandhom mnejn jifhmu l-importanza taʼ li taqdi lil Ġeħova. Ma tistaʼ tisforza lil ħadd biex jaċċetta l-verità. Però, int tistaʼ tħalli lil oħrajn jaraw kif li ssegwi l-mogħdijiet taʼ Ġeħova għenek. U bħalma jagħmel magħna, Ġeħova joffrilhom l-istess opportunità li joffri lilna, li jagħżlu li jaqduh.—Is. 48:17, 18. w17.10 13 ¶15-16
Is-Sibt, 16 taʼ Novembru
“Ħa ma nħobbu la bil-kliem u lanqas bl-ilsien, imma bl-għemil u l-verità.”—1 Ġw. 3:18.
Dan ifisser li mhux dejjem ikun biżżejjed li sempliċement ngħidu “nħobbok.” Għandna bżonn nuru dan bil-fatti. Pereżempju, jekk ħutna ma jkollhomx biżżejjed ikel jew ilbies, ikollhom bżonn iżjed minn sempliċement kliem ħelu. (Ġak. 2:15, 16) B’mod simili, peress li nħobbu lil Ġeħova u l-proxxmu tagħna, aħna mhux biss nitolbu biex iktar nies jippritkaw magħna imma wkoll naħdmu iebes fix-xogħol tal-ippritkar aħna stess. (Mt. 9:38) L-appostlu Ġwanni qal li għandna nħobbu “bl-għemil u l-verità.” Allura mħabbitna għandha tkun “mingħajr ipokrisija,” jew “ħielsa mill-ipokrisija.” (Rum. 12:9; 2 Kor. 6:6) Kultant xi ħadd għandu mnejn jagħmel tabirruħu li juri mħabba. Imma hija vera u sinċiera mħabbtu? X’inhuma l-mottivi tiegħu? L-imħabba u l-ipokresija ma joqogħdux flimkien. Imħabba li ma tkunx ġenwina ma tiswa xejn. w17.10 4 ¶5-6
Il-Ħadd, 17 taʼ Novembru
Trid taqrah u timmedita fuqu lejl u nhar; imbagħad se taġixxi bl-għerf.—Ġoż. 1:8.
Biex inħallu l-Kelma t’Alla taffettwana, hemm bżonn naqrawha regolarment. Aħna għandna nipprovaw naqrawha kuljum. Il-maġġoranza minna ngħixu ħajja mimlija ħafna, imma ma rridu nħallu xejn iwaqqafna milli naqraw il-Bibbja, inkluż ir-responsabbiltajiet tagħna. (Efes. 5:15, 16) Forsi nsibu ħin kmieni filgħodu, matul il-ġurnata, jew iktar tard filgħaxija. Aħna naqblu mas-salmista li kiteb: “Kemm inħobbha l-liġi tiegħek! Il-jum kollu moħħni fiha.” (Salm 119:97) Madankollu, li sempliċiment naqraw il-Bibbja mhux biżżejjed. Għandna bżonn nimmeditaw, jew naħsbu sew u fil-fond, dwar dak li naqraw. (Salm 1:1-3) Hu biss wara li nagħmlu dan li se nkunu nistgħu napplikaw l-għerf tal-Bibbja f’ħajjitna. Għalhekk, kemm jekk naqraw il-Bibbja f’forma pprintjata jew elettronika, il-mira tagħna għandha tkun li nħalluha tibdilna u timmotivana. w17.09 22 ¶4-5
It-Tnejn, 18 taʼ Novembru
Intom ilkoll agħdru b’tenerezza.—1 Pt. 3:8.
Dan ma jfissirx li dejjem huwa xieraq li nuru mogħdrija. Pereżempju, is-Sultan Sawl setaʼ ħaseb li kien qed juri mogħdrija meta ma qatilx lil Agag, li kien is-sultan taʼ Għamalek u l-għadu tal-poplu t’Alla. Imma Ġeħova kien qal lil Sawl joqtol lill-Għamalekin kollha u l-annimali kollha tagħhom. Minħabba d-diżubbidjenza taʼ Sawl, Ġeħova ċaħdu milli jkun sultan. (1 Sam. 15:3, 9, 15) Ġeħova hu l-Imħallef ġust. Hu jistaʼ jaqra l-qlub tan-nies, u jaf meta m’għandhiex tintwera mogħdrija. (Lam. 2:17; Eżek. 5:11) Dalwaqt se jġib ġudizzju fuq dawk kollha li jirrifjutaw li jobduh. (2 Tess. 1:6-10) Dan mhux se jkun iż-żmien biex Ġeħova juri mogħdrija man-nies mill-agħar. Madankollu, billi jeqridhom hu se juri mogħdrija man-nies sewwa, li hu se jsalva. M’għandniex xi ngħidu, mhuwiex għalina li niġġudikaw min se jgħix jew min se jmut. Minflok, għandna bżonn nagħmlu kulma nistgħu issa biex ngħinu lin-nies. w17.09 12 ¶10-12
It-Tlieta, 19 taʼ Novembru
Il-frott taʼ l-ispirtu hu r-rażan.—Gal. 5:22, 23.
Ir-rażan hu kwalità li Alla Ġeħova jistaʼ jgħinna naħdmu fuqha. Ġeħova għandu rażan perfett. Madankollu, aħna m’għandniex għax imperfetti. Fil-fatt, in-nuqqas taʼ rażan huwa l-kaġun tal-ħafna problemi li għandhom in-nies illum. Dan jistaʼ jwassal għal li persuna tittratieni biex tagħmel affarijiet importanti jew għal li ma tmurx tajjeb fl-iskola jew fuq ix-xogħol. In-nuqqas taʼ rażan jistaʼ jwassal ukoll għal abbuż verbali, sokor, vjolenza, divorzju, dejn bla bżonn, vizzji, żmien il-ħabs, uġigħ emozzjonali, mard trasmess sesswalment, u tqala mhix mixtieqa. (Salm 34:11-14) U hekk kif jgħaddi ż-żmien, jidher ċar li n-nies għandhom inqas u inqas kontroll fuqhom infushom. Madankollu, dan m’għandux jissorprendina għax il-Kelma t’Alla bassret li n-nuqqas taʼ rażan kellu jkun evidenza waħda li aħna qed ngħixu “fl-aħħar jiem.”—2 Tim. 3:1-3. w17.09 3 ¶1-2
L-Erbgħa, 20 taʼ Novembru
“Il-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom.”—Flp. 4:7.
Meta jkollna “l-paċi t’Alla,” aħna ma ninkwetawx u qalbna u moħħna jistgħu jistrieħu. Aħna nafu li Ġeħova jieħu ħsiebna u jridna nkunu verament ferħanin. (1 Pt. 5:10) U dan jipproteġina milli nħossuna maħkumin mill-ansjetà jew l-iskuraġġiment. Dalwaqt, it-tribulazzjoni l-kbira se tiġi fuq l-umanità kollha. (Mt. 24:21, 22) Aħna ma nafux bl-eżatt x’se jiġrilna persunalment. Madankollu, m’għandniex inkunu ansjużi żżejjed dwar dak iż-żmien. Ma nafux kulma se jagħmel Ġeħova, imma aħna nafu lil Alla tagħna. Nafu dak li għamel fil-passat għall-qaddejja leali tiegħu. Rajna li jiġri x’jiġri, Ġeħova se jagħmel ċert li l-iskop tiegħu jitwettaq. U hu jistaʼ jagħmel dan b’mod mhux mistenni! Għalhekk, kull darba li Ġeħova jagħmel xi ħaġa għalina, aħna nesperjenzaw b’modi ġodda “l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.” w17.08 14 ¶16-17
Il-Ħamis, 21 taʼ Novembru
“Kunu paċenzjużi sal-preżenza tal-Mulej.”—Ġak. 5:7.
“Kemm se jkolli ndum?” Din kienet il-mistoqsija li staqsew il-profeti leali Isaija u Ħabakkuk. (Is. 6:11; Ħab. 1:2) U meta Ġesù Kristu kien imdawwar b’nies li ma kellhomx fidi, staqsa: “Kemm irrid indum?” (Mt. 17:17) Illum, aħna wkoll nistgħu niġu f’mumenti li nistaqsu l-istess mistoqsija. Jistaʼ jkun li ġejna effettwati minn xi inġustizzja. Jew forsi ma nifilħux jew qed nixjieħu. Għandu mnejn inħossuna stressati minħabba li qed ngħixu fi “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Tim. 3:1) Jew jistaʼ jkun li l-attitudnijiet ħżiena t’oħrajn madwarna qed jgħejjuna u jiskuraġġuna. Hi x’inhi r-raġuni, huwa inkuraġġanti li tkun taf li Ġeħova ma kkundannax lill-qaddejja leali tiegħu li staqsewh din il-mistoqsija fil-passat. X’jistaʼ jgħinna meta nkunu f’sitwazzjoni li tkun diffiċli nissaportuha? Id-dixxiplu Ġakbu jwieġeb bil-kliem tal-iskrittura tal-lum. w17.08 3-4 ¶1-3
Il-Ġimgħa, 22 taʼ Novembru
“Agħmlu għalikom ħbieb permezz taʼ l-għana mhux ġust.”—Lq. 16:9.
Ġesù ried lis-segwaċi tiegħu jagħmlu ħbieb fis-sema “permezz taʼ l-għana mhux ġust.” Mod wieħed kif nuru li aħna leali bl-affarijiet materjali tagħna hu billi nagħtu donazzjonijiet għax-xogħol tal-ippritkar madwar id-dinja li Ġesù bassar li kien se jsir. (Mt. 24:14) Tifla żgħira fl-Indja żammet karus u bil-mod il-mod żiedet il-muniti fih. Hi saħansitra waqfet tixtri l-ġugarelli sabiex tagħmel dan. Meta l-karus imtela, hi tat il-flus kollha li kienet ġemmgħet biex jintużaw għax-xogħol tax-xandir. Ħu fl-Indja għandu farm tal-coconuts. Hu ta ħafna coconuts bħala donazzjoni lill-uffiċċju tat-traduzzjoni fil-Malayalam. Peress li l-aħwa tal-uffiċċju jkollhom bżonn jixtru l-coconuts, hu ħass li d-donazzjoni tiegħu kellha iktar valur milli kieku ta l-flus. Dan hu għerf prattiku. B’mod simili, aħwa fil-Greċja regolarment jagħtu bħala donazzjoni żejt taż-żebbuġa, ġobon, u ikel ieħor lill-familja taʼ Betel. w17.07 5 ¶7-8
Is-Sibt, 23 taʼ Novembru
“Kantawlna waħda mill-għanjiet taʼ Sijon.”—Salm 137:3.
Bħala ilsiera f’Babilonja, il-Lhud ma kellhomx moħħ il-kant. Ġerusalemm, l-ikbar raġuni li kellhom biex jifirħu, kienet ġiet meqruda. Huma kellhom bżonn il-faraġ. Imma l-istess bħalma bassret il-kelma t’Alla, Ġeħova għen lill-poplu tiegħu. Kif? Is-Sultan Ċiru tal-Persja rebaħ lil Babilonja u qal hekk dwar Ġeħova: “Hu stess inkarigani biex nibnilu dar f’Ġerusalemm.” Ukoll, Ċiru qal lill-Iżraelin: “Kulmin hemm fostkom mill-poplu kollu tiegħu, Ġeħova Alla tiegħu jkun miegħu. Għalhekk, ħa jitlaʼ.” (2 Kron. 36:23) Min jaf kemm dan il-kliem farraġ lill-Iżraelin f’Babilonja! Ġeħova mhux biss farraġ lill-ġens taʼ Iżrael imma wkoll lil kull Iżraeli. Ġeħova jaġixxi bl-istess mod magħna llum. Alla “jfejjaq lil dawk taʼ qalbhom maqsuma, u qed jinfaxxalhom il-ġrieħi li juġgħuhom.” (Salm 147:3) Meta nkunu morda jew imnikktin, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jimpurtah minna. B’hekk, hu ħerqan biex ifarraġna u jfejqilna l-ġrieħi emozzjonali tagħna. (Salm 34:18; Is. 57:15) Ġeħova jagħtina l-għerf u s-saħħa biex inkunu nistgħu nkampaw maʼ kwalunkwe problema li jistaʼ jkollna.—Ġak. 1:5. w17.07 16 ¶4-5
Il-Ħadd, 24 taʼ Novembru
“Fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tkun qalbkom ukoll.”—Lq. 12:34.
Ġeħova hu l-iktar Persuna sinjura fl-univers. Kollox jappartjeni lilu. (1 Kron. 29:11, 12) Imma Ġeħova hu ġeneruż ħafna maʼ kulħadd. Kemm aħna grati li hu qasam ħafna teżori spiritwali magħna! X’inhuma xi ftit minn dawn it-teżori? Dawn jinkludu (1) is-Saltna t’Alla, (2) il-ministeru tagħna, u (3) il-veritajiet prezzjużi li nsibu fil-Kelma tiegħu. Imma jekk ma noqogħdux attenti, maż-żmien nistgħu ninsew kemm dawn it-teżori huma taʼ valur. Hemm bżonn li nibqgħu nfakkru lilna nfusna kemm huma taʼ valur u nkabbru mħabbitna għalihom. Sabiex insiru sudditi tas-Saltna t’Alla, ħafna minna kellna nibdlu ħajjitna kompletament. (Rum. 12:2) Imma l-ġlieda tagħna ma tiqafx hawn. M’għandna nħallu xejn idgħajfilna l-imħabba tagħna għas-Saltna, inkluż l-imħabba għal affarijiet materjali jew xi xewqa sesswali immorali.—Prov. 4:23; Mt. 5:27-29. w17.06 9 ¶1; 10 ¶7
It-Tnejn, 25 taʼ Novembru
“Sirt taf?”—Ġob 38:21.
Ġeħova ma spjegax lil Ġob għala kien qed isofri. Minflok, Ġeħova ried jgħinu jifhem kemm kien ċkejken meta mqabbel m’Alla. Hu għallem lil Ġob li kien hemm kwistjonijiet bil-wisq iktar importanti mill-problemi taʼ Ġob stess. (Ġob 38:18-20) Kliem Ġeħova għen lil Ġob jirranġa l-ħarsa tiegħu. Kien Ġeħova qed juri nuqqas taʼ qalb tajba meta tkellem maʼ Ġob b’dan il-mod wara dak kollu li kien għadda minnu? Le, u lanqas Ġob innifsu m’għaddielu minn moħħu. Hu fehem u apprezza l-parir taʼ Ġeħova. Saħansitra qal: “Nirtira dak li għedt, u nindem fit-trab u l-irmied.” (Ġob 42:1-6) Wara li Ġob sema’ mill-parir kollu mħabba taʼ Ġeħova u biddel il-ħarsa tiegħu, Ġeħova wera lil oħrajn li kien kuntent bil-lealtà taʼ Ġob.—Ġob 42:7, 8. w17.06 17-18 ¶11-12
It-Tlieta, 26 taʼ Novembru
“Marija għażlet l-aħjar sehem, u mhux se jittiħdilha.”—Lq. 10:42.
Kif nistgħu nkunu nafu jekk għandniex ħarsa bilanċjata lejn ix-xogħol sekulari? Aħna nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Insib ix-xogħol tiegħi interessanti u eċċitanti filwaqt li nqis is-servizz tiegħi lil Alla bħala ordinarju jew saħansitra taʼ dwejjaq?’ Li naħsbu dwar dawn l-affarijiet jistaʼ jgħinna naraw ċar dak li aħna verament inħobbu. Ġesù għallimna x’għandu jiġi l-ewwel f’ħajjitna. Darba, hu mar id-dar taʼ żewġ aħwa, Marija u Marta. Fil-pront, Marta bdiet tħejjilu ikla, imma Marija qagħdet bilqiegħda ħdejn Ġesù tisimgħu jgħallem. Marta gergret li Marija ma kinitx qed tgħinha. Ġesù qal lil Marta l-kliem tal-iskrittura tal-lum. (Lq. 10:38-42) Hawn, Ġesù għallem lezzjoni siewja. Sabiex nevitaw li niġu aljenati mill-bżonnijiet tagħna stess u biex nagħtu prova taʼ mħabbitna lil Kristu, aħna għandna nagħżlu “l-aħjar sehem.” Dan ifisser li r-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova għandha dejjem tkun l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna. w17.05 23 ¶9-10
L-Erbgħa, 27 taʼ Novembru
“Ismaʼ mid-dixxiplina taʼ missierek.”—Prov. 1:8.
Ġeħova ta lill-ġenituri r-responsabbiltà li jgħallmu l-verità lil uliedhom. Hu la taha lin-nanniet u lanqas lil xi ħadd ieħor. (Prov. 31:10, 27, 28) Xorta waħda, ġenituri li ma jafux il-lingwa lokali għandhom mnejn ikollhom bżonn l-għajnuna biex jilħqu qalb uliedhom. Meta l-ġenituri jitolbu l-għajnuna, ma jfissirx li qed jipprovaw ifarfru mir-responsabbiltà li jrabbu lil uliedhom. Anzi, din tistaʼ tkun parti milli jrabbu t-tfal “fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova.” (Efes. 6:4) Pereżempju, il-ġenituri jistgħu jitolbu lill-anzjani tal-kongregazzjoni jagħtuhom suġġerimenti dwar kif jikkonduċu l-qima bħala familja u jgħinuhom isibu ħbieb tajbin għal uliedhom. Ukoll, biex jgħinu lil uliedhom, il-ġenituri jistgħu minn żmien għall-ieħor jistiednu għandhom familji oħra għall-qima bħala familja. Ukoll, ħafna żgħażagħ jitgħallmu minn Kristjani oħrajn meta jaħdmu magħhom fil-ministeru u jagħmlu affarijiet oħra flimkien.—Prov. 27:17. w17.05 13 ¶17-18
Il-Ħamis, 28 taʼ Novembru
“Aħrab lejn l-Eġittu.”—Mt. 2:13.
Ġesù u l-ġenituri tiegħu saru refuġjati fl-Eġittu wara li l-anġlu taʼ Ġeħova avża lil Ġużeppi li s-Sultan Erodi ried joqtol lil Ġesù. Huma baqgħu hemm sakemm Erodi miet. (Mt. 2:14, 19-21) Ħafna snin wara, id-dixxipli taʼ Ġesù ‘xterdu mar-reġjuni tal-Lhudija u tas-Samarija’ minħabba l-persekuzzjoni. (Atti 8:1) Ġesù kien jaf li ħafna mis-segwaċi tiegħu kienu se jiġu sforzati jitilqu minn djarhom. Hu qal: “Meta jippersegwitawkom f’belt, aħarbu f’oħra.” (Mt. 10:23) Dan kien il-każ għal eluf taʼ Xhieda taʼ Ġeħova li huma refuġjati. Ħafna tilfu l-maħbubin tagħhom u kważi kull ħaġa li kellhom. Meta xi wħud ikunu qed jaħarbu minn darhom jew ikunu qed jgħixu f’kamp tar-refuġjati, huma jiffaċċjaw diversi perikli. Pereżempju, fil-kampijiet tar-refuġjati n-nies jixorbu, jilagħbu għall-flus, jisirqu, u huma immorali. Madanakollu, ix-Xhieda żammew f’moħħhom li ż-żmien li kellhom fil-kamp tar-refuġjati eventwalment kien se jispiċċa, bħalma spiċċa ż-żmien tal-Iżraelin fid-deżert. Dan għenhom iżommu attitudni pożittiva.—2 Kor. 4:18. w17.05 3-4 ¶2-5
Il-Ġimgħa, 29 taʼ Novembru
“Paċi abbundanti jkollhom dawk li jħobbu l-liġi tiegħek, u għalihom m’hemm ebda tfixkil.”—Salm 119:165.
F’każi rari, int, jew xi ħadd li taf, tistaʼ tesperjenza jew tinnota xi ħaġa li tidher inġusta fil-kongregazzjoni. Titfixkilx. Minflok, ibqaʼ leali lejn Alla, itolbu għall-għajnuna, u strieħ fuqu. Ftakar li minħabba l-imperfezzjoni, jistaʼ jkun li fhimt is-sitwazzjoni ħażin, u li x’aktarx m’għandekx il-fatti kollha. Irridu nevitaw kliem negattiv, li jistaʼ jiggrava sitwazzjoni. Fl-aħħar, iktar milli tistrieħ fuqek innifsek, kun determinat li tibqaʼ leali u tistenna bil-paċenzja sakemm Ġeħova jikkoreġi l-kwistjoni. Imbagħad int se jkollok l-approvazzjoni u l-barka taʼ Ġeħova. Tistaʼ tkun ċert li Ġeħova, “l-Imħallef taʼ l-art kollha,” dejjem se jagħmel dak li hu tajjeb, “għax triqatu kollha huma ġustizzja.”—Ġen. 18:25; Dt. 32:4. w17.04 20 ¶17
Is-Sibt, 30 taʼ Novembru
Ħalli l-ħażin jerħi triqtu u ħa jerġaʼ lura lejn Ġeħova, li jkollu ħniena minnu.—Is. 55:7.
X’se jiġri lil dawk li jirrifjutaw li jinbidlu u li jappoġġjaw din is-sistema saħansitra sa żmien it-tribulazzjoni l-kbira? Ġeħova wiegħed li se jneħħi n-nies mill-agħar kollha minn fuq l-art. (Salm 37:10) Illum, ħafna nies tgħallmu jaħbu l-affarijiet ħżiena li jagħmlu, u ħafna drabi ma jiġux ikkastigati. (Ġob 21:7, 9) Imma l-Bibbja tfakkarna: ‘Għajnejn Alla huma fuq l-imġiba tal-bniedem, u l-passi kollha tiegħu jara. La hemm dlam u lanqas swidija biex dawk li jipprattikaw il-ħsara jinħbew hemmhekk.’ (Ġob 34:21, 22) Allura m’hemmx mod kif ninħbew minn Ġeħova. Hu jistaʼ jara kulma n-nies mill-agħar qed jagħmlu. Wara Armageddon, aħna forsi nħarsu fejn kienu jkunu, imma mhux se narawhom. Se jkunu telqu għal dejjem!—Salm 37:12-15. w17.04 11 ¶5