LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 6/1 pp. 7-10
  • Saħħaħ il-Fiduċja Tiegħek f’Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Saħħaħ il-Fiduċja Tiegħek f’Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Żmien li Neżaminaw Lilna Nfusna
  • Bażi għall-​Fiduċja f’Jehovah
  • Modi Kif Insaħħu l-​Fiduċja Tagħna
  • Nagħtu Prova tal-​Fiduċja Tagħna f’Jehovah
  • Afda lill-​Aħwa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Il-Fiduċja Hija Vitali għal Ħajja Ferħana
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Dejjem afda f’Ġeħova!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Afda f’Ġeħova Hekk Kif Joqrob it-Tmiem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 6/1 pp. 7-10

Saħħaħ il-​Fiduċja Tiegħek f’Jehovah

Qed jitfassal komplott qattiel. L-​uffiċjali għoljin kollha tal-​pajjiż poġġew rashom flimkien u ħarġu bi proposta biex issir liġi ġdida. Iridu li jkun hemm il-​piena tal-​mewt għal kulmin jinvolvi ruħu f’xi qima li mhix approvata mill-​Istat.

JINSTEMAʼ familjari dan għalik? L-​istorja miżgħuda b’eżempji taʼ nies li ħolqu l-​inkwiet bl-​iskuża tal-​liġi. Il-​każ li ssemma fil-​paragrafu t’hawn fuq ġara fl-​Imperu Persjan fi żmien il-​profeta Danjel. Il-​liġi li fil-​fatt kellu jgħaddi s-​Sultan Dariju kienet tesiġi hekk: “Jekk xi ħadd, fi żmien tletin jum, jitlob lil xi alla jew lil xi bniedem ieħor ħlief [lis-]sultan, jixħtuh fil-​ħofra taʼ l-​iljuni.”—Danjel 6:​8-10 [6:​7-9, NW].

X’kien se jagħmel Danjel issa li sab ruħu wiċċ imbwiċċ mal-​mewt? Kien se jkompli jafda f’Alla tiegħu, Jehovah, jew kien se jagħmel kompromess u jsegwi dak li saħaq is-​sultan? Ir-​rakkont jgħidilna: “Danjel sar jaf bid-​dokument iffirmat; b’danakollu baqaʼ jagħmel bħas-​soltu. Kien jidħol id-​dar, fejn kellu tieqa miftuħa fil-​kamra taʼ fuq tħares lejn Ġerusalemm, tliet darbiet kuljum, kien jinżel għarkubbtejh u joqgħod jitlob u jfaħħar lil Alla tiegħu.” (Danjel 6:11 [6:​10, NW]) Kulħadd jaf kif spiċċat l-​istorja. Danjel ġie mitfugħ fil-​ħofra taʼ l-​iljuni minħabba l-​fidi tiegħu, imma Jehovah ‘sadd ħalq l-​iljuni’ u salva lill-​qaddej leali tiegħu.—Lhud 11:33; Danjel 6:​17-23 [6:​16-22, NW].

Żmien li Neżaminaw Lilna Nfusna

Illum, il-​qaddejja taʼ Jehovah qegħdin jgħixu f’dinja ostili u qed jiffaċċjaw theddid għall-​benesseri fiżiku u spiritwali tagħhom. Per eżempju, fl-​attakki brutali li seħħew f’ċerti pajjiżi minħabba l-​mibegħda razzjali kien hemm bosta Xhieda li nqatlu. F’postijiet oħra, il-​qaddejja taʼ Jehovah kellhom iħabbtu wiċċhom maʼ nuqqas taʼ ikel, tbatijiet ekonomiċi, diżastri naturali, mard serju, u sitwazzjonijiet oħrajn li kienu taʼ theddida għal ħajjithom. Iktar minn hekk, raw maʼ wiċċhom il-​persekuzzjoni, pressjonijiet fuq il-​post tax-​xogħol, u diversi tentazzjonijiet biex jagħmlu l-​ħażen; u dawn l-​affarijiet kollha jafu jkunu taʼ theddida għall-​ispiritwalità tagħhom. Tabilħaqq, l-​Għadu l-​kbir, Satana, jinsab determinat li jeqred lill-​qaddejja taʼ Jehovah bi kwalunkwe mod li bih jistaʼ jirnexxi.—1 Pietru 5:8.

X’nistgħu nagħmlu meta nħabbtu wiċċna maʼ ċirkustanzi bħal dawn? Għalkemm hija xi ħaġa naturali li nibżgħu meta jkun hemm ħajjitna fin-​nofs, nistgħu nżommu f’moħħna kliem l-​appostlu Pawlu li tant iqawwilna qalbna: “Alla stess qal: ‘Jien m’iniex se nħallik, anqas nitilqek.’ Għalhekk nistgħu ngħidu b’qalbna qawwija: ‘Il-​Mulej l-​għajnuna tiegħi: jien ma nibżax: x’jistaʼ jagħmilli l-​bniedem?’” (Lhud 13:​5, 6) Nistgħu nibqgħu ċerti li Jehovah għadu jħossu l-​istess dwar il-​qaddejja tiegħu llum. Madankollu, mhux biżżejjed li tkun taf bil-​wegħda taʼ Jehovah. Trid tkun konvint li se jaġixxi biex jaqbeż għalina. Għalhekk huwa assolutament importanti li neżaminaw fuq liema bażi qegħdin nibnu l-​fiduċja f’Jehovah u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex dik il-​fiduċja nsaħħuha u nżommuha. Jekk nagħmlu dan, ‘is-​sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem, iżommilna qalbna u moħħna sħaħ fi Kristu Ġesù.’ (Filippin 4:7) Imbagħad meta jiġu l-​provi, inkunu kapaċi naħsbu ċar u naġixxu bil-​għaqal.

Bażi għall-​Fiduċja f’Jehovah

Tassew li għandna ħafna raġunijiet għalxiex nafdaw lill-​Ħallieq tagħna, Jehovah. L-​ewwel fost dawn huwa l-​fatt li Jehovah hu Alla li jħobb u li jimpurtah ġenwinament mill-​qaddejja tiegħu. Darba wara l-​oħra l-​Bibbja tgħidilna dwar kemm Jehovah jieħu ħsieb il-​qaddejja tiegħu b’imħabba. Mosè kiteb dwar il-​mod kif Jehovah aġixxa mal-​poplu magħżul tiegħu, Iżrael: “F’art imwarrba mar isibu, f’deżert waħxi u bla nies. Dar miegħu u ħa ħsiebu: ħarsu bħall-​mimmi taʼ għajnejh.” (Dewteronomju 32:10) Fiż-​żmien modern, Jehovah qed ikompli jieħu ħsieb sewwa l-​qaddejja tiegħu, kemm bħala grupp u kemm bħala individwi. Per eżempju, meta xi wħud mix-​Xhieda ġarrbu nuqqas kbir taʼ ikel matul il-​gwerra ċivili fil-​Bosnja, Jehovah ħa ħsieb li jirċievu l-​provvisti li tant kellhom bżonn bis-​saħħa taʼ l-​isforzi kuraġġużi taʼ ħuthom mill-​Kroazja u l-​Awstrija, li ssograw ħajjithom biex jivvjaġġaw minn territorju perikoluż ferm ħalli jwasslu l-​għajnuna materjali għal ħuthom.a

Peress li Jehovah hu Dak Alla li jistaʼ kollox, żgur li kapaċi jipproteġi lill-​qaddejja tiegħu fi kwalunkwe ċirkustanza. (Isaija 33:22; Apokalissi 4:8) Imma anki meta Jehovah jippermetti li xi wħud mill-​qaddejja tiegħu juru l-​lealtà tagħhom sal-​mewt, hu xorta jsostnihom u jgħinhom iżommu l-​integrità tagħhom, b’mod li dawn ikunu jistgħu jibqgħu sodi, ferħanin, u kalmi sat-​tmiem. Għalhekk jistaʼ jkollna l-​istess fiduċja li kellu s-​salmista: “Kenn u qawwa hu Alla għalina, għajnuna kbira sibnieh fid-​dwejjaq. Għalhekk ma nibżgħux jekk l-​art titriegħed, jew jiġġarrfu l-​muntanji f’nofs taʼ baħar.”—Salm 46:​2, 3 [46:​1, 2, NW].

Il-Bibbja turi wkoll li Jehovah hu Alla tal-​verità. Dan ifisser li dejjem iżomm il-​wegħdi tiegħu. Fil-​fatt, il-​Bibbja tiddeskrivih bħala Alla “li ma jigdibx.” (Titu 1:2) Ladarba Jehovah tenna darba wara l-​oħra li hu lest jipproteġi u jsalva lill-​qaddejja tiegħu, nistgħu nkunu assolutament ċerti li hu mhux biss kapaċi jagħmel hekk imma wkoll li lest iwettaq dak li wiegħed.—Ġob 42:2.

Modi Kif Insaħħu l-​Fiduċja Tagħna

Għalkemm għandna kull raġuni għala nqegħdu l-​fiduċja tagħna f’Jehovah, ma rridux naħsbu li ma nistgħux nitilfuha. Dan għaliex id-​dinja fil-​biċċa l-​kbira tagħha ma tantx turi fidi f’Alla, u din l-​attitudni ma tridx wisq biex iddgħajjef il-​fiduċja tagħna f’Jehovah. Għalhekk, irridu nagħmlu kull sforz biex din il-​fiduċja nsaħħuha u nżommuha. Jehovah dan jafu sew, u pprovdielna l-​mezzi li neħtieġu biex inkunu nistgħu nagħmlu hekk.

L-​ewwelnett, ipprovdielna l-​Kelma miktuba tiegħu, il-​Bibbja, li fiha għadd kbir taʼ rakkonti dwar għemejjel li wettaq hu b’riżq il-​qaddejja tiegħu. Aħseb ftit, kemm tistaʼ tafda lil xi ħadd li ħlief ismu ma tafx? X’aktarx li ftit, jew xejn. Tkun trid taf il-​mod kif jaġixxi u x’inhuma l-​għemejjel tiegħu biex ikollok fiduċja fih, mhux hekk? Hekk kif naqraw u nimmeditaw fuq rakkonti bħal dawn fil-​Bibbja, l-​għarfien tagħna dwar Jehovah u dwar il-​modi meraviljużi tiegħu se jsir iktar profond, u nibdew napprezzaw dejjem iktar kemm hu taʼ min jafdah. B’hekk il-​fiduċja tagħna fih tissaħħaħ. Is-​salmista tana eżempju eċċellenti meta qal f’talba ħerqana ’l Alla: “Niftakar f’għemilek, Mulej; naħseb fl-​għeġubijiet li għamilt fl-​imgħoddi. Naħseb f’kull ma int għamilt; nixtarr l-​għemejjel kbar tiegħek.”—Salm 77:​12, 13 [77:​11, 12, NW].

Barra l-​Bibbja, għandna wkoll sors abbundanti taʼ ikel spiritwali permezz tal-​pubblikazzjonijiet Bibliċi li tipproduċi l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. Fost ħwejjeġ oħra, dawn il-​pubblikazzjonijiet spiss ikun fihom rakkonti kommoventi dwar qaddejja t’Alla fiż-​żmien modern, li juru kif Jehovah kien kapaċi jipprovdilhom l-​għajnuna u s-​serħan meta sabu ruħhom f’sitwazzjonijiet ferm diffiċli. Per eżempju, Martin Poetzinger, li iktar tard sar membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Jehovah, marad serjament meta kien qed jaqdi bħala pijunier f’xi pajjiżi fl-​Ewropa ’l bogħod minn art twelidu. Ma kellux flus, u ebda tabib ma kien lest li jarah. Imma Jehovah m’abbandunahx. Sa fl-​aħħar iltaqaʼ mal-​kap konsulent fl-​isptar lokali. Peress li kien jemmen ħafna fil-​Bibbja, dan ir-​raġel twajjeb ħa ħsieb Ħuna Poetzinger daqslikieku kien ibnu stess, u dan għamlu mingħajr ħlas. Meta naqraw stejjer persunali bħal dawn, il-​fiduċja tagħna f’Missierna tas-​sema żgur li tistaʼ tissaħħaħ.

Għajnuna imprezzabbli oħra li jipprovdi Jehovah biex isaħħaħ il-​fiduċja tagħna fih hija l-​privileġġ prezzjuż tat-​talb. L-​appostlu Pawlu b’imħabba jgħidilna: “Tħabblu raskom b’xejn. Fit-​talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn.” (Filippin 4:6) It-​“talb kollu” jistaʼ jinkludi s-​sentimenti, il-​bżonnijiet, il-​biżgħat, u l-​ansjetajiet tagħna. Iktar ma t-​talb tagħna jkun spiss u mill-​qalb, iktar se tkun qawwija l-​fiduċja tagħna f’Jehovah.

Meta Ġesù Kristu kien fuq l-​art, kultant kien imur waħdu f’xi post imwarrab fejn ħadd ma setaʼ jtellfu biex jitlob. (Mattew 14:23; Mark 1:35) Qabel ħa ċerti deċiżjonijiet importanti, hu saħansitra qattaʼ l-​lejl kollu jitlob lil Missieru. (Luqa 6:​12, 13) Mhux taʼ b’xejn li l-​fiduċja taʼ Ġesù f’Jehovah kienet tant qawwija li kien kapaċi jissaporti l-​iktar prova kerha li xi ħadd qatt setaʼ jgħaddi minnha. L-​aħħar kelmiet tiegħu fuq iz-​zokk tat-​tortura kienu: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi.” Din l-​espressjoni taʼ fiduċja wriet li baqaʼ jafda kompletament f’Missieru sat-​tmiem, avolja Jehovah ma ndaħalx biex isalvah.—Luqa 23:46.

Jerġaʼ, mezz ieħor li għandna biex nibnu l-​fiduċja tagħna f’Jehovah huwa s-​sħubija regulari maʼ dawk li jafdaw fih b’qalbhom kollha. Jehovah kkmanda lin-​nies tiegħu biex jinġemgħu flimkien regolarment ħalli jitgħallmu iktar dwaru u biex jinkuraġġixxu lil xulxin. (Dewteronomju 31:12; Lhud 10:​24, 25) Sħubija bħal din saħħet il-​fiduċja tagħhom f’Jehovah u għamlithom kapaċi jissaportu provi kruċjali tal-​fidi. F’pajjiż ġewwa l-​Afrika fejn ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar kien projbit, ix-​Xhieda taʼ Jehovah ġew imċaħħdin mill-​protezzjoni tal-​pulizija, minn passaport, minn ċertifikat taż-​żwieġ, minn kura fl-​isptar, u minn impjieg. Meta faqqgħet gwerra ċivili f’post wieħed, 39 membru taʼ kongregazzjoni fil-​qrib, inkluż it-​tfal, kellhom jgħixu għal erbaʼ xhur taħt pont baxx fid-​deżert biex jiskansaw ruħhom mill-​isparar li kien qed isir fil-​belt fejn kienu joqogħdu. Waqt li kienu għaddejjin minn tant tbatijiet kbar, id-​diskussjoni taʼ kuljum li għamlu bejniethom fuq xi skrittura mill-​Bibbja, kif ukoll laqgħat oħra tawhom saħħa kbira. B’hekk kienu kapaċi jissaportu din il-​burraxka filwaqt li l-​ispiritwalità tagħhom baqgħet bla mittiefsa. Din l-​esperjenza turi ċar kemm jiswa li niltaqgħu regolarment flimkien mal-​poplu taʼ Jehovah.

Fl-aħħarnett, biex insaħħu l-​fiduċja tagħna f’Jehovah, irridu nżommu ruħna attivi fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna, u nkunu dejjem lesti li naqsmu l-​aħbar tajba m’oħrajn. Dan intwera bl-​esperjenza li tqanqlek taʼ waħda pubblikatriċi żagħżugħa fil-​Kanada li kienet taf li se tmut bil-​lewkimja. Minkejja l-​marda serja li kellha, riedet issir pijuniera regulari, jiġifieri, ministru full-time. Meta l-​marda battiet għal ftit, xahar minnhom ħassitha tajba biżżejjed biex setgħet taqdi bħala pijuniera awżiljarja. Imbagħad il-​kundizzjoni tagħha ħżienet, u mietet ftit xhur wara. Xorta waħda, hi baqgħet soda spiritwalment sa l-​aħħar, u l-​fiduċja tagħha f’Jehovah ma naqsitx lanqas għal mument wieħed. Ommha tiftakar: “Sa l-​aħħar, kienet iktar taħseb f’ħaddieħor milli fiha nfisha. Kienet tinkuraġġihom biex jistudjaw il-​Bibbja, u tgħidilhom, ‘Se nkunu flimkien fil-​Ġenna taʼ l-​Art.’”

Nagħtu Prova tal-​Fiduċja Tagħna f’Jehovah

“Bħalma l-​ġisem mingħajr ruħ hu mejjet, hekk ukoll hi mejta l-​fidi mingħajr għemil.” (Ġakbu 2:26) Dak li qal Ġakbu dwar il-​fidi f’Alla jistaʼ jingħad ukoll dwar il-​fiduċja tagħna Fih. Ngħidu kemm ngħidu li nafdaw f’Alla, ma jkun ifisser xejn jekk dik il-​fiduċja ma nuruhiex bl-​għemil tagħna. Abraham fada għalkollox f’Jehovah u ta prova taʼ dik il-​fiduċja billi obda l-​kmandi tiegħu bla tnikkir, tant li kien lest saħansitra li jissagrifika lil ibnu Iżakk. Minħabba l-​fiduċja taʼ l-​għaġeb li wera u l-​ubbidjenza tiegħu, Abraham sar magħruf bħala l-​ħabib t’Alla.—Lhud 11:​8-10, 17-19; Ġakbu 2:23.

M’hemmx għalfejn nistennew li jkollna xi prova ħarxa biex nuru l-​fiduċja tagħna f’Jehovah. Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-​ħafna; min hu diżonest f’ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-​ħafna.” (Luqa 16:10) Għandna nitgħallmu nafdaw f’Jehovah fl-​attivitajiet taʼ kuljum kollha tagħna, u nobduh anki fi kwistjonijiet li forsi jidhru insinifikanti. Meta nosservaw kemm niksbu benefiċċji meta nuru ubbidjenza bħal din, il-​fiduċja tagħna f’Missierna tas-​sema tissaħħaħ u tagħmilna kapaċi niffaċċjaw provi akbar jew iktar ibsin.

Hekk kif id-​dinja riesqa lejn it-​tmiem katastrofiku tagħha, in-​nies taʼ Jehovah żgur li se jgħaddu minn iktar provi u perikli. (Atti 14:22; 2 Timotju 3:12) Jekk nibnu fiduċja qawwija u sħiħa f’Jehovah issa, inkunu nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn li nidħlu ħajjin fid-​dinja l-​ġdida li hu wiegħed. Dan jistaʼ jsir jew għax nibqgħu ħajjin matul it-​tribulazzjoni l-​kbira jew għax niġu rxoxtati. (2 Pietru 3:13) Jalla qatt ma nħallu xi nuqqas taʼ fiduċja min-​naħa tagħna jħassar ir-​relazzjoni prezzjuża tagħna maʼ Jehovah. Imbagħad, dak li ntqal dwar Danjel wara li nħeles mill-​ħofra taʼ l-​iljuni jkun jistaʼ jingħad dwarna wkoll: “Sabu li ma kienet ġratlu ebda ħsara, għaliex hu kien ittama f’Alla tiegħu.”—Danjel 6:24 [6:​23, NW].

[Nota taʼ taħt]

a Għal iktar dettalji, ara The Watchtower, taʼ l-​1 taʼ Novembru, 1994, paġni 23-7.

[Stampa f’paġna 9]

Meta naqraw rakkonti dwar qaddejja leali taʼ Jehovah, bħal Martin Poetzinger, il-​fidi tagħna tissaħħaħ

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja