LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w90 8/1 pp. 7-11
  • Il-Ħarsa Tiegħek Dwar ir-Ruħ Teffettwa lil Ħajtek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Ħarsa Tiegħek Dwar ir-Ruħ Teffettwa lil Ħajtek
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Maħluq b’Ruħ Immortali?
  • L-​Użu mill-​Bibbja tal-​Kelma “Ruħ”
  • Ħafna Studjużi Jaqblu
  • Mhux il-​Bibbja Imma l-​Filosofija
  • Ir-Ruħ Tibqaʼ Ħajja Wara l-Mewt?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • X’inhi r-ruħ?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Ir-Ruħ Skond il-Bibbja
    X’Jiġrilna meta Mmutu?
  • L-Ewwel Ħrafa: Ir-Ruħ Hi Immortali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
w90 8/1 pp. 7-11

Il-​Ħarsa Tiegħek Dwar ir-​Ruħ Teffettwa lil Ħajtek

“U r-​raġel sar ruħ ħajja.”—ĠENESI 2:7.

1, 2. Il-​biċċa l-​kbira tar-​reliġjonijiet x’jemmnu rigward il-​bniedem u r-​ruħ?

KWAŻI r-​reliġjonijiet kollha jgħallmu li l-​bniedem għandu ruħ immortali. In-​New Catholic Encyclopedia tgħid li r-​ruħ hija “maħluqa minn Alla u mdaħhla ġol-​ġisem fil-​konċepiment.” Tgħid ukoll li d-​duttrina tar-​ruħ immortali “hija waħda mill-​bażijiet” tal-​knejjes tal-​Kristjaneżmu. B’mod simili, “il-​kunċett Musulman,” tistqarr The New Encyclopoedia Britannica, “isostni li r-​ruħ tibda teżisti fl-​istess ħin mal-​ġisem; wara dan, għandha ħajja għaliha nfisha, billi l-​għaqda tagħha mal-​ġisem hija kundizzjoni temporanja.”

2 Dawn ir-​reliġjonijiet jemmnu li r-​ruħ tħalli lill-​ġisem fil-​punt tal-​mewt u tkompli tgħix għall-​eternita, waqt li d-​destin tagħha hija l-​hena tas-​sema, qagħda temporanja fil-​purgatorju, jew turment etern f’infern tan-​nar. Il-​mewt titqies bħala d-​dħul għall-​ħajja eterna fil-​qasam tal-​ispirti. Bħalma qal wieħed kittieb fil-​ktieb We Believe in Immortality: “Jien inqis il-​Mewt bħala avventura kbira u glorjuża. Inqis il-​Mewt bħala promozzjoni divina.”

3. X’inhu t-​twemmin taʼ reliġjonijiet differenti tal-​Lvant?

3 Il-​Hindu, il-​Buddisti, u oħrajn jemmnu fit-​trasmigrazzjoni. Dan jinkludi t-​twemmin li mal-​mewt ir-​ruħ tgħaddi minn rinkarnazzjoni, titwieled mill-​ġdid bħala bniedem ieħor jew bħala xi ħaġa ħajja oħra. Jekk wieħed kien tajjeb, jintqal li ruħu se terġaʼ titwieled mill-​ġdid bħala persuna taʼ pożizzjoni ogħla. Imma jekk kien ħażin, se jerġaʼ jitwieled bħala persuna taʼ pożizzjoni iktar baxxa jew saħansitra bħala annimal jew insett.

4, 5. Għala huwa importanti li tkun taf il-​verità dwar ir-​ruħ?

4 Madankollu, xi ngħidu jekk il-​bnedmin m’għandhomx ruħ immortali? Xi ngħidu jekk il-​mewt mhix “promozzjoni divina,” mhix id-​daħla immedjata għal ħajja eterna tal-​ispirti jew għal rinkarnazzjoni għal dawk kollha li jmutu? Imbagħad it-​twemmin tar-​ruħ immortali se jwassal lil dak li jkun fid-​direzzjoni ħażina. Il-​ktieb Official Catholic Teachings igħid li l-​knisja tinsisti fuq it-​twemmin tar-​ruħ immortali għaliex jekk ma jiġix emmnut “se jġib bla sinjifikat u bla sens it-​talb tagħha, ir-​riti tal-​funerali tagħha u l-​atti reliġjużi offruti għall-​mejtin.” Mela l-​korsa tal-​ħajja, il-​qima, u l-​futur etern tal-​individwu huma involuti.—Proverbji 14:12; Mattew 15:9.

5 Huwa importanti li tkun taf il-​verità dwar dan it-​twemmin. Ġesù qal: “Dawk li jqimu [lil Alla] jridu jqimu bl-​ispirtu u l-​verità.” (Ġwann 4:24) Il-​verità dwar ir-​ruħ umana tinsab fil-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. L-​Iskrittura mnebbħa fiha r-​rivelazzjoni t’Alla tal-​għanijiet tiegħu; mela nistgħu nkunu fiduċjużi li hi tgħidilna l-​verità. (1 Tessalonkin 2:13; 2 Timotew 3:16, 17) Ġesù qal f’talba lil Alla: “Kelmtek hi verità.”−Ġwann 17:17.

Maħluq b’Ruħ Immortali?

6. Ir-​rakkont taʼ Ġenesi x’igħidilna b’mod ċar dwar il-​ħolqien tal-​bniedem?

6 Ġenesi 2:7 igħidilna: “Alla Jehovah issokta jsawwar lir-​raġel mit-​trab tal-​art u jonfoħ f’imnifsejh in-​nifs tal-​ħajja, u r-​raġel sar ruħ ħajja.” Ir-​rakkont ma jgħidx li Alla poġġa ġol-​bniedem ruħ immortali. Igħid li meta l-​qawwa t’Alla tat l-​enerġija lill-​ġisem taʼ Adam, hu “sar ruħ ħajja.” Mela l-​bniedem hu ruħ. Hu mhux għandu ruħ.

7. Il-​bnedmin għala tpoġġew fuq l-​art?

7 Alla ħalaq lil Adam biex igħix fuq l-​art, mhux fis-​sema. L-​art ma kinetx sempliċement post taʼ prova biex jara jekk Adam jikkwalifikax għas-​sema. Alla fforma l-​art “biex tkun abitata,” u Adam kien l-​ewwel abitant uman tagħha. (Isaija 45:18; 1 Korintin 15:45) Iktar tard, meta Alla ħalaq lil Eva bħala l-​mara għal Adam, il-​għan t’Alla għalihom kien li huma jimlew l-​art u jibdluha f’ġenna bħala d-​dar eterna tal-​bnedmin.—Ġenesi 1:26-31; Salm 37:29.

8. (a) L-​eżistenza taʼ Adam fuq xiex kienet tiddependi? (b) Li kieku Adam ma dinibx, fejn kien se jibqaʼ jgħix?

8 Il-​Bibbja mkien ma tgħid li parti minn Adam kienet immortali. Għall-​kuntrarju, l-​eżistenza tiegħu kienet taħt kundizzjoni, ibbażata fuq ubbidjenza lejn il-​liġi t’Alla. Jekk jikser dik il-​liġi, imbagħad x’jiġri? Ħajja eterna fil-​qasam tal-​ispirti? Xejn affattu. Minflok, hu kellu ‘żgur li jmut.’ (Genesi 2:17) Hu kellu jmur lura minn fejn ġie: “Trab int u lejn it-​trab se terġaʼ lura.” (Ġenesi 2:7; 3:19) Adam ma kellu ebda eżistenza qabel ma ġie maħluq, u ma kien se jkollu ebda eżistenza wara li jmut. Mela kellu biss żewġ għażliet: (1) ubbidjenza u ħajja jew (2) diżubbidjenza u mewt. Li kieku Adam ma dinibx, hu kien jibqaʼ jgħix fuq l-​art għal dejjem. Hu ma kien imur qatt fis-​sema.

9. Il-​Bibbja b’mod korrett xi ssejħilha lill-​mewt, u għala?

9 Adam ma obdiex, u miet. (Ġenesi 5:5) Il-​mewt kienet il-​kastig tiegħu. Ma kinetx daħla għal xi “avventura glorjuża” imma daħla għal nuqqas taʼ eżistenza. B’hekk il-​mewt mhix ħabib imma dak li ssejħilha l-​Bibbja, “għadu.” (1 Korintin 15:26) Li kieku Adam kellu ruħ immortali li kienet se tmur fis-​sema jekk kien jobdi, mela l-​mewt kienet se tkun barka. Imma mhux hekk kien. Kienet saħta. U bid-​dnub taʼ Adam, is-​saħta tal-​mewt infirxet fuq il-​bnedmin kollha għaliex kollha huma nislu.—Rumani 5:12.

10. Liema problema serja tqum jekk nemmnu li Adam kellu ruħ immortali?

10 Iktar minn hekk, li kieku Adam ġie maħluq b’ruħ immortali li kienet se tiġi tturmentata għal dejjem ġo infern tan-​nar jekk jidneb, għala ma ġiex avżat minn qabel dwar dan? Għala ntqallu biss li kien se jmut u jerġaʼ lura lejn it-​trab? Kemm kien ikun inġust li Adam jiġi kkundannat għal eternità taʼ tortura minħabba d-​diżubbidjenza, u madankollu ma jiġix avżat bil-​quddiem dwar dan! Madankollu, f’Alla “m’hemm ebda inġustizzja.” (Dewteronomju 32:4) Ma kienx hemm bżonn li Adam jiġi avżat minn qabel dwar infern tan-​nar għall-​erwieħ immortali tal-​ħżiena. Infern bħal dan ma kienx jeżisti, lanqas erwieħ immortali ma kienu jeżistu. (Ġeremija 19:5; 32:35) M’hemm ebda turment etern fit-​trab tal-​art.

L-​Użu mill-​Bibbja tal-​Kelma “Ruħ”

11. (a) Fil-​Bibbja l-​kelma Ingliża “soul” tiġi minn liema kelmiet bl-​Ebrajk u bil-​Grieg? (b) Il-​King James Version kif tittraduċi l-​kelmiet bl-​Ebrajk u bil-​Grieg għal “ruħ”?

11 Fl-​Iskrittura Ebrajka, il-​kelma Ingliża “soul” tiġi mill-​kelma Ebrajka neʹphesh, li tidher ’il fuq minn 750 darba. L-​ekwivalenti tagħha fl-​Iskrittura Griega hi psy·kheʹ, li tidher ’il fuq minn 100 darba. In-​New World Translation of the Holy Scriptures b’mod konsistenti tittraduċi dawn il-​kelmiet bħala “soul” (ruħ). Bibbji oħra jistgħu jużaw varjetà taʼ kliem. Xi ftit mill-​modi li l-​King James Version tittraduċi neʹphesh, huma: aptit, bhima, ġisem, nifs, ħlejqa, ġisem mejjet, xewqa, qalb, ħajja, raġel, moħħ, persuna, l-​individwu nnifsu, ruħ, ħaġa. U tittraduċi psy·kheʹ bħala: qalb, ħajja, moħħ, ruħ.

12. Il-​Bibbja kif tuża l-​kelmiet bl-​Ebrajk u bil-​Grieg għal “ruħ”?

12 Il-​Bibbja ssejjaħ il-​ħlejjaq tal-​baħar neʹphesh: “Kull ruħ ħajja li qiegħda fl-​ilmijiet.” (Levitiku 11:10) Il-​kelma tistaʼ tirreferi għal annimali tal-​art: “Ħalli l-​art tpoġġi ’l barra erwieħ ħajjin skond ix-​xorta tagħhom, annimali domestiċi, u annimali li jitħarrku u bhejjem selvaġġi.” (Ġenesi 1:24) Mijiet taʼ drabi neʹphesh tfisser nies. “L-​erwieħ kollha li ħarġu ’l barra min-​naħa taʼ fuq tal-​koxxa taʼ Ġakobb kienu sebgħin ruħ.” (Eżodu 1:5) Eżempju taʼ psy·kheʹ li tiġi wżata b’dan il-​mod hu 1 Pietru 3:20. Jitkellem dwar l-​arka taʼ Noè, “li fiha ftit nies, jiġifieri, tmint erwieħ, inġarru qawwijin u sħaħ minn ġol-​ilma.”

13. B’liema modi l-​Bibbja tuża l-​kelma “ruħ”?

13 Il-​Bibbja tuża l-​kelma “ruħ” f’ħafna modi oħra. Ġenesi 9:5 igħid: “Demmkom taʼ erwieħkom se nitlob lura.” Hawn ir-​ruħ jintqal li għandha d-​demm. Eżodu 12:16 igħid: “Dak biss li ruħ tinħtieġ biex tiekol, hekk waħdu jistaʼ jsir għalikom.” F’dan il-​każ ir-​ruħ jintqal li tiekol. Dewteronomju 24:7 jitkellem dwar raġel li “jaħtaf ruħ taʼ ħutu.” Ċertament ma kinetx ruħ immortali li nħatfet. Salm 119:28 igħid: “Ruħi kienet bla rqad bin-​niket.” B’hekk ir-​ruħ tistaʼ saħansitra titlef l-​irqad. Il-​Bibbja turi wkoll li r-​ruħ hija mortali. Hija tmut. “Dik ir-​ruħ trid tinqataʼ minn niesu.” (Levitiku 7:20) “Ma jistax jiġi lejn xi ruħ mejta.” (Numri 6:6) “Erwieħna għandhom imutu.” (Ġożwè 2:14) “Kull ruħ li ma tismax minn dak il-​Profeta se tkun meqruda għalkollox.” (Atti 3:23) “Kull ruħ ħajja mietet.”−Rivelazzjoni 16:3.

14. Il-​Bibbja b’mod ċar x’turi li hi r-​ruħ?

14 B’mod ċar, l-​użu mill-​Bibbja taʼ neʹphesh u psy·kheʹ juri li r-​ruħ hija persuna jew, fil-​każ tal-​annimali, il-​ħlejqa. Mhix xi parti immortali tal-​individwu. Tabilħaqq, neʹphesh hija saħansitra wżata għal Alla nnifsu: “Lil kulmin iħobb il-​vjolenza ruħU żgur li tobgħod.”−Salm 11:5.

Ħafna Studjużi Jaqblu

15. Diversi xogħlijiet taʼ studjużi kif jesprimu lilhom infushom dwar it-​tagħlim tar-​ruħ immortali?

15 Ħafna studjużi jaqblu li l-​Bibbja ma titkellimx dwar ruħ immortali. The Concise Jewish Encyclopedia tgħid: “Il-​Bibbja ma tistqarrx duttrina tal-​immortalità tar-​ruħ, u din lanqas ma toħroġ ċar fil-​letteratura rabbinika bikrija.” The Jewish Encyclopedia tgħid: “It-​twemmin li r-​ruħ tissokta l-​eżistenza tagħha wara t-​tmiem tal-​ġisem hija kwistjoni taʼ spekulazzjoni filosofika jew teoloġika minflok taʼ sempliċi fidi, u fi qbil maʼ dan imkien ma tiġi mgħallma speċifikament fl-​Iskrittura Mqaddsa.” The Interpreter’s Dictionary of the Bible jinnota: “In-​nephesh . . . ma tibqax teżisti indipendentement mill-​ġisem, imma tmut miegħu . . . . L-​ebda test bibliku ma jawtorizza l-​istqarrija li r-​‘ruħ’ tiġi sseparata mill-​ġisem fil-​mument tal-​mewt.”

16. Xi awtoritajiet kif jesprimu lilhom infushom dwar ir-​ruħ?

16 Ukoll, I-Expository Dictionary of Bible Words igħid: “‘Ruħ’ fit-​T[estment il-​] Q[adim], mela, ma tindikax xi parti immaterjali tal-​ħlejjaq umani li tibqaʼ wara l-​mewt. [Neʹphesh] essenzjalment tfisser ħajja bħalma jħossuha b’mod uniku ħlejjaq persunali. . . . It-​tifsir bażiku taʼ [psy·kheʹ] huwa stabbilit mill-​pariġġ tagħha tat-​T[estment il-​]Q[adim], minflok mit-​tifsir tagħha fil-​kultura Griega.” U The Eerdmans Bible Diċtionary jistqarr li fil-​Bibbja, il-​kelma ruħ “ma tirreferix għal parti minn ħlejqa umana, imma minflok għall-​persuna kollha kemm hi. . . . F’dan is-​sens ħlejjaq umani m’għandhomx erwieħ—huma erwieħ.”−Korsiv tagħna.

17. Żewġ sorsi Kattoliċi x’jirrikonoxxu dwar “ruħ”?

17 Saħansitra n-​New Catholic Encyclopedia tirrikkonoxxi: “Il-​kliem Bibliku għal ruħ normalment ifisser persuna totali.” Hija żżid: “M’hemm l-​ebda dikotomija [diviżjoni] taʼ ġisem u ruħ fit-​T[estment il-​] Q[adim]. . . . It-​termini [neʹphesh], għalkemm tradotta bil-​kelma tagħna ruħ, qatt ma tfisser ruħ bħala distinta mill-​ġisem jew mill-​persuna individwali. . . . It-​termini [psy·kheʹ] hija l-​kelma tat-​T[estment il-​]G[did] li tikkorrispondi maʼ [neʹphesh]. . . . L-​ideja li r-​ruħ tibqaʼ ħajja wara l-​mewt ma tidhirx faċilment fil-​Bibbja.” U Georges Auzou, Professur Kattoliku Franċiż tal-​Iskrittura Mqaddsa, jikteb fil-​ktieb tiegħu La Parole de Dieu (Il-Kelma t’Alla): “Il-​kunċett taʼ ‘ruħ,’ bħala li tfisser realtà purament spiritwali u immaterjali, separata mill-​‘ġisem,’ . . . ma jeżistix fil-​Bibbja.”

18. (a) Waħda enċiklopedija kif tikkummenta dwar l-​użu mill-​Bibbja tal-​kelma “ruħ”? (b) It-​teoloġi minn fejn ġabu l-​ideja taʼ xi ħaġa li tibqaʼ ħajja wara l-​mewt tal-​ġisem?

18 B’hekk, The Encyclopedia Americana tosserva: “Il-​kunċett tat-​Testment il-​Qadim dwar il-​bniedem hu dak taʼ unità, mhux taʼ għaqda taʼ ruħ u ġisem. Għal-​kemm il-​kelma Ebrajka [neʹphesh] hi taʼ spiss tradotta bħala ‘ruħ,’ ma jkunx preċiż li taqra fiha tifsir Grieg. . . . [Neʹphesh] qatt ma tagħti l-​ideja bħala li topera b’mod separat mill-​ġisem. Fit-​testment il-​Gdid il-​kelma Griega [psy·kheʹ] hi taʼ spiss tradotta bħala ‘ruħ’ imma għal darb’oħra m’għandniex nifhmuha faċilment li għandha t-​tifsir li kellha l-​kelma għall-​filosfi Griegi. . . . Il-​Bibbja ma tipprovdix deskrizzjoni ċara taʼ kif persuna tibqaʼ ħajja wara l-​mewt.” Hija żżid: “It-​teoloġi kellhom jirrikorru għad-​diskussjonijiet taʼ filosfi għal mezz adattat biex jiddeskrivu kif l-​individwu jibqaʼ ħaj wara l-​mewt.”

Mhux il-​Bibbja Imma l-​Filosofija

19. Il-​filosofija Griega kif inhi konnessa mat-​twemmin tar-​ruħ immortali?

19 Huwa veru li t-​teoloġi adottaw l-​idejat taʼ filosfi pagani biex joħolqu d-​duttrina tar-​ruħ immortali. Il-​ktieb Franċiż Dictionnaire Encyclopédique de la Bible (Dizzjunarju Enċiklopediku tal-​Bibbja) igħid: “Il-​kunċett tal-​immortalità hu prodott tal-​ħsieb Grieg.” The Jewish Encyclopedia tafferma: “It-​twemmin fl-​immortalità tar-​ruħ ġie għand il-​Lhud minn kuntatt maʼ ħsieb Grieg u prinċipalment permezz tal-​filosofija taʼ Platone, l-​esponent ewlieni tagħha,” li għex fir-​rabaʼ seklu qabel Kristu. Platone kien jemmen: “Ir-​ruħ hija immortali u ma tispiċċax, u l-​erwieħ tagħna verament se jeżistu f’dinja oħra!”−The Dialogues of Plato.

20. Il-​filosofija pagana meta u kif infiltrat fil-​Kristjanità?

20 Din il-​filosofija pagana meta infiltrat fil-​Kristjanità? The New Encyclopoedia Britannica tgħid: “Minn nofs it-​tieni seklu A.D. il-​Kristjani li kellhom xi ftit taħriġ fil-​filosofija Griega bdew iħossu l-​bżonn li jesprimu l-​fidi tagħhom fit-​termini tagħha, kemm għas-​sodisfazzjon intellettwali tagħhom stess kif ukoll sabiex jikkonvertu pagani intellettwali. Il-​filosofija li l-​iktar għoġbithom kienet il-​Platoniżmu.” Mela, kif tgħid il-​Britannica, “il-​filosfi Kristjani bikrin adottaw il-​kunċett Grieg tal-​immortalità tar-​ruħ.” Saħansitra Papa Ġwanni Pawlu II irrikkonoxxa li d-​duttrina tar-​ruħ immortali tinkorpora “teoriji taʼ ċerti skejjel taʼ filosofija Griega.” Imma li taċċetta teoriji taʼ filosofija Griega kien ifisser li l-​Kristjaneżmu kien abbanduna l-​verità sempliċi espressa f’Ġenesi 2:7: “Ir-​raġel sar ruħ ħajja.”

21. Kemm imur lura t-​twemmin f’ruħ immortali?

21 It-​tagħlim tar-​ruħ immortali, madankollu, imur lura ħafna iżjed minn Platone. Fil-​ktieb The Religion of Babylonia and Assyria, minn Morris Jastrow, naqraw: “Il-​problema tal-​immortalità . . . ġibdet l-​attenzjoni serja tat-​teoloġi Babilonjani. . . . Il-​mewt kienet passaġġ għal xorta oħra taʼ ħajja.” Ukoll, il-​ktieb Egyptian Religion, minn Siegfried Morenz, jistqarr: “L-​Eġizzjani bikrin kienu jqisu l-​ħajja wara l-​mewt sempliċement bħala kontinwazzjoni taʼ ħajja fuq l-​art.” The Jewish Encyclopedia tinnota l-​konnessjoni maʼ dawn ir-​reliġjonijiet tal-​qedem u Platone meta tgħid li Platone ġie ggwidat lejn l-​ideja tar-​ruħ immortali “permezz tal-​misteri Orfiċi u Elewsinjani li fihom idejat Babilonjani u Eġizzjani kienu mħalltin b’mod stramb.”

22. Għala jistaʼ jingħad li ż-​żrieragħ tad-​duttrina tar-​ruħ immortali ġew verament miżrugħin fit-​tbexbix tal-​istorja umana?

22 B’hekk, l-​ideja tar-​ruħ immortali hija antika. Fil-​fatt, l-​egħruq tagħha jmorru lura lejn it-​tbexbix tal-​istorja umana! Wara li lil Adam intqallu li kien se jmut jekk ma jobdix lil Alla, ideja opposta ġiet esprimuta lil Eva mart Adam. Intqalilha: “Intom żgur ma tmutux.” Hawn inżergħu ż-​żrieragħ tad-​duttrina tar-​ruħ immortali. U minn dak iż-​żmien ’il hawn, kultura wara l-​oħra adottat l-​ideja pagana li ‘intom mhux verament se tmutu imma se tibqgħu tgħixu.’ Dan jinkludi lill-​Kristjaneżmu, li ħa lis-​segwaċi tiegħu fl-​apostasija f’oppożizzjoni għall-​għanijiet u r-​rieda t’Alla.—Ġenesi 3:l-5; Mattew 7:15-23; 13:36-43; Atti 20:29, 30; 2 Tessalonkin 2:3. 7.

23. Min żviluppa t-​tagħlim tar-​ruħ immortali, u għala?

23 Min kien li ġiegħel lill-​bnedmin jemmnu dik il-​gidba? Ġesù identifikah meta qal lill-​mexxejja reliġjużi taʼ żmienu: “Intom minn missierkom ix-​Xitan, u tixtiequ tagħmlu x-​xewqat taʼ missierkom. . . . Meta jgħid il-​gidba, hu jitkellem skond ix-​xeħta tiegħu, għaliex hu giddieb u missier il-​gidba.” (Ġwann 8:44) Iva, huwa Satana li żviluppa l-​ideja tar-​ruħ immortali biex idawwar lin-​nies ’il bogħod mill-​qima vera. Mela l-​korsa tal-​ħajja u t-​tama għall-​futur tal-​individwu jitpoġġew fil-​mogħdija l-​ħażina jekk hu jemmen duttrini li ħarġu minn l-​ewwel gidba li hi mniżżla fil-​Bibbja għalkemm f’dak iż-​żmien Eva bla dubju fehmet li s-​serpent ried ifisser sempliċement li hi ma kinetx se tmut affattu fil-​laħam.

24. X’mistoqsijiet jistgħu jsiru b’mod xieraq rigward il-​ħajja eterna u l-​immortalità?

24 Il-​Bibbja ma tgħallimx li l-​bnedmin għandhom ruħ immortali. Għala, mela, titkellem dwar it-​tama taʼ ħajja eterna? Barra minn dan, ma tgħidx il-​Bibbja, fl-​1 Korintin 15:53: “Dan li hu mortali jrid jilbes l-​immortalità“? U Ġesù ma marx fis-​sema wara l-​irxoxt tiegħu, u ma għallimx li oħrajn ukoll setgħu jmorru fis-​sema? Dawn u mistoqsijiet oħra se jiġu eżaminati fl-​artiklu tagħna li jmiss.

Mistoqsijiet għal Reviżjoni

◻ Il-​biċċa l-​kbira tar-​reliġjonijiet x’jemmnu dwar ir-​ruħ?

Il-Bibbja kif turi li l-​bniedem ma ġiex maħluq b’ruħ immortali?

◻ X’inhu ċar mill-​użu mill-​Bibbja tal-​kelmiet bl-​Ebrajk u bil-​Grieg għal “ruħ”?

◻ Ħafna studjużi x’igħidu dwar il-​ħarsa tal-​Bibbja dwar ir-​ruħ?

◻ Kemm tmur lura fl-​istorja d-​duttrina tar-​ruħ immortali?

[Stampa f’paġna 8]

Dawn huma kollha erwieħ

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja