Il-Fiduċja Hija Vitali għal Ħajja Ferħana
L-AVVELENAMENT bl-ikel xejn m’hu sabiħ. Xi ħadd li jgħaddi minn din l-esperjenza spiss irid joqgħod b’sebaʼ għajnejn x’jiekol u x’ma jikolx. Imma m’huwiex realistiku li wieħed ma jiekol xejn sabiex jevita r-riskju taʼ l-avvelenament bl-ikel. Jekk jagħmel hekk ikun solva problema u ħoloq ħafna oħrajn. Mingħajr ikel ħadd ma jistaʼ jdum ħaj.
Bl-istess mod, meta xi ħadd ikollu l-fiduċja tiegħu traduta żgur li se jweġġaʼ. Jekk il-fiduċja tiġi traduta ripetutament għandna mnejn naħsbuha sew dwar is-sħubijiet li nagħżlu. Iżda, li niżolaw lilna nfusna sabiex nevitaw għalkollox ir-riskju li xi ħadd jiddiżappuntana m’hijiex is-soluzzjoni t-tajba. Għala le? Għaliex jekk nuru nuqqas taʼ fiduċja f’ħaddieħor nitilfu l-ferħ tagħna stess. Biex ngħixu ħajja kuntenta, għandna bżonn taʼ relazzjonijiet ibbażati fuq fiduċja reċiproka.
“Il-fiduċja hija waħda mill-affarijiet bażiċi għall-komunikazzjoni bla komplikazzjonijiet li jkollna kuljum m’oħrajn,” jgħid il-ktieb Jugend 2002. “Kulħadd jixxennaq għall-fiduċja,” tirrapporta l-gazzetta Neue Zürcher Zeitung. “Il-fiduċja ttejjeb il-kwalità tal-ħajja” tant li “tkun vitali għas-sopravivenza.” Verament, il-gazzetta tkompli tgħid li mingħajr fiduċja “l-bniedem ma jkunx jistaʼ jkampa mal-ħajja.”
Ladarba nħossu l-bżonn bażiku li nuru fiduċja f’ħaddieħor, lil min nistgħu nafdaw mingħajr ir-riskju li niddiżappuntaw ruħna?
Afda f’Jehovah b’Qalbek Kollha
“[“Afda,” NW] fil-Mulej b’qalbek kollha,” tgħidilna l-Bibbja. (Proverbji 3:5) Tabilħaqq, il-Kelma t’Alla kemm-il darba tinkuraġġina biex nafdaw fil-Ħallieq tagħna, Alla Jehovah.
Għala nistgħu npoġġu l-fiduċja tagħna f’Alla? L-ewwelnett, għaliex Alla Jehovah hu qaddis. Il-profeta Isaija kiteb: “Qaddis, qaddis, qaddis hu l-Mulej.” (Isaija 6:3) Tħoss int li l-idea taʼ qdusija ma tantx tiġbdek? Fil-fatt, il-qdusija taʼ Jehovah għandha tiġbdek għaliex hija safja, bla ebda ħażen, u assolutament taʼ min joqgħod fuqha. Hu qatt ma jistaʼ jsir korrott jew abbużiv, u hu impossibbli għalih li jikser il-fiduċja tagħna.
Iktar minn hekk, nistgħu npoġġu l-fiduċja tagħna f’Alla għaliex Hu għandu l-abbiltà u x-xewqa li jappoġġa lil dawk li jaqduh. Per eżempju, il-qawwa suprema tiegħu tagħtih il-kapaċità li jaġixxi. Il-ġustizzja u l-għerf perfetti tiegħu jiggwidaw il-mod kif jaġixxi. U l-imħabba tiegħu li m’hawnx bħalha tqanqlu biex jaġixxi. “Alla hu mħabba,” kiteb l-appostlu Ġwanni. (1 Ġwanni 4:8) L-imħabba li għandu Alla tinfluwenza dak kollu li jagħmel. Il-qdusija taʼ Jehovah u l-kwalitajiet l-oħrajn taʼ l-għaġeb tiegħu jagħmluh Missier ideali, xi ħadd li nistgħu nafdawh b’għajnejna magħluqin. Ħadd u xejn ma jistaʼ qatt ikun taʼ min jafdah daqs Jehovah.
Afda f’Jehovah u Kun Ferħan
Raġuni soda oħra għala għandna nafdaw f’Jehovah hi li hu jifhimna iktar minn kulħadd. Hu jaf li kull bniedem iħoss il-bżonn bażiku li jkollu relazzjoni mal-Ħallieq li tkun fiż-żgur, dejjiema, u bbażata fuq il-fiduċja. Dawk li għandhom relazzjoni bħal din iħossuhom iktar fis-sigurtà. “Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej [“il-fiduċja,” NW] tiegħu.” (Salm 40:5 [40:4, NW]) Miljuni taʼ nies illum qed jidwu b’qalbhom kollha l-ħsibijiet taʼ David.
Ikkunsidra xi eżempji. Doris għamlet xi żmien tgħix fir-Repubblika Dominikana, fil-Ġermanja, fil-Greċja, u fl-Istati Uniti. Hi tgħid: “Jien inħossni ferħana ħafna li poġġejt il-fiduċja tiegħi f’Jehovah. Hu jaf kif jieħu ħsiebi fiżikament, spiritwalment, u emozzjonalment. Hu l-aqwa ħabib li qatt jistaʼ jkollok.” Wieħed konsulent legali jismu Wolfgang jispjega: “Kemm hu taʼ l-għaġeb li jkollok lil xi ħadd li tistaʼ tistrieħ fuqu u li jixtieqlek il-ġid, xi ħadd li jistaʼ—u fil-fatt se—jagħmel dak li hu l-aħjar għalik!” Ham, li twieled fl-Asja imma li issa qed jgħix fl-Ewropa, jikkummenta: “Jien għandi fiduċja sħiħa li Jehovah għandu kontroll fuq kollox, u ma jiżbaljax, u għalhekk inħossni kuntent li nistrieħ fuqu.”
M’għandniex xi ngħidu, ilkoll kemm aħna għandna bżonn nafdaw mhux biss fil-Ħallieq tagħna imma wkoll fin-nies. Għaldaqstant, Jehovah, bħala ħabib għaref u taʼ l-esperjenza, jagħtina parir dwar liema xorta taʼ individwi għandna nafdaw. Billi naqraw il-Bibbja bir-reqqa nkunu nistgħu naraw il-pariri tiegħu dwar din il-ħaġa.
Nies li Nistgħu Nafdaw
“La tittamawx fil-kbarat, għax il-bniedem ma jsalvakomx,” kiteb is-salmista. (Salm 146:3) Din l-istqarrija mnebbħa tgħinna nirrikonoxxu li ħafna mill-bnedmin ma jixirqilhomx li nuru fiduċja fihom. Anki dawk li huma stmati ħafna bħala l-“kbarat” taʼ din id-dinja, bħalma huma l-esperti f’oqsma speċjalizzati taʼ xi tagħlim jew attività, ma jixirqilhomx li nuruhom awtomatikament il-fiduċja tagħna. Il-gwida tagħhom spiss hija żbaljata, u l-fiduċja li tintwera f’dawn il-“kbarat” tistaʼ malajr tinbidel f’diżappunt.
M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li m’għandna nafdaw lil ħadd. Madankollu, jidher ċar li hemm bżonn li nkunu selettivi meta nagħżlu lil min inkunu se nafdaw. Liema prinċipju għandu jiggwidana? Eżempju mill-ġens taʼ Iżrael tal-qedem jistaʼ jkun t’għajnuna għalina. Meta wasal iż-żmien sabiex Mosè jaħtar irġiel biex tingħatalhom responsabbiltà kbira f’Iżrael, hu ngħata l-parir biex ‘jagħżel nies taʼ ħila mill-poplu, nies li jibżgħu minn Alla, nies taʼ fiduċja u jobogħdu r-regħba.’ (Eżodu 18:21) X’nistgħu nitgħallmu minn dan?
Dawn kienu rġiel li kienu juru ċerti kwalitajiet tajbin qabel ma ġew maħturin għall-pożizzjonijiet taʼ fiduċja. Kienu diġà wrew li kellhom il-biżaʼ t’Alla; huma kienu juru riverenza xierqa lejn il-Ħallieq u kienu jibżgħu li jweġġgħulu qalbu. Kulħadd setaʼ jara li dawn l-irġiel kienu jagħmlu dak kollu li jistgħu biex iżommu l-livelli t’Alla. Kienu jobogħdu r-regħba jew il-qligħ b’ingann, u dan kien juri li huma kellhom saħħa morali li ma kinitx se tippermettilhom li jħallu l-poter iħassarhom. Ma kinux se jabbużaw mill-fiduċja għall-interessi persunali tagħhom jew taʼ qrabathom jew ħbiebhom.
Ma jkunx għaqli li aħna nużaw l-istess prinċipju llum meta niġu biex nagħżlu lil min se nafdaw? Nafu b’xi individwi li l-imġiba tagħhom turi li għandhom il-biżaʼ t’Alla? Huma dawn determinati li jżommu l-livelli tiegħu fil-kondotta? Huma nies taʼ integrità biżżejjed biex iżommu lura milli jagħmlu affarijiet mhux xierqa? Huma onesti biżżejjed li ma jipprofittawx ruħhom minn xi sitwazzjoni sabiex tkun tistaʼ tgħaddi tagħhom? Żgur li rġiel u nisa li juru dawn il-kwalitajiet jixirqilhom li nafdawhom.
Tħallix id-Diżappunti taʼ Kultant Jaqtgħulek Qalbek
Meta niġu biex niddeċiedu lil min nistgħu nafdaw, irridu nkunu paċenzjużi, ladarba l-fiduċja tintrebaħ biż-żmien. L-iktar ħaġa għaqlija hi li nibdew nuru fiduċja bil-mod il-mod, pass pass. Kif? Forsi billi għal ċertu perijodu taʼ żmien noqogħdu nosservaw kif iġib ruħu, u ninnotaw kif jaġixxi f’ċerti sitwazzjonijiet. Huwa taʼ min jafdah f’affarijiet żgħar? Per eżempju, jirritornahom hu l-affarijiet li jkun issellef kif ikun wiegħed u huwa puntwali fl-appuntamenti? Jekk inhu hekk, nistgħu nħossuna li hu taʼ min jafdah f’affarijiet iktar serji. Dan hu fi qbil mal-prinċipju: “Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna.” (Luqa 16:10) Jekk inkunu selettivi u paċenzjużi nistgħu nevitaw li jkollna diżappunti kbar.
Iżda, xi ngħidu jekk xi ħadd jiddiżappuntana? L-istudenti tal-Bibbja se jiftakru li fil-lejl li fih ġie arrestat, Ġesù Kristu ħassu diżappuntat ħafna bl-appostli tiegħu. Ġuda l-Iskarjota ttradieh, u l-oħrajn ħarbu bil-biżaʼ. Pietru saħansitra ċaħad lil Ġesù tliet darbiet. Imma Ġesù induna li Ġuda biss aġixxa hekk minn jeddu. Il-fatt li kienu ddiżappuntawh f’dan iż-żmien tant kruċjali ma żammx lil Ġesù milli jkompli juri fiduċja fil-11-il appostlu ftit tal-ġimgħat wara. (Mattew 26:45-47, 56, 69-75; 28:16-20) Bl-istess mod, jekk inħossu li xi ħadd ittradiena, nagħmlu tajjeb li nikkunsidraw jekk dak li f’għajnejna jidher tradiment huwiex tassew nuqqas taʼ fiduċja jew inkella xi dgħjufija tal-ġisem tal-mument.
Jien taʼ Min Jafdani?
Xi ħadd li jiddeċiedi li joqgħod attent lil min jafda jrid ikun sinċier u jistaqsi lilu nnifsu: ‘Jien taʼ min jafdani? Liema livelli raġunevoli taʼ fiduċja għandi nistenna minni nnifsi u minn oħrajn?’
Żgur li xi ħadd li hu taʼ min jafdah dejjem jgħid il-verità. (Efesin 4:25) Hu ma joqgħodx jipprova juża kliem biex jogħġob lil min ikun qed jisimgħu sabiex jakkwista xi ħaġa mingħandu. Jekk iwiegħed xi ħaġa jagħmel dak kollu li jistaʼ biex iżomm kelmtu. (Mattew 5:37) Meta xi ħadd jiftaħ qalbu miegħu, hu jżomm kollox għalih u ma joqgħodx jgħid bih. Xi ħadd taʼ min jafdah hu leali lejn is-sieħba tiegħu. Ma joqgħodx jara l-pornografija, jaħseb fuq fantasiji senswali, u ma joqgħodx jitkessaħ maʼ wħud tas-sess oppost. (Mattew 5:27, 28) Bniedem li hu taʼ min jafdah jaħdem iebes biex imantni lilu nnifsu u lill-familja tiegħu u ma joqgħodx ifittex kif jaqlaʼ l-flus minn fuq dahar ħaddieħor. (1 Timotju 5:8) Jekk inżommu f’moħħna dawn il-livelli raġunevoli u Skritturali se nkunu kapaċi nagħrfu lil min nistgħu nafdaw. Iktar minn hekk, il-fatt li nżommu dawn l-istess livelli taʼ mġiba se jgħinna biex aħna wkoll inkunu taʼ min jafdana.
Kemm tkun xi ħaġa sabiħa li tgħix f’dinja li fiha n-nies kollha jkunu taʼ min jafdahom u fejn ma tismax iktar bid-diżappunti li jiġu minħabba ksur tal-fiduċja! Hija din sempliċi ħolma? Mhux għal dawk li jieħdu l-wegħdi tal-Bibbja bis-serjetà, għaliex il-Kelma t’Alla tbassar li se jkun hemm “art ġdida” li fiha ma jkunx hemm min iqarraq, min jigdeb, u min jipprofitta ruħu minn ħaddieħor u lanqas ma jkun hemm niket, mard, u saħansitra mewt! (2 Pietru 3:13; Salm 37:11, 29; Apokalissi 21:3-5) Ma taħsibx li taʼ min isir jaf iżjed dwar dan il-prospett? Ix-Xhieda taʼ Jehovah jieħdu gost jagħtuk iktar informazzjoni fuq dan is-suġġett jew xi suġġetti vitali oħra.
[Stampa f’paġna 4]
Jekk nuru nuqqas taʼ fiduċja f’ħaddieħor nitilfu l-ferħ tagħna stess
[Stampa f’paġna 5]
M’hemm ħadd li hu taʼ min jafdah daqs Jehovah
[Stampi f’paġna 7]
Ilkoll kemm aħna għandna bżonn taʼ relazzjonijiet ibbażati fuq fiduċja reċiproka