Il-Kelma t’Alla hi Verità
“Qaddishom permezz tal-verità; kelmtek hi verità.”—ĠWANN 17:17.
1. Is-salmista Ebrew kif kien iħares lejn il-Bibbja iżda ħafna kif iħarsu lejha llum?
“IL-KELMA tiegħek hi musbieħ għal sieqi, u dawl għal triqti.” (Salm 119:105) Hekk qal is-salmista Ebrew. Minoranza biss illum għandhom rispett bħal dak lejn il-Kelma t’Alla. F’dan is-seklu 20, il-Kelma t’Alla teżisti f’għamla miktuba bħala l-Bibbja Mqaddsa. Ġiet tradotta f’iktar lingwi u mqassma f’għadd bil-wisq iktar minn kwalunkwe ktieb ieħor fl-istorja. Madankollu, il-biċċa l-kbira tan-nies jirrifjutaw li jaċċettawha bħala musbieħ għal saqajhom. Saħansitra dawk li jgħidu li huma Kristjani jippreferu, fil-parti l-kbira, li jsegwu l-idejat tagħhom stess minflok ma jħallu lill-Bibbja ddawlilhom triqithom.—2 Timotew 3:5.
2, 3. Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif iħarsu lejn il-Bibbja, u liema benefiċċji ġabilhom dan?
2 F’kuntrast qawwi, aħna x-Xhieda taʼ Jehovah naqblu mas-salmista. Għalina, il-Bibbja hija gwida mogħtija minn Alla. Aħna nafu li “l-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla u taʼ benefiċċju għat-tagħlim, għat-twiddib, biex tiddritta l-affarijiet, biex tiddixxiplina fit-tjieba.” (2 Timotew 3:16) Kuntrarju għal ħafna llum, aħna ma rridux nesperimentaw fi kwistjonijiet taʼ moralità u kondotta. Aħna nafu x’inhu tajjeb għaliex il-Bibbja tgħidilna.
3 Dan ġabilna benefiċċji kbar. Aħna sirna nafu lil Jehovah, u tgħallimna dwar l-iskopijiet tiegħu tal-għaġeb għall-art u għall-umanità, u għalhekk aħna fiduċjużi li futur jiddi hu possibbli għalina u għall-familji tagħna. Aħna naqblu b’qalbna kollha mas-salmista li qal: “Kemm inħobbha l-liġi tiegħek! Il-jum kollu naħseb dwarha. Iktar għaref mill-egħdewwa tiegħi l-kmandament tiegħek jagħmilni, għaliex għal żmien indefinit hu tiegħi.”−Salm 119:97, 98.
Nagħtu Xiehda Bil-Kondotta
4. Li nirrikonoxxu l-Bibbja bħala l-Kelma t’Alla jpoġġi liema obbligu fuqna?
4 Għandna, għalhekk, kull raġun biex naqblu mal-kliem taʼ Ġesù indirizzat lil Missieru: “Kelmtek hi verità.” (Ġwann 17:17) Imma li nirrikonoxxu dan il-fatt iqiegħed obbligu fuqna. Aħna rridu ngħinu lil oħrajn jirrealizzaw li l-Kelma t’Alla hija l-verità. B’dan il-mod huma wkoll se jkunu jistgħu jgawdu l-barkiet li nġarrbu aħna. Kif nistgħu ngħinuhom b’dak il-mod? Mod wieħed hu billi nagħmlu kull sforz biex napplikaw prinċipji bibliċi fil-ħajjiet tagħna taʼ kuljum. B’dak il-mod, uħud taʼ qalb tajba se jaraw li t-triq tal-Bibbja hija verament l-aqwa.
5. Pietru liema parir ta rigward li nagħtu xiehda bil-kondotta tagħna?
5 Dan kien is-sugu tal-parir tal-appostlu Pietru lil nisa Kristjani li kellhom żwieġhom ma jemmnux. Hu qalilhom: “Intom in-nisa miżżewġin, kunu sottomessi lejn żwieġkom stess, sabiex, jekk xi wħud m’humiex ubbidjenti għall-kelma, jistgħu jintrebħu mingħajr kelma permezz tal-kondotta tan-nisa tagħhom.” (1 Pietru 3:1) Kien ukoll il-prinċipju wara l-parir tiegħu lill-Kristjani kollha—irġiel, nisa, u tfal—meta qal: “Żommu l-kondotta tagħkom mill-aħjar fost il-ġnus, biex, fil-ħaġa li qed jitkellmu kontrikom bħala nies ħżiena, huma jistgħu bħala riżultat tax-xogħlijiet mill-aħjar tagħkom li tagħhom huma xhieda li raw b’għajnejhom jigglorifikaw lil Alla fil-jum għall-ispezzjoni tiegħu.”−1 Pietru 2:12; 3:16.
Il-Għerf Superjuri tal-Bibbja
6. Pietru kif igħinna naraw li għandna nassistu lil oħrajn biex japprezzaw il-Bibbja?
6 Jerġaʼ, Kristjani jistgħu jgħinu lil oħrajn biex japprezzaw il-Bibbja jekk jagħmlu bħalma jwissi wkoll Pietru: “Qaddsu lill-Kristu bħala Mulej fi qlubkom, dejjem lesti biex tagħmlu difiża quddiem kulmin jitlobkom raġuni għat-tama fikom, imma billi tagħmlu hekk bil-ħlewwa u b’rispett profond.” (1 Pietru 3:15) Ministri Kristjani għandhom ikunu kapaċi jiddefendu l-Bibbja u jispjegaw lill-oħrajn li hija l-Kelma t’Alla. Kif jistgħu jagħmlu hekk?
7. Liema fatt dwar il-Bibbja juri li bil-fors li hi l-Kelma t’Alla?
7 Linja persważiva taʼ raġunar tinsab fil-ktieb taʼ Proverbji. Hemm naqraw: “Ibni, jekk se tirċievi l-qwiel tiegħi u taħżen bħal teżor il-kmandamenti tiegħi stess, biex toqgħod attent għall-għerf . . . , int se ssib il-għarfien innifsu t’Alla. Għax Jehovah innifsu jagħti l-għerf; minn fommu hemm għarfien u dehen.” (Proverbji 2:l-6) Il-għerf innifsu t’Alla jinsab fil-paġni tal-Bibbja. Meta persuna sinċiera tara dak il-għerf profond, ma tistax tonqos li tirrealizza li l-Bibbja hija iżjed milli sempliċi kelma taʼ bniedem.
8, 9. Il-parir tal-Bibbja dwar li nżommu ħarsa bbilanċjata lejn l-akkwistar tal-għana kif intwera li huwa korrett?
8 Ikkunsidra ftit eżempji. Illum, suċċess fil-ħajja hu normalment imkejjel b’termini finanzjarji. Iktar ma wieħed jaqlaʼ, iktar jitqies bħala li rnexxa. Il-Bibbja, madankollu, twissi kontra li wieħed ipoġġi wisq enfasi fuq affarijiet materjali. L-appostlu Pawlu kiteb: “Dawk li huma determinati li jkunu għonja jaqgħu f’tentazzjoni u nasba u ħafna xewqat bla sens u li jweġġgħu, li jixħtu lill-bnedmin fil-qerda u fir-rovina. Għax l-imħabba għall-flus hija għerq għal kull xorta taʼ affarijiet li jweġġgħu, u billi rsistew għal din l-imħabba xi wħud ġew żvijati mill-fidi u nifdu lilhom infushom minn fuq s’isfel b’ħafna weġgħat.”−1 Timotew 6:9, 10; qabbel Mattew 6:24.
9 L-esperjenza wriet kemm hija xierqa din it-twissija. Psikologu taʼ klinika nnota: “Li ssir in-numru 1 u sinjur ma jġagħlekx tħossok kuntent, sodisfatt, irrispettat u maħbub b’mod awtentiku.” Iva, dawk li jaħlu l-enerġiji kollha tagħhom fil-ġiri wara l-għana taʼ spiss jispiċċaw iħossuhom imdejqin u frustrati. L-Iskrittura, fil-waqt li tirrikonoxxi l-valur tal-flus, tipponta lejn xi ħaġa bil-wisq iżjed importanti: “Il-għerf hu għal protezzjoni, l-istess bħalma l-flus huma għal protezzjoni; iżda l-vantaġġ tal-għarfien hu li l-għerf innifsu jżomm ħajjin lis-sidien tiegħu.”−Ekkleżjasti 7:12.
10. Għala għandna nagħtu kas il-pariri tal-Bibbja biex ingħassu s-sħubijiet tagħna?
10 Il-Bibbja fiha ħafna prinċipji bħal dawn. Ieħor hu: “Dak li qed jimxi mal-għorrief se jsir għaref, iżda dak li qed jagħmilha mal-istupidu se jaħbatha ħażin.” (Proverbji 13:20) Dan ukoll ġie ppruvat veru mill-esperjenza. Pressjoni minn sħabhom wasslet lil xi żgħażagħ għas-sokor, abbuż tad-drogi, u immoralità. Kulmin jitħallat maʼ nies li jitkellmu baxx maż-żmien isib lilu nnifsu juża kliem simili li jiddiżgustak. Ħafna jisirqu lill-imgħallmin tagħhom għaliex ‘kulħadd hekk jagħmel.’ Verament, kif tgħid ukoll il-Bibbja: “Sħubijiet ħżiena jħassru drawwiet utili.”−1 Korintin 15:33.
11. Studju psikoloġiku kif wera l-għerf f’li wieħed isegwi r-Regola tad-Deheb?
11 Wieħed mill-iktar pariri famużi fil-Bibbja hu dik li hi msejħa r-Regola tad-Deheb: “L-affarijiet kollha, mela, li tridu l-bnedmin jagħmlu lilkom, intom ukoll tridu tagħmluhom bl-istess mod lilhom.” (Mattew 7:12) Li kieku l-umanità segwiet din ir-regola, id-dinja kienet b’mod ċar tkun post aħjar. Iżda saħansitra jekk il-bnedmin inġenerali ma jsegwux ir-regola, huwa aħjar għalik individwalment li tagħmel dan. Għala? Għaliex aħna ġejna magħmulin biex nieħdu ħsieb taʼ oħrajn u nagħtu kas tagħhom. (Atti 20:35) Studju psikoloġiku magħmul fl-Istati Uniti biex jistħarreġ kif in-nies jirreaġixxu meta jkunu għenu oħrajn wasal għal din il-konklużjoni: “Jidher, mela, illi li nieħdu ħsieb taʼ oħrajn huwa parti min-natura umana daqs li nieħdu ħsieb tagħna nfusna.”−Mattew 22:39.
Il-Parir tal-Bibbja—Għaref b’Mod Uniku
12. Liema hi ħaġa waħda li tagħmel lill-Bibbja unika?
12 Illum, m’għandniex xi ngħidu, hemm ħafna sorsi taʼ pariri minbarra l-Bibbja. Gazzetti jġorru kolonni taʼ pariri, u l-ħwienet tal-kotba mimlijin b’kotba taʼ għajnuna applikata mill-individwu nnifsu. Barra minn dan, hemm psikologi, ‘counselors’ professjonali, u oħrajn li joffru parir f’oqsma differenti. Iżda l-Bibbja hija unika f’minn tal-inqas tliet aspetti. L-ewwel, il-parir tagħha hu dejjem taʼ benefiċdju. Qatt m’hu sempliċi teorija, u qatt ma jaħdem kontrina. Kulmin isegwi l-pariri tal-Bibbja jrid jaqbel mas-salmista meta qal f’talba lil Alla: “It-tfakkiriet tiegħek urew li huma taʼ min jafdahom ferm.”−Salm 93:5.
13. X’juri li l-Bibbja hija fil-wisgħa superjuri għal sorsi taʼ għerf uman?
13 It-tieni, il-Bibbja żammet fil-prova taż-żmien. (1 Pietru 1:25; Isaija 40:8) Pariri minn sorsi umani huma b’mod magħruf suġġetti għal tibdil, u dak li hu moda f’sena waħda taʼ spiss jiġi kkritikat fis-sena taʼ wara. Madankollu, għalkemm il-Bibbja tlestiet kważi 2,000 sena ilu, għad fiha l-iktar pariri għorrief li jistgħu jinkisbu, u l-kliem tagħha jistaʼ jiġi applikat universalment. Japplika bl-istess effett kemm jekk ingħixu fl-Afrika, fl-Asja, fl-Amerka t’Isfel jew taʼ Fuq, fl-Ewropa, jew fil-gżejjer tal-baħar.
14. Il-parir tal-Kelma t’Alla b’liema mod jisboq lill-oħrajn kollha?
14 Finalment, il-firxa vasta tal-pariri tal-Bibbja ma ssibx bħalha. Proverbju fil-Bibbja jgħid: “Jehovah innifsu jagħti l-għerf,” u hi x’inhi l-problema jew deċiżjoni li niffaċċjaw, hemm għerf fil-Bibbja li jgħinna nsolvuha. (Proverbji 2:6) Tfal, adolexxenti, ġenituri, xjuħ, ħaddiema, imgħallmin, nies fl-awtorità, kollha jsibu li l-għerf fil-Bibbja japplika għalihom. (Proverbji 4:11) Saħansitra meta niffaċċjaw sitwazzjonijiet li ma kinux magħrufin fi żmien Ġesù u l-appostli tiegħu, il-Bibbja tagħtina pariri li jirnexxu. Per eżempju, lura fl-ewwel seklu, it-tipjip tat-tabakk ma kienx jeżisti fil-Lvant Nofsani. Illum, huwa mifrux maʼ kullimkien. Madankollu, kulmin jagħti kas tal-pariri tal-Bibbja biex jevita milli jaqaʼ “taħt awtorità [jew kontroll] minn kwalunkwe ħaġa” u biex iżomm nadif minn “kull ħmieġ tal-laħam u tal-ispirtu” se jevita din id-drawwa, li ssir vizzju li jeqred is-saħħa.—1 Korintin 6:12; 2 Korintin 7:1.
Għall-Ġid Dejjiemi Tagħna
15. Għala ħafna jgħidu li l-Bibbja hi antikwata?
15 Veru, ħafna jgħidu li l-Bibbja hi antikwata u ma tgħoddx għal dan is-seklu 20. Madankollu, ir-raġuni wisq probabbli hi li l-Bibbja ma tgħidx dak li jridu jisimgħu huma. Li nsegwu pariri Skritturali jirriżulta f’benefiċċju dejjiemi għalina, iżda taʼ spiss jirrikjedi paċenzja, dixxiplina, u ċaħda tagħna nfusna—xeħtiet li m’humiex popolari f’dinja li tinkuraġġina biex infittxu gratifikazzjoni immedjata.—Proverbji 1:l-3.
16, 17. X’livelli għolja taʼ moralità sesswali twaqqaf il-Bibbja, u kif ġew injorati fi żminijiet moderni?
16 Nieħdu l-kwistjoni taʼ moralità sesswali. Livelli Skritturali huma stretti ħafna. L-uniku post għal intimità sesswali hu fiż-żwieġ, u kull intimità bħal din barra miż-żwieġ hi pprojbita. Naqraw: “La ż-żienja, la l-idolatri, la l-adulteri, la rġiel miżmumin għal għanijiet mhux naturali, la rġiel li jimteddu maʼ rġiel . . . ma se jirtu s-saltna t’Alla.” (1 Korintin 6:9, 10) Barra minn dan, għall-Kristjani l-Bibbja tirrikjedi l-monogamija, raġel wieħed għal mara waħda. (1 Timotew 3:2) U fil-waqt li hemm każi estremi fejn id-divorzju u s-separazzjoni jistgħu jitħallew, il-Bibbja tgħid li inġenerali r-rabta taż-żwieġ hija tul il-ħajja kollha. Ġesù nnifsu qal: “Dak li ħalaqhom mill-bidu għamilhom raġel u mara u qal, ‘Għal din ir-raġuni raġel se jħalli lil missieru u lil ommu u se jingħaqad maʼ martu, u t-tnejn se jkunu laħam wieħed’ . . . Mela m’humiex iżjed tnejn, imma laħam wieħed. Għalhekk, dak li Alla rabat f’madmad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.”−Mattew 19:4-6, 9; 1 Korintin 7:12-16.
17 Illum, dawn il-livelli huma injorati minn ħafna nies. Prattiċi sesswali laxki huma ttollerati. Relazzjonijiet sesswali bejn “teenagers” li joħorġu flimkien huma meqjusin bħala normali. Li jgħixu flimkien mingħajr il-benefiċċju taż-żwieġ huwa aċċettat. Fost koppji miżżewġin, relazzjonijiet sesswali illeċiti minn xi ħadd mill-miżżewġin huma ħaġa komuni. U d-divorzju huwa epidemija kbira f’din id-dinja moderna. Dawn il-livelli laxki, madankollu, ma ġabux kuntentizza. Ir-riżultati ħżiena taw prova li l-Bibbja kellha raġun f’li tinsisti fuq livelli morali stretti.
18, 19. X’irriżulta għax maʼ kullimkien ġew injorati l-livelli taʼ moralità taʼ Jehovah?
18 Ladies’ Home Journal qal: “L-enfasi fuq is-sess li kienet tipika fis-snin sittin u fis-snin sebgħin ġabet mhux kuntentizza umana infinita iżda miżerja umana serja.” Il-“miżerja umana serja” li hu rreferut għaliha hawn tinkludi dik taʼ tfal feruti mentalment bid-divorzju tal-ġenituri tagħhom u dik taʼ adulti li jsofru wġigħ emozzjonali profond. Tinkludi wkoll żjieda fil-familji b’ġenitur wieħed u epidemija taʼ tfajliet li jkollhom it-trabi meta huma nfushom bil-kemm ikunu għadhom ħarġu mit-tfulija. Barra minn dan, tħaddan epidemija kbira taʼ mard trażmess sesswalment, bħalma huma infjammazzjoni ġenitali, gonorrhea, syphillis, chlamydia, u AIDS.
19 Minħabba dan kollu, professur tas-soċjoloġija nnota: “Forsi aħna immaturajna biżżejjed biex nikkunsidraw jekk ikunx aħjar għalina lkoll li navvanzaw l-astinenza qabel iż-żwieġ bħala pjan taʼ azzjoni li hu l-iktar favorevoli għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini tagħna u għad-dritt tagħhom għall-ħelsien: ħelsien mill-mard, ħelsien minn tqala mhix mixtieqa.” Il-Bibbja b’mod korrett tistqarr: “Hieni l-bniedem b’saħħtu li qiegħed lil Jehovah bħala l-fiduċja tiegħu u li ma dawwarx wiċċu lejn nies li jisfidaw, u lanqas lejn dawk li jaqgħu għall-gideb.” (Salm 40:4) Dawk li jafdaw fil-għerf tal-Bibbja ma jitqarrqux mill-gideb taʼ dawk li jisfidaw il-Bibbja u jgħidu li kodiċi morali iżjed laxka ġġib il-kuntentizza. Il-livelli għaqlin, għalkemm stretti, tal-Bibbja huma l-aqwa.
Problemi Diffiċli Fil-Ħajja
20. Liema prinċipji tal-Bibbja servew taʼ għajnuna għal dawk li jridu jiffaċċjaw faqar kbir fil-ħajjiet tagħhom?
20 Il-għerf tal-Bibbja jgħinna wkoll biex nittrattaw il-problemi diffiċli li niffaċċjaw fil-ħajja. Per eżempju, f’għadd taʼ pajjiżi, hemm Kristjani li jgħixu f’faqar kbir. Madankollu huma kapaċi jgħixu bil-faqar tagħhom u xorta waħda jsibu l-kuntentizza. Kif? Billi jsegwu l-Kelma mnebbħa t’Alla. Huma jieħdu bis-serjetà l-kliem taʼ faraġ taʼ Salm 55:22: “Itfaʼ t-tagħbija tiegħek fuq Jehovah innifsu, u hu nnifsu se jsostnik.” Huma jiddependu minn Alla għas-saħħa biex jissaportu. Imbagħad huma japplikaw prinċipji Bibliċi u jevitaw drawwiet taʼ ħsara u taʼ ħala, bħat-tipjip u s-sokor. Huma beżlin, bħalma tirrikkmanda l-Bibbja, u b’hekk taʼ spiss isibu li jistgħu jitimgħu l-familji tagħhom meta nies għażżenin jew dawk li jċedu għad-disperazzjoni ma jirnexxilhomx. (Proverbji 6:6-11; 10:26) Jerġaʼ, huma jagħtu kas tat-twissija tal-Bibbja: “Tgħirx għal dawk li jagħmlu n-nuqqas taʼ tjieba.” (Salm 37:1) Huma ma jirrikorrux għal-logħob tal-azzard jew għal attivitajiet kriminali, bħall-bejgħ tad-drogi. Dawn l-affarijiet jistgħu joffru “soluzzjoni” taʼ malajr għall-problemi tagħhom, iżda l-frott dejjiemi hu qares.
21, 22. (a) Waħda mara Kristjana kif ħadet għajnuna u faraġ mill-Bibbja? (b) Liema fatt ieħor dwar il-Bibbja jgħinna nirrealizzaw li hija l-Kelma t’Alla?
21 Li tiġi segwita l-Bibbja veru jgħin lil dawk li huma fqar ħafna? Iva, bħalma juru ħafna u ħafna esperjenzi. Armla Kristjana fl-Asja tikteb: “Għalkemm ngħix f’xifer il-faqar, jien m’inix irrabjata jew imdejqa. Il-verità tal-Bibbja timlini b’ħarsa pożittiva.” Hi tgħid li wegħda notevoli mogħtija minn Ġesù ġiet imwettqa fil-każ tagħha. Ġesù qal: “Ibqgħu, mela, fittxu l-ewwel is-saltna u t-tjieba tiegħu, u dawn l-affarijiet l-oħra kollha se jiżdidulkom.” (Mattew 6:33) Hi tixhed li billi tpoġġi s-servizz tagħha lejn Alla l-ewwel fil-ħajja tagħha, hi dejjem tirċievi, f’xi mod jew ieħor, in-neċessitajiet materjali tal-ħajja. U s-servizz Kristjan tagħha jagħtiha dinjità u mira fil-ħajja li tgħinha tissaporti l-faqar tagħha.
22 Verament, il-profondità tal-għerf tagħha turi li l-Bibbja tassew hija ll-Kelma t’Alla. L-ebda ktieb magħmul biss mill-bnedmin qatt ma jistaʼ jkopri tant aspetti differenti tal-ħajja u jkollu tant dehen profond u jkun tant eżatt b’mod konsistenti. Iżda hemm fatt ieħor dwar il-Bibbja li juri l-oriġini divina tagħha. Għandha l-qawwa li tbiddel in-nies għall-aħjar. Se niddiskutu dan fl-artiklu li jmiss.
Tistaʼ Tispjega?
◻ B’liema mod ix-Xhieda taʼ Jehovah huma mberkin għax jaċċettaw il-Bibbja bħala l-Kelma t’Alla?
◻ Bħala nies li nemmnu fil-Kelma t’Alla, x’obbligu għandna, u l-kondotta tagħna kif tistaʼ tgħinna biex inwettqu dan l-obbligu?
◻ X’jagħmel lill-pariri għaqlin tal-Bibbja superjuri għal sempliċi pariri umani?
◻ Liema huma xi eżempji li juru l-profondità tal-għerf tal-Bibbja?