LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w11 3/15 pp. 12-16
  • Afda f’Ġeħova Hekk Kif Joqrob it-Tmiem

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Afda f’Ġeħova Hekk Kif Joqrob it-Tmiem
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Afda f’Alla Meta Tkun Ittantat Biex Tagħmel il-​Ħażen
  • Afda f’Alla Meta Tiffaċċja l-​Apatija u l-​Oppożizzjoni
  • Afda f’Alla Meta Tittratta mal-​Ansjetajiet
  • Ħalli “l-​Paċi t’Alla” Tgħasses lil Qalbek
  • Saħħaħ il-Fiduċja Tiegħek f’Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Il-Fiduċja Hija Vitali għal Ħajja Ferħana
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Afda lill-​Aħwa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Ittama f’Jehovah b’Qalbek Kollha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
w11 3/15 pp. 12-16

Afda f’Ġeħova Hekk Kif Joqrob it-​Tmiem

“Afdaw f’Ġeħova għal dejjem.”—IS. 26:4.

1. Liema kuntrast jeżisti bejn il-​qaddejja t’Alla u n-​nies fid-​dinja?

AĦNA ngħixu f’dinja fejn miljuni taʼ nies m’għadhomx jafu lil min jew x’jaqbdu jafdaw, forsi għaliex ġew imweġġgħin jew diżappuntati ħafna drabi. X’kuntrast mal-​qaddejja taʼ Ġeħova! Minħabba li huma gwidati mill-​għerf t’Alla, huma jafu li m’għandhomx ipoġġu l-​fiduċja tagħhom f’din id-​dinja jew “fin-​nobbli” tagħha. (Salm 146:3) Minflok, huma jħallu ħajjithom u l-​futur tagħhom f’idejn Ġeħova, għaliex jafu li jħobbhom u li dejjem iwettaq Kelmtu.—Rum. 3:4; 8:38, 39.

2. Ġożwè x’setaʼ jgħid dwar kemm Alla hu taʼ min jafdah?

2 Ġożwè tal-​qedem setaʼ jgħid kemm Alla hu taʼ min jafdah. Lejn tmiem ħajtu, hu qal lil sħabu Iżraelin: “Intom tafu sew b’qalbkom kollha u b’ruħkom kollha li lanqas kelma waħda mill-​kliem tajjeb kollu li Ġeħova Alla tagħkom qalilkom ma naqset. Kollu seħħ għalikom.”—Ġoż. 23:14.

3. X’jirrivela l-​isem t’Alla dwaru?

3 Ġeħova jwettaq il-​wegħdi tiegħu mhux sempliċement għax iħobb lill-​qaddejja tiegħu, imma speċjalment minħabba ismu stess. (Eżo. 3:14; 1 Sam. 12:22) Rigward l-​isem divin, l-​introduzzjoni taʼ The Emphasized Bible minn J. B. Rotherham tgħid: “[L-​isem] isir wegħda mill-​iktar ħanina; il-​kapaċità Divina li tadatta ruħha għal kull ċirkustanza, kull diffikultà, kull bżonn li jistaʼ jinqalaʼ . . . [Huwa] wegħda, . . . rivelazzjoni, tifkira, garanzija. Għal dan l-​Isem, Alla dejjem se jkun leali; Hu qatt mhu se jkollu għalfejn jistħi minħabba fih.”

4. (a) Xi jħeġġiġna nagħmlu Isaija 26:4? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

4 Staqsi lilek innifsek: ‘Nafu biżżejjed lil Ġeħova biex ikolli fiduċja assoluta fih? Niffaċċja l-​futur b’fiduċja għax naf li Alla għandu l-​kontroll sħiħ?ʼ Isaija 26:4 jgħid: “Afdaw f’Ġeħova għal dejjem, għax f’Jah Ġeħova hemm il-​Blata taʼ dejjem.” Ngħiduha kif inhi, issa Alla ma jindaħalx b’mod mirakoluż fil-​ħajjiet tan-​nies bħalma għamel kultant fiż-​żminijiet Bibliċi. Minkejja dan, bħala “l-​Blata taʼ dejjem,” hu jistaʼ jiġi fdat “għal dejjem.” Alla tagħna, li hu taʼ min jafdah, kif jgħin lill-​aduraturi leali tiegħu llum? Ejja nikkunsidraw tliet modi: Hu jsaħħaħna meta nfittxu l-​għajnuna tiegħu biex nirreżistu t-​tentazzjoni, hu jappoġġana meta jkollna nikkumbattu mal-​apatija jew oppożizzjoni diretta, u hu jgħinna nħossuna ottimisti meta nkunu mtaqqlin bl-​ansjetajiet. Hekk kif neżaminaw dawn iċ-​ċirkustanzi, kun ċert li tirrifletti dwar kif tistaʼ ssaħħaħ il-​fiduċja tiegħek f’Ġeħova.

Afda f’Alla Meta Tkun Ittantat Biex Tagħmel il-​Ħażen

5. Rigward il-​fiduċja tagħna f’Alla, meta jistaʼ jkun l-​iktar diffiċli li nagħmlu dan?

5 Hija ħaġa li nafdaw f’Ġeħova meta niġu għall-​wegħda tiegħu taʼ Ġenna tal-​art jew l-​irxoxt—affarijiet li nixxennqu għalihom. Imma tistaʼ tkun ħaġa differenti għalkollox li nafdaw fih meta niġu għall-​kwistjonijiet morali, li nkunu konvinti għalkollox f’qalbna li s-​sottomissjoni tagħna għall-​mogħdijiet u l-​livelli tiegħu hija tajba u twassalna għall-​akbar ferħ. Is-​Sultan Salamun kiteb din it-​twissija: “Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess. Agħti kasu fil-​mogħdijiet tiegħek kollha, u hu jiddrittalek triqatek.” (Prov. 3:5, 6) Innota r-​referenza għall-​“mogħdijiet” u t-​‘triqat’ tagħna. Iva, il-​mod kollu taʼ ħajjitna—mhux biss it-​tama Kristjana tagħna—għandu juri l-​fiduċja tagħna f’Alla. Kif nistgħu nuru din il-​fiduċja meta niffaċċjaw it-​tentazzjonijiet?

6. Kif nistgħu nsaħħu d-​determinazzjoni tagħna biex niċħdu ħsibijiet ħżiena?

6 Moħħna huwa l-​post fejn jibda l-​irraġunar tagħna biex induru ’l hemm mill-​ħażen. (Aqra Rumani 8:5; Efesin 2:3.) Mela kif tistaʼ ssaħħaħ id-​determinazzjoni tiegħek biex tiċħad ħsibijiet ħżiena? Ikkunsidra dawn il-​ħames modi: 1. Fittex l-​għajnuna t’Alla permezz tat-​talb. (Mt. 6:9, 13) 2. Immedita fuq eżempji Bibliċi taʼ wħud li naqsu milli jagħtu widen lil Ġeħova u dawk li taw widen. Imbagħad innota kif l-​affarijiet żvolġew għalihom.a (1 Kor. 10:8-​11) 3. Irrifletti fuq il-​ħsara mentali u emozzjonali li d-​dnub jistaʼ jġib fuqek u fuq dawk li tħobb. 4. Aħseb dwar kif żgur iħossu Alla meta wieħed mill-​qaddejja tiegħu jaqaʼ f’xi dnub serju. (Aqra Salm 78:40, 41.) 5. Immaġina l-​ferħ kbir f’qalb Ġeħova meta jara aduratur leali jiċħad il-​ħażen u jagħmel it-​tajjeb, kemm fil-​pubbliku u kemm fil-​privat. (Salm 15:1, 2; Prov. 27:11) Anki int tistaʼ turi li tafda f’Ġeħova.

Afda f’Alla Meta Tiffaċċja l-​Apatija u l-​Oppożizzjoni

7. Liema provi ffaċċja Ġeremija, u kif kien iħossu kultant?

7 Ħafna minn ħutna jaqdu f’territorji fejn is-​sabar hu taʼ sfida speċjali. Il-​profeta Ġeremija qeda f’ambjent bħal dan—is-​saltna taʼ Ġuda fl-​aħħar ġranet imqallbin tagħha. Kuljum kien jiġi bombardjat bi provi tal-​fidi għaliex b’ubbidjenza wassal il-​messaġġi taʼ ġudizzju t’Alla. Darba waħda, anki s-​segretarju leali tiegħu Baruk ilmenta bl-​għeja. (Ġer. 45:2, 3) Ċeda Ġeremija għall-​iskuraġġiment? M’għandniex xi ngħidu, kultant kien iħossu dipress. “Misħut jum twelidi!” esklama hu. “Għalfejn ħriġt mill-​ġuf biex nara xogħol iebes u għali u biex jiemi jintemmu fl-​għajb?”—Ġer. 20:14, 15, 18.

8, 9. Fi qbil maʼ Ġeremija 17:7, 8 u Salm 1:1-​3, x’għandna nagħmlu sabiex inkomplu nagħtu frott tajjeb?

8 Madankollu, Ġeremija ma qatax qalbu. Hu kompla jafda f’Ġeħova. B’hekk, dan il-​profeta leali ra b’għajnejh it-​twettiq tal-​kliem stess taʼ Ġeħova mniżżel f’Ġeremija 17:7, 8: “Imbierek ir-​raġel b’saħħtu li jafda f’Ġeħova, u li Ġeħova sar il-​fiduċja tiegħu. Hu jsir bħal siġra mħawla ħdejn l-​ilmijiet, li tifrex għeruqha safejn ikun għaddej l-​ilma; u meta tiġi s-​sħana ma jarahiex, imma l-​weraq tiegħu jibqaʼ jħaddar. U fis-​sena tan-​nixfa ma jsirx ansjuż, u lanqas jieqaf jagħmel il-​frott.”

9 Bħal siġra tal-​frott li tħaddar “imħawla ħdejn l-​ilmijiet” jew fi ġnien b’siġar tal-​frott imsoqqi, Ġeremija qatt ‘ma waqaf jagħmel il-​frott.’ Hu ma ħalliex lilu nnifsu jiġi influwenzat minn dawk madwaru li kienu mill-​agħar u jwaqqgħu għaċ-​ċajt. Minflok, hu żamm sod mas-​Sors tal-​“ilma” li jsostni l-​ħajja u daħħal f’qalbu dak kollu li qallu Ġeħova. (Aqra Salm 1:1-​3; Ġer. 20:9) X’eżempju mill-​aqwa hu għalina Ġeremija, speċjalment għal dawk minna li jaqdu lil Alla f’territorji diffiċli! Jekk din hi s-​sitwazzjoni tiegħek, kompli strieħ għalkollox fuq Ġeħova, li se jagħtik is-​sabar hekk kif int ‘tistqarr ismu pubblikament.’—Ebr. 13:15.

10. Liema barkiet għandna, u x’għandna nistaqsu lilna nfusna?

10 Biex jgħinna nkampaw mal-​ħajja f’dawn l-​aħħar jiem, Ġeħova tana bosta affarijiet spiritwali. Fost dawn l-​affarijiet hu pprovdielna l-​Kelma t’Alla sħiħa, li qed tiġi tradotta b’mod eżatt b’iktar u iktar lingwi. Hu għamlilna disponibbli abbundanza t’ikel spiritwali f’waqtu permezz tal-​klassi tal-​ilsir leali u għaqli. U tana s-​sħubija li tappoġġana taʼ folla kbira taʼ sħabna fit-​twemmin li nassoċjaw magħhom fil-​laqgħat u l-​assembleat. Tieħu int vantaġġ sħiħ minn dawn il-​provvedimenti? Dawk kollha li jagħmlu dan “se jgħajtu bil-​ferħ minħabba l-​kundizzjoni tajba taʼ qalbhom.” Iżda dawk li jonqsu milli jagħtu widen għal dak li jgħid Alla ‘se jgħajtu bl-​uġigħ taʼ qalb u jnewħu minħabba spirtu mkisser.’—Is. 65:13, 14.

Afda f’Alla Meta Tittratta mal-​Ansjetajiet

11, 12. Meta nqisu l-​problemi fid-​dinja, fejn jinsab l-​għerf veru?

11 Kif kien imbassar, għargħar li dejjem tielaʼ taʼ gwajijiet qed jeffettwa lill-​umanità. (Mt. 24:6-​8; Riv. 12:12) Meta jseħħ għargħar letterali, ir-​reazzjoni komuni hi li wieħed jiġri lejn post iktar fl-​għoli jew li jitlaʼ fuq il-​bejt taʼ xi bini—ikun fejn ikun, imbasta f’post ogħla. Bl-​istess mod, hekk kif il-​problemi tad-​dinja jiżdiedu, miljuni taʼ nies ifittxu kenn f’istituzzjonijiet finanzjarji, politiċi, jew reliġjużi li jidhru taʼ min jafdahom, kif ukoll fix-​xjenza u t-​teknoloġija. Imma l-​ebda waħda minn dawn ma toffri sigurtà vera. (Ġer. 17:5, 6) Min-​naħa l-​oħra, il-​qaddejja taʼ Ġeħova għandhom kenn ċert—“il-​Blata taʼ dejjem.” (Is. 26:4) Is-​salmista stqarr: “[Ġeħova] hu l-​blata u s-​salvazzjoni tiegħi, il-​post fl-​għoli tiegħi taʼ sigurtà.” (Aqra Salm 62:6-​9.) Kif nagħmlu din il-​Blata l-​kenn tagħna?

12 Aħna nżommu sod maʼ Ġeħova meta nobdu Kelmtu, li ħafna drabi hi kuntrarju għall-​għerf tal-​bniedem. (Salm 73:23, 24) Pereżempju, nies li jkunu influwenzati mill-​għerf tal-​bniedem għandhom mnejn jgħidu: ‘Ħajja waħda għandek; gawdiha kemm tiflaħ.’ ‘Ara li jkollok karriera tajba.’ ‘Agħmel ħafna flus.’ ‘Ixtri dan, ixtri dak.’ ‘Siefer; gawdi d-​dinja.’ Min-​naħa l-​oħra, l-​għerf t’Alla jaqbel mal-​parir: “[Ħalli] dawk li jużaw id-​dinja [ikunu] bħal dawk li ma jużawhiex bis-​sħiħ; għax ix-​xena taʼ din id-​dinja qed tinbidel.” (1 Kor. 7:31) Bl-​istess mod, Ġesù jinkuraġġina biex dejjem inpoġġu l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel, u b’hekk naħżnu “teżori fis-​sema,” fejn ikunu assolutament fis-​sigurtà.—Mt. 6:19, 20.

13. Bl-​iskrittura tal-​1 Ġwanni 2:15-​17 f’moħħna, x’għandna nistaqsu lilna nfusna?

13 Turi l-​attitudni tiegħek lejn “id-​dinja” u “dak li hemm fid-​dinja” li int tafda kompletament f’Alla? (1 Ġw. 2:15-​17) Huma r-​rikkezzi spiritwali u l-​privileġġi tas-​servizz tas-​Saltna iktar mixtiqin u importanti għalik mill-​affarijiet li għandha x’toffrilek id-​dinja? (Flp. 3:8) Tissielet biex iżżomm ‘għajn sempliċi’? (Mt. 6:22) Bla dubju, Alla ma jridekx tkun nieqes mill-​għaqal jew irresponsabbli, speċjalment jekk għandek familja x’tieħu ħsieb. (1 Tim. 5:8) Però jistenna li l-​qaddejja tiegħu jafdaw bis-​sħiħ fih—mhux fid-​dinja moribonda taʼ Satana.—Ebr. 13:5.

14-16. Xi wħud kif ibbenefikaw billi żammew ‘għajn sempliċi’ u billi żammew l-​interessi tas-​Saltna fl-​ewwel post?

14 Aħseb ftit fuq l-​eżempju taʼ Richard u Ruth, il-​ġenituri taʼ tlett itfal żgħar. “F’qalbi ħassejt li stajt nagħmel iktar għal Ġeħova,” jgħid Richard. “Kont ngħix ħajja komda iżda ħassejt li sempliċement kont qed nagħti lil Alla miż-​żejjed tiegħi. Wara li tlabna dwar din il-​ħaġa u rajna x’tinvolvi, jien u Ruth qbilna li nistaqsu lis-​supervisor tiegħi biex naħdem inqas sigħat mifruxin fuq erbat ijiem fil-​ġimgħa—minkejja li l-​pajjiż kien f’nofs kriżi ekonomika. It-​talba tiegħi ġiet aċċettata, u bdejt naħdem bl-​iskeda l-​ġdida fi żmien xahar.” Kif iħossu Richard issa?

15 Hu jgħid: “Qed naqlaʼ 20 fil-​mija inqas minn qabel, imma issa għandi 50 ġurnata fis-​sena iktar biex inkun mal-​familja tiegħi u nħarreġ it-​tfal. Stajt nirdoppja l-​ħin tiegħi fis-​servizz tal-​għalqa, nittriplika n-​numru tal-​istudji tal-​Bibbja, u ngħatajt iżjed inkarigi fil-​kongregazzjoni. U peress li qed ikolli iktar ħin biex nieħu ħsieb it-​tfal, minn żmien għall-​ieħor Ruth setgħet taqdi bħala pijuniera awżiljarja. Jien determinat li nżomm maʼ din l-​iskeda għal kemm żmien nistaʼ.”

16 Roy u Petina, li għad għandhom tifla d-​dar, setgħu jnaqqsu mix-​xogħol sekulari tagħhom biex jieħdu sehem fil-​ministeru full-​time. Roy jgħid: “Naħdem tlett ijiem fil-​ġimgħa u Petina taħdem jumejn. Ukoll, morna noqogħdu f’appartament minflok dar għax huwa eħfef biex tieħu ħsiebu. Qabel kellna t-​tfal konna qdejna bħala pijunieri, u qatt ma tlifna x-​xewqa tagħna li nkunu pijunieri. B’hekk, meta wliedna kibru rġajna qdejna fil-​ministeru full-​time. L-​ebda ammont taʼ flus ma jitqabbel mal-​barkiet li kellna.”

Ħalli “l-​Paċi t’Alla” Tgħasses lil Qalbek

17. Meta tqis l-​inċertezzi tal-​ħajja, l-​Iskrittura kif kienet taʼ faraġ għalik?

17 Ħadd minna ma jaf x’se jġib miegħu għada għax iż-​“żmien u l-​ġrajjiet mhux mistennijin” jiġu fuqna lkoll. (Ekk. 9:11) Madankollu, l-​inċertezza dwar għada m’għandhiex għalfejn tisirqilna l-​paċi tal-​moħħ illum, bħalma spiss jiġri lil dawk li m’għandhomx is-​sigurtà taʼ relazzjoni mill-​qrib m’Alla. (Mt. 6:34) L-​appostlu Pawlu kiteb: “Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-​ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-​qawwa mentali tagħkom.”—Flp. 4:6, 7.

18, 19. B’liema modi jfarraġna Alla? Agħti eżempju.

18 Ħafna aħwa esperjenzaw kalma u paċi ġewwinija mingħand Ġeħova f’sitwazzjonijiet diffiċli. Waħda oħt tgħid: “Tabib ipprova kemm-​il darba jisforzani biex naċċetta trasfużjoni tad-​demm. L-​ewwel ftit kliem li laqagħni bih kien: ‘Din xi ħmerija hi li ma tiħdux demm?’ F’dak il-​waqt u f’waqtiet oħrajn, f’qalbi tlabt lil Ġeħova u ħassejt il-​paċi tiegħu. Ħassejtni soda daqs il-​blat. Minkejja li ma kontx inħossni tajba minħabba l-​livell baxx tad-​demm, stajt nagħti raġunijiet Skritturali ċari għall-​waqfa tiegħi.”

19 Xi drabi Alla jipprovdi l-​appoġġ meħtieġ permezz tal-​faraġ taʼ xi sieħeb fit-​twemmin jew permezz t’ikel spiritwali fil-​ħin. X’aktarx li smajt lil xi ħu jew oħt tgħid: “Dan l-​artiklu kien eżatt dak li kelli bżonn. Għalija kien miktub!” Iva, ikunu xi jkunu ċ-​ċirkustanzi jew il-​bżonnijiet tagħna, Ġeħova se jurina li jħobbna jekk aħna nafdaw fih. Wara kollox, aħna “n-​nagħaġ” tiegħu u hu għamilna poplu li nissejħu b’ismu.—Salm 100:3; Ġw. 10:16; Atti 15:14, 17.

20. Il-​qaddejja taʼ Ġeħova għala se jgħammru fis-​sigurtà meta d-​dinja taʼ Satana tiġi fi tmiemha?

20 Matul “jum il-​qilla taʼ Ġeħova” li riesaq bil-​ħeffa, kulma tpoġġi t-​tama tagħha fih id-​dinja taʼ Satana se jisfaxxa fix-​xejn. Id-​deheb, il-​fidda, u l-​affarijiet l-​oħra taʼ valur mhuma se joffru l-​ebda sigurtà. (Sof. 1:18; Prov. 11:4) L-​uniku kenn se jkun il-​“Blata taʼ dejjem” tagħna. (Is. 26:4) Għalhekk, ejja nuru l-​fiduċja sħiħa tagħna f’Ġeħova issa billi nimxu b’ubbidjenza fil-​mogħdijiet tiegħu, billi nxandru l-​messaġġ tas-​Saltna tiegħu minkejja li jkollna niffaċċjaw l-​apatija jew l-​oppożizzjoni, u billi nitfgħu l-​ansjetajiet kollha tagħna fuqu. Hekk kif nagħmlu dawn l-​affarijiet, aħna verament se ‘ngħammru fis-​sigurtà u ma ninkwetawx mill-​biżaʼ taʼ xi gwaj.’—Prov. 1:33.

[Nota taʼ taħt]

a Ara paġni 102-​106 tal-​ktieb “Żommu Ruħkom fl-​Imħabba t’Alla.”

Tistaʼ Tispjega?

Kif nistgħu nafdaw f’Alla

• meta niġu ttantati nagħmlu l-​ħażen?

• meta niffaċċjaw l-​apatija jew l-​oppożizzjoni?

• meta nittrattaw mal-​ansjetajiet?

[Stampa f’paġna 13]

Li nżommu mal-​livelli t’Alla jwassal għall-​ferħ

[Stampa f’paġna 15]

‘Ġeħova hu l-​Blata taʼ dejjem’

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja