LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • wcg kap. 12 p. 62-p. 65
  • Hu Baqaʼ Leali Lejn Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Hu Baqaʼ Leali Lejn Alla
  • B’Kuraġġ Għix Kif Jogħġob lil Alla
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Fittex Iktar
  • Aħseb Fuq Dak li Tistaʼ Titgħallem
  • Ħu l-Ħin Biex Taħseb Dwar Dawn il-Mistoqsijiet
  • Tgħallem Iktar
  • Tnax-il spija
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Obdi lil Ġeħova b’Qalbek Kollha
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2021
  • Ittama f’Jehovah b’Qalbek Kollha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • It-12-il Spija
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
Ara Iżjed
B’Kuraġġ Għix Kif Jogħġob lil Alla
wcg kap. 12 p. 62-p. 65

12 KALEB

Hu Baqaʼ Leali Lejn Alla

Edizzjoni Stampata
Edizzjoni Stampata

FIŻ-ŻMIEN meta Mosè ħarab mill-Eġittu, koppja Iżraelija li kienu lsiera kellhom tarbija u semmewha Kaleb. Kaleb trabba bħala lsir, imma mbagħad ġie meħlus. Meta Kaleb kellu madwar 40 sena, Mosè reġaʼ mar l-Eġittu għax Ġeħova kien bagħtu biex jeħles il-poplu tiegħu, l-Iżraelin. Ġeħova kien bagħat l-Għaxar Kastigi, fired il-Baħar l-Aħmar, u ħeles lill-poplu tiegħu mill-Eġittu. Min jaf kif ħassu Kaleb meta ra l-qawwa taʼ Ġeħova f’dawn l-affarijiet.

Kaleb qatt ma nesa dawn il-ġrajjiet inkuraġġanti. Hu baqaʼ leali lejn Ġeħova anki meta ħafna Iżraelin tilfu l-fiduċja fih u ftit xhur wara rribellaw meta kienu fejn il-Muntanja Sinaj. Ftit wara dan, Mosè ta inkarigu importanti lil Kaleb. Hu kellu jmur bħala spija flimkien maʼ Ġożwè u għaxar kapijiet oħra.

It-12-il raġel b’kuraġġ marru f’Kangħan u għamlu 40 ġurnata hemmhekk biex jitkixxfu dwar il-bliet, in-nies, u x’affarijiet kienet tipproduċi l-art. Huma ħadu lura magħhom xi frott, inkluż għanqud għeneb. Dan tant kien kbir li kellhom iġorruh tnejn min-nies. Imma meta l-għaxar spiji qalu lill-Iżraelin dwar dak li kienu raw, x’aktarx Kaleb kien iddiżappuntat meta semaʼ dak li qalu. Il-Bibbja tgħid: “Lill-Iżraelin baqgħu jagħtuhom rapport ħażin.” Huma bdew igergru li l-Kangħanin kienu ġganti. Saħansitra qalu li kienu t-tfal tan-Nefilim, imma dan ma kienx jagħmel sens għaliex in-Nefilim kienu nqerdu fid-Dulluvju. L-Iżraelin kollha ħassewhom skuraġġiti, u xi wħud anki riedu jagħmlu mexxej ġdid biex jerġaʼ jiħodhom lura l-Eġittu.

Kaleb qed jitkellem mal-Iżraelin u qed jurihom ftit mill-ikel li ġabu mill-Art Imwiegħda. Ġożwè, Mosè, u Aron qegħdin bilwieqfa waqt li xi nies mill-folla qed jirrabjaw.

Kaleb u Ġożwè ma tilfux il-fiduċja tagħhom f’Ġeħova. Huma pprovaw jinkuraġġixxu lil dawk li ħassewhom skuraġġiti billi qalulhom: “Għandna lil Ġeħova magħna. Tibżgħux minnhom.” Imma dan il-kliem irrabja ħafna lil dawk l-Iżraelin li ma kellhomx fidi f’Ġeħova. Tant hu hekk, li lil Kaleb u lil Ġożwè riedu jwaddbulhom il-ġebel sakemm joqtluhom!

Ġeħova vera kien imweġġaʼ. Wara dak kollu li kien għamel biex jeħlishom minn taħt idejn l-Eġizzjani, li kien poplu b’saħħtu, l-Iżraelin malajr tilfu l-fidi tagħhom fih. Madankollu, Alla nnota l-kuraġġ u l-fidi taʼ Kaleb u Ġożwè. Ġeħova qal: “Il-qaddej tiegħi Kaleb kellu attitudni differenti u baqaʼ miexi warajja b’qalbu kollha.” Ġeħova ddeċieda li l-Iżraelin kollha li ma wrewx fidi kellhom imutu fid-deżert.a Imma Kaleb u Ġożwè kienu se jkunu fost dawk il-ftit li Ġeħova kien se jħallihom jidħlu fl-Art Imwiegħda.

Kaleb baqaʼ leali lejn Ġeħova minkejja li l-Iżraelin ma baqgħux leali u riedu jweġġgħuh

Matul l-40 sena li l-Iżraelin kienu fid-deżert, Kaleb kompla juri fidi u kuraġġ. Hu kien leali u baqaʼ jissapportja lil Mosè. Apparti minn hekk, meta Ġeħova qal lil Ġożwè biex imexxi lill-Iżraelin mix-Xmara Ġordan għall-Art Imwiegħda wara li kien miet Mosè, Kaleb issapportja lil Ġożwè. Ukoll, meta Kaleb kiber fl-età wera li kien kuraġġuż billi ġġieled kontra l-għedewwa t’Alla f’Kangħan.

Sitt snin wara li l-poplu t’Alla qasam ix-Xmara Ġordan, huma kienu diġà rebħu ħafna mill-Art Imwiegħda. Fl-aħħar, Kaleb setaʼ jagħżel fejn xtaq jgħix mal-familja tiegħu. Hu għażel Ħebron, l-istess post fejn l-għaxar spiji qalu li ħadd ma setaʼ jgħix hemm minħabba l-ġganti li kien hemm. Għalkemm Kaleb kellu 85 sena, hu baqaʼ juri fidi f’Ġeħova u qal: “Ġeħova żgur se jkun miegħi, u jien inkeċċihom bħalma wiegħed Ġeħova.” U hekk ġara. Kaleb rebaħ il-belt u beda jgħix hemm mal-familja tiegħu. Wara, l-Bibbja tgħid: “Ma kienx hemm gwerer fl-art.”

Ħafna snin qabel, Mosè kien qal lil Kaleb: “Int imxejt wara Ġeħova l-Alla tiegħi b’qalbek kollha.” Nistgħu nkunu ċerti li Kaleb baqaʼ jagħmel hekk sakemm miet u żgur li se jerġaʼ jagħmel hekk meta Ġeħova jqajmu fil-Ġenna tal-art!

Aqra l-istorja mill-Bibbja:

  • Numri kapitlu 13; 14:1-12, 20-38

  • Ġożwè 14:6-15

Biex tiddiskuti:

Kaleb kif wera kuraġġ?

Fittex Iktar

  1. 1. L-għeneb li kien hemm fl-Art Imwiegħda, vera kien kbir kif jiddeskrivi Numri 13:23? (w06 6/15 16 ¶1-2)

  2. 2. L-Art Imwiegħda vera kien fiha ħafna “ħalib u għasel” bħalma ddeskrivewha Kaleb u Ġożwè? (Num. 14:8; w11 3/1 15-wcgr) A

    Arkeologa qed teżamina bejtiet tan-naħal magħmulin mit-tafal li sabu f’Iżrael.

    Institute of Archaeology/Hebrew University © Tel Rehov Excavations

    Stampa A: Bejtiet tan-naħal magħmulin mit-tafal f’Iżrael, li jmorru lura għal madwar 3,000 sena ilu

  3. 3. Meta Mosè minn Kades bagħat it-12-il spija, l-Iżraelin kemm kienu qrib l-Art Imwiegħda? (w04 10/15 17 ¶11-12) B

    Mappa li turi l-vjaġġ twil li għamlu l-Iżraelin mill-Eġittu għal Kades, li jgħaddi minn ħdejn il-Muntanja Sinaj. Kif ukoll qed turi l-vjaġġ qasir minn Kades għal Bir-xeba u Ħebron fl-Art Imwiegħda.

    Stampa B

  4. 4. Ġeħova kif ippremja lil Kaleb talli wera l-fidi u l-kuraġġ? (w06 10/1 18 ¶11)

Aħseb Fuq Dak li Tistaʼ Titgħallem

  • Għalkemm Kaleb wera l-fidi, hu xorta kellu jgħix fid-deżert mal-kumplament tal-Iżraelin. Minkejja dan, hu b’umiltà baqaʼ jafda f’Ġeħova. F’liema sitwazzjonijiet nistgħu nimitaw lil Kaleb?

  • L-eżempju taʼ Kaleb kif jgħinna biex ma ‘mmorrux wara l-folla’? (Eżo. 23:2) Ċ

    Grupp taʼ stampi: 1. Oħt għandha mowbajl f’idha li juri riklam taʼ film li se joħroġ, jismu “Death Destiny.” Hemm Bibbja miftuħa fuq il-mejda quddiemha. 2. Il-messaġġi fuq il-mowbajl tagħha jgħidu: “Dan il-film jidher sabiħ! Tridu mmorru narawh il-Ġimgħa?,” “Iva! Iġri jasal!,” u “Aħna niġu!” L-oħt twieġeb lura: “M’iniex ċerta. Nistaʼ nkellimkom dwaru?” 3. Koppja, żagħżugħ, u żagħżugħa qed jieħdu gost bl-istedina li rċivew fuq il-mowbajl. L-oħt li ssemmiet qabel qed tara l-istedina imma tidher imħassba.

    Stampa Ċ

  • Int kif tistaʼ turi l-kuraġġ li wera Kaleb?

Ħu l-Ħin Biex Taħseb Dwar Dawn il-Mistoqsijiet

  • Din l-istorja x’tgħallimni dwar Ġeħova?

  • Din l-istorja kif inhi marbuta mal-iskop taʼ Ġeħova?

  • Meta Ġeħova jirxoxta lil Kaleb, x’nixtieq nistaqsih?

Tgħallem Iktar

Ara kif il-kuraġġ li kellu Kaleb ġie minħabba l-fidi li kellu.

“Kuraġġużi Permezz tal-Fidi u l-Biżaʼ minn Alla” (w06 10/1 16-19 ¶1-12)

Kaleb li kellu 85 sena għala qal: “Jien imxejt wara Ġeħova l-Alla tiegħi b’qalbi kollha”? (Ġoż. 14:8)

“Do You Follow Jehovah Fully?” (w93-E 5/15 26-29)

a Id-deċiżjoni li ħa Ġeħova ma kinitx tinkludi l-Leviti jew Iżraelin oħrajn li kellhom inqas minn 20 sena dak iż-żmien.​—Num. 14:29.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja