16 BARAK U DEBORA
“Żgur Niġi Miegħek”
KIEN żmien diffiċli f’Iżrael. In-nies irribellaw kontra Ġeħova. U għalhekk, Ġeħova kien ħalla l-għedewwa tagħhom jattakkawhom eżatt bħalma kien wissiehom. Dak iż-żmien, ir-re taʼ Kangħan kien jismu Ġabin. Il-kap tal-armata tiegħu kien raġel kattiv jismu Sisera. Hu mexxa armata kbira li kien fiha 900 karru tal-gwerra.
L-armata taʼ Sisera għamlu 20 sena jbeżżgħu u jitterrorizzaw lill-Iżraelin. Milli jidher, meta jattakkaw belt, kienu jaqbdu lin-nisa żgħażagħ u jistuprawhom. In-nies kienu mbeżżgħin ħafna. Minħabba f’hekk, ma kinux jgħaddu mit-toroq prinċipali, u telqu minn fejn kienu joqogħdu u marru jistaħbew fil-foresti. Ħafna mill-irġiel Iżraelin ma kellhomx armi biex jipproteġu lilhom infushom.
Matul dak iż-żmien, kien hemm mara kuraġġuża jisimha Debora. Din kienet profetessa taʼ Ġeħova u kienet tiġġudika każijiet diffiċli tal-Iżraelin. Ġeħova uża lil Debora biex jagħti xi struzzjonijiet lil Barak għax kien għażlu biex ikun imħallef u jsalva lill-poplu tiegħu. Immaġina kemm Barak baqaʼ mistagħġeb meta Debora qaltlu li Ġeħova riedu jiġbor armata t’10,000 raġel u jiħodhom fuq il-Muntanja Tabor! Apparti minn hekk, Ġeħova wiegħdu li kien ħa jkollu rebħa fuq Sisera u l-armata tiegħu.
Imma kien Barak raġel kburi? Ħa għalih minħabba li Ġeħova tah id-direzzjonijiet permezz taʼ mara? Le. Anzi, hu kien umli u aċċetta li jmur fuq il-Muntanja Tabor, imma biss jekk Debora kienet lesta li tmur hemmhekk miegħu. Hu ma qalilhiex biex tmur miegħu għax ma kellux fidi f’Ġeħova. Fil-fatt, l-appostlu Pawlu iktar tard semma lil Barak bħala wieħed minn dawk l-irġiel u nisa li wrew fidi kbira. (Lhud 11:1, 2, 32) Barak wera x’fidi kellu meta saqsa lil Debora biex tmur miegħu u mal-armata tiegħu. Hu kien jaf li Ġeħova kien qed juża lil Debora biex tiggwida lin-nies tiegħu. Allura kieku marret miegħu, hi setgħet ittih iktar direzzjonijiet mingħand Ġeħova. Debora kienet kuraġġuża u qaltlu: “Żgur niġi miegħek.” Hi qalet lil Barak li avolja kien se jirbaħ il-gwerra, la hu u l-ebda raġel ieħor ma kien se joqtol lil Sisera, għax Alla qal li kienet se tkun mara li toqtlu.
Barak mill-ewwel għamel dak li qallu Ġeħova. Hu ġabar armata taʼ 10,000 raġel kuraġġuż. L-Iżraelin ma tantx kellhom armi, imma Barak ippreparahom kemm setaʼ għall-gwerra. Hu ħa l-armata tiegħu fuq il-Muntanja Tabor. Din il-muntanja kbira ħafna hi forma taʼ skutella rasha ’l isfel, l-għoli tagħha hu kważi 600 metru, u taħtha kien hemm il-wied taʼ Ġeżragħel. Minn hemm, Debora, Barak, u l-armata tiegħu setgħu jaraw lil Sisera u l-armata tiegħu ġejjin mill-bogħod.
X‘kien se jagħmel Barak? Ħafna kapijiet tal-armata kienu jistennew li Sisera u l-armata tiegħu jersqu viċin il-Muntanja Tabor. Minħabba li l-armata taʼ Sisera kellha titlaʼ l-muntanja, il-karrijiet tal-gwerra kien se jiħdilhom iktar ħin biex jitilgħu. Allura Barak u l-armata tiegħu kien se jkollhom iktar vantaġġ. Imma Barak kien jaf li l-gwerra ma kinitx tiegħu imma taʼ Ġeħova. Għalhekk għamel eżatt kif qaltlu Debora. Ġeħova, permezz taʼ Debora, qal lil Barak biex imur u jattakka! Barak u l-irġiel tiegħu b’kuraġġ ġrew biex jinżlu minn fuq dik il-muntanja għal fuq art ċatta biex jiffaċċjaw dawk l-għedewwa tal-biżaʼ!
Imħallef u profetessa kellhom jiffaċċjaw kap kattiv u l-armata tiegħu b’karrijiet tal-gwerra
Minn ħarsa militari, kienet tidher impossibbli li jirbħu l-gwerra. Imma Ġeħova ra l-kuraġġ li kellhom u ppremjahom. Hu tefaʼ l-armata tal-Kangħanin f’konfużjoni. Ġeħova ġiegħel li tagħmel ħafna xita u fi ftit ħin il-wied taʼ Ġeżragħel beda jegħreq. Minħabba f’hekk, il-karrijiet bdew jeħlu fit-tajn. Issa, is-suldati taʼ Sisera kellhom jitilqu l-karrijiet tagħhom u jiġġieldu wiċċ imb wiċċ mas-suldati Iżraelin. B’hekk, ma kellhomx vantaġġ li jattakkaw minn fuq il-karrijiet. Is-suldati taʼ Sisera kollha mietu. Imma Sisera x’sar minnu?
Sisera rnexxielu jaħrab. Hu pprova joħroġ jiġri minn ġo dak it-tajn għal xi mkien iktar fl-għoli. Hu kien iktar jimpurtah li jsalva ħajtu milli jipprova jgħin lis-suldati tiegħu. Imma Barak telaq jiġri warajh. Sadanittant, Ġeħova kien qed jara kollox u kellu xi ħaġa oħra f’moħħu għal Sisera.
Aqra l-istorja mill-Bibbja:
Biex tiddiskuti:
Barak u Debora kif urew kuraġġ?
Fittex Iktar
1. Kif kienet il-ħajja għall-Iżraelin waqt li Sisera kien qed jiddomina l-art? (w15 8/1 13 ¶1-wcgr)
2. Debora għala normalment ma kinitx imniżżla bħala waħda mit-12-il imħallef t’Iżrael? (w86 6/1 31 ¶6-8-wcgr)
3. X’jiġifieri li Debora kienet “omm f’Iżrael”? (Imħ. 4:4, 5; 5:7; w15 8/1 13 ¶2-wcgr) A
Stampa A
Stampa A
4. X’riedu jfissru Debora u Barak meta kantaw li “mis-sema ġġieldu l-istilel” kontra Sisera? (Imħ. 5:20; w05 1/15 25 ¶5)
Aħseb Fuq Dak li Tistaʼ Titgħallem
Ħu meta jistaʼ jimita l-eżempju taʼ Barak li b’umiltà aċċetta l-għajnuna minn mara leali? B
Stampa B
Debora għala kellha bżonn il-kuraġġ biex tmur ma’ Barak? Aħna meta jaf ikollna bżonn nuru l-istess kuraġġ?
B’liema modi oħra tistaʼ timita l-kuraġġ li wrew Barak u Debora?
Ħu l-Ħin Biex Taħseb Dwar Dawn il-Mistoqsijiet
Din l-istorja x’tgħallimni dwar Ġeħova?
Din l-istorja kif inhi marbuta mal-iskop taʼ Ġeħova?
Meta Ġeħova jirxoxta lil Barak u lil Debora, x’nixtieq nistaqsihom?
Tgħallem Iktar
Ara kif din l-istorja tgħallimna li dak kollu li nagħmlu għal Ġeħova hu importanti ħafna għalih.
“Jalla l-ispirtu volontarju tiegħek iġib tifħir lil Ġeħova!” (w17.04 27-32)
Barak u Debora x’jgħallmuna dwar li nafdaw u nobdu lil Ġeħova u li nkunu nafu l-limitazzjonijiet tagħna?
“Bil-Fidi, Barak Ħarbat Armata b’Saħħitha” (w03 11/15 28-31)