10 MOSÈ
Hu Ħa l-Aħjar Deċiżjoni
MOSÈ kien Lhudi imma ismu tathulu l-prinċipessa Eġizzjana li adottatu bħala t-tifel tagħha. Hi għażlet li ssemmih Mosè għax jirreferi għal meta salvatu mill-ilma. Wisq probabbli l-prinċipessa xtaqitu jsir persuna importanti fil-familja rjali tal-Eġittu u min jaf kemm ħadet pjaċir tarah jieħu “l-aqwa edukazzjoni fl-Eġittu.”
Meta Mosè sar żagħżugħ, kellu xi ħaġa speċjali. Il-Bibbja tgħid: “Fil-fatt, hu kien jitkellem b’mod effettiv u jagħmel affarijiet tal-għaġeb.” Mosè setaʼ ffoka fuq l-istatus tiegħu, li jsir importanti, u fuq l-affarijiet sbieħ li setaʼ jgawdi fl-Eġittu. Però, hu kien jaf li dawn l-affarijiet ma kinux se jgħinuh jibqaʼ qrib taʼ Ġeħova. Allura hu kellu deċiżjoni x’jieħu. X’kien se jagħżel li jagħmel?
Meta kellu 40 sena, kulħadd setaʼ jara x’deċiżjoni ħa. Il-Bibbja tgħid: “Bil-fidi, Mosè meta kiber irrifjuta li jissejjaħ it-tifel tat-tifla tal-Fargħun u għażel li jiġi ttrattat ħażin mal-poplu t’Alla minflok igawdi l-pjaċiri temporanji tad-dnub.” Mosè wera kuraġġ u fidi biex ħa din id-deċiżjoni. Imma hu xorta għamel xi żbalji f’ħajtu.
Mosè kien iqis lill-Iżraelin daqs li kieku kienu “ħutu” stess, u meta ma kinux jiġu trattati sew ried jgħinhom. Darba waħda, Mosè mar jara kemm kienu qed isofru. Hu ra Eġizzjan, li x’aktarx kien kap fuqhom, isawwat lil skjav Lhudi. X’għamel Mosè? Qal lill-Eġizzjan biex jieqaf? Ma nafux. Ġara x’ġara, il-Bibbja tgħid li Mosè “ħares madwaru” biex forsi jara jekk kienx hemm xi ħadd li setaʼ jgħin lill-iskjav. Imma peress li ma kien hemm ħadd, hu ħa azzjoni u “qatel lill-Eġizzjan.” Imma Mosè vera ried joqtol lill-Eġizzjan? Jew bir-rabja li kellu spiċċa sawtu iktar milli ried? Il-Bibbja ma tgħidx. Imma Mosè kien jaf li issa kien f’periklu kbir u għalhekk ħeba lill-Eġizzjan taħt ir-ramel.
L-għada, reġaʼ ħareġ ħdejn l-Iżraelin. Din id-darba ra żewġ skjavi jiġġieldu, u hu mar iwaqqafhom. Imma wieħed minnhom qal xi ħaġa li beżżgħet lil Mosè. Qallu: “Min għamlek mexxej u mħallef fuqna? Jaqaw bi ħsiebek toqtolni bħalma qtilt lill-Eġizzjan?” Mosè rrealizza li n-nies saru jafu x’għamel, għalhekk beda jibżaʼ għax ħajtu issa kienet fil-periklu.
L-affarijiet ma kinux sejrin kif xtaq Mosè. Hu xi xtaq? Il-Bibbja tgħid: “Hu ħaseb li ħutu se jifhmu li Alla kien se jsalvahom permezz tiegħu, imma huma ma fehmux.” Milli jidher Mosè beda jaħseb li Ġeħova kien għażel lilu biex joħroġ lill-Iżraelin mill-Eġittu. Imma Mosè ma fehemx li dak ma kienx iż-żmien li Ġeħova għażel biex jeħlishom. U hu ma stenniex li l-Iżraelin se jittrattawh b’dak il-mod. Huma ma kinux qed jafdaw lil dan ir-raġel Lhudi li trabba mal-familja rjali Eġizzjana.
Kien Mosè se jagħżel li jgħix ħajja lussuża u li jkollu l-awtorità, jew kien se jgħin in-nies taʼ Ġeħova?
Mosè ħaseb li kien lest biex joħroġ lill-poplu taʼ Ġeħova mill-Eġittu, imma kien żbaljat. Ġeħova kien jaf li Mosè kien baqagħlu x’jitgħallem. Veru, hu kien kuraġġuż, b’saħħtu, u “kien jitkellem b’mod effettiv.” Imma kien jonqsu kwalità li għal Ġeħova hi importanti ħafna—l-umiltà. Meta Mosè qatel raġel Eġizzjan, ma ħasibhiex darbtejn.
Il-Fargħun sar jaf b’dak li għamel. Mingħajr ma ta ċans lil Mosè jispjegalu x’kien ġara, il-Fargħun prova joqtlu. Għalhekk, Mosè ħarab mill-Eġittu. Hu kellu jitlaq il-kumdità u l-ħajja lussuża li kien jgħix u anki l-awtorità li kellu. Hu ma kienx jaf x’se jsib. Mosè żgur li kellu bżonn kuraġġ kbir biex jitlaq kollox warajh u jmur Midjan. F’dik l-art niexfa, hu għamel ħafna snin bħala “resident barrani f’art barranija.” Kien se jkollu l-kuraġġ biex jagħmel il-bidliet li kien hemm bżonn fil-personalità tiegħu? Kien se jsir raġel umli bħalma riedu Ġeħova? Ejja naraw.
Aqra l-istorja mill-Bibbja:
Biex tiddiskuti:
Mosè kif wera kuraġġ matul dan iż-żmien f’ħajtu?
Fittex Iktar
1. X’evidenza hemm li l-Iżraelin kienu skjavi fl-Eġittu bħalma tgħid il-Bibbja? (w20.03 30) A
Courtesy Brooklyn Museum, gift of Theodora Wilbour
Stampa A: Iktar minn 40 isem Semitiku li jagħmlu parti minn lista antika Eġizzjana li turi li kien hemm skjavi Lhud fl-Eġittu
2. Mosè x’tgħallem mill-ġenituri tiegħu u x’tgħallem meta “rċieva l-aqwa edukazzjoni fl-Eġittu”? (Atti 7:22; w02 6/15 10 ¶2-5)
3. L-Eġizzjani kif kienu jidfnu l-mejtin tagħhom? Kif setgħu ħassewhom l-Eġizzjani meta Mosè qatel l-Eġizzjan u ħbieh taħt ir-ramel minflok ma bbalzmah u difnu? (it “L-Eġittu, Eġizzjan” ¶28-wcgr) B
Stampa B: Mumja Eġizzjana
4. Mosè ħarab lejn Midjan. Il-Midjanin u l-Iżraelin x’kellhom komuni? (it “Midjan” Nru. 2 ¶1-2-wcgr)
Aħseb Fuq Dak li Tistaʼ Titgħallem
Dak li għamel Mosè kif jurina li hu importanti li nikkontrollaw ir-rabja?
L-eżempju taʼ Mosè kif jistaʼ jgħin liż-żgħażagħ biex b’kuraġġ jagħmlu miri tajbin? Ċ
Stampa Ċ
B’liema modi oħra tistaʼ timita l-kuraġġ li wera Mosè f’dan ir-rakkont?
Ħu l-Ħin Biex Taħseb Dwar Dawn il-Mistoqsijiet
Din l-istorja x’tgħallimni dwar Ġeħova?
Din l-istorja kif inhi marbuta mal-iskop taʼ Ġeħova?
Meta Ġeħova jirxoxta lil Mosè, x’nixtieq nistaqsih dwar dan iż-żmien f’ħajtu?
Tgħallem Iktar
Ara kif nistgħu nimitaw lil Mosè f’dak li kien lest li jċedi għal Ġeħova.
Imita lil Dawk li Kellhom il-Fidi—Mosè, Mhux il-Fargħun (2:27)
Mosè għażel li ma jgħixx ħajja lussuża biex jaqdi lil Ġeħova. Nistgħu nagħmlu hekk illum?