LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 3/1 pp. 13-18
  • Ittama f’Jehovah b’Qalbek Kollha

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ittama f’Jehovah b’Qalbek Kollha
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Eżempji Tajbin taʼ Ġożwè u Kaleb
  • Għala Għandna Nittamaw f’Jehovah Kompletament
  • David Kien Jittama f’Jehovah
  • Ħeżekija Kellu Raġun Jittama f’Jehovah
  • Xi Jfisser li Tittama f’Jehovah?
  • Segwi l-​Eżempju taʼ Pawlu
  • Il-Fiduċja Hija Vitali għal Ħajja Ferħana
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Afda lill-​Aħwa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Tnax-il spija
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Saħħaħ il-Fiduċja Tiegħek f’Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 3/1 pp. 13-18

Ittama f’Jehovah b’Qalbek Kollha

“Fik jittama min jagħraf lil ismek.”—Salm 9:11 (9:​10, NW).

1, 2.X’inhuma xi affarijiet li n-​nies għalxejn qed jafdaw fihom għas-​sigurtà?

ILLUM, meta tant affarijiet qed jheddulna l-​kundizzjoni taʼ ħajjitna, huwa normali li nfittxu lil xi ħadd jew xi ħaġa li se tipprovdilna s-​sigurtà. Xi wħud jaħsbu li jekk ikollhom iktar flus se jkollhom futur fis-​sigurtà, iżda meta niġu għall-​fatti, il-​kenn li jagħtu l-​flus ma tantx hu taʼ min joqgħod fuqu. Il-​Bibbja tgħid: “Min iserraħ fuq ġidu jispiċċa biex jaqaʼ.” (Proverbji 11:28) Oħrajn jittamaw fil-​mexxejja umani, iżda anki l-​aqwa wieħed minn dawn jiżbalja. U fl-​aħħar mill-​aħħar, kollha jmutu. B’mod għaqli, il-​Bibbja tgħid: “La tittamawx fil-​kbarat, għax il-​bniedem ma jsalvakomx.” (Salm 146:3) Ukoll, dan il-​kliem ispirat iwissina kontra li nafdaw fl-​isforzi tagħna li nagħmlu waħedna. Aħna wkoll sempliċi ‘bnedmin.’

2 Il-​profeta Isaija kkritika lill-​mexxejja tal-​ġens taʼ Iżrael taʼ żmienu għaliex fdaw f’“kenn il-​gideb.” (Isaija 28:​15-17) Fit-​tfittxija tagħhom għas-​sigurtà, huma fformaw alleanzi politiċi maʼ ġnus fil-​qrib. Dawn l-​alleanzi ma kinux taʼ min joqgħod fuqhom—kienu gidba. B’mod simili, illum ħafna mexxejja reliġjużi jikkultivaw relazzjonijiet mal-​mexxejja politiċi. Dawn l-​alleanzi wkoll juru li huma ‘gidba.’ (Apokalissi 17:​16, 17) Mhux se jġibu sigurtà dejjiema.

L-​Eżempji Tajbin taʼ Ġożwè u Kaleb

3, 4. Ir-​rapport li taw Ġożwè u Kaleb kif kien differenti minn dak li taw l-​għaxar spiji l-​oħra?

3 Mela, fejn għandna nfittxu s-​sigurtà? Fl-​istess post li fittxewha Ġożwè u Kaleb fi żmien Mosè. Ftit wara li Iżrael ġie meħlus mill-​Eġittu, il-​ġens kien imħejji sew biex jidħol f’Kangħan, l-​Art Imwiegħda. Intbagħtu tnax-il raġel bħala spiji f’din l-​art, u fi tmiem l-​40 jum ġew lura biex jagħtu r-​rapport tagħhom. Tnejn biss, Ġożwè u Kaleb, tkellmu b’mod pożittiv dwar iċ-​ċans li kellu Iżrael biex jirnexxi f’Kangħan. L-​oħrajn qablu magħhom li l-​art kienet taʼ min jixtieqha imma qalu: “In-​nies li joqogħdu fiha huma nies taʼ saħħa, u l-​ibliet magħluqa bis-​swar u kbar ħafna . . . Ma nistgħux naħbtu għal poplu jiflaħ aktar minna.”—Numri 13:​27, 28, 31.

4 L-​Iżraelin taw kas taʼ dak li qalulhom l-​għaxar spiji u bdew jibżgħu, tant li waslu biex bdew igergru kontra Mosè. Fl-​aħħar, Ġożwè u Kaleb qalulhom b’żelu jbaqbaq: “Il-​pajjiż, li aħna morna nitkixxfuh, hu art tajba bil-​bosta. Jekk jiffavorina l-​Mulej żgur li jdaħħalna f’din l-​art, u jagħtihielna: hi art li tnixxi ħalib u għasel. Biss la teħduhiex kontra l-​Mulej, u la tibżgħux mill-​poplu tal-​pajjiż.” (Numri 14:​6-9) Xorta waħda, l-​Iżraelin ma ridux jisimgħu u, bħala riżultat, ma tħallewx jidħlu fl-​Art Imwiegħda f’dak iż-​żmien.

5. Ġożwè u Kaleb għala taw rapport favorevoli?

5 Ġożwè u Kaleb għala taw rapport tajjeb, filwaqt li l-​għaxar spiji taw wieħed ħażin? It-​tnax li huma raw l-​istess bliet b’saħħithom u l-​ġnus li kienu stabbiliti hemm. U li qalu l-​għaxar spiji, li Iżrael ma kienx b’saħħtu biżżejjed biex jikkonkwista l-​art, kien minnu. Anki Ġożwè u Kaleb kienu jafuh dan. Madankollu, l-​għaxar spiji raw l-​affarijiet mill-​ħarsa tal-​bniedem. Min-​naħa l-​oħra, Ġożwè u Kaleb fdaw f’Jehovah. Huma kienu raw l-​azzjonijiet qawwija tiegħu fl-​Eġittu, fil-​Baħar l-​Aħmar, u taħt il-​Muntanja Sinaj. Fi qbil maʼ dan, bosta snin wara, ir-​rapporti biss dwar dawn l-​atti kienu biżżejjed biex qanqlu lil Raħab taʼ Ġeriko tissogra ħajjitha għan-​nies taʼ Jehovah! (Ġożwè 2:​1-24; 6:​22-25) Ġożwè u Kaleb, li raw b’għajnejhom stess dak li wettaq Jehovah, kellhom fiduċja sħiħa li Alla kien se jkompli jiġġieled għan-​nies tiegħu. Erbgħin sena wara, meta ġenerazzjoni ġdida taʼ Iżraelin, taħt it-​tmexxija taʼ Ġożwè, immarċjaw għal ġo Kangħan u kkonkwistaw l-​art, intwera biċ-​ċar li l-​fiduċja taʼ Ġożwè u Kaleb f’Jehovah kienet f’waqtha.

Għala Għandna Nittamaw f’Jehovah Kompletament

6. Il-​Kristjani llum għala jinsabu taħt pressjoni, u fejn għandhom iserrħu l-​fiduċja tagħhom?

6 F’dan iż-​“żmien iebes,” aħna, bħall-​Iżraelin, niffaċċjaw għedewwa li huma iktar qawwija minna. (2 Timotju 3:1) Ninsabu taħt pressjoni, kemm moralment, kif ukoll spiritwalment, u xi drabi, anki fiżikament. Waħedna ma nistgħux negħlbu dawn il-​pressjonijiet minħabba li dawn ġejjin minn sors sovruman, Satana x-​Xitan. (Efesin 6:12; 1 Ġwann 5:19) Allura, fejn nistgħu nfittxu l-​għajnuna? Meta kien qed jitlob lil Jehovah, raġel leali tal-​qedem qal: “Fik jittama min jagħraf lil ismek.” (Salm 9:11 [9:​10, NW]) Jekk verament nafu lil Jehovah u nifhmu xi jfisser ismu, se nafdaw fih daqskemm fdaw fih bis-​sħiħ Ġożwè u Kaleb.—Ġwann 17:3.

7, 8. (a) Il-ħolqien kif jagħtina għalxiex nafdaw f’Jehovah? (b) Il-​Bibbja liema raġunijiet tagħtina biex nafdaw f’Jehovah?

7 Għala għandna nafdaw f’Jehovah? Waħda mir-​raġunijiet għala Ġożwè u Kaleb fdaw fih kienet għax raw turijiet tal-​qawwa tiegħu. Anki aħna rajniehom. Per eżempju, ikkunsidra x-​xogħol tal-​ħolqien taʼ Jehovah, inkluż l-​univers bil-​biljuni taʼ galassji li fih. Il-​qawwiet fiżiċi immensi li jikkontrolla Jehovah juruna li hu tassew Dak li Jistaʼ Kollox. Hekk kif nimmeditaw dwar il-​meravilji tal-​ħolqien, ikollna naqblu maʼ Ġob li qal dwar Jehovah: “Min se jżommu? Min se jgħidlu: ‘X’int tagħmel hemm?’” (Ġob 9:12) Verament, jekk Jehovah huwa magħna m’għandna għalfejn nibżgħu minn ħadd fl-​univers.—Rumani 8:31.

8 Ikkunsidra wkoll il-​Kelma taʼ Jehovah, il-​Bibbja. Dan is-​sors li ma jispiċċa qatt t’għarfien divin għandu l-​qawwa li jgħinna negħlbu prattiċi ħżiena u nirranġaw ħajjitna fi qbil mar-​rieda taʼ Jehovah. (Lhud 4:12) Huwa permezz tal-​Bibbja li nsiru nafu lil Jehovah b’ismu u naraw xi jfisser dak l-​isem. (Eżodu 3:14) Aħna nirrealizzaw li Jehovah jistaʼ jkun dak kollu li jagħżel—Missier kollu mħabba, Imħallef ġust, u Gwerrier rebbieħ—sabiex iwettaq l-​iskopijiet tiegħu. U aħna naraw kif kelmtu dejjem isseħħ. Hekk kif nistudjaw il-​Kelma t’Alla, nitqanqlu biex ngħidu l-​istess kliem tas-​salmista: “Jien nafda fil-​kelma tiegħek.”—Salm 119:42; Isaija 40:8.

9. L-​arranġament tal-​fidwa u l-​irxoxt taʼ Ġesù kif isaħħulna l-​fiduċja tagħna f’Jehovah?

9 L-​arranġament tal-​fidwa hu raġuni oħra għala għandna nafdaw f’Jehovah. (Mattew 20:28) Kemm hi xi ħaġa meraviljuża li Jehovah bagħat lil Ibnu stess biex imut għalina ħalli jifdina! U l-​fidwa hi tassew qawwija. Din tkopri d-​dnubiet tal-​bnedmin kollha li jindmu u jduru lejn Jehovah b’qalb onesta. (Ġwann 3:16; Lhud 6:10; 1 Ġwann 4:​16, 19) Parti mill-​proċess biex jitħallas il-​prezz tal-​fidwa kien l-​irxoxt taʼ Ġesù. Dan il-​miraklu, li mijiet taʼ wħud rawh b’għajnejhom stess, jagħtina raġuni oħra biex nafdaw f’Jehovah. Hu garanzija li t-​tamiet tagħna mhux se jispiċċaw fix-​xejn.—Atti 17:31; Rumani 5:5; 1 Korintin 15:​3-8.

10. Liema raġunijiet persunali għandna biex nafdaw f’Jehovah?

10 Dawn huma biss ftit mir-​raġunijiet għala nistgħu u għandu jkollna fiduċja sħiħa f’Jehovah. Hemm ħafna iktar raġunijiet, u xi wħud minnhom huma persunali. Per eżempju, kultant ilkoll kemm aħna niffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli f’ħajjitna. Hekk kif infittxu l-​gwida taʼ Jehovah biex niffaċċjawhom, naraw kemm hi prattika din il-​gwida. (Ġakbu 1:​5-8) Iktar ma nistrieħu fuq Jehovah fil-​ħajja tagħna taʼ kuljum u naraw ir-​riżultati tajbin lil jiġu minn dan, iktar se tissaħħaħ il-​fiduċja tagħna fih.

David Kien Jittama f’Jehovah

11. David minkejja liema ċirkustanzi poġġa l-​fiduċja tiegħu f’Jehovah?

11 David taʼ Iżrael tal-​qedem kien individwu li jafda f’Jehovah. David iffaċċja t-​theddid tas-​Sultan Sawl, li ried joqtlu, u taʼ l-​armata qawwija tal-​Filistin li kienu qed jipprovaw jegħlbu lil Iżrael. Xorta waħda, hu baqaʼ ħaj u saħansitra rebaħ. Għala? David stess jispjega: “Il-​Mulej id-​dawl u s-​salvazzjoni tiegħi; minn min għandi nibżaʼ? Il-​Mulej hu l-​kenn tiegħi; quddiem min għandi nitwerwer?” (Salm 27:1) Aħna wkoll se nirbħu jekk bl-​istess mod nafdaw f’Jehovah.

12, 13. David kif uriena li għandna nafdaw f’Jehovah anki meta dawk li jopponuna jużaw ilsienhom bħala arma kontrina?

12 Darba minnhom David talab: “Ismaʼ, o Alla, leħen it-​tnehid tiegħi; mill-​biżaʼ taʼ l-​għadu ħarisli ħajti. Aħbini mill-​konfoffa tal-​ħżiena, mit-​tixwix taʼ dawk li jagħmlu l-​ħażen, dawk li jsinnu bħal sejf ilsienhom, jitfgħu kliem iebes bħal vleġeġ, biex mill-​moħba jolqtu ’l min hu bla ħtija, jolqtuh għal għarrieda, bla biżaʼ taʼ xejn.” (Salm 64:​2-5 [62:​1-4, NW]) Aħna ma nafux fiċ-​ċert x’qanqal lil David biex jikteb dan il-​kliem. Iżda nafu li bl-​istess mod illum, dawk li jopponuna ‘jsinnu lsienhom’ billi jużaw il-​kliem bħala arma tal-​gwerra. Huma “jolqtu” lill-​Kristjani bla ħtija, billi jgħidu jew jiktbu kliem li jużawh bħala “vleġeġ” biex jagħtu impressjoni ħażina dwarna. Jekk ikollna fiduċja li ma titħarrikx f’Jehovah, x’se jkun ir-​riżultat?

13 David ikompli jgħid: “Alla bil-​vleġeġ jolqothom; f’daqqa waħda jimtlew kollhom ġrieħi. Minħabba lsienhom isiru ħerba. . . . Jifraħ il-​ġust fil-​Mulej u fih jistkenn; jiftaħru dawk kollha taʼ qalbhom safja.” (Salm 64:​8-11 [64:​7-10 NW]) Iva, anki jekk l-​għedewwa jsinnu lsienhom kontrina, fl-​aħħar mill-​aħħar “minħabba lsienhom isiru ħerba.” Maż-​żmien, Jehovah idawwar l-​affarijiet biex jaħdmu favur dawk li jittamaw fih, sabiex ikunu jistgħu jifirħu fih.

Ħeżekija Kellu Raġun Jittama f’Jehovah

14. (a) Ħeżekija f’liema sitwazzjoni perikoluża ttama f’Jehovah? (b) Ħeżekija kif wera li m’emminx il-​gideb taʼ l-​Assirjan?

14 Is-​Sultan Ħeżekija wkoll kellu raġun jittama f’Jehovah. Matul il-​ħakma taʼ Ħeżekija, l-​armata qawwija taʼ l-​Assirja heddet lil Ġerusalemm. Din l-​armata kienet qerdet lil ħafna ġnus oħra. Kienet saħansitra rebħet il-​bliet taʼ Ġuda sakemm Ġerusalemm biss kienet għadha ħielsa, u Sanħerib ftaħar li kien se jaħkem lil din il-​belt ukoll. Permezz taʼ Rabsaki, hu stqarr—b’mod eżatt—li jekk jafdaw fl-​Eġittu għall-​għajnuna kien se jkun għalxejn. Madankollu, imbagħad hu qal: “Lil Alla tiegħek, li fih int tqiegħed it-​tama tiegħek, tħallihx iqarraq bik billi jgħidlek li Ġerusalemm ma tistax tingħata f’idejn is-​sultan taʼ l-​Assirja!” (Isaija 37:10) Iżda Ħeżekija kien jaf li Jehovah ma kienx se jqarraq bih. Għalhekk, hu talab u qal: “Mulej Alla tagħna, salvana minn idu [minn id l-​Assirjan], u jkunu jafu s-​saltniet kollha taʼ l-​art li inti waħdek Alla, Mulej.” (Isaija 37:20) Jehovah semaʼ t-​talba taʼ Ħeżekija. F’lejl wieħed, anġlu qatel 185,000 suldat Assirjan. Ġerusalemm inħelset, u Sanħerib ħalla l-​art taʼ Ġuda. Dawk kollha li semgħu dwar din il-​ġrajja saru jafu kemm hu kbir Jehovah.

15. X’inhi l-​unika ħaġa li se tgħinna nħejju ruħna għal kwalunkwe ċirkustanza diffiċli li nistgħu nsibu ruħna fiha f’din id-​dinja li m’hi stabbli xejn?

15 Illum, bħal Ħeżekija, ninsabu f’sitwazzjoni qisha taʼ gwerra. Fil-​każ tagħna, il-​gwerra hija spiritwali. Xorta waħda, bħala gwerriera spiritwali, għandna bżonn nikkultivaw abbiltajiet li se jżommuna ħajjin spiritwalment. Irridu nantiċipaw l-​attakki u nħejju lilna nfusna biex inkunu nistgħu niġġildulhom. (Efesin 6:​11, 12, 17) F’din id-​dinja li m’hi stabbli xejn, is-​sitwazzjonijiet jistgħu jinbidlu f’daqqa waħda. L-​inkwiet ċivili jistaʼ jinqalaʼ bla mistenni. Il-​pajjiżi li s-​soltu jittolleraw reliġjonijiet oħrajn jistgħu ma jibqgħux jittollerawhom. Se nkunu lesti għal dak kollu li jistaʼ jiġri biss jekk, bħal Ħeżekija, inħejju lilna nfusna billi nikkultivaw fiduċja li ma titħarrikx f’Jehovah.

Xi Jfisser li Tittama f’Jehovah?

16, 17. Kif nuru li qed nittamaw f’Jehovah?

16 Ma tistax tittama f’Jehovah bil-​kliem biss. Il-​fiduċja tinvolvi l-​qalb u tintwera bl-​azzjonijiet tagħna. Jekk nafdaw f’Jehovah, aħna se nafdaw kompletament fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Se naqrawha kuljum, nimmeditaw fuqha, u nħalluha tiggwidana f’ħajjitna. (Salm 119:105) Li nittamaw f’Jehovah jinvolvi wkoll li nafdaw fil-​qawwa taʼ l-​ispirtu qaddis. Bl-​għajnuna taʼ l-​ispirtu qaddis, nistgħu nikkultivaw frott li jogħġob lil Jehovah u nistgħu negħlbu vizzji ħżiena li jkollhom l-​għeruq fil-​fond. (1 Korintin 6:11; Galatin 5:​22-24) Għalhekk, bl-​għajnuna taʼ l-​ispirtu qaddis, ħafna rnexxielhom jaqtgħu t-​tipjip jew id-​drogi. Oħrajn ħallew warajhom stil taʼ ħajja immorali. Iva, jekk nittamaw f’Jehovah naġixxu bis-​saħħa tiegħu, mhux bis-​saħħa tagħna stess.—Efesin 3:​14-18.

17 Barra minn hekk, li nafdaw f’Jehovah ifisser li nafdaw f’min jafda hu. Per eżempju, Jehovah għamel l-​arranġament taʼ l-​ilsir leali u diskret biex jieħu ħsieb l-​interessi tas-​Saltna fuq l-​art. (Mattew 24:​45-47) Aħna ma nipprovawx naġixxu b’mod indipendenti, u ma ninjorawx il-​ħatra taʼ l-​ilsir leali, għaliex nafdaw fl-​arranġament taʼ Jehovah. Iżjed minn hekk, hemm l-​anzjani li jaqdu fil-​kongregazzjoni lokali li, skond l-​appostlu Pawlu, huma maħturin bl-​ispirtu qaddis. (Atti 20:28) Jekk nikkooperaw maʼ l-​arranġament taʼ l-​anzjani fil-​kongregazzjoni, se nkunu wkoll qed nuru li nittamaw f’Jehovah.—Lhud 13:17.

Segwi l-​Eżempju taʼ Pawlu

18. Il-​Kristjani llum kif isegwu l-​eżempju taʼ Pawlu, iżda fiex ma jpoġġux il-​fiduċja tagħhom?

18 L-​appostlu Pawlu ffaċċja ħafna provi fil-​ministeru tiegħu, kif niffaċċjaw aħna lkoll. Fi żmienu, il-​Kristjanità ġiet rappreżentata ħażin lill-​awtoritajiet, u kultant ipprova jikkoreġi dawn l-​impressjonijiet żbaljati jew jistabbilixxi x-​xogħol taʼ l-​ippridkar b’mod legali. (Atti 28:​19-22; Filippin 1:7) Illum, il-​Kristjani jsegwu l-​eżempju tiegħu. Kulmeta jkun possibbli, aħna ngħinu lil oħrajn biex ikunu informati dwar xogħolna, billi nużaw kull mezz disponibbli. U aħna naħdmu biex niddefendu u nistabbilixxu legalment l-​aħbar tajba. Madankollu, ma npoġġux il-​fiduċja kollha tagħna f’dawn l-​isforzi. Dan għaliex aħna ma nqisux ir-​rebħa taʼ kawżi fil-​qorti jew il-​fatt li niksbu fama tajba bħala affarijiet li jeffettwaw is-​suċċess jew il-​falliment tagħna. Minflok, aħna nafdaw f’Jehovah. Niftakru fl-​inkuraġġiment li ta lil Iżrael tal-​qedem: “Fil-​kwiet u l-​fiduċja qiegħda l-​qawwa tagħkom.”—Isaija 30:15.

19. Meta ħutna kienu qed jiġu persegwitati, għala kellhom raġun jafdaw f’Jehovah?

19 Kultant fl-​istorja moderna tagħna, xogħolna ġie projbit jew ristrett fl-​Ewropa tal-​Lvant u l-​Punent, f’partijiet taʼ l-​Asja u l-​Afrika, u f’pajjiżi taʼ l-​Amerika t’Isfel u taʼ Fuq. Ifisser dan li għalxejn fdajna f’Jehovah? Le. Għalkemm kultant ippermetta li jkun hemm persekuzzjoni ħarxa għal raġuni li għalih kienet valida, Jehovah bl-​imħabba kollha saħħaħ lil dawk li batew minħabba din il-​persekuzzjoni. Meta kienu għaddejjin minnha, ħafna Kristjani stabbilew reputazzjoni mill-​aqwa taʼ fidi u fiduċja f’Alla.

20. Għalkemm għandna mnejn nibbenefikaw mil-​libertà legali, f’liema affarijiet qatt m’aħna se nagħmlu kompromess?

20 Min-​naħa l-​oħra, fil-​maġġuranza tal-​pajjiżi aħna rikonoxxuti legalment, u kultant il-​mezzi tax-​xandir jgħidu affarijiet favurina. Aħna grati taʼ dan u nirrikonoxxu li dan ukoll jgħin biex jintlaħaq l-​iskop taʼ Jehovah. Bil-​barka tiegħu, aħna nużaw il-​libertà akbar li għandna, mhux biex intejbu l-​istil persunali taʼ ħajjitna, iżda biex naqdu lil Jehovah fil-​beraħ u kompletament. Madankollu, qatt ma se nikkompromettu n-​newtralità tagħna, innaqqsu l-​attività tagħna taʼ l-​ippridkar, jew b’xi mod ieħor indgħajfu s-​servizz tagħna lil Jehovah sempliċement biex nidhru sbieħ f’għajnejn l-​awtoritajiet. Aħna sudditi tas-​Saltna Messjanika u ninsabu kompletament man-​naħa tas-​sovranità taʼ Jehovah. It-​tama tagħna m’hijiex f’din is-​sistema t’affarijiet, iżda fid-​dinja l-​ġdida, fejn is-​Saltna Messjanika se tkun l-​uniku gvern li jaħkem fuq l-​art. La l-​bombi, la l-​missili, u lanqas l-​attakki nukleari ma jistgħu jħarrku lil dan il-​gvern jew iwaqqgħuh mis-​sema. Hu invinċibbli u se jwettaq l-​iskop li Jehovah għandu għalih.—Danjel 2:44; Lhud 12:28; Apokalissi 6:1.

21. X’aħna determinati li nagħmlu?

21 Pawlu qal: “Aħna m’aħniex minn dawk li jerġgħu lura, biex nintilfu; aħna minn dawk li jemmnu, biex insalvaw.” (Lhud 10:39) Mela, jalla lkoll naqdu lil Jehovah fedelment sa l-​aħħar. Għandna kull raġuni biex nafdaw kompletament f’Jehovah issa u għal dejjem.—Salm 37:​3, Karm Żammit; 125:1.

X’Tgħallimt?

• Ġożwè u Kaleb għala ġabu lura magħhom rapport favorevoli?

• X’inhuma xi raġunijiet għala għandna nittamaw f’Jehovah kompletament?

• Xi jfisser li tittama f’Jehovah?

• Waqt li nafdaw f’Jehovah, liema waqfa aħna determinati li nieħdu?

[Stampa f’paġna 15]

Ġożwè u Kaleb għala taw rapport favorevoli?

[Stampi f’paġna 16]

Il-​ħolqien jagħtina raġuni qawwija biex nafdaw f’Jehovah

[Sors]

It-​tliet stampi: Courtesy of Anglo-Australian Observatory, photograph by David Malin

[Stampa f’paġna 18]

Li nafdaw f’Jehovah ifisser li nafdaw lil min jafda hu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja